15.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 759/2014

tal-10 ta' Lulju 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-perjodu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti tat-tariffa li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Magna mhux awtopropulsiva-(hekk imsejħa “magna li tiknes il-bajjiet”) għat-tindif tal-bajjiet bir-ramel b'daqs ta' madwar 4 × 2,3 × 2,3 m.

Il-magna tintuża għat-tgħarbil u t-tindif tal-impuritajiet tar-ramel, bħal ħġieġ, plastik, siringi, il-fdalijiet tas-sigaretti, tibniet, bottijiet, ġebel, ħaxix tal-baħar, l-alka, biċċiet żgħar tal-injam.

Il-magna ġġib livell il-wiċċ tar-ramel permezz ta' platt diflettur tal-mouldboard. Ir-ramel imbagħad jitgħarbel minn mijiet ta' sinniet bil-molla tal-azzar li ma jissaddadx. Fl-aħħar nett, l-impuritajiet jiġu separati mir-ramel u jinġarru fuq conveyor għal ġo delu.

8479 10 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 8479 u 8479 10 00 .

Minħabba li l-magna tissepara jew tgħarbel biss l-iskart minn mar-ramel u mhux ir-ramel innifsu, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8474 bħala makkinarju għall-għażla jew is-separazzjoni ta' sustanzi minerali hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8474 , l-ewwel paragrafu, punt (I)).

Peress li l-magna hija użata għall-manutenzjoni (tindif) tal-bajjiet, hija meqjusa bħala makkinarju għal xogħlijiet pubbliċi, bini jew simili (ara wkoll l-HSEN għall-intestatura 8479 , grupp (II), grupp sekondarju (A), il-ħames paragrafu). Għalhekk il-magna għandha tiġi klassifikata taħt il-kodiċi 8479 10 00 bħala makkinarju għal xogħlijiet pubbliċi, bini jew simili.