|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6496 |
31.10.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (grad AD 15)
Ingaġġ ta’ Aġent Temporanju (Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra)
(COM/2024/10450)
(C/2024/6496)
Min aħna
Il-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hija ċentrali għall-kredibilità tal-proġett Ewropew.
Sa issa, l-OLAF, li huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, jinvestiga allegazzjonijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn b’konsegwenzi finanzjarji għall-Baġit Ewropew, u b’mod aktar ġenerali, jeżerċita l-kompetenzi operattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, jipprovdi assistenza lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u jipprepara l-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.
Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu indipendenza statutorja fit-twettiq tal-investigazzjonijiet. Il-poteri ta’ investigazzjoni indipendenti tal-OLAF jestendu għall-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi li għandhom relazzjoni mal-baġit tal-Unjoni Ewropea kemm fl-Istati Membri kif ukoll f’pajjiżi terzi.
Lil hinn mill-attivitajiet investigattivi li għalihom OLAF għandu indipendenza sħiħa, l-OLAF jaġixxi bħal Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni fit-tfassil u t-twettiq ta’ politiki fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, taħt id-direzzjoni politika tal-Kummissjoni.
L-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu hija ssorveljata minn Kumitat Superviżorju magħmul minn ħames membri indipendenti li huma esterni mill-Kummissjoni.
Il-qafas ġuridiku li jistabbilixxi l-objettivi u l-kompiti tal-OLAF, kif ukoll il-funzjonament tiegħu jista’ jinsab fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 (1).
X’qegħdin nipproponu
Il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex li tqabbad lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) bħala Aġent Temporanju għal perjodu ta’ seba’ snin li ma jiġġeddidx, f’konformità mat-termini tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020.
Id-Direttur Ġenerali huwa responsabbli, b’indipendenza sħiħa, għall-attività investigattiva tal-OLAF.
Id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri dwar is-sejbiet ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju, l-azzjoni meħuda u l-problemi li kien hemm, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni kkonċernati u tal-informanti, u, fejn ikun xieraq, il-liġi nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.
Id-Direttur Ġenerali għandu jżomm il-Kumitat ta’ Sorveljanza perjodikament informat dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju, l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu u l-azzjoni meħuda permezz ta’ segwitu għall-investigazzjonijet sabiex jippermetti lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu u jivvaluta l-prestazzjoni f’dan il-qasam.
Barra minn hekk, u taħt is-sorveljanza tal-Kummissarju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, id-Direttur Ġenerali jmexxi l-kontribut tal-OLAF għat-tfassil tal-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi. Id-Direttur Ġenerali huwa responsabbli wkoll mill-assistenza li jagħti l-OLAF lill-Istati Membri u jorganizza kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordina attivitajiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tat-tfassil u l-iżvilupp ta’ metodi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi.
Id-Direttur Ġenerali jmexxi l-OLAF skont id-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu u l-programm tal-ħidma operattiva annwali stabbiliti taħt l-awtorità tiegħu/tagħha.
Id-Direttur Ġenerali se jkun responsabbli għal Direttorat Ġenerali li jinkludi erba’ Direttorati u kważi 480 impjegat. Se jimmaniġġja baġit amministrattiv ta’ madwar EUR 67 miljun, kif ukoll baġit operazzjonali ta’ madwar EUR 180 miljun għall-perjodu 2021-2027 fil-kuntest tal-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi (UAFP). Se jħejji u jressaq abbozz tal-baġit preliminari indipendenti li għalih se jkun l-uffiċjal li jawtorizza.
X’qegħdin infittxu (il-kriterji tas-selezzjoni)
Il-kandidati għandu:
Kwalitajiet personali:
|
— |
Ikollhom ġudizzju sod u kapaċità eċċellenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; |
|
— |
Ikollhom ħiliet interpersonali u ta’ negozjar eċċellenti, kif ukoll kapaċità eċċellenti li jikkomunikaw b’mod effettiv u effiċjenti mal-partijiet ikkonċernati kollha ġewwa jew barra l-Kummissjoni u li jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma fdati magħhom. |
Ħiliet speċjalizzati u esperjenza:
|
— |
Ikollhom esperjenza professjonali sinifikanti u rekord ippruvat f’attivitajiet investigattivi jew ta’ prevenzjoni tal-frodi; prova ta’ għarfien espert jew ta’ esperjenza f’pożizzjoni ġudizzjarja ta’ livell għoli jew pożizzjoni eżekuttiva ta’ investigażżjoni ta’ livell għoli jkun ta’ vantaġġ, filwaqt li esperjenza fil-livell internazzjonali se titqies bħala vantaġġ; |
|
— |
Ikollhom għarfien eċċellenti tal-kwistjonijiet prinċipali legali u prattiċi li jistgħu jinqalgħu fil-ġlieda kontra l-frodi u proċedimenti kriminali f’dan il-qasam; |
|
— |
Juru l-impenn tagħhom li jiddefendu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali applikabbli għall-qafas tal-investigazzjoni tal-OLAF; |
|
— |
Ikollhom għarfien eċċellenti tal-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni. |
Ħiliet ta’ ġestjoni:
|
— |
Juru esperjenza ta’ maniġment superjuri ppruvata u ħiliet ta’ tmexxija b’saħħithom, li għandhom il-kapaċità li jmexxu, jispiraw u jimmotivaw timijiet kbar ta’ professjonisti kompetenti ħafna li joperaw f’qasam speċjalizzat; |
|
— |
Ikollhom l-abbiltà li jaħdmu f’ambjent multikulturali kumpless u li jħeġġu u jiżviluppaw timijiet li jaħdmu sal-massimu tal-potenzjal tagħhom; |
|
— |
Ikollhom il-kapaċità ppruvata li jaħseb b’mod kreattiv u strateġiku sabiex joħloq viżjoni ċara u politika għall-kisba tal-objettivi tal-OLAF, filwaqt li jiżgura l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni; |
|
— |
Juru esperjenza ppruvata fl-ippjanar u l-ġestjoni effettivi tar-riżorsi umani, baġitarji u finanzjarji fil-livell maniġerjali superjuri. |
Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)
Il-kandidati jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tas-selezzjoni abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:
|
— |
Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. |
|
— |
Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati jrid ikollhom:
|
|
— |
Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postgradwatorja (2) f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. |
|
— |
Esperjenza maniġerjali: mill-inqas 5 snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli. (3) |
|
— |
Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Waqt l-intervista/i, il-bordijiet tas-selezzjoni ser jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista jew parti minnha ssir b’din il-lingwa l-oħra. |
|
— |
Età massima: il-kandidati jridu jkunu kapaċi jlestu l-mandat sħiħ ta’ seba’ snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar, li għal aġenti temporanji tal-Unjoni Ewropea, hija ddefinita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq il-66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u l-Art. 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal (5)), li tista’, b’mod eċċezzjonali, tiġi estiża sal-età ta’ 70 sena. |
Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.
Selezzjoni u ħatra
Is-selezzjoni se ssir skont il-proċeduri tas-selezzjoni u tar-reklutaġġ tal-Kummissjoni Ewropea (ara: Dokument dwar il-Politika għall-Uffiċjali f’Kariga Għolja (6)).
Bħala parti minn din il-proċedura tas-selezzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà abbażi tal-file tal-applikazzjoni (7) u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tas-selezzjoni msemmija hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.
Wara dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.
Il-kandidati li jissejħu għal intervista mas-CCA jipparteċipaw f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment ta’ jum sħiħ immexxi minn konsulenti ta’ reklutaġġ esterni. Abbażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jqis li jkunu xierqa biex jaqdu l-funzjoni.
Il-kandidati fil-lista qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru/i rilevanti tal-Kummissjoni.
Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta’ kandidati kwalifikati kif xieraq. Wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar il-proċedura ta’ għażla applikata mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, fi żmien xieraq, jaqblu dwar lista mqassra ta’ tliet kandidati mil-lista ta’ kandidati xierqa mfassla mill-Kummissjoni. L-applikanti jistgħu jintalbu jippreżentaw lilhom infushom quddiem kumitat(i) kompetenti fil-Parlament Ewropew u / jew quddiem il-Kunsill u jwieġbu mistoqsijiet li jistgħu jitressqu f’dawk l-okkażjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha taħtar id-Direttur Ġenerali mil-lista mqassra adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Il-kandidat magħżul irid ikun wettaq kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċi r-referenzi adegwati dwar il-karattru tiegħu meħtieġa sabiex tiġi aċċertata l-idoneità tiegħu għat-twettiq ta’ dmirijietu u jrid ikun fiżikament f’saħħtu biex iwettaq dmirijietu.
Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva li tiġi wara t-tlestija ta’ skrinjar tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità kompetenti tas-sigurtà nazzjonali tal-individwu skont il-liġijiet u r-regolamenti tas-sigurtà nazzjonali applikabbli, u li tiċċertifika li individwu jista’ jitħalla jaċċessa informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Ta’ min jinnota li l-proċedura neċessarja biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà tista’ tibda biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).
Sakemm l-approvazzjoni tas-sigurtà personali ma tkunx għadha ngħatat mill-Istat Membru kkonċernat u l-proċedura tal-approvazzjoni ma tkunx ġiet kompluta bl-informazzjoni meħtieġa legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat magħżul ma jkunx jista’ jaċċessa Informazzjoni Klassifikata tal-UE (EUCI, EU Classified Information) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tiġi diskussa tali EUCI.
Opportunitajiet indaqs
F’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni Ewropea għandha objettiv strateġiku li tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-maniġment u tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs li tinkoraġġixxi l-applikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku kumplessiv.
Kundizzjonijiet tal-impjieg
Is-salarji u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma stipulati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra.
Il-kandidat magħżul se jiġi ingaġġat bħala Aġent Temporanju tal-grad AD15 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għal mandat ta’ 7 snin li ma jiġġeddidx. Huma jiġu kklassifikati skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew l-iskala 2 f’dak il-grad.
L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit applikabbli għall-persunal il-ġdid kollu li jwettqu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ 9 xhur, skont il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti Oħra.
Il-post tal-impjieg huwa Brussell.
Huwa mistenni li l-applikant magħżul jibda’ l-obbligi tiegħu f’Awwissu tal-2025.
Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi
Il-kandidati magħżula jridu jressqu dikjarazzjoni, li fiha jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjaraw kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.
Informazzjoni importanti għall-kandidati
Infakkru lill-kandidati li x-xogħol tal-bordijiet tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom, u lanqas ma’ jista’ jagħmel hekk ħaddieħor f’isimhom. Kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bord rilevanti.
Protezzjoni ta’ data personali
Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ din id-data.
Proċedura ta’ applikazzjoni
Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-eliġibbiltà (“Il-kandidati jridu”). Nixtiequ nfakkruk li jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.
Jekk trid tapplika, trid tirreġistra bl-Internet fis-sit web li ġej u timxi mal-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura: https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/
Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, nitolbuk tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.
Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF, preferibbilment fil-format tas-CV tal-Europass (9), u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa fl-interess tiegħek li tiżgura li l-applikazzjoni tiegħek tkun akkurata, dettaljata u veritiera.
Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi email li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix email ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!
Ta’ min jinnota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.
L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta elettronika ma jiġux aċċettati. Jekk tkun teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat email lil:
HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu
Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, billi traffiku qawwi fuq l-Internet jew problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.
Data tal-għeluq
Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija d-29 ta’ Novembru 2024, 12.00 nofsinhar ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.
(1) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02013R0883-20210117
(2) L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala ħidma reali u ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-leave tal-maternità / leave tal-ġenituri / leave għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati jiġu assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta ma jkunux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 snin, dment li d-dottorat ikun ġie kkompletat b’eżitu pożittiv. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.
(3) Għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali, jenħtieġ li l-kandidati jindikaw b’mod ċar fil-curriculum vitae tagħhom: (1) it-titlu u r-rwol tal-karigi maniġerjali okkupati; (2) l-għadd ta’ persunal li kellhom taħthom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits li kellhom f’idejhom; (4) l-għadd ta’ saffi ġerarkiċi fuqhom u taħthom; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.
(4) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A01958R0001-20130701.
(5) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20140701
(6) https://commission.europa.eu/jobs-european-commission/job-opportunities/managers-european-commission_en#documents (test jeżisti bl-Ingliż biss)
(7) Il-kandidati jistgħu jintalbu jipprovdu dokumenti li jappoġġjaw id-dikjarazzjonijiet fl-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe mument tal-proċedura.
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(9) Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq l-Europass CV tiegħek online hawnhekk: https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6496/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)