|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3224 |
23.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3224
tad-29 ta’ Novembru 2024
dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-forniment ta’ ċerti servizzi postali u servizzi oħra għajr servizzi postali fis-Slovakkja
(notifikata bid-dokument C(2024) 8407)
(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti ta’ Xogħlijiet Pubbliċi,
Billi:
1. FATTI
1.1. It-talba
|
(1) |
Fl-14 ta’ Ġunju 2024, Slovenská pošta, a.s. (“l-applikant”) ressqet talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”). It-talba hija f’konformità mar-rekwiżiti formali stipulati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2) u fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(2) |
It-talba tikkonċerna ċerti servizzi postali kif ukoll ċerti servizzi għajr servizzi postali, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, li jiġu pprovduti mill-applikant fit-territorju tas-Slovakkja. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-talba kif ġej: Servizzi postali:
Servizzi oħra għajr servizzi postali:
|
|
(3) |
It-talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti fir-rigward tal-attività kkonċernata, li tanalizza bir-reqqa l-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-attività kkonċernata, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu. F’konformità mal-punt 1(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, meta jitqies li f’dan il-każ l-aċċess liberu għas-swieq huwa preżunt abbażi tal-Artikolu 34(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni trid tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar it-talba fi żmien 105 ijiem ta’ xogħol. |
|
(4) |
Wara talbiet mill-Kummissjoni fit-2 u t-8 ta’ Lulju 2024, kif ukoll fl-20, il-21, it-22 u t-28 ta’ Awwissu 2024, u fis-6, id-9 u l-10 ta’ Settembru 2024, l-applikant ippreżenta informazzjoni addizzjonali fit-3, il-11 u t-12 ta’ Lulju, fit-22, it-23 u s-s-27 ta’ Awwissu, u fl-1, il-11, it-12 u s-16 ta’ Settembru 2024. |
1.2. L-applikant
|
(5) |
L-applikant huwa fornitur ta’ servizzi postali fis-Slovakkja u entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25/UE. L-applikant huwa l-unika entità kontraenti fis-Slovakkja li tipprovdi servizzi postali u servizzi oħra għajr servizzi postali skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva 2014/25/UE (4). |
2. QAFAS LEGALI
|
(6) |
Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mas-servizzi postali msemmija fl-Artikolu 13(2), il-punt (b), ta’ dik id-Direttiva. |
|
(7) |
Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-forniment ta’ servizz tal-posta mhux indirizzata msemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (c)(ii), ta’ dik id-Direttiva u skont it-tifsira ta’ servizzi oħra għajr servizzi postali msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (b), ta’ dik id-Direttiva, bil-kundizzjoni li servizzi bħal dawn ikunu pprovduti minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2), il-punt (b), ta’ dik id-Direttiva u dment li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34(1) ta’ dik id-Direttiva ma jiġux issodisfati fir-rigward ta’ dawk is-servizzi. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika dik id-Direttiva ma jridux ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk l-Istat Membru jew l-entitajiet kontraenti rilevanti jkunu jistgħu juru li l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett fl-Istat Membru li titwettaq fih. |
|
(9) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jrid jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat (5). Madankollu, din il-valutazzjoni hija limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni toriġina minn sorsi diġà disponibbli jew mill-informazzjoni miksuba fil-kuntest tat-talba skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, u ma tistax tiġi ssupplimentata minn metodi li jieħdu aktar żmien, inkluż, b’mod partikolari, l-inkjesti pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati (6). Il-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni li tista’ titwettaq fil-kuntest tad-Direttiva 2014/25/UE hija konsegwentement mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni (7). |
|
(10) |
L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni li jiftħu settur partikolari jew parti minnu. Dawk l-atti legali huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. |
|
(11) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f’suq partikolari jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi ta’ diversi kriterji, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa deċiżiv minnu nnifsu. |
|
(12) |
Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk l-attivitajiet rilevanti humiex soġġetti għall-kompetizzjoni diretta fis-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, iridu jitqiesu kemm is-sehem mis-suq tal-atturi prinċipali kif ukoll l-għadd ta’ atturi tas-suq. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija li jintużaw biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk li jintużaw biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (8) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (9) |
|
(14) |
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal dan il-livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod kumplessiv tkun l-aktar waħda vantaġġuża mil-lat ekonomiku. |
3. VALUTAZZJONI
|
(15) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Ġunju 2024 u fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant u l-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku. Tista’ tiġi riveduta, jekk bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
3.1. Aċċess mhux ristrett għas-suq
|
(16) |
L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni li jiftħu settur partikolari jew parti minnu. Dawk l-atti legali huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li jinkludi, fir-rigward tas-servizzi postali, id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(17) |
Is-Slovakkja ttrasponiet (11) u qiegħda tapplika d-Direttiva 97/67/KE. Konsegwentement, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies mhux ristrett f’konformità mal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE. |
3.2. Valutazzjoni tal-kompetizzjoni
3.2.1. Definizzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti
Servizzi postali
|
(18) |
F’deċiżjonijiet preċedenti (12), il-Kummissjoni sostniet li s-suq għal servizzi ta’ konsenja tal-posta jista’ jinqasam f’servizzi ta’ konsenja express u f’servizzi ta’ konsenja standard (magħrufa wkoll bħala “differiti”). Dan it-tqassim iqis li s-servizzi express jieħdu anqas ħin u huma aktar affidabbli minn servizz standard, li kull wieħed minn dawn is-servizzi jirrikjedi infrastruttura differenti, u li s-servizzi express għandhom karatteristiċi tas-servizz addizzjonali ta’ valur miżjud, bħas-servizzi ta’ traċċar u rintraċċar, u ġeneralment ikunu jiswew ukoll aktar flus. |
|
(19) |
L-applikant huwa tal fehma li ma jeħtieġx li s-suq domestiku għas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti jinqasam f’express u standard. Skont l-applikant, fil-każ tas-suq domestiku fis-Slovakkja, is-servizzi kollha offruti huma simili ħafna (jiġifieri sostitwibbli) f’termini tal-kriterji speċifikati, inkluż iż-żmien fi tranżitu, il-prezz, u s-servizzi ta’ valur miżjud. Għalhekk, l-applikant iqis li s-suq rilevanti għall-fini ta’ din it-talba huwa s-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti (b’mod ġenerali) (13). |
|
(20) |
Filwaqt li dan l-approċċ mhuwiex f’konformità mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tqis, f’dan il-każ, li d-diversi strutturi tal-operaturi tas-servizzi postali fis-Slovakkja jipprovdu lok konsiderevoli għas-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista (14). L-operaturi kollha tas-servizzi postali jużaw l-istess network biex jittrasportaw kemm il-prodotti express kif ukoll dawk differiti. Preċiżament, l-oġġetti postali kollha jitqassmu mill-istess trakkijiet permezz tal-istess network (irrispettivament minn jekk dan ikunx ittra bil-posta, pakkett standard, pakkett express jew servizzi oħra pprovduti mill-operaturi) (15). F’dan ir-rigward, l-istadji ewlenin kollha tal-katina tal-konsenja tal-pakketti domestiċi bħall-ġbir, it-trasport bejn il-punti u ċ-ċentri tal-ġbir, l-issortjar, it-trasport tal-linja għall-merkanzija, it-trasport miċ-ċentri tal-issortjar għall-uffiċċji tal-aggregazzjoni u/jew postali, il-konsenja huma l-istess għas-servizzi express u standard (16). Barra minn hekk, l-operaturi tas-suq ewlenin joffru lill-klijenti tagħhom konsenja mhux garantita għat-tipi kollha ta’ pakketti fil-konsenja tal-ġurnata ta’ wara u l-maġġoranza tagħhom joffru konsenja garantita l-ġurnata ta’ wara, b’tariffa addizzjonali (17). Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, il-konsenja tal-ġurnata ta’ wara li mhijiex garantita hija l-ġurnata normali tal-konsenja u hija pperċepita bħala tali mill-klijenti (18). Għalhekk, jidher li s-servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti fis-suq domestiku Slovakk joffru veloċità tal-konsenja simili għal dik tas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti fl-istess suq domestiku. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li karatteristiċi tas-servizz addizzjonali ta’ valur miżjud, bħas-servizzi ta’ traċċar u rintraċċar, disponibbli għall-konsumaturi huma pjuttost l-istess għal servizzi ta’ konsenja standard u express tal-pakketti (19). Għalhekk, il-forniment ta’ servizzi ta’ valur miżjud ma jistax jitqies bħala fattur biex jiġi konkluż li s-swieq huma maqsuma f’dawk standard u f’dawk express fis-Slovakkja. Il-fatturi msemmija hawn fuq jindikaw suq uniku kumplessiv li jinkludi kemm is-servizzi express kif ukoll dawk standard. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma jeħtieġx issir distinzjoni bejn is-servizzi express u dawk standard. |
|
(21) |
F’ċerti każijiet jistgħu jiġu previsti definizzjonijiet tas-suq aktar speċifiċi (jiġifieri servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi mill-konsumatur għall-konsumatur/għan-negozju (C2X) u servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi min-negozju għall-konsumatur/għan-negozju (B2X)). Skont l-applikant, il-kumpaniji kollha, inkluż l-applikant, jużaw l-istess infrastruttura biex jipproċessaw il-pakketti u biex jipprovdu servizzi lill-konsumaturi (C2X) u servizzi lin-negozji (B2X), fil-każ tas-servizzi domestiċi fis-Slovakkja (20). Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, il-punti tal-ġbir, it-trasport tal-linja għall-merkanzija, iċ-ċentri tal-issortjar u l-uffiċċji postali jintużaw għall-pakketti kollha mingħajr divrenzjar fis-swieq stretti, għalhekk anke l-utenti kummerċjali jistgħu jużaw in-network postali biex jipproċessaw il-pakketti (21). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn C2X u B2X. |
|
(22) |
F’deċiżjonijiet preċedenti (22), il-Kummissjoni għamlet ukoll distinzjoni bejn is-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi u dawk internazzjonali. Il-Kummissjoni sostniet li s-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi huma pprovduti minn kumpaniji li joperaw networks ta’ distribuzzjoni nazzjonali, filwaqt li l-konsenja tal-pakketti internazzjonali tikkonsisti fil-ġbir ta’ pakketti li għandhom jiġu ttrasportati u kkonsenjati barra mill-pajjiż. Il-pożizzjoni tal-applikant hija f’konformità mal-prattika tal-Kummissjoni (23). F’dak li għandu x’jaqsam mas-suq internazzjonali, l-applikant jiddistingwi aktar bejn is-suq tas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali u s-suq tas-servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali (24). Din id-distinzjoni tirriżulta mill-fatt li ż-żmien tal-konsenja jvarja bejn iż-żmien tal-konsenja tal-pakketti express u standard internazzjonali (25). Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali, l-operaturi tas-suq tal-konsenja express tal-pakketti internazzjonali jipprovdu lill-klijenti tagħhom karatteristiċi addizzjonali ta’ valur miżjud bħat-traċċar u r-rintraċċar, garanzija taż-żmien tal-konsenja, assigurazzjoni tal-pakkett jew il-possibbiltà li jinbidlu l-post u l-ħin tal-konsenja (26). Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma tal-applikant. |
|
(23) |
F’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tas-servizzi ta’ kurrier, is-servizzi ta’ kurrier jikkonsistu fi vjeġġi li jaslu mill-ispeditur u li jiġu ttrasportati u kkonsenjati direttament lid-destinatarju taħt is-superviżjoni tal-istess persuna mingħajr l-ebda ġbir, issortjar jew ipproċessar simili tal-vjeġġi fis-suq domestiku (27). Minflok, il-kurriera jiġbru l-oġġetti u jikkonsenjawhom direttament lir-riċevitur fl-istess ġurnata (28). Fis-Slovakkja, is-servizzi ta’ kurrier jistgħu jiġu fornuti skont il-Liġi Postali jew inkella skont il-Kodiċi tal-Kummerċ (29), filwaqt li l-forniment ta’ servizzi ta’ kurrier skont il-Kodiċi tal-Kummerċ ma jirrikjedix il-kisba ta’ liċenzja postali (30). L-applikant jipprovdi s-servizz ta’ kurrier fis-suq domestiku f’konformità mal-Liġi Postali, l-hekk imsejjaħ Express courier 60 dwar il-konsenja ta’ pakketti fi żmien 60 minuta. Dan is-servizz jista’ jintuża biss f’ċerti żoni għall-konsenja ta’ fjuri, ittri, rigali jew oġġetti. Il-pakkett jingħata lill-kurrier fil-post tal-għażla tal-ispeditur u jiġi kkonsenjat fl-indirizz tar-riċevitur (31). Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dak is-servizz (eż. impenn ta’ konsenja fi żmien 60 minuta, organizzazzjoni differenti u xenarju kompetittiv aktar frammentat minħabba n-nuqqas tal-obbligu ta’ liċenzjar), il-Kummissjoni taqbel mal-fehma tal-applikant li s-servizzi ta’ kurrier lokali jikkostitwixxu suq tal-prodotti separat. Servizzi oħra għajr servizzi postali |
|
(24) |
Materjal ta’ reklamar mhux indirizzat huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ indirizz tad-destinazzjoni speċifiku li jidentifika d-destinatarju finali individwalment. Dan jissodisfa ċerti kriterji bħall-piż uniformi, il-format, il-kontenut u l-preżentazzjoni għad-distribuzzjoni lil grupp ta’ riċevituri. F’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni sostniet li s-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-posta jista’ jinqasam fi swieq tal-posta indirizzata u swieq tal-posta mhux indirizzata (32). L-applikant iqis li s-suq tal-prodotti rilevanti f’dan il-każ huwa s-suq tal-posta mhux indirizzata (33). Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant u filwaqt li titqies il-prattika eżistenti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq tal-prodotti rilevanti huwa s-suq tas-servizzi relatati mal-konsenja tal-posta mhux indirizzata domestika. |
3.2.2. Definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti
Servizzi postali
|
(25) |
Skont l-applikant, jenħtieġ li s-suq ġeografiku rilevanti għas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi jiġi definit bħala nazzjonali, li jinkludi t-territorju tar-Repubblika Slovakka (34). |
|
(26) |
Fil-prattika preċedenti tagħha (35), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-swieq għas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi u internazzjonali, u kwalunkwe segment tagħhom, irrispettivament mid-differenza bejn dawk domestiċi u dawk internazzjonali, għandhom kamp ta’ applikazzjoni nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-applikant hija f’konformità mal-prattika tal-Kummissjoni. |
|
(27) |
L-applikant jipprovdi servizzi ta’ konsenja tal-pakketti kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali fis-Slovakkja. |
|
(28) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, l-ambitu ġeografiku tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi u internazzjonali jista’ jitqies li jkopri t-territorju tas-Slovakkja. |
|
(29) |
Fir-rigward tas-servizzi ta’ kurrier, l-applikant iqis li jenħtieġ li s-suq ġeografiku rilevanti għas-servizzi ta’ kurrier jiġi definit bħala nazzjonali (36), peress li hemm organizzazzjoni separata tal-fornituri tas-servizzi f’kull pajjiż. Barra minn hekk, kull suq nazzjonali huwa distint f’termini ta’ kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kompetizzjoni, differenzi fil-prezzijiet tas-servizzi fost il-pajjiżi u l-lingwi li fihom il-fornituri tas-servizzi jifformulaw il-proposta tagħhom għall-klijenti (37). L-applikant jipprovdi s-servizzi fit-territorju nazzjonali tas-Slovakkja. Fid-dawl tal-prattika tal-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, l-ambitu ġeografiku tas-servizzi ta’ kurrier jista’ jitqies li jkopri t-territorju tas-Slovakkja. Servizzi oħra għajr servizzi postali |
|
(30) |
Skont il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, il-konsenja tal-posta mhux indirizzata ġeografikament hija fil-prinċipju nazzjonali, peress li n-networks ta’ konsenja huma organizzati fil-livell nazzjonali, il-prezzijiet jaf ivarjaw bejn Stat Membru u ieħor, u l-biċċa l-kbira tal-oġġetti postali mhux indirizzati huma materjal ta’ reklamar, fejn il-lingwa hija fattur importanti għall-udjenza fil-mira (= id-destinatarji) (38). Id-definizzjoni proposta tal-applikant hija f’konformità mal-prattika tal-Kummissjoni (39). Minħabba li ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jassumi kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew idjaq tas-suq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, is-suq ġeografiku għas-servizzi postali mhux indirizzata għandu kamp ta’ applikazzjoni nazzjonali. |
3.2.3. Analiżi tas-suq
3.2.3.1.
|
(31) |
Skont l-applikant, hemm 25 fornitur tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti postali attivi fis-Slovakkja (40). Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, hemm ħames fornituri tas-servizzi postali li għandhom aktar minn sehem ta’ 10 % kull wieħed fis-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi. Skont l-informazzjoni disponibbli, is-sehem mis-suq tal-applikant f’dan is-segment tas-suq kien ta’ [20-25] % fl-2020, [15-20] % fl-2021 u [15-20] % fl-2022 f’termini ta’ valur (41). Skont id-data ppreżentata mill-applikant, huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-applikant ikompli jonqos għal [10-15] % fl-2023 (42). |
|
(32) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri tal-applikant huma kumparabbli ma’ dawk tal-applikant. L-ishma mis-suq tal-akbar kompetituri f’termini ta’ valur għall-perjodu bejn l-2020 u l-2022 huma kif ġej: għas-sena 2020, SPS [20-25] %, DPD [15-20] %, DHL [15-20] %, GLS [10-15] % u Packeta [5-10] %; għas-sena 2021, SPS [20-25] %, DHL [15-20] %, GLS [15-20] %, DPD [10-15] % u Packeta [10-15] %; għas-sena 2022, SPS [20-25] %, Packeta [15-20] %, GLS [15-20] %, DHL [10-15] % u DPD [10-15] % (43). Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant huma kif ġej: Packeta [20-25] %, SPS [15-20] %, GLS [15-20] %, DHL [10-15] % u DPD [5-10] % (44). |
|
(33) |
F’termini ta’ volum, is-sehem mis-suq tal-applikant f’dan is-segment tas-suq kien ta’ [25-30] % fl-2020, [25-30] % fl-2021 u [20-25] % fl-2022 (45). Fir-rigward tal-ishma mis-suq tal-kompetituri, it-tieni operatur kellu [20-25] % fl-2020, [20-25] % fl-2021 u [20-25] % fl-2022. It-tielet operatur kellu [20-25] % fl-2020, [20-25] % fl-2021 u [15-20] % fl-2022. Ir-raba’ operatur kellu [15-20] % fl-2020, [15-20] % fl-2021 u [15-20] % fl-2022 (46). L-ishma mis-suq tal-kompetituri huma għalhekk kumparabbli ma’ dawk tal-applikant. |
|
(34) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, hemm ftit ostakli għad-dħul fis-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi. L-uniku rekwiżit formali għad-dħul fis-suq huwa r-reġistrazzjoni minn qabel fir-reġistru tal-operaturi postali (47). Ir-reġistrazzjoni ta’ ™ INTERNATIONAL s. r. o. u ta’ Nova Post SK s.r.o. fl-2023 tkompli tikkonferma li ma hemm l-ebda ostaklu (jew tal-inqas l-ebda ostaklu sinifikanti) għad-dħul (48). |
|
(35) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti fil-premessi 31, 32, 33 u 34, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi fis-Slovakkja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għal kuntratti għat-twettiq tal-attività relatata mas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi fis-Slovakkja. |
3.2.3.2.
|
(36) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, hemm ħames fornituri tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti postali fis-suq tas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali (49). Barra minn hekk, skont l-applikant, hemm ostakli baxxi għad-dħul fis-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali (50). L-uniku rekwiżit formali għad-dħul fis-suq huwa r-reġistrazzjoni minn qabel fir-reġistru tal-operaturi postali (51). Ir-reġistrazzjoni tal-operaturi postali, bħal Fusion trans s.r.o. fl-2019 u ™ INTERNATIONAL s.r.o. u Nova Post SK s.r.o. fl-2023 tkompli tikkonferma li ma hemm l-ebda ostaklu (jew tal-inqas l-ebda ostaklu sinifikanti) għad-dħul fis-suq (52). |
|
(37) |
Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant (53), is-sehem mis-suq tal-applikant, f’termini ta’ valur, f’dan is-segment tas-suq kien ta’ [20-25] % fl-2022 u ta’ [25-30] % fl-2023. |
|
(38) |
L-ishma mis-suq tal-akbar kompetituri, f’termini ta’ valur, għas-sena 2022 kienu kif ġej: UPS Slovakia [45-50] %, 123kurier [25-30] %, Mediaprint - Kapa Pressegrosso, a.s. [0-5] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq huma kif ġej: UPS Slovakia [40-45] %, 123kurier [25-30] %, Mediaprint - Kapa Pressegrosso, a.s. [0-5] %. Is-sehem mis-suq tal-applikant huwa kumparabbli mas-sehem tas-suq ta’ 123kurier filwaqt li huwa aktar baxx mis-sehem mis-suq ta’ UPS Slovakia. F’termini ta’ volum, l-ishma mis-suq tal-applikant u tal-kompetituri ewlenin tiegħu, essenzjalment ikunu jikkorrispondu għal dawk indikati f’termini ta’ valur (54). |
|
(39) |
Huwa mistenni li d-dħul ta’ Nova Post SK s.r.o. fis-suq fl-2023 se jkompli jżid il-kompetizzjoni f’dan is-segment tas-suq (55). |
|
(40) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti fil-premessi 36, 37, 38 u 39, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali fis-Slovakkja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għal kuntratti għat-twettiq tal-attività msemmija hawn fuq. |
3.2.3.3.
|
(41) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, hemm 10 fornituri tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti postali fis-suq tas-servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali (56). Barra minn hekk, ma tantx hemm ostakli għad-dħul fis-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali. L-uniku rekwiżit formali għad-dħul fis-suq huwa r-reġistrazzjoni minn qabel fir-reġistru tal-operaturi postali (57). |
|
(42) |
Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, is-sehem mis-suq tal-applikant f’dan is-segment tas-suq kien ta’ [0-5] % fl-2020, ta’ [0-5] % fl-2021 u ta’ [0-5] % fl-2022 kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum (58). Skont id-data tal-applikant, huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-applikant jonqos għal [0-5] % fl-2023 (59). |
|
(43) |
Kważi 90 % tas-suq tal-pakketti express internazzjonali fis-Slovakkja huwa kopert minn erba’ operaturi postali b’ishma mis-suq ogħla minn 10 % kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum. L-applikant mhuwiex fost l-akbar fornituri ta’ servizzi postali f’dan is-suq (60). Għalhekk, fid-dawl tas-sehem mis-suq tal-applikant, dawn il-kompetituri jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-applikant. Barra minn hekk, irid jiġi nnutat li dawn il-kompetituri, għall-kuntrarju tal-applikant, mhumiex soġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, li jagħtihom vantaġġ kompetittiv addizzjonali fuq l-applikant. |
|
(44) |
Huwa mistenni wkoll li d-dħul ta’ Nova Post SK s.r.o. fis-suq fl-2023 ikompli jżid il-kompetizzjoni f’dan is-segment tas-suq (61). |
|
(45) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-fatturi deskritti fil-premessi 41, 42, 43 u 44 jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni tal-applikant li huwa kopert mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għal kuntratti għat-twettiq tal-attività msemmija hawn fuq. |
3.2.3.4.
|
(46) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, hemm bosta operaturi postali li joperaw fis-Slovakkja, li kull wieħed minnhom għandu n-network proprju tiegħu (62). |
|
(47) |
L-attività fis-suq tas-servizzi ta’ kurrier rilevanti tista’ titwettaq mingħajr ma wieħed jidħol fir-reġistru tal-operaturi postali (63). F’dan ir-rigward, ma hemmx bżonn li tingħata prova tal-kompetenza professjonali għall-eżekuzzjoni ta’ din l-attività. Għalhekk, ma hemm l-ebda rekwiżit formali li jillimita d-dħul fis-suq rilevanti tas-servizzi ta’ kurrier (64). |
|
(48) |
L-applikant għandu sehem żgħir ħafna minn dan is-suq. Preċiżament, l-applikant kellu sehem mis-suq ta’ [0-5] % fl-2020, ta’ [0-5] % fl-2021 u ta’ [0-5] % fl-2022 kemm f’termini ta’ valur (65) kif ukoll ta’ volum (66). Skont l-applikant, huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-applikant jibqa’ ta’ 0,02 % fl-2023. |
|
(49) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant f’termini ta’ valur (67) u ta’ volum (68) għall-perjodu bejn l-2020 u l-2022 huma kif ġej: għas-sena 2020, KOLOS [55-60] %, DER KURIER Slovakia spol. [20-25] %, GO4 [15-20] % u DHL Express (Slovakkja), spol. [0-5] %; għas-sena 2021, KOLOS [50-55] %, DER KURIER Slovakia spol. [25-30] %, GO4 [15-20] % u DHL Express (Slovakkja), spol. [0-5] %; għas-sena 2022, KOLOS [40-45] %, DER KURIER Slovakia spol. [30-35] %, GO4 [20-25] % u DHL Express (Slovakkja), spol. [0-5] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant huma kif ġej: KOLOS [35-40] %, DER KURIER Slovakia spol. [35-40] %, GO4 [20-25] % u DHL Express (Slovakkja), spol. [0-5] %. |
|
(50) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti fil-premessi 46, 47, 48 u 49, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment ta’ servizzi ta’ kurrier domestiċi fis-Slovakkja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq tal-attività msemmija hawn fuq. |
3.2.3.5.
|
(51) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, l-attività fis-suq rilevanti tas-servizzi ta’ konsenja tal-posta mhux indirizzata tista’ titwettaq mingħajr ma wieħed jidħol fir-reġistru tal-operaturi postali. Ma hemm l-ebda rekwiżit formali li jillimita d-dħul fis-suq rilevanti tas-servizzi ta’ konsenja tal-posta mhux indirizzata (69). |
|
(52) |
L-applikant għandu sehem relattivament żgħir minn dan is-suq. Preċiżament, l-applikant kellu sehem mis-suq ta’ [0-5] % fl-2020, [0-5] % fl-2021 u ta’ [0-5] % fl-2022 f’termini ta’ valur. Skont l-applikant, huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-applikant ikun qrib [0-5] % fl-2023 (70). F’termini ta’ volum, l-applikant kellu sehem mis-suq ta’ [5-10] % fl-2020, ta’ [5-10] % fl-2021 u ta’ [5-10] % fl-2022 (71). Huwa mistenni li s-sehem mis-suq tal-applikant jiżdied kemxejn għal [5-10] % fl-2023 (72). |
|
(53) |
Hemm aktar minn 10 fornituri tas-servizzi li joperaw f’dan is-suq li, flimkien, għandhom aktar minn 90 % tas-suq (73). Barra minn hekk, irid jiġi nnutat li dawn il-kompetituri, għall-kuntrarju tal-applikant, mhumiex soġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, li jagħtihom vantaġġ kompetittiv addizzjonali fuq l-applikant. |
|
(54) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-fatturi deskritti fil-premessi 51, 52 u 53 jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni tal-applikant li huwa kopert mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq tal-attività msemmija hawn fuq. |
4. KONKLUŻJONI
|
(55) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi 6 sa 54, jenħtieġ li l-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE titqies li ġiet issodisfata fis-Slovakkja, fir-rigward tal-attività relatata mas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi, mas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali, mas-servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali, mas-servizzi ta’ kurrier domestiċi, u mas-servizzi ta’ konsenja tal-posta mhux indirizzata domestiċi. |
|
(56) |
Peress li l-kundizzjoni ta’ aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li ġiet issodisfata, id-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li ma tapplikax meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu li l-attivitajiet imsemmija fil-premessa 55 ta’ din id-Deċiżjoni jitwettqu fis-Slovakkja, u lanqas meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet tad-disinn għat-twettiq ta’ din l-attività f’dik iż-żona ġeografika, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti u li huma maħsuba biex jippermettu li l-attivitajiet li ġejjin jitwettqu fis-Slovakkja:
|
— |
Servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi |
|
— |
Servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali |
|
— |
Servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali |
|
— |
Servizzi ta’ kurrier domestiċi |
|
— |
Servizzi ta’ konsenja tal-posta mhux indirizzata domestiċi |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).
(3) It-talba, il-paġna 3.
(4) It-talba, il-paġna 4.
(5) Id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.
(6) Ibid.
(7) Ibid.
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(9) Is-Sentenza tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, T-463/14, ECLI:EU:T:2016:243, il-punt 28. Ara wkoll id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.
(10) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).
(11) Id-Direttiva hija trasposta bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Slovakka mil-Liġi Postali Nru 324/2011 dwar is-servizzi postali u dwar l-emendi u s-supplimenti għal ċerti atti tat-23 ta’ Novembru 2019.
(12) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1228 tas-7 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti ta’ kuntratti għall-attività relatata ma’ servizzi ta’ konsenja express ta’ pakketti fil-Litwanja (ĠU L 160, 26.6.2023, p. 33), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/737 tas-27 ta’ Mejju 2020 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-għoti ta’ ċerti servizzi postali fid-Danimarka (ĠU L 172, 3.6.2020, p. 23), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1204 tat-12 ta’ Lulju 2019 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal ċerti attivitajiet relatati mal-provvista ta’ ċerti servizzi postali u ta’ servizzi oħra għajr is-servizzi postali fil-Kroazja (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 75). Ara wkoll il-Każ COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21 ta’ April 2009, il-punt 54.
(13) It-talba, il-punt 8.
(14) Fil-Każ M.7630 FedEx/TNT Express, twettqet valutazzjoni dettaljata biex tikkonkludi dwar id-distinzjoni (jew in-nuqqas ta’ distinzjoni) bejn konsenja standard (differita) u konsenja express għas-servizzi internazzjonali, speċifikament għas-servizzi internazzjonali fiż-ŻEE minn naħa waħda u servizzi internazzjonali barra miż-ŻEE min-naħa l-oħra. Filwaqt li ma kien hemm l-ebda valutazzjoni dettaljata għas-servizzi domestiċi, il-qafas ta’ valutazzjoni jista’ japplika wkoll għas-servizzi domestiċi.
(15) It-talba, il-punt 14.
(16) Ara, f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant fit-3 ta’ Lulju 2024.
(17) It-talba, il-punt 17 u t-Tabella 2 bit-titolu “Tqabbil taż-żmien fi tranżitu bejn kumpaniji postali differenti” tat-talba.
(18) Informazzjoni addizzjonali ppreżentata fil-11 ta’ Settembru 2024.
(19) It-talba, ara t-Tabella 5 bit-titolu “Servizzi ta’ valur miżjud offruti mill-operaturi postali ewlenin fis-suq Slovakk” tat-talba fejn Slovenská pošta, a.s. tqabbel il-karatteristiċi differenti tas-servizz ta’valur miżjud li l-klijenti jirċievu meta jixtru pakketti standard minn Slovenská pošta, a.s. u servizzi express tal-pakketti minn operaturi tas-suq ewlenin.
(20) It-talba, il-punt 30.
(21) Informazzjoni addizzjonali ppreżentata fit-12 ta’ Lulju 2024, il-paġna 1.
(22) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1228, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/737, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1204. Ara wkoll il-Każ COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21 ta’ April 2009, il-punt 54.
(23) It-talba, il-punt 134.
(24) It-talba, il-punti 134 u 221.
(25) Għal Slovenská pošta, a.s., iż-żmien tal-konsenja għall-pakketti express internazzjonali huwa D+2, filwaqt li għall-pakketti standard internazzjonali, iż-żmien tal-konsenja jvarja bejn D+4 u D+7. Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant fis-16 ta’ Settembru 2024.
(26) It-talba, it-Tabella 25, Servizzi ta’ valur miżjud offruti mill-operaturi postali ewlenin fis-suq Slovakk.
(27) It-talba, il-punt 303.
(28) It-talba, il-punt 346.
(29) Il-Liġi Nru 513/1991.
(30) It-talba, il-punt 304.
(31) It-talba, il-punt 304.
(32) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1204. Ara wkoll il-Każ COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21 ta’ April 2009, il-punti 66 u 74.
(33) It-talba, il-punt 389.
(34) It-talba, il-punt 37.
(35) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1204. Ara wkoll il-Każ COMP/M.5152 — Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21 ta’ April 2009, il-punti 66 u 74.
(36) It-talba, il-punt 310.
(37) It-talba, il-punt 306.
(38) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1195 tal-4 ta’ Lulju 2016 li teżenta s-servizzi tal-kurriera u servizzi oħra għajr is-servizzi postali fil-Polonja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 197, 22.7.2016, p. 4).
(39) It-talba, il-punt 393.
(40) Fl-2012, 17-il operatur postali minn 26 ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-intrapriżi postali. Għal FIEGE s.r.o., il-liċenzja ġiet sospiża mill-1.7.2013. Disa’ operaturi postali oħra ġew irreġistrati fl-2014, ara t-talba, il-punti 42 u 43.
(41) It-talba, il-Figura 5 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi abbażi tal-valuri tad-dħul” tipprovdi data għall-2020–2022 abbażi ta’ rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku tal-operaturi postali u ta’ annessi tar-rapporti finanzjarji.
(42) It-talba, il-Figura 5. Is-sehem mis-suq għas-sena 2023 huwa bbażat fuq riżultati preliminari mhux awditjati ta’ Slovenská pošta, a.s.
(43) It-talba, il-Figura 5 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi abbażi tal-valuri tad-dħul”.
(44) It-talba, il-Figura 5 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi abbażi tal-valuri tad-dħul”. L-ishma mis-suq għas-sena 2023 huma bbażati fuq riżultati preliminari mhux awditjati ta’ Slovenská pošta, a.s. bl-użu tar-rata tat-tkabbir annwali medja tad-dħul għas-snin 2020–2022.
(45) It-talba, il-Figura 7 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi bbażata bejn l-2020 u l-2022 fuq il-volumi” tipprovdi data għall-perjodu 2020–2022 abbażi tar-rapporti tal-Awtorità Regolatorja Slovakka għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u s-Servizzi Postali (minn hawn ’il quddiem l-“ARN”). L-ARN tippubblika data anonima dwar is-sehem mis-suq ta’ operaturi postali individwali bejn l-2020 u l-2022, fejn l-ishma mis-suq huma indikati għal perċentwal ikkombinat ta’ pakketti express u standard. Is-sehem mis-suq ta’ Slovenska pošta, a.s. huwa kkalkulat abbażi ta’ kwestjonarju obbligatorju li l-operatur postali jibgħat lill-ARN kull sena, fejn jippreżenta volumi ta’ konsenja.
(46) It-talba, il-Figura 7 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti domestiċi bbażati bejn l-2020 u l-2022”. Ta’ min jinnota li l-ordni tal-operaturi individwali tista’ tvarja kull sena, li jfisser li l-operatur li jkun ikkwalifika t-tieni fl-2020 jista’ jkun operatur differenti fl-2022.
(47) L-Artikolu 19 tal-Liġi Postali Nru 324/2011 dwar is-servizzi postali u dwar l-emendi u s-supplimenti ta’ ċerti atti tat-23 ta’ Novembru 2019.
(48) It-talba, il-punt 108.
(49) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant fit-12 ta’ Settembru 2024.
(50) It-talba, il-punt 143.
(51) L-Artikolu 19 tal-Liġi Postali Nru 324/2011 dwar is-servizzi postali u dwar l-emendi u s-supplimenti ta’ ċerti atti tat-23 ta’ Novembru 2019.
(52) It-talba, il-punt 188.
(53) It-talba, il-Figura 14 bit-titolu “Struttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja standard tal-pakketti internazzjonali abbażi tal-valuri tad-dħul fis-snin 2020–2023”. L-istruttura stmata tas-suq għas-snin 2020–2022 hija bbażata fuq id-dħul tal-atturi ewlenin tas-suq attivi fis-Slovakkja, li għandhom il-liċenzja għall-forniment ta’ servizz universali, servizzi interkambjabbli jew servizzi oħra (jiġifieri Slovenská pošta, a.s., Mediaprint - Kapa Pressegrosso, a.s., 123Kurier and UPS Slovakia). Id-data hija bbażata fuq rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku u fuq l-annessi tar-rapporti finanzjarji. L-istruttura mbassra tas-suq abbażi tal-valuri tad-dħul fis-sena 2023 hija bbażata fuq riżultati preliminari mhux awditjati ta’ Slovenská pošta, a.s.; ir-riżultati tal-kompetituri ewlenin huma pproġettati bl-użu tar-rata tat-tkabbir annwali medja tad-dħul għas-snin 2020–2022. L-istima għal 123Kurier hija bbażata fuq ir-rata tat-tkabbir annwali medja tad-dħul fis-suq.
(54) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2024. L-applikant jipprovdi l-istimi tiegħu għall-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant, abbażi tal-volumi fis-swieq internazzjonali (standard u express). Għall-qsim tal-valur totali tal-volum tas-suq fost il-kompetituri ewlenin, l-applikant uża bħala indikatur l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant, li ġew ikkalkulati abbażi tad-dħul. F’dan ir-rigward, l-applikant qies il-volum totali tas-suq li ġie ppubblikat mill-ARN u estrapola l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tal-applikant abbażi tad-dħul.
(55) It-talba, il-punt 189.
(56) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2024.
(57) It-talba, il-punt 228.
(58) It-talba, il-Figura 22 bit-titolu “Struttura tas-suq tal-pakketti express internazzjonali abbażi tal-valuri tad-dħul” tipprovdi data għall-2020–2022 ibbażata fuq ir-rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku tal-operaturi postali u fuq l-annessi tar-rapporti finanzjarji.
(59) It-talba, il-Figura 22. Is-sehem mis-suq għas-sena 2023 huwa bbażat fuq riżultati preliminari mhux awditjati ta’ Slovenská pošta, a.s.
(60) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikant lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2024 dwar l-istruttura tas-suq tas-servizzi ta’ konsenja express tal-pakketti internazzjonali.
(61) It-talba, il-punt 189.
(62) It-talba, il-punt 369.
(63) It-talba, il-punt 313.
(64) It-talba, il-punt 313.
(65) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Awwissu 2024. L-applikant ippreżenta l-istimi tiegħu tas-suq, f’termini ta’ valur, abbażi tar-rapporti annwali tal-kumpaniji rilevanti. Id-dħul tal-kumpanija DHL fis-suq tas-servizzi ta’ kurrier ġie stmat abbażi tal-perċentwali tal-oġġetti ta’ servizzi ta’ kurrier fuq is-servizzi postali totali fis-suq domestiku u d-dħul tad-DHL fis-suq domestiku.
(66) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant fit-23 ta’ Awwissu 2024. L-istimi tal-ishma mis-suq, f’termini ta’ volum, kienu bbażati fuq il-volum totali tas-suq, kif ippubblikat mill-ARN. L-applikant estrapola s-sehem mis-suq ta’ kull operatur postali, li ġie kkalkulat abbażi tad-dħul.
(67) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant fit-23 ta’ Awwissu 2024.
(68) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant fit-23 ta’ Awwissu 2024.
(69) It-talba, il-punt 396.
(70) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant fis-27 ta’ Awwissu 2024. L-istimi tal-applikant huma bbażati fuq ir-rapporti annwali tal-kumpaniji magħżula. F’dan ir-rigward, l-applikant qies id-dħul minn attivitajiet li jistgħu jkunu relatati mal-konsenja tal-posta mhux indirizzata.
(71) It-talba, il-Figura 34 għandha t-titolu “Ishma ta’ Slovenská pošta, a.s. fis-suq domestiku tal-posta mhux indirizzata bejn l-2020 u l-2023 abbażi tal-volumi”. Din id-data hija bbażata fuq ir-rapport li Slovenská pošta, a.s. tipprovdi lill-ARN kull sena fi ħdan il-proċess standard ta’ ġbir tad-data għall-operaturi postali kollha attivi fis-suq postali tar-Repubblika Slovakka.
(72) It-talba, il-Figura 34. Is-sehem mis-suq għas-sena 2023 huwa bbażat fuq riżultati preliminari mhux awditjati ta’ Slovenská pošta, a.s.
(73) Ara f’dan ir-rigward, informazzjoni addizzjonali li ġiet ippreżentata mill-applikant fl-1 ta’ Settembru 2024.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3224/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)