IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 618 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Malta
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 618 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 618 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Malta
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 618 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji ta’ Malta
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Malta żieded kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Malta għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) [No 2024/1263] dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew inżamm fuq perkors plawżibbli ’l-isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju; Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fl- [21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jaraw li jkun hemm l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fit-13 ta' Lulju 2021, Malta ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta 9 , li ġiet emendata fl-14 ta’ Lulju 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Malta tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fil-15 ta’ April 2024, Malta ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Malta dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Malta 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress ta' Malta fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi releventi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħa kont tal-implimentazzjoni ta' Malta tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta’ Malta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Malta naqas minn defiċit ta’ 5,5% tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 4,9% fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż niżel minn 51,6% tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 50,4% fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 13 , il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta’ defiċi eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fl-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE 14 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta’ Malta, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċeda l-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni biħsiebha tipproponi li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv, billi tirrakkomanda lill-Kunsill jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, għal Malta.
(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li Malta tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali kumplessiva 16 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Malta ingħata rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Malta ingħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet restrittiva, b'0,6 % tal-PDG f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta' 1,6% tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi ż-żieda fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, ta’ anqas minn 0,1 % tal-PDG. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,9 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Malta ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Malta ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal pereżempju r-rinnovazzjoni ta' bini privat u pubbliku inkluż sptarijiet u skejjel, l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport u proġetti relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-settur privat, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: kif ukoll minn fondi oħra tal-UE.
(12)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’4,6 % fl-2024 u 4,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni HICP se tkun ta’ 2,8 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025.
(13)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż għandu jiżdied għal 52,0 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir limitat tal-konsum intermedju u l-kont tal-pagi kif ukoll it-tneħħija gradwali tal-ispejjeż relatati mar-ristrutturar tal-linja tal-ajru nazzjonali. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva, fil-livell ta’ 1,3% tal-PDG fl-2024.
(14)In-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt fuq defiċit u d-dejn tal-gvern estiż ta’ Malta.
(15)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li Malta tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 19 fl-2024 għal mhux aktar minn 5,9 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ta’ Malta hija pprojettata li tiżdied bi 5,5 % fl-2024, li hija taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b’0,8 % tal-PDG). Għalhekk, billi r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata, b’0,7 % tal-PDG. Għalhekk, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala li tinsab f’riskju li mhijiex kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.
(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Malta tieħu azzjoni biex tnaqqas b’mod gradwali l-miżuri urġenti ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża’ l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li Malta tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-ispiża baġitarja netta 20 tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija hija stmata fil-livell ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u pprojettata li tkun fil-livell ta’ 2,0% fl-2024 u 1,0% fl-2025. B’mod partikolari, it-tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija u s-sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija biex jikkumpensaw għaż-żieda fil-prezz tal-elettriku importat u l-emissjonijiet tal-karbonju huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u l-2025 21 . Fil-waqt li tirrikonoxxi l-isfidi li għandha quddiema Malta minħabbaid-dipendenza qawwija fuq l-importazzjoni tal-enerġija u l-esponiment għal xokkijiet esterni amplifikati mid-daqs żgħir tal-ekonomija, il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mhumiex ipprojettati li jitneħħew kemm jista' jkun malajr fl-2023 u l-2024. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Konsegwentement, ma hemm l-ebda ffrankar relatat li għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2024 (0,1 % fl-2023), li minnhom 0,2 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,1 % fl-2023).
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Malta tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jiżdied għal 2,8% tal-PDG fl-2024 minn 2,6% tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli fil-livell ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2024.
(18)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 3,9 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis mistenni fil-kost tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG għandu għax jiżdied għal 52,6% sa tmiem l-2025.
(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta’ Malta permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Malta tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(20)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, Malta hija obbligata li tagħmel rieżami ta’ kull programm sa Marzu 2025, billi tieħu f’kunsiderazzjoni fost affarijiet oħra l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dan ir-reżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Filwaqt li Malta għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad fadal xi sfidi. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli huma kruċjali biex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija, tissaħħaħ is-sostenibbiltà fis-settur tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq sorsi internazzjonali tal-enerġija. Hu importanti li jitkomplew l-investimenti f’soluzzjonijiet multimodali sostenibbli u l-mobbiltà attiva hija importanti biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. Għadhom meħtieġa sforzi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi. Barra minn hekk, il-prattiki tal-ekonomija ċirkolari, inkluż il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tar-riċiklaġġ, huma meħtieġa biex jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ. B’żieda ma’ dan, it-tagħlim għall-adulti jeħtieġ li jiġi promoss biex jiżdiedu l-livelli tal-ħiliet tal-popolazzjoni u jittaffa n-nuqqas ta’ ħaddiema. L-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli jeħtieġ li tkompli tiġi promossa, b’enfażi fuq ċittadini mhux tal-UE u persuni b’diżabilità, kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Malta tista’ tagħmel użu wkoll mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Strategic Technologies for Europe Platform, STEP) biex tappoġġa l-awtonomija strateġika tal-UE u l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija.
(21)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni, Malta qed tiffaċċa għadd ta' sfidi addizzjonali relatati mal-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-politika tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika.
(22)L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa jibqa' kruċjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa. Fid-dawl tal-effetti konsegwenzjali ta' strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa bejn l-Istati Membri, azzjoni koordinata biex tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE permezz ta' politiki nazzjonali mill-Istati Membri kollha hija ta' importanza kbira. Malta ħadet passi biex tindirizza prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa billi implimentat inizjattivi internazzjonali u Ewropej maqbula minn qabel, u kompliet timpenja ruħha biex tindirizza l-kwistjoni fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. Bħala parti mill-aġenda ta’ riforma tal-pjan, il-gvern Malti adotta liġi ġdida li tintroduċi regoli dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment, li saret applikabbli minn Jannar 2024. Hija għandha l-għan li tipprevjeni opportunitajiet għat-trasferiment tal-profitt korporattiv. Malta kkummissjonat ukoll studju indipendenti dwar il-pagamenti ħerġin u deħlin (jiġifieri bejn ir-residenti tal-UE u r-residenti mhux tal-UE), li għandu jiġi segwit mil-leġiżlazzjoni. Madankollu, sakemm Malta tibda tapplika taxxi minn ras il-għajn fuq il-pagamenti tal-imgħax, tad-dividendi u tar-royalties magħmula minn kumpaniji bbażati f'Malta lil ġuriżdizzjonijiet b’rata żero u b’rata baxxa ta’ taxxa (b’dan maħsuba li tfisser kwalunkwe ġuriżdizzjoni b’rata tat-taxxa korporattiva statutorja ta’ inqas minn 9 %, l-aktar rata tat-taxxa korporattiva statutorja baxxa fl-UE), jew miżuri difensivi ekwivalenti – biex jiġi żgurat li d-ditti ma jkunux jistgħu jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE mingħajr ma jkunu intaxxati - ir-riskji ta’ nontassazzjoni doppja ta’ dawn il-profitti jibqgħu għoljin. Barra minn hekk, it-trattament ta' kumpaniji residenti mhux domiċiljati għadu joħloq riskju ta' nontassazzjoni doppja kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-individwi. Il-kwistjoni ser tiġi indirizzata biss parzjalment permezz tal-konformità mad-Direttiva tal-UE dwar it-Taxxa Minima, li ser tapplika biss għall-korporazzjonijiet il-kbar ladarba tiġi implimentata minn Malta.
(23)In-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa kif ukoll l-ispariġġ fil-ħiliet huma ostaklu għat-tkabbir futur, il-kompetittività u t-tranżizzjoni doppja. Fi Q1-2024, in-nuqqas ta’ ħaddiema ġie indikat bħala fattur li jillimita l-produzzjoni f’Malta, fejn in-nuqqasijiet ġew irrappurtati li huma ta’ madwar id-doppju tal-medja tal-UE fis-servizzi u fl-industrija. Aktar minn tnejn minn kull tliet kumpaniji jirrapportaw postijiet vakanti li diffiċli jimtlew għal impjiegi li jeħtieġu ħiliet speċjalizzati fl-ICT. L-aħħar riżultati mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Programme for International Student Assessment, PISA) juru li Malta għandha wieħed mill-ogħla ishma ta’ kisbiet baxxi fl-UE, u dan joħloq sfida serja għall-iżvilupp tal-ħiliet aktar tard. Madwar wieħed minn kull tliet studenti ta’ 15-il sena tul id-distribuzzjoni soċjoekonomika kollha f’Malta għandu prestazzjoni baxxa fil-matematika, il-qari u x-xjenza. In-nuqqas ta’ għalliema ġie indirizzat parzjalment bl-ingaġġ ta’ għalliema sostituti, b’livell ta’ kwalifiki differenti jew aktar baxx minn dak meħtieġ minn għalliema kkwalifikati bis-sħiħ. It-tluq bikri mill-iskola qed jonqos iżda għadu ogħla mill-medja tal-UE, u jżid il-grupp diġà kbir ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet. Għalkemm il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod ġenerali (fl-aħħar 12-il xahar) hija konformi mal-medja tal-UE, il-parteċipazzjoni ta’ dawk b’livell baxx ta’ ħiliet fit-tagħlim hija baxxa. Bl-istess mod, għalkemm 63 % tal-adulti kellhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi fl-2023, id-differenzi fil-livelli tal-ħiliet huma sinifikanti. Is-sehem ta’ studenti rreġistrati fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livell sekondarju għoli (vocational education and training, VET) għadu baxx. It-tisħiħ tal-kwalità tal-edukazzjoni billi ssir enfasi fuq il-ħiliet bażiċi, l-indirizzar tan-nuqqas ta’ għalliema u l-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-istudenti, filwaqt li tingħata spinta lir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ Malta f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, huma kruċjali biex jitnaqqsu l-eżiti edukattivi baxxi u n-nuqqas serju ta’ ħiliet, u l-ispariġġ fihom.
(24)L-isfida kontinwa ta’ Malta hija li tikseb tkabbir ekonomiku ekoloġiku, filwaqt li tibbilanċja l-iżvilupp mas-sostenibbiltà ambjentali. It-tranżizzjoni ekoloġika tal-pajjiż hija miżmuma lura mir-rwol dominanti tal-fjuwils fossili fis-sistema tal-enerġija tiegħu. Is-sehem ta’ Malta ta’ enerġija derivata minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kien ta’ 13,4 % fl-2022, wieħed mill-aktar ishma baxxi fl-UE. Dan huwa ferm inqas mill-mira indikattiva ta’ Malta għall-2030 ta’ 28 % u mill-medja tal-UE ta’ 41 % fl-2022. Kważi l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata kollha hija solari fuq l-art, li qed tiżdied bil-mod (b’ 4 % fl-2023). Ir-riforma tal-RRF li għaddejja bħalissa, li toħloq obbligu li jkun hemm installazzjonijiet tal-enerġija solari fuq ċertu bini ġdid kif ukoll timponi perjodi iqsar fejn jidħlu l-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, jeħtieġ li żżid l-introduzzjoni tagħhom. Malta għandha potenzjal imdaqqas fejn tidħol il-kisba tal-enerġija solari u mir-riħ lil hinn mill-kosta fiż-żona ekonomika esklussiva tagħha. Madankollu, dan il-potenzjal għadu ma ntużax. Il-kapaċità ta’ Malta li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, filwaqt li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha, tiddependi wkoll fuq progress tajjeb fil-kostruzzjoni tat-tieni interkonnettur tal-elettriku mal-Italja u li tkompli ssaħħaħ il-grilja domestika tal-elettriku tagħha.
(25)It-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku kif ukoll tal-emissjonijiet għoljin mit-trasport bit-triq huwa prijorità ewlenija biex tiġi indirizzata l-isfida tas-sostenibbiltà. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu bi 23,3 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Il-karozzi tal-passiġġieri jammontaw għal 86 % tat-trasport tal-passiġġieri f’Malta, u dan qed jiżdied. Il-konġestjoni għadha l-isfida ewlenija li taffaċċja t-trasport f’Malta, li taffettwa wkoll il-kompetittività tal-gżejjer, u hija meħtieġa żieda sostanzjali fl-isforzi. Biex tippromwovi trasport kollettiv alternattiv ibbażat fuq il-baħar, Malta qed timplimenta network ta’ laneċ fi ħdan il-portijiet billi ttejjeb l-postijiet tal-iżbark tal-laneċ, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Barra minn hekk, Malta qed tippjana li tagħti spinta lill-mobbiltà urbana multimodali sostenibbli billi tiżviluppa 17,5 km ta’ infrastruttura tat-trasport urban nadif permezz ta’ finanzjament ta’ koeżjoni, inklużi mogħdijiet pedonali u korsiji għaċ-ċiklisti.
(26)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fil-każ ta’ Malta, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
1.Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 22 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit ġenerali tal-gvern lejn il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u ż-żamma tad-dejn ġenerali tal-gvern f’livell prudenti fuq terminu medju. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza sax-xitwa 2024/2025. Tindirizza r-riskji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa li jifdal, tintroduċi taxxa minn ras l-għajn fuq pagamenti ħerġin jew miżuri difensivi ekwivalenti, u temenda r-regoli dwar kumpaniji mhux domiċiljati.
2.Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami tagħha ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.
3.Issaħħaħ il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-eżiti edukattivi baxxi kif ukoll in-nuqqas serju tal-ħiliet, u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, b’mod partikolari billi jitrawmu l-ħiliet bażiċi tal-istudenti u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema.
4.Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ proġetti fuq skala kbira kif ukoll b’investimenti fuq skala żgħira fil-produzzjoni u l-konsum diretti tal-enerġija. Tiġi indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku permezz ta’ kwalità u effiċjenza mtejba tat-trasport pubbliku u jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ta’ “mobbiltà mhux motorizzata”.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President