Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li kien iffirmat fit-13 ta' diċembru 2007 - PROTOKOLLI - A. Protokolli li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u, skond il-każ, mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika - Protokoll dwar l-Artikolu 6(2) tat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għallKonvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali
Official Journal 306 , 17/12/2007 P. 0155 - 0156
Protokoll DWAR L-ARTIKOLU 6(2) TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA DWAR L-ADEŻJONI TA' L-UNJONI GĦALL-KONVENZJONI EWROPEA GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea: Artikolu 1 Il-ftehim dwar l-adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni Ewropea"), previst fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandu jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-Unjoni u tad-dritt ta' l-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta': a) l-arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni eventwali ta' l-Unjoni fil-korpi ta' kontroll tal-Konvenzjoni Ewropea; b) l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi assigurat li l-proċedimenti minn Stati mhux Membri u l-applikazzjonijiet individwali jkunu indirizzati b'mod korrett lill-Istati Membri u/jew l-Unjoni skond il-każ. Artikolu 2 Il-ftehim previst fl-Artikolu 1 għandu jassigura li l-adeżjoni ta' l-Unjoni ma tolqotx il-kompetenzi tagħha u s-setgħat ta' l-istituzzonijiet tagħha. Għandu jassigura li xejn fih ma jolqot is-sitwazzjoni partikolari ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea, b'mod partikulari fir-rigward tal-Protokolli tagħha, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri li jidderogaw mill-Konvenzjoni Ewropea, skond l-Artikolu 15 tagħha, u r-riservi għall-Konvenzjoni Ewropea magħmula minn Stati Membri skond l-Artikolu 57 tagħha. Artikolu 3 Xejn fil-ftehim previst fl-Artikolu 1 m' għandu jolqot l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. --------------------------------------------------