31993R2186



Official Journal L 196 , 05/08/1993 P. 0001 - 0005
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0150
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 24 P. 0150


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

tat-22 ta' Lulju 1993

dwar il-koordinament tal-Komunità fit-tfassil tar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta' statistika

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi is-Suq Wieħed iżid il-bżonn li jtejjeb il-komparabbiltà statistika biex ikun jista' jilħaq il-ħtiġijiet tal-Komunità; billi, biex jinkiseb dan it-titjib, għandhom jiġu adottati definizzjonijiet u deskrizzjonijiet komuni għal intrapriżi u jiġu koperti unitajiet ta' statistika relevanti oħrajn;

Billi reġistri għandhom jiġu mħejjija u aġġornati biex ikunu jistgħu jiġbru informazzjoni fuq dawn l-unitajiet;

Billi hemm bżonn dejjem jiżdied għal informazzjoni fuq l-istrutturi ta' l-intrapriżi, bżonn li l-istatistika kurrenti tal-Komunità mhix kapaċi tilħaq;

Billi reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta' statistika huma għodda meħtieġa biex jigu segwiti tibdiliet strutturali fl-ekonomija li jseħħu b'operazzjonijiet bħal ma huma joint ventures, soċjetajiet, buy-outs, għaqdiet u akkwisti;

Billi r-rwol importanti li għandhom impriżi pubbliċi fl-ekonomiji nazzjonali ta' l-Istati Membri ġie rikonoxxut, partikolarment fid-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE [1], li tagħha l-Artikolu 2 ukoll jagħti definizzjoni ta'impriża; billi huma għandhom ikunu identifikati f'reġistri tal-kummerċ;

Billi xi statistika mhix preżentament disponibbli, partikolarment fis-setturi b'ħafna intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs), bħalma huma s-servizzi, peress li reġistru għal dawn l-intrapriżi għal għanijiet ta' statistika ma jeżistix;

Billi r-reġistri tal-kummerċ huma element wieħed fir-rikonċiljazzjoni tal-ħtiġijiet konfliġġenti għaż-żieda fl-informazzjoni dwar intrapriżi u t-tħaffif tal-piż amministrattiv tagħhom, partikolarment billi jużaw informazzjoni eżistenti f'reġistri amministrattivi u legali, b'mod speċjali fil-każ ta' SMEs, skond ir-rakkomandazzjoni 90/246/KEE [2];

Billi r-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta'statistika jirrapreżentaw element bażiku tas-sistemi ta' informazzjoni dwar intrapriżi, u jagħmluha possibbli li jkun organizzat u kkoordinat stħarriġ ta'statistika billi jipprovdu bażi ta' kampjun, possibbilitajiet ta' estrapolazzjoni u mezzi biex jissorveljaw ir-risposti mill-intrapriżi, partikolarment dawk koperti bid-Direttivi 78/660/KEE [3] u 83/349/KEE [4];

Billi l-istabbiliment ta' sistema ġdida ta' ġbir ta' statistika li tkopri l-kummerċ fil-merkanzija u s-servizzi bejn l-Istati Membri jitlob li jkun hemm reġistru għal dawk il-persuni li jinħtieġu li jagħtu informazzjoni; billi huwa mixtieq li dak ir-reġistru ta' persuni li għandhom jagħtu l-informazzjoni jinħareġ minn reġistru ċentrali ta' intrapriżi użat għal għanijiet ta'statistika;

Billi ir-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta' statistika huma fi stadju differenti ta' żvilupp f'kull Stat Membru; billi l-iżvilupp twil u għali ta' dawn ir-reġistri jista' jitwettaq biss f'żewġ stadji, li l-ewwel wieħed minnhom għandu jirrelata ma' l-armonizzazzjoni ta' l-unitajiet bażiċi f'dawk ir-reġistri skond skeda stabilita,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għanijiet

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu għal għanijiet ta' statistika reġistru wieħed jew iżjed armonizzati bid-definizzjonijiet u kamp ta' applikazzjoni speċifikati fl-Artikoli li ġejjin.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "unit legali" għandha tfisser unit legali kif definita fit-Taqsima II.A.3 ta' l-Anness tar- Regolament (KEE) Nru 696/93 [5];

(b) "intrapriża" għandha tfisser intrapriża kif definita fit-Taqsima III.A ta' l-Anness ta' dak ir-Regolament.

Minn hawn 'il quddiem il-konnessjoni bejn l-intrapriża u l-unit legali għandha tkun espressa kif ġej:

- l-intrapriża hi marbuta ma' unit legali waħda jew iżjed,

u

- l-unit legali hi responsabbli għall-intrapriża;

(c) "unit lokali" għandha tfisser unit lokali kif inhi definita fit-Taqsima III.F ta' l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 696/93.

Minn hawn 'il quddiem il-konnessjoni bejn l-unit lokali u l-intrapriża għandha tkun espressa kif ġej:

- il-unit lokali hi dipendenti fuq l-intrapriża.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-unitajiet li jeżerċitaw kompletament jew parzjalment attività produttiva.

L-Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1. Skond id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 u bla ħsara għal-limitazzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, r-reġistri għandhom jiġbru:

- l-intrapriżi kollha li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku fi prezzijiet tas-suq (GDP),

- l-unitajiet legali responsabbli għal dawk l-intrapriżi,

- l-unitajiet lokali li jiddependu fuq dawn l-intrapriżi.

Din il-ħtieġa m'għandhiex, madanakollu, tapplika għal djar:

- sakemm il-merkanzija li jipproduċu huma għall-konsum personali tagħhom,

- sakemm is-servizzi li jipproduċu jinvolvu l-kiri tal-propjetà tagħhom jew mikrija (grupp 70.2 tal-klassifikazzjoni statistika fuq l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE Rev. 1) li kienet stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 3037/90 [6]).

L-inklużjoni ta':

- intrapriżi li l-attività prinċipali tagħhom taqa' taħt it-Taqsima A, B jew L tan-NACE Rev. 1,

- unitajiet legali responsabbli għalihom,

- unitajiet lokali dipendenti fuqhom,

m'għandhomx ikunu obbligatorji.

Il-punt safejn l-intrapriżi żgħar ta' ebda importanza statistika għall-Istati Membri għandhom ikunu inklużi fir-reġistri għandu jkun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

2. L-intrapriżi, l-unitajiet legali u l-unitajiet lokali imsemmija f'paragrafu 1 għandhom ikunu reġistrati skond l-iskeda stabbilita fl-Anness I.

3. Reġistrazzjoni separata għall-unitajiet legali m'għandhiex tkun obbligatorja, sakemm il-kontenut totali ta' informazzjoni ta' dawn l-unitajiet ikun inkluż fid-dħul fir-reġistri għall-intrapriżi.

Ir-regoli għal din ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 4

Karatteristiċi tar-Reġistru

L-unitajiet imniżżla f'xi reġistru għandhom ikunu karatterizzati b'numru ta' identità u d-dettalji deskrittivi speċifikati fl-Anness II.

L-Artikolu 5

Aġġornament

1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu aġġornati għallinqas darba f'sena:

(a) iskrizzjonijiet fir-reġistru, u tneħħija minnu;

(b) il-varjabili indikati fil-punti (b) u (f) ta' l-Anness II (1);

(c) għall-unitajiet li huma suġġetti għal stħarriġ annwali, il-varjabili stipulati f'punti (b), (ċ), (d), (e) u (h) ta' l-Anness II(3) sakemm dawn il-varjabbli huma inklużi fl-istħarriġ.

Bħala regola ġenerali, l-informazzjoni miksuba mill-files amministrattivi jew stħarriġ annwali għandha tkun aġġornata kull sena, waqt li informazzjoni oħra tkun aġġornata kull erba' snin.

2. Fi tmiem l-ewwel kwart ta' kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kopja tar-reġistru kif inhu f'dik id-data u jżommu dik il-kopja għal 10 snin għal skopijiet ta' analiżi.

L-Artikolu 6

Aċċess għall-informazzjoni

Meta il-Kummissjoni tirrikjedi, wara li tikseb l-opinjoni tal-Kumitat kif ipprovdut fl-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi statistika tar-reġistri u jittrasmettu r-riżultati, inkluża l-informazzjoni dikjarata konfidenzjali mill-Istati Membri skond il-leġislazzjoni jew prattika nazzjonali li tikkonċerna l-kunfidenzjalità statistika, skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 fuq it-trasmissjoni ta' informazzjoni bla ħsara għall-kunfidenzjalità statistika ta' l-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej [7].

L-Artikolu 7

Aċċess għar-reġistri amministrattivi jew legali

Kull istitut nazzjonali ta' l-istatistika għandu jkun awtorizzat biex jiġbor għal skopijiet statistiċi informazzjoni koperta b'dan ir-Regolament li tinsab fil-files amministrattivi jew legali miġbura fit-territorju nazzjonali tiegħu, skond il-kondizzjonijiet determinati bil-liġi nazzjonali.

L-Artikolu 8

Implimentazzjoni tar-regoli

Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 u l-Annessi I u II, kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex jiġu adottati dawk ir-regoli u kwalunkwe deroga mill-Artikoli 3, 4 u 5 jew mill-Annessi, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 9

Proċedura

1. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika mwaqqaf bid-Deċiżjoni 89/382/KEE/Euratom [8] abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dak l-abbozz fiż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill hu meħtieġ li jieħu fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta'l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

2. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri li għandhom japplikaw immedjatament.

(b) Madankollu, jekk il-miżuri m'humiex skond l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom ikunu ikkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hi tkun iddeċidiet għal tliet xhur mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b' maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien ipprovdut fis-sotto-paragrafu ta' qabel.

L-Artikolu 10

Ir-Rapport tal-Kummissjoni.

Fi żmien erba' snin mid-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament li jista' jkun akkumpanjat bi proposti xierqa u li jieħu kont ta' l-esperjenza miksuba.

L-Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Offeciers-van de wiele

[1] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u impriżi pubbliċi (ĠU L 195, tad-29.7.1980, p. 35). Id-Direttiva kif emendata bid- Direttiva 85/413/KEE (ĠU L 229, tat-28.8.1985, p. 20).

[2] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 90/246/KEE tat-28 ta' Mejju 1990 li għandha x'taqsam ma' l-implimentazzjoni ta' politika amministrattiva simplifikata favur intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Istati Membri (ĠU L 141, tat-2.6.1990, p. 55).

[3] Ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, p. 11). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/605/KEE (ĠU L 317, tas-16.11.1990, p. 60).

[4] Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet ikkonsolidati (ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/605/KEE (ĠU L 317, tas-16.11.1990, p. 60).

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal- 15 ta' Marzu 1993 fuq l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni tal-Komunità (ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1).

[6] ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1

[7] ĠU L 151, tal-15.6.1990, p. 1

[8] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Skeda għar-reġistrazzjoni fir-reġistru

L-intrapriżi definiti fl-Artikolu 2 u rreġistrati skond l-Artikolu 3 għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru qabel l-1 ta' Jannar 1996. Unitajiet legali u lokali għandhom jingħataw sena iktar.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Numru ta' l-identità u dettalji deskrittivi

1. Ir-reġistrazzjoni ta' unit legali għandha jkollha l-imformazzjoni li ġejja:

(a) numru ta' l-identità;

(b) isem, indirizz (inkluż il-kodiċi postali), u b'għażla: in-numri tat-telefon, posta elettronika u tal-fax u l-indirizz tat-telex;

(c) il-ħtieġa li l-unit legali tippubblika l-accounts annwali tagħha (Iva/Le);

(d) id-data ta' inkorporazzjoni għal persuni legali jew id-data tar-rikonoxximent uffiċjali bħala operatur ekonomiku għal persuni naturali;

(e) id-data ta' meta l-unit legali tieqaf milli tkun responsabbli legalment għal xi intrapriża;

(f) forma legali tal-unit;

(g) isem u indirizz ta' kwalunkwe unit legali li mhux residenti, ħlief għal persuna naturali, li tikkontrolla l-unit legali (mhux obbligatorja);

(h) numru ta' l-identità tal-unit legali fir-reġistru li jikkontrolla l-unit legali (mhux obbligatorja);

(i) karattru ta' "intrapriża pubblika" tal-unit legali fit-tifsira tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE [1] (Iva/Le) (għal persuni legali biss);

(j) riferenza għall-files assoċjati oħra, inklużi l-files tad-dwana, li fihom il-unit legali hi rreġistrata u li jkollhom informazzjoni li tista' tintuża għal skopijiet ta' statistika;

(k) referenza għar-reġistru ta' l-operaturi intra-Komunitarji magħmul skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 fuq l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ tal-merkanzija bejn [2].

2. Ir-reġistrazzjonita' unit lokali għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja:

(a) numru ta' l-identità;

(b) isem, indirizz u informazzjoni ta' identifikazzjoni oħra kif stipulat fil-paragrafu 1 (b) ta' dan l-Anness;

(c) kodiċi ta' attività f'livell ta' erba' ċifri (klassi) ta' NACE Rev. 1;

(d) attivitajiet sekondarji, jekk hemm, f'livell ta'erba' ċifri ta' NACE Rev. 1 (mhux obbligatorja);

(e) daqs tal-forza taz-xogħol, kif indikat fil-paragrafu 3 (e) ta' dan l-Anness;

(f) data tal-bidu ta' l-attivitajiet li l-kodiċi tagħhom huma mogħtija f'(ċ);

(g) data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet;

(h) kodiċi tal-lokazzjoni ġeografika (unitajiet territorjali);

(i) riferenza għar-reġistri assoċjati li fihom tidher il-unit lokali u li jkun fihom informazzjoni li tista' tintuża għal skopijiet ta' statistika;

(j) numru ta' identifikazzjoni fir-reġistru ta' l-intrapriża li fuqha tiddependi l-unit lokali;

(k) attività mwettqa fil-unit lokali li tikkostitwixxi attività anċillari ta' l-intrapriża li fuqha tiddependi (Iva/Le).

3. Ir-reġistrazzjoni ta' intrapriża għandu jkollha l-imformazzjoni li ġejja:

(a) numru t'identifikazzjoni;

(b) numru(numri) ta' identità tal-unit(unitajiet) legali li huma responsabbli legalment għall-intrapriża;

(c) kodiċi ta' l-attività ta' l-intrapriża fuq livell t'erba' ċifri (klassi) ta' NACE Rev. 1 f'liema kodiċi l-attività prinċipali jew l-attivitajiet kollha ta' l-impriża hi jew huma inklużi;

(d) attivitajiet sekondarji, jekk hemm, f'NACE Rev. 1 livell ta' erba' ċifri, jekk jammontaw għal 10 % tat-total ta' l-attivitajiet kollha tal-valur gross miżjud f'factor cost għal kull waħda jew ilaħħqu għal 5 % jew iżjed ta'l-attività nazzjonali ta' dan it-tip; dan il-punt jikkonċerna biss intrapriżi li huma suġġetti għall-istħarriġ;

(e) daqs: imkejjel bin-numru ta' persuni okkupati jew, fin-nuqqas ta' dak, b'allokazzjoni lil waħda mill-klassijiet li ġejjin skond in-numru ta' persuni okkupati: 0; 1; 2; 3 sa 4; 5 sa 9; 10 sa 19; 20 sa 49; 50 sa 99; 100 sa 149; 150 sa 199; 200 sa 249; 250 sa 499; 500 sa 999; 1000; iktar minn 1000, in-numru ta' l-eluf;

(f) id-data tal-bidu ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża;

(g) id-data tal-waqfien finali ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża;

(h) il-valur tal-bejgħ nett mill-bejgħ ta' merkanzija u servizzi (ħlief għall-intermedjari finanzjarji); fin-nuqqas ta' dak, allokazzjoni għal klassi ta' daqs definit kif ġej (f'miljuni ta' ecus): [0, 1]; [1, 2]; [2, 4]; [4, 5]; [5, 10]; [10, 20]; [20, 40]; [40, 50]; [50, 100]; [100, 200]; [200, 500]; [500, 1000]; [1000, 5000]; 5000 + (mhux obbligatorja għal valur tal-bejgħ li ma jeċċedix iż-2 miljun ECU);

(i) assi netti (assi wara li tipprovdi għad-deprezzament u d-djun imnaqqsa għall-intermedjarji finanzjarji biss (mhux obbligatorja).

[1] ĠU L 195, tad-29.7.1980, p. 35.

[2] ĠU L 316, tas-16.11.1991, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3046/92 (ĠU L 307, tat-23.10.1992, p. 27).

--------------------------------------------------