|
28.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 130/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/826
tat-22 ta' Mejju 2015
li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma' ċerti prodotti tal-laħam
(notifikata bid-dokument C(2015) 3526)
(It-test Daniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,
Billi:
I. FATTI U PROĊEDURA
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/561/UE (1) approvat id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda tan-nitrit tal-potassju, E 249, u tan-nitrit tas-sodju, E 250 (nitriti) ma' prodotti tal-laħam li jinsabu fl-Ordni Nru 22 tal-11 ta' Jannar 2005 dwar l-addittivi tal-ikel (Bekendtgørelse nr 22 af 11.1.2005 om tilsætningsstoffer til fødevarer) u l-lista pożittiva Daniża ta' addittivi tal-ikel permessi (Liste over tilladte tilsætningsstoffer til fødevarer, “Positivlisten”) li r-Renju tad-Danimarka kien innotifika lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-20 ta' Novembru 2009, skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — (TFUE). Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma approvati sal-25 ta' Mejju 2015. |
|
(2) |
Id-Danimarka ma kinitx mitluba tittrasponi d-Direttiva 2006/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fil-iġi nazzjonali sa fejn tikkonċerna ż-żieda tan-nitriti fi prodotti tal-laħam. Id-Deċiżjoni 2010/561/UE talbet li d-Danimarka tiġbor b'mod sistematiku dejta, li mbagħad għandha tirrapporta lill-Kummissjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fid-Direttiva 2006/52/KE tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u, fil-każ kuntrarju, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem. Fl-istess waqt, id-Deċiżjoni talbet lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/52/KE fl-Istati Membri partikolarment b'rabta mal-użu tan-nitriti mill-industrija fil-kategoriji differenti ta' prodotti tal-laħam u biex tikkonsulta mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-EFSA. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (3) ittrasfera l-livelli u kundizzjonijiet oħra għall-użu tan-nitriti fi prodotti tal-laħam stabbiliti mid-Direttiva 2006/52/KE fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li ilu japplika mill-1 ta' Ġunju 2013. |
|
(4) |
Permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 2014, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li tkompli żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-użu tal-addittivi tan-nitrit fi prodotti tal-laħam li ma jaqblux mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Ordni Nru 542 tas-27 ta' Mejju 2013 dwar l-addittivi tal-ikel eċċ. f'oġġetti tal-ikel (BEK nr 542 af 27.5.2013 (tilsætningbekendtgørelsen), Offentliggørelsedato: 31.5.2013, Fødevarerministeriet). Biex issostni n-notifika tagħha, id-Danimarka ppreżentat informazzjoni addizzjonali li tinkludi dejta dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, il-prevalenza tal-botuliżmu u l-formazzjoni ta' nitrożammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat. |
1. LEĠIŻLAZZJONI TAL-UNJONI
1.1. L-artikolu 114(4) u (6) TFUE
|
(5) |
L-Artikolu 114(4) TFUE jipprovdi li “Jekk, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta' neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu.” |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 114(6) TFUE, il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika, tapprova jew tirrifjuta d-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti wara li tkun ivverifikat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le u jekk humiex ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le. |
1.2. Regolament (KE) Nru 1333/2008
|
(7) |
Skont il-prinċipji ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-approvazzjoni ta' addittiv tal-ikel tingħata biss jekk l-addittiv hu tabilħaqq neċessarju mil-lat teknoloġiku, jekk dan l-addittiv ma joħloqx riskji għas-saħħa u jekk l-użu tiegħu ma jkunx wieħed li jqarraq bil-konsumatur. |
|
(8) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta' addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. Huma biss dawk l-addittivi tal-ikel inklużi fil-lista tal-Unjoni li jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u li jistgħu jintużaw fl-ikel skont il-kondizzjonijiet ta' użu speċifikati hemmhekk. |
|
(9) |
In-nitriti ilhom jintużaw fil-prodotti tal-laħam għal bosta għexieren ta' snin, inter alia biex jiżguraw, flimkien ma' fatturi oħra, il-preservazzjoni u s-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam, b'mod partikolari l-prodotti tal-laħam ippreservati, filwaqt li jżommu lura, fost affarijiet oħra, il-multiplikazzjoni tal-Clostridium botulinum, il-batterja responsabbli għall-botuliżmu li hija ta' theddida għall-ħajja. Fl-istess waqt, huwa rikonoxxut li l-preżenza tan-nitriti fi prodotti tal-laħam tista' twassal għall-formazzjoni tan-nitrożammini, li nstab li huma karċinoġeniċi. Il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam għandha, għaldaqstant, toħloq bilanċ bejn ir-riskju tal-formazzjoni tan-nitrożammini permezz tal-preżenza ta' nitriti fi prodotti tal-laħam, minn naħa waħda, u l-effetti pożittivi li n-nitriti jkollhom kontra l-multiplikazzjoni tal-batterji, b'mod partikolari dawk responsabbli għall-botuliżmu, min-naħa l-oħra. |
|
(10) |
Il-Kategoriji taħt 08.3 tal-Parti E, tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008: “Prodotti tal-laħam” fihom ammonti massimi għan-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250) li jistgħu jiżdiedu waqt il-manifattura. Il-massimi tal-ammont miżjud huwa ta' 150 mg/kg għall-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-laħam b'mod ġenerali u 100 mg/kg għall-prodotti tal-laħam sterilizzati. Għal xi prodotti tal-laħam ippreservati speċifikati li jkunu saru b'mod tradizzjonali fi Stati Membri speċifiċi, l-ammont massimu huwa ta' 180 mg/kg. |
|
(11) |
B'eċċezzjoni għar-regola ġenerali, il-Kategoriji taħt 08.3.4 tal-Parti E, tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008: “Prodotti tal-laħam ikkurati tradizzjonalment b'dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw in-nitriti u n-nitrati” jinkorporaw livelli massimi ta' residwi għal ċerti prodotti speċifikati u tradizzjonali tal-laħam ippreservati, li jiġu prodotti permezz ta' metodi ta' manifattura tradizzjonali. Hemm livelli massimi ta' residwi ta' 50 mg/kg, 100 mg/kg u 175 mg/kg li japplikaw għal gruppi differenti ta' tali prodotti, eż. 175 mg/kg għall-bejken Wiltshire, għall-bejken ikkurat u imnixxef u prodotti simili, u 100 mg/kg għall-perżut Wiltshire u prodotti simili. B'rabta ma' dawn il-prodotti ġew stabbiliti valuri massimi ta' residwi billi mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat l-ammont miżjud ta' melħ għall-preservazzjoni assorbit mil-laħam minħabba n-natura tal-proċess ta' manifattura marbut ma' dawn il-prodotti. Il-proċess ta' produzzjoni ta' dawn il-prodotti speċifiċi huwa deskritt fir-Regolament biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-“prodotti simili” u jkun ċar liema prodotti huma koperti mil-livelli massimi differenti. |
|
(12) |
Il-livelli massimi fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huma bbażati fuq l-opinjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (minn issa 'l quddiem “SCF”) tal-1990 (5) u l-1995 (6) kif ukoll mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “EFSA”) tas-26 ta' Novembru 2003 (7). L-ammonti massimi li jistgħu jiġu miżjuda jirriflettu l-firxiet imsemmija f'dawn l-opinjonijiet xjentifiċi billi jispeċifikaw li huwa permess sa 100 mg/kg ta' nitrit fi prodotti tal-laħam sterilizzati u sa 150 mg/kg fi prodotti oħra tal-laħam. Minħabba l-varjetà kbira ta' prodotti tal-laħam (ippreservati) u ta' metodi ta' manifattura fl-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni sostna li, għalissa, ma kienx possibbli li jkun speċifikat il-livell xieraq ta' nitrit għal kull prodott. |
|
(13) |
L-eċċezzjonijiet għar-regola tal-applikazzjoni tal-ammonti miżjuda massimi huma ta' natura limitata. Dawn japplikaw għal prodotti speċifiċi li huma mmanifatturati b'mod tradizzjonali f'ċerti Stati Membri u li għalihom mhuwiex possibbli li jiġi kkontrollat l-ammont miżjud ta' melħ għall-preservazzjoni assorbit mil-laħam minħabba n-natura tal-proċess ta' manifattura marbut ma' dawn il-prodotti. Il-prodotti tradizzjonali li għalihom japplikaw l-eċċezzjonijiet huma definiti, b'mod partikolari, permezz ta' deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni. |
2. DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI NNOTIFIKATI
|
(14) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka fil-25 ta' Novembru 2014 huma l-Ordni Nru 542 tas-27 ta' Mejju 2013 dwar l-addittivi tal-ikel eċċ. f'oġġetti tal-ikel (BEK nr 542 af 27.5.2013 (tilsætningbekendtgørelsen), Offentliggørelsedato: 31.5.2013, Fødevarerministeriet). Fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2010/561/UE, il-Kummissjoni diġà evalwat ir-regoli aktar stretti applikati mid-Danimarka b'rabta mal-E 249 u l-E 250. L-Ordni Nru 542 tipprevedi li n-nitriti (E 249–250) fi prodotti tal-laħam jistgħu jintużaw biss skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Anness 3 tiegħu. Abbażi tad-Deċiżjoni 2010/561/UE, il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet [li ġejjin] ġew stipulati għall-użu tan-nitriti (E 249–250). Il-gruppi tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fit-tabella jikkorrispondu mal-gruppi kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar l-addittivi tal-ikel u jieħdu post l-użi li jirriżultaw minnu:
|
|
(15) |
Għalhekk, il-limitu ta' 60 mg/kg japplika għal ħafna tipi ta' prodotti tal-laħam, filwaqt li l-limiti massimi korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 ta' 100 jew 150 mg/kg. |
3. PROĊEDURA
|
(16) |
Permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 2014, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-użu ta' addittivi tan-nitriti fi prodotti tal-laħam li ma jaqblux mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Biex issostni n-notifika tagħha, id-Danimarka ppreżentat informazzjoni addizzjonali li tinkludi dejta dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, il-prevalenza tal-botuliżmu u l-formazzjoni ta' nitrożammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni ppubblikat avviż dwar in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8) biex tinforma xi partijiet interessati oħra dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Danimarka, kif ukoll ir-raġunijiet li ngħataw biex jappoġġjaw it-talba. Permezz ta' ittra tat-30 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw xi kummenti dwarha fi żmien 30 jum. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti matul din l-iskadenza mir-Repubblika Ċeka, u l-Iżvezja.
|
4. RIEVALWAZZJONI TAN-NITRITI
|
(18) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (9) jirrikjedi li sa tmiem l-2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tevalwa mill-ġdid in-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250). Għal din ir-rievalwazzjoni, l-EFSA għandha teżamina l-opinjonijiet preċedenti tal-SCF u tal-EFSA, meta disponibbli, id-dossier oriġinali, id-dejta li kienet sottomessa mill-operatur(i) kummerċjali interessat(i) u/jew kwalunkwe parti interessata oħra, u d-dejta disponibbli mingħand il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u tidentifika l-letteratura rilevanti li tkun ġiet ippubblikata mill-aħħar evalwazzjoni ta' kull addittiv tal-ikel. |
|
(19) |
Id-dejta li ngħatat mid-Danimarka biex issostni n-notifika tagħha dwar il-konsum tal-prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, il-prevalenza tal-botuliżmu, u l-formazzjoni tan-nitrożammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat ġiet ippreżentata lill-EFSA flimkien ma' talba biex jitqies dan matul ir-rievalwazzjoni. |
5. MONITORAĠĠ MILL-KUMMISSJONI
|
(20) |
Fl-2014, il-Kummissjoni ffinalizzat investigazzjoni preliminari biex timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli tal-UE dwar in-nitriti. L-istudju kien ibbażat fuq it-tweġibiet għal kwestjonarju li ntbagħat lill-Istati Membri kollha. Minn dan irriżulta li, għajr xi eċċezzjonijiet, l-ammont tipiku ta' nitriti miżjuda għal prodotti tal-laħam mhux sterilizzati huwa aktar baxx minn dak l-ammont massimu tal-UE, iżda ogħla mill-livelli Daniża. Fir-rapport ġie konkluż li trid tkompli tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu riveduti l-livelli massimi attwali tan-nitriti (10). |
|
(21) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni nediet studju ad hoc f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tan-nitriti mill-industrija f'kategoriji differenti ta' prodotti tal-laħam. Dan l-istudju għandu jinkludi r-riċerka tal-letteratura, l-organizzazzjoni ta' workshop ma' esperti fit-teknoloġija tal-laħam u stħarriġ fi ħdan l-industrija tal-laħam tal-UE dwar kif, fil-verità, qegħdin jintużawin-nitriti u kemm, fil-fatt, qiegħed jintuża minnhom b'rabta mat-tipi differenti ta' prodotti tal-laħam identifikati. Il-konklużjonijiet ta' dan l-istudju għandhom ikunu disponibbli minn tmiem l-2015. |
II. VALUTAZZJONI
1. AMMISSIBILITÀ
|
(22) |
Skont l-Artikolu 114(4) u (6) TFUE, wara l-adozzjoni ta' miżura ta' armonizzazzjoni, Stat Membru jista' jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali u iktar stretti tiegħu minħabba ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE, jew relatati mal-ħarsien tal-ambjent jew l-ambjent tax-xogħol, jekk jinnotifika dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni tapprova l-applikazzjoni. |
|
(23) |
In-notifika Daniża tirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn dawk tal-Parti E tal-Anness II, tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 dwar in-nitrit tal-potassju (E 249) u n-nitrit tas-sodju (E 250). Id-dispożizzjonijiet Daniżi attwali kienu diġà jeżistu fis-sustanza tagħhom fiż-żmien meta dawn il-livelli massimi kienu ġew oriġinarjament stipulati fid-Direttiva 2006/52/KE. |
|
(24) |
L-Ordni Daniża Nru 542 tippermetti li jiġu miżjuda n-nitriti mal-prodotti tal-laħam dejjem sakemm l-ammonti miżjuda speċifiċi ma jinqabżux. Skont il-prodotti inkwistjoni dawn l-ammonti massimi huma 60, 100 jew 150 mg/kg, li huma iktar baxxi għal ċerti prodotti minn dawk stabbiliti fid-Direttiva (KE) Nru 1333/2008. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, id-dispożizzjonijiet Daniżi ma fihom ebda eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-iffissar ta' ammonti massimi miżjuda għan-nitriti, u għalhekk ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti tal-laħam manifatturati tradizzjonalment minn Stati Membri oħra. |
|
(25) |
Id-dispożizzjonijiet Daniżi huma għalhekk aktar stretti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008/KE, fis-sens li dawn jistabbilixxu ammonti miżjuda massimi iktar baxxi għal diversi tipi ta' prodotti (f'ħafna każijiet 60 mg/kg) u, sakemm ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti tal-laħam tradizzjonali abbażi ta' valuri residwi massimi. |
|
(26) |
Skont l-Artikolu 114(4) TFUE, in-notifika kienet issupplimentata b'deskrizzjoni tar-raġunijiet marbuta ma' waħda jew iktar mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE, f'dan il-każ il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin. Rapport mehmuż tal-Ministeru Daniż tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam, l-esponiment għan-nitriti, il-prevalenza tal-botuliżmu kif ukoll il-formazzjoni tan-nitrożammini fi prodotti tal-laħam. |
|
(27) |
Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni mressqa mid-Danimarka bil-ħsieb li tikseb awtorizzazzjoni biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar l-użu ta' nitriti fi prodotti tal-laħam hija aċċettabbli skont l-Artikolu 114(4) TFUE. |
2. VALUTAZZJONI TAL-MERTI
|
(28) |
Skont l-Artikolu 114(4) u (6), l-ewwel subparagrafu, TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni prevista f'dak l-Artikolu. |
|
(29) |
B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex iġġustifikati jew le mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 KE TFUE jew marbuta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol u ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hi għandha tivverifika, skont l-Artikolu 114(6) TFUE, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk jikkostitwixxux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern jew le. |
|
(30) |
Ta' min jinnota li, fid-dawl tal-limitu ta' żmien stabbilit mill-Artikolu 114(6) TFUE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) TFUE humiex iġġustifikati, għandha tieħu bħala bażi “r-raġunijiet” imressqa mill-Istat Membru li jinnotifika. Dan ifisser li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ir-responsabbiltà biex ikun ippruvat li l-miżuri nazzjonali huma ġġustifikati hija tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba biex iżommhom. |
|
(31) |
Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jaf ikun hemm bżonn tiġi rreveduta, hi tista' tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. |
2.1. Il-pożizzjoni tad-Danimarka
|
(32) |
Id-Danimarka tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tagħha tiżgura livell ogħla ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem minħabba li tistabbilixxi ammonti miżjuda massimi aktar baxxi għan-nitriti minn dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tradizzjonali tal-laħam li għalihom ma jista' jiġi stabbilit l-ebda ammont miżjud. Id-Danimarka tqis li d-dispożizzjonijiet Daniżi huma għalkollox konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet li l-SCF għamel fl-1990 u l-1995, kif ukoll mal-opinjoni tal-EFSA tas-26 ta' Novembru 2003. |
|
(33) |
Id-Danimarka tqis ukoll li r-regolamentazzjoni tal-ammonti tan-nitrit użati abbażi ta' jekk dawn tqisux li jinvolvu konsum li jaqbeż id-doża aċċettabbli ta' kuljum (DAK) rilevanti u stabbilita, ma tipprovdix il-protezzjoni meħtieġa għas-saħħa tal-bniedem. Id-DAK stabbilita għan-nitriti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-formazzjoni tan-nitrożammini, li huma assoċjati mal-użu tan-nitriti fi prodotti tal-laħam. Skont l-evalwazzjonijiet xjentifiċi, in-nitrożammini huma ġenotossiċi; bħala tali, mhux possibbli li jiġi stabbilit limitu li jiżgura li ma jkunux karċinoġeniċi. Id-Danimarka enfasizzat wkoll li l-formazzjoni tan-nitrożammini tiddependi fuq l-ammonti ta' nitrit li jkunu miżjuda, u mhux fuq l-ammonti residwi ħafna aktar baxxi li, minħabba t-trasformazzjoni tas-sustanza fl-ikel, huma tipikament preżenti fil-prodott fiż-żmien ta' konsum. |
|
(34) |
Għalhekk, fl-opinjoni tagħha, il-valutazzjoni xjentifika ġenerali turi li (a) l-użu għandu jitnaqqas sa fejn ikun possibbli billi jintużaw ammonti differenzjati skont il-ħtiġijiet tekniċi relatati ma' oġġetti tal-ikel differenti, (b) l-użu ta' nitriti u nitrati għandu jiġi rregolat fit-termini tal-ammonti li jiġu miżjuda pjuttost milli l-ammonti residwi, u (c) il-preservazzjoni neċessarja tintlaħaq billi jintużaw l-ammonti rrakkomandati mill-EFSA. F'dan is-sens, id-Danimarka tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha sistematikament isegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u dan filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fejn jidħlu n-nitriti, ma jagħmilx hekk. |
|
(35) |
Id-Danimarka tenfasizza wkoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu fis-seħħ għal ħafna snin u qatt ma taw lok għal problemi bil-preservazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, hija għandha rata relattivament baxxa ta' botuliżmu meta mqabbla ma' Stati Membri oħra tal-UE, u ma ġiex irreġistrat każ wieħed ikkawżat mill-konsum ta' prodotti tal-laħam sa mill-1980. Id-Danimarka tinnota li mill-2006 ma ġew irreġistrati l-ebda każijiet ta' botuliżmu fid-Danimarka. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet Daniżi dwar l-użu tan-nitriti fi prodotti tal-laħam xorta huma kkunsidrati li jipprovdu protezzjoni komprensiva kontra l-avvelenament bl-ikel. |
|
(36) |
Fejn jidħlu x-xejriet tal-konsum, ir-Rapport mehmuż tal-Ministeru Daniż tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, jipprovdi dejta addizzjonali dwar il-konsum u l-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam kif ukoll analiżi tan-nitrit fi prodotti tal-laħam fis-suq Daniż. Skont l-awtoritajiet Daniżi, dan ir-Rapport juri li l-konsum ta' prodotti tal-laħam li magħhom jistgħu jiġu miżjuda n-nitriti baqa' stabbli matul is-snin. |
|
(37) |
Fejn jidħol l-esponiment għan-nitriti, ir-Rapport tal-Ministeru Daniż tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd jipprovdi stimi bbażati fuq 384 analiżi tan-nitrit fi prodotti pproċessati tal-laħam u f'qatgħat tal-laħam kiesaħ, u fuq id-dejta dwar il-konsum minn stħarriġ dwar id-dieta. Abbażi ta' dawn l-istimi, il-medja tal-esponiment baqgħet taħt id-DAK (id-doża aċċettabbli ta' kuljum) għan-nitriti. Fit-tfal ta' bejn l-erba' u l-ħames snin,l-esponiment abbażi ta' kull kg ta' piż tal-ġisem hu tliet darbiet iktar minn dak fl-adulti. |
|
(38) |
Fejn tidħol il-formazzjoni tan-nitrożammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat, il-Ministeru Daniż tal-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd pprovda rapport fil-qosor dwar il-preżenza tan-N-nitrożammini fi prodotti tal-laħam ipproċessat, imħejji mill-Istitut Nazzjonali tal-Ikel (DTU) li jikkonkludi li l-aħjar mod biex jintlaħqu l-livelli baxxi ta' nitrożammini huwa billi jintuża l-inqas nitrit kemm jista' jkun u billi jintuża flimkien mal-aċidu eritorbiku jew l-aċidu askorbiku jew l-askorbat peress li dan iwaqqaf il-possibbiltà li jiġu ffurmati n-nitrożammini. |
|
(39) |
Barra minn hekk, id-Danimarka ssostni li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar in-nitriti mhumiex ta' xkiel għall-kummerċ, filwaqt li tirreferi għal ċifri li juru li l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra kienu qed iseħħu u saħansitra komplew jiżdiedu mill-2010 |
|
(40) |
Fil-qosor, id-Danimarka tqis li hu leġittimu li jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-esponiment għan-nitrożammini lil hinn mir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 permezz tal-applikazzjoni ssuktata tal-leġiżlazzjoni tiegħu. Skont id-Danimarka, il-monitoraġġ li wettqet skont id-Deċiżjoni 2010/561/UE jindika li l-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa li tqiesu qabel għadhom validi. Finalment, hija ssostni li d-dejta disponibbli turi li d-dispożizzjonijiet Daniżi ma jikkostitwixxux ostaklu għall-kummerċ fil-prodotti kkonċernati. |
2.2. Evalwazzjoni tal-pożizzjoni Daniża
2.2.1. Ġustifikazzjoni abbażi tal-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE
|
(41) |
Il-leġiżlazzjoni Daniża timmira li tikseb livell ogħla ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin b'rabta mal-esponiment għan-nitriti u l-formazzjoni possibbli ta' nitrożammini fi prodotti tal-laħam, billi tispeċifika ammonti massimi aktar baxxi ta' nitrit miżjuda b'rabta ma' ċerti prodotti tal-laħam meta mqabbla mal-livelli massimi stipulati mir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u ma tippermettix it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti livelli massimi ta' residwu biss. |
|
(42) |
Meta jkun qed jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni Daniża hijiex adegwata u neċessarja biex jinkiseb dan l-għan, għandhom jitiqiesu għadd ta' fatturi. B'mod partikolari, irid jinstab bilanċ bejn żewġ riskji tas-saħħa; il-preżenza tan-nitrożammini fi prodotti tal-laħam, fuq naħa waħda, u s-sikurezza mikrobijoloġika ta' prodotti tal-laħam, fuq in-naħa l-oħra. L-aspett tal-aħħar huwa aktar minn sempliċement ħtieġa teknoloġika, iżda huwa fih innifsu tħassib dwar is-saħħa ferm rilevanti. Filwaqt li hu rikonoxxut li l-livelli ta' nitriti fi prodotti tal-laħam iridu jiġu limitati, il-livelli aktar baxxi ta' nitrit fil-laħam mhumiex se jwasslu awtomatikament għal ħarsien akbar tas-saħħa tal-bniedem. L-aktar livell xieraq ta' nitrit jiddependi fuq għadd ta' fatturi rikonoxxuti fl-opinjonijiet rilevanti tal-SCF u tal-EFSA, eż. iż-żieda ta' melħ, l-umdità, il-pH, it-tul ta' żmien tal-prodott qabel jiskadi, l-iġjene, il-kontroll tat-temperatura, eċċ. |
|
(43) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u dawk taħt il-premessi 10 u 11 imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, bħala prinċipju, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jikkostitwixxi rispons adegwat għall-isfidi biex jiġu rrikonċiljati żewġ riskji tas-saħħa konfliġġenti fid-dawl tad-diversità tal-prodotti tal-laħam madwar l-Unjoni. |
|
(44) |
Madankollu, il-Kummissjoni trid tevalwa l-għażliet speċifiċi li saru mir-regolatur Daniż u l-esperjenza li nkisbet b'dawn ir-regoli, li ilhom fis-seħħ għal perjodu konsiderevoli ta' żmien. Permezz taċ-ċifri li ngħataw dwar il-każijiet ta' avvelenament mill-ikel u, b'mod partikolari, il-botuliżmu, id-Danimarka wriet li s'issa kisbet riżultati sodisfaċenti bil-leġiżlazzjoni tagħha. Din id-dejta turi li l-livelli massimi speċifikati fil-leġiżlazzjoni Daniża jidhru li kienu biżżejjed biex jiżguraw is-sikurezza mikrobijoloġika tal-prodotti tal-laħam immanifatturati bħalissa fid-Danimarka u tal-metodi ta' produzzjoni użati bħalissa fid-Danimarka. |
|
(45) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-leġiżlazzjoni Daniża hija kompatibbli mal-opinjonijiet xjentifiċi rilevanti tal-korpi xjentifiċi tal-Unjoni. Hija bbażata fuq ir-regolazzjoni tal-massimi tal-valuri miżjuda u tirrispetta l-firxiet ta' ammonti miżjuda ta' nitrit msemmija f'dawn l-opinjonijiet, jiġifieri 50-150 mg/kg. Fl-istess waqt, id-Danimarka stabbiliet ammonti miżjuda massimi aktar speċifiċi għal gruppi partikolari ta' prodotti tal-laħam, meta mqabbla mar-Regoalment, fid-dawl tat-tipi ta' prodotti tal-laħam u tal-metodi ta' manifattura prevalenti fid-Danimarka. |
|
(46) |
Barra minn hekk, għandu jitqies li, skont it-tagħrif mogħti mid-Danimarka, il-biċċa l-kbira tal-prodotti tal-laħam ikkonsmati mill-popolazzjoni Daniża għandhom x'jaqsmu ma' prodotti tal-laħam li għalihom bħalissa hemm limitu ta' 60 mg/kg u li jkollhom jiġu sostitwiti b'limitu ta' 100 jew 150 mg/kg. Minkejja li l-manifatturi Daniżi, bħal manifatturi fi Stati Membri oħra, ma jkunux obbligati li jżidu l-ammonti ta' nitriti li bħalissa qed jiġu miżjuda mal-prodotti tagħhom għal-livelli massimi msemmija fir- Regolament (KE) Nru 1333/2008, ma tistax tiġi eskluża żieda tal-esponiment effettiv tal-popolazzjoni Daniża għan-nitriti. |
|
(47) |
Abbażi tat-tagħrif disponibbli bħalissa, il-Kummissjoni tqis li t-talba biex jinżammu miżuri aktar stretti tista' tiġi aċċettata temporanjament abbażi tal-ħarsien tas-saħħa pubblika fid-Danimarka. |
2.2.2. In-nuqqas ta' kull diskriminazzjoni arbitrarja, kull restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew kull xkiel għat-tħaddim tas-suq intern
2.2.2.1.
|
(48) |
L-Artikolu 114(6) TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika li l-miżuri previsti mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja. Skont il-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet simili ma jistgħux jiġu trattati b'modi differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod. |
|
(49) |
Ir-regoli nazzjonali Daniżi japplikaw kemm għal prodotti domestiċi kif ukoll għal prodotti magħmula fi Stati Membri oħra. Fin-nuqqas ta' xi evidenza fil-kuntrarju, jista' jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhumiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja. |
2.2.2.2.
|
(50) |
Il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-użu ta' prodotti b'mod aktar estiż mir-Regolament tal-Unjoni, normalment ikunu jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ, sakemm il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq u jintużaw b'mod legali fil-bqija tal-Unjoni mhumiex mistennija, b'riżultat tal-projbizzjoni tal-użu, li jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(6) TFUE huma maħsuba biex iżommu r-restrizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi (4) u (5) tiegħu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u li jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li ma jħallux l-importazzjoni ta' prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b'mod indirett il-produzzjoni nazzjonali. |
|
(51) |
Billi r-regoli Daniżi jimponu wkoll standards aktar stretti dwar iż-żieda ta' nitriti ma' ċerti prodotti tal-laħam fuq operaturi bbażati fi Stati Membri oħra f'settur normalment armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew xkiel għat-tħaddim tas-suq intern. Huwa rikonoxxut, madankollu, li l-Artikolu 114(6) TFUE għandu jinqara fis-sens li l-miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu xkiel sproporzjonat għas-suq intern biss jistgħu ma jiġux approvati. F'dan is-sens, id-Danimarka ppreżentat ċifri li jindikaw li mhux talli kienu qed jiġu impurtati prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra minkejja l-leġiżlazzjoni tagħha, talli mill-2010 dawn żdiedu. |
|
(52) |
Fin-nuqqas ta' xi evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżura maħsuba biex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista' jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
2.2.2.3.
|
(53) |
Din il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b'mod li tipprekludi l-approvazzjoni ta' xi miżura nazzjonali li probabbli taffettwa l-istabbiliment tas-suq itern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali b'deroga minn miżura ta' armonizzazzjoni immirata lejn l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tikkostitwixxi fuq kollox miżura li probabbli taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114 TFUE, il-kunċett ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern għandu, fil-kuntest tal-Artikolu 114(6) TFUE, jiġi miftiehem bħala effett sproporzjonat b'rabta mal-għan mixtieq. |
|
(54) |
Minħabba l-benefiċċji għas-saħħa invokati mill-gvern Daniż b'rabta mat-tnaqqis ta' esponiment għal nitriti fi prodotti tal-laħam u l-fatt li, fuq il-bażi ta' ċifri disponibbli bħalissa, jidher li l-kummerċ ma ġie affettwat xejn jew sa ċertu punt biss, il-Kummissjoni tqis li r-regoli Daniżi notifikati jistgħu jibqgħu jinżammu temporanjament minħabba raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin filwaqt li jitqies il-fatt li dawn mhumiex sproporzjonati u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux xkiel għat-tħaddim tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 114(6) TFUE. |
|
(55) |
Fid-dawl ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta' xkiel għat-tħaddim tas-suq intern hija sodisfatta. |
2.2.3. Limitazzjoni fiż-żmien
|
(56) |
Il-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq huma bbażati fuq it-tagħrif disponibbli bħalissa u, b'mod partikolari, fuq ċifri li jindikaw li d-Danimarka kienet kapaċi tikkontrolla l-botuliżmu minkejja livelli massimi aktar baxxi ta' nitrit miżjuda ma' tipi partikolari ta' prodotti tal-laħam, u dan mingħajr ma fixklet il-kummerċ b'mod sproporzjonat. |
|
(57) |
Fattur importanti ieħor huwa r-rata ta' konsum fid-Danimarka ta' prodotti tal-laħam li b'relazzjoni għaliha l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tista' twassal għal żieda fl-esponiment tal-popolazzjoni Daniża għan-nitriti u għalhekk għan-nitrożammini. |
|
(58) |
Id-Danimarka jeħtieġ li tkompli timmonitorja sistematikament is-sitwazzjoni u tiġbor dejta dwar jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u fil-każ li le, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem. Id-dejta miġbura għandha tiffoka b'mod partikolari fuq il-kontroll tal-botuliżmu. Barra minn hekk, jeħtieġ li d-Danimarka tkompli tiġbor id-dejta dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-laħam minn Stati Membri oħra. Id-Danimarka tkun mitluba tirrapporta d-dejta miġbura lill-Kummissjoni fi żmien sentejn minn dakinhar li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-konklużjonijiet tar-rievalwazzjoni tan-nitriti mill-EFSA skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010 u ta' studju ad hoc b'rabta mal-użu tan-nitriti mill-industrija f'kategoriji differenti tal-prodotti tal-laħam. |
|
(59) |
F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sal-punt speċifikat hawn fuq, jistgħu jiġu approvati għal perjodu limitat ta' tliet snin. |
III. KONKLUŻJONI
|
(60) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u filwaqt li tqis il-kummenti pprovduti mill-Istati Membri dwar in-notifika mressqa mill-awtoritajiet Daniżi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-talba tad-Danimarka, li l-Kummissjoni rċeviet fil-25 ta' Novembru 2014, biex iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta' nitriti, li huma aktar stretti minn dawk tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, tista' tiġi approvata għal perjodu ta' tliet snin minn dakinhar li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti. Jeħtieġ li d-Danimarka tkompli timmonitorja sistematikament is-sitwazzjoni u tiġbor dejta dwar jekk l-applikazzjoni tal-livelli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tilħaqx il-livell meħtieġ ta' protezzjoni u fil-każ li le, jekk dan iwassalx għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta' nitriti ma' prodotti tal-laħam li jinsabu fl-Ordni Nru 542 tas-27 ta' Mejju 2013 dwar l-addittivi tal-ikel eċċ. fl-oġġetti tal-ikel (BEK nr 542 af 27.5.2013 (tilsætningbekendtgørelsen), Offentliggørelsedato:31.5.2013, Fødevarerministeriet), li r-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-25 ta' Novembru 2014, skont l-Artikolu 114(4) TFUE, huma approvati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tiskadi nhar it-22 ta' Mejju 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/561/UE tal-25 ta' Mejju 2010 li tikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda ta' nitritu ma' ċerti prodotti tal-laħam (ĠU L 247, 21.9.2010, p. 55).
(2) Id-Direttiva 2006/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 li temenda d-Direttiva 95/2/KE dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa u d-Direttiva 94/35/KE dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 10).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta' Novembru 2011 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel, ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).
(5) Opinion on nitrates and nitrites expressed on 19 October 1990, European Commission — Reports of the Scientific Committee for Food (twenty-sixth series), p. 21.
(6) Opinion on nitrates and nitrite expressed on 22 September 1995, European Commission — Reports of the Scientific Committee for Food (thirty eighth series), p. 1.
(7) Opinion of the Scientific Panel on Biological Hazards on a request from the Commission related to the effects of Nitrites/Nitrates on the Microbiological Safety of Meat Products, The EFSA Journal (2003) 14, p. 1.
(8) ĠU C 93, 20.3.2015, p. 18.
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).
(10) https://webgate.ec.europa.eu/sanco_foods/main/index.cfm?event=document.edit&identifier=5924&documentTypeIdentifier=57