European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5150

28.10.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-indirizzar tal-interdipendenza bejn il-paċi u t-tibdil fil-klima: il-ħtieġa għal diplomazija globali mġedda

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/5150)

Relatur:

Dimitri DIMITRIADIS

Korelatur:

Peter SCHMIDT

Konsulenti

Ioannis PAPADIMOS (konsulent tar-relatur, Grupp I)

Jeffrey SACHS (konsulent tal-korelatur, Grupp II)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23.1.2025

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

12.6.2025

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

71/1/1

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

17.7.2025

Sessjoni plenarja Nru

598

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

131/17/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Unjoni Ewropea (UE) jeħtiġilha tadotta approċċ komprensiv u integrat sabiex tindirizza l-interkonnessjonijiet li qed jiżdiedu bejn it-tibdil fil-klima, ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà u l-governanza globali. Hekk kif il-kooperazzjoni internazzjonali qed tiffaċċja sfidi dejjem akbar mill-awtoritarjaniżmu, il-protezzjoniżmu u n-nazzjonaliżmu, l-UE għandha tpoġġi lilha nnifisha bħala mexxejja kredibbli u reżiljenti fid-diplomazija globali dwar il-klima. Hija ħtieġa assoluta li l-politika dwar il-klima u dik dwar is-sigurtà ma jibqgħux jiġu ttrattati b’mod iżolat. Minflok, dawn iridu jitqiesu bħala elementi li jsaħħu lil xulxin ta’ futur globali sostenibbli u paċifiku: wara kollox, il-missjoni fundamentali tal-proġett Ewropew hija li l-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-paċi, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.

1.2.

Fil-politika barranija, l-UE għandha tippromovi d-diplomazija dwar il-klima li torbot l-għanijiet ambjentali mal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi. Dan l-approċċ għandu jkun ibbażat fuq alleanzi globali mġedda, sħubijiet inklużivi u oqfsa ta’ politika integrati. L-impenn estern tal-UE li qed jevolvi għandu jirrifletti n-natura interdipendenti tal-isfidi globali, waqt li jirrikonoxxi li d-degradazzjoni ambjentali u l-instabbiltà huma konnessi ferm. L-UE tista’ tgħin fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitt waqt li ssaħħaħ l-impenji klimatiċi globali billi tinkorpora l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-klima fl-istrateġiji diplomatiċi u ta’ żvilupp tagħha.

1.3.

Barra minn hekk, l-UE għandha tadotta pożizzjoni bħala multiplikatur tal-valuri billi tippromovi azzjoni klimatika li tallinja mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Dan jinkludi investimenti fil-governanza tajba, is-sigurtà tal-ikel, tal-ilma u tal-enerġija, bliet sikuri u għajxien reżiljenti. L-isforzi umanitarji u ta’ adattament għandhom ikunu inklużivi u parteċipattivi, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet fil-livell lokali, inizjattivi mmexxija miż-żgħażagħ u mmirati lejn in-nisa, u atturi tas-soċjetà ċivili.

1.4.

Aġenda ta’ politika domestika ċara u ambizzjuża hija essenzjali wkoll. L-UE jeħtiġilha taċċellera l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali u tal-Unjoni kollha. Dawn il-pjani għandhom jindirizzaw id-dekarbonizzazzjoni, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-prattiki tal-ekonomija ċirkolari u l-użu sostenibbli tal-art. L-isfidi ekonomiċi attwali m’għandhomx idewmu din it-tranżizzjoni; minflok, l-investiment fil-klima għandu jintuża bħala lieva għall-irkupru ekonomiku, it-tmexxija teknoloġika u l-kompetittività globali fl-innovazzjoni ekoloġika u diġitali.

1.5.

Fl-istess ħin, l-UE għandha żżid id-diplomazija tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku/l-SDGs billi tuża l-għarfien espert tagħha dwar is-sostenibbiltà biex tappoġġja r-reġjuni li qed jiżviluppaw. Dan jinvolvi t-tisħiħ tas-sħubijiet permezz ta’ kooperazzjoni strutturata man-Nofsinhar Globali. Billi tippromovi oqfsa klimatiċi kondiviżi u tiffaċilita t-trasferiment tat-teknoloġija, l-Ewropa tista’ tappoġġja tranżizzjoni ġusta fin-Nofsinhar Globali waqt li ssaħħaħ l-influwenza globali tagħha.

1.6.

F’forums multilaterali, l-UE jeħtiġilha tibqa’ fuq quddiem nett fis-sensibilizzazzjoni globali dwar il-klima. Għandha tmexxi sejħiet għal azzjoni ambizzjuża fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-Kunsill tas-Sigurtà, kif ukoll f’konvenzjonijiet ambjentali ewlenin bħall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD). Preżenza multilaterali robusta hija partikolarment kruċjali fil-kuntest ta’ deterjorament fl-involviment tal-Istati Uniti.

1.7.

Fl-aħħar nett, strateġija diplomatika mġedda tal-UE għandha tkun ibbażata fuq tliet prinċipji gwida. L-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fl-istrateġiji ta’ prevenzjoni tal-kunflitti. Dan ifisser li tiġi inkluża analiżi tar-riskju ambjentali fl-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u li jiġu indirizzati b’mod proattiv it-tensjonijiet relatati mar-riżorsi. It-tieni, l-UE jeħtiġilha tagħti prijorità lill-kooperazzjoni reġjonali u multilaterali li tavvanza kemm ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, waqt li tappoġġja l-isforzi ta’ adattament fil-livell lokali u reġjonali. It-tielet, l-iżvilupp sostenibbli għandu jiġi promoss bħala mekkaniżmu ta’ paċi, b’investimenti mmirati fl-enerġija rinnovabbli, ir-riforestazzjoni u l-agrikoltura intelliġenti f’termini ta’ klima li jgħinu biex titnaqqas il-vulnerabbiltà u jiġi evitat il-kunflitt.

1.8.

Bil-għan li tinkiseb diplomazija mġedda u msaħħa, il-KESE jħeġġeġ lill-UE tegħleb il-frammentazzjoni interna u tagħmel passi kuraġġużi lejn l-awtonomija strateġika. Madankollu, jeħtieġ li din l-awtonomija strateġika tissarraf f’kapaċitajiet operazzjonali, politiki konkreti u azzjoni koordinata fost l-Istati Membri. Mingħajr progress tanġibbli fid-difiża, l-indipendenza enerġetika u r-reżiljenza ekonomika, l-UE tirriskja rigress f’dinja dejjem aktar imsawra minn ġlied għall-poter u t-teħid ta’ deċiżjonijiet unilaterali.

1.9.

Huwa biss permezz ta’ approċċ integrat, proattiv u mmexxi mill-valuri li l-UE tista’ żżomm il-kredibbiltà u t-tmexxija tagħha f’dinja li qed tiffaċċja t-theddid doppju ta’ tfixkil fil-klima u instabbiltà ġeopolitika. B’dan il-ħsieb, l-UE tista’ tuża l-politika kummerċjali tagħha bħala għodda/strument biex trawwem l-iżvilupp sostenibbli, tindirizza t-tibdil fil-klima u t-tkabbir ekonomiku paċifiku, peress li l-politika kummerċjali hija kompetenza esklużiva tal-UE, li tippermetti lill-Ewropa titkellem b’vuċi waħda u b’hekk “tesporta” l-valuri Ewropej dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, il-protezzjoni ambjentali u l-politika dwar il-klima.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li r-rabta inseparabbli bejn it-tibdil fil-klima u l-istabbiltà globali saret inkontestabbli. Iż-żieda fit-temperaturi, l-avvenimenti estremi tat-temp u l-iskarsezza tar-riżorsi mhumiex biss tħassib ambjentali, iżda wkoll katalisti sinifikanti għall-kunflitt. Jekk irridu nissalvagwardjaw il-paċi, irridu nirrikonoxxu li l-azzjoni klimatika hija pedament tal-politika tas-sigurtà. Din ir-realtà diffiċli titlob impenn rivitalizzat għad-diplomazija globali, waħda li tintegra r-reżiljenza għall-klima fl-isforzi għall-bini tal-paċi.

2.2.

Waqt li jqis il-ħidma preċedenti, b’mod partikolari REX/569 (1) u REX/578 (2), il-KESE jixtieq isegwi u jibni fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom li, minn naħa, jenfasizzaw l-importanza li jinftiehmu l-interazzjonijiet kumplessi tar-rabta bejn il-klima u s-sigurtà, peress li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma sfidi globali li d-dinamika tagħhom, flimkien mal-vulnerabbiltajiet agrikoli, tal-ilma (3) u infrastrutturali jaffettwaw lin-nies f’ħafna pajjiżi u, min-naħa l-oħra, jinsistu fuq il-ħtieġa ta’ reazzjonijiet reżiljenti urġenti għal dawk l-isfidi b’enfasi li l-missjoni fundamentali tal-proġett Ewropew hija li jippromovi u jippreserva l-paċi, objettiv li huwa marbut b’mod inseparabbli mas-salvagwardja u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija. Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni wkoll għall-ħsara ambjentali kkawżata mill-gwerra, inklużi d-degradazzjoni tal-ekosistemi, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma u l-kontaminazzjoni tal-għelieqi li jinħadmu u tar-ragħa (4).

2.3.

It-tibdil fil-klima qed joqrob lejn diversi punti kritiċi globali jew jiskorrihom, inklużi: (1) żieda fil-livell tal-baħar ta’ diversi metri; (2) il-qerda ta’ bijomi ewlenin (bħal-pereżempju, it-trasformazzjoni tal-foresta pluvjali tal-Amażonja fi bwar); (3) il-waqfien taċ-ċirkolazzjoni tal-oċeani, l-aċċellerazzjoni tat-tisħin tal-Oċean tan-Nofsinhar (l-aċċellerazzjoni tal-qerda tal-medda tas-silġ tal-Antartiku tal-Punent) u t-tkessiħ tal-Atlantiku tat-Tramuntana; (4) tidwib tal-permafrost boreali u nirien massivi fil-foresti boreali.

2.4.

It-tibdil fil-klima se jżid il-frekwenza, il-firxa u l-intensità tal-kunflitti vjolenti u jista’ jiddestabbilizza l-klima kif ġej: (1) jiddestabbilizza l-politika u jinstiga l-kunflitt soċjali (urban kontra rurali, sedentarju kontra nomadiku, eċċ.) fi ħdan is-soċjetajiet; (2) jaggrava l-kriżi globali tal-ġuħ billi jnaqqas ir-rendimenti tal-għelejjel, jifframmenta l-kummerċ globali fil-prodotti tal-ikel, u jgħolli l-prezzijiet tal-ikel; (3) jintensifika l-kunflitti internazzjonali dwar l-enerġija u r-riżorsi minerali; (4) jintensifika t-tilwim transfruntier li jinvolvi r-riżorsi tal-ilma ħelu; (5) jisposta l-popolazzjonijiet; (6) jintensifika l-faqar estrem, bħal fis-Saħel mifni bil-kunflitti, fil-Lvant tal-Kongo, fl-Etjopja u fis-Sudan; u (7) jiftaħ ir-reġjun tal-Artiku għat-tbaħħir, għall-minjieri u għal żvilupp ekonomiku ieħor, u b’hekk iżid il-kompetizzjoni strateġika u anke possibbilment il-kunflitt fost id-diversi atturi. Din hija r-raġuni għaliex huwa importanti li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta’ koeżjoni bejn l-Istati Membri u l-ġirien u l-imsieħba tal-UE, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-kontinwità bejn iż-żoni fi ħdan it-territorju Ewropew u lil hinn minnu.

2.5.

Barra minn hekk, hemm ħames modi ewlenin li bihom il-kunflitti vjolenti jimpedixxu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jiġifieri: (1) il-kunflitti vjolenti u l-operazzjonijiet militari b’mod aktar ġenerali huma direttament responsabbli għal ħsarat ambjentali massivi; (2) il-kunflitti vjolenti jipprevjenu l-ippjanar u l-investimenti tal-gvern fit-tliet oqsma kritiċi tal-azzjoni klimatika: il-mitigazzjoni (l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-enerġija b’emissjonijiet żero tal-karbonju), l-adattament (investimenti mmirati biex jikkumpensaw għall-ħsarat klimatiċi, bħall-protezzjoni kontra l-għargħar u n-nixfa), u r-reżiljenza (investimenti olistiċi f’sistemi ta’ twissija u l-kapaċità tas-sistemi umani li jirkupraw minn telf u ħsarat relatati mal-klima); (3) il-kunflitti vjolenti jeżawrixxu d-dħul tal-gvern li huwa meħtieġ biex isiru investimenti kritiċi fil-klima; (4) il-kunflitti vjolenti jimpedixxu l-kooperazzjoni bejn l-istati biex tingħeleb il-problema ta’ opportuniżmu fl-azzjoni ambjentali. Peress li l-kunflitti vjolenti jżidu t-tensjoni bejn in-nazzjonijiet, il-kapaċità li tinkiseb kooperazzjoni fejn jirbaħ kulħadd hija mxekkla jew mitmuma; (5) il-kunflitti vjolenti jimblukkaw il-fiduċja interstatali meħtieġa għal azzjonijiet klimatiċi reġjonali, bħall-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija (eż. il-ġbir flimkien ta’ riżervi tal-enerġija rinnovabbli minn diversi pajjiżi f’ġabra unika ta’ enerġija jew il-governanza konġunta ta’ bijoma fil-periklu bħal foresta pluvjali jew baċir tal-iskular li jkun kondiviż minn żewġ pajjiżi ġirien jew aktar).

2.6.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrikonoxxi l-urġenza li tiġi indirizzata l-interdipendenza bejn it-tibdil fil-klima u l-paċi. It-tibdil fil-klima qed isir dejjem aktar mutur ewlieni tal-insigurtà globali, jaggrava l-vulnerabbiltajiet eżistenti, jikkontribwixxi għall-ispostament furzat u jintensifika l-kompetizzjoni għal riżorsi skarsi. Hekk kif ir-riskji b’rabta mal-klima jintensifikaw, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ ir-reazzjonijiet diplomatiċi u istituzzjonali tagħha biex tindirizza l-impatti tal-klima fuq il-paċi u l-istabbiltà, speċjalment fl-ordni ġeopolitiku l-ġdid. Il-ħidma tal-KESE dwar id-diplomazija ċirkolari tista’ tikkomplementa l-għanijiet ta’ din l-Opinjoni. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, pereżempju, diġà qed tagħmel sforzi internament biex tuża l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fl-akkwist tagħha (permezz tal-Forum ta’ Inkubazzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari fid-Difiża Ewropea ffinanzjat mil-LIFE), li joħloq opportunitajiet konsistenti f’dan il-qasam.

3.   Sfond

3.1.

It-tibdil fil-klima huwa sfida fundamentali u urġenti għas-sigurtà li qed issawwar mill-ġdid l-istabbiltà globali. L-effetti kaskata tat-tibdil fil-klima qed jamplifikaw il-vulnerabbiltajiet eżistenti u joħolqu riskji ġodda għas-sigurtà, b’mod partikolari f’reġjuni fraġli u ċentri urbani.

3.2.

L-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u ż-żamma tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma prijoritajiet interkonnessi: l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jirnexxi mingħajr l-ieħor, u t-tnejn huma fundamentali għas-salvagwardja tas-sigurtà umana u nazzjonali.

3.3.

L-objettiv li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima huwa inkorporat fl-Artikolu 191(1) tat-TFUE bħala kunċett li għandu jiġi promoss fl-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016 tiddikjara li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jaggravaw il-kunflitt potenzjali, fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, u l-iskarsezza tal-ilma u tal-ikel. L-istrateġija tqis il-klima bħala multiplikatur tat-theddid li jikkatalizza l-iskarsezza tal-ilma u tal-ikel, il-pandemiji u l-ispostament (5).

3.4.

Barra minn hekk, il-Patt Ekoloġiku Ewropew (6) għandu jibqa’ komponent kruċjali tal-qafas ta’ politika tal-UE, bil-għan li jittrasforma l-Unjoni f’ekonomija kontemporanja, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Il-Patt Ekoloġiku mhux biss iwiegħed li jittrasforma l-Ewropa fl-ewwel “l-ewwel kontinent newtrali għall-klima” sal-2050 iżda għandu wkoll l-għan li jgħaqqad l-għanijiet klimatiċi ma’ strateġiji ta’ tkabbir u sigurtà tal-prosperità. Dan il-pjan komprensiv juri l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tiżviluppa strateġija komprensiva u fuq diversi binarji, li tqis il-fatturi ġeopolitiċi, ekonomiċi u ambjentali.

3.5.

L-UE għandha tingrana wkoll il-Global Gateway, billi tgħaqqad id-diplomazija klimatika u ġeoekonomika billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali, waqt li tintegra l-SDGs fil-proġetti u l-inizjattivi ewlenin tagħha. Il-proġetti ewlenin tagħha għandhom jindirizzaw il-kombinazzjoni tal-paċi, il-kunflitt u d-demokrazija.

3.6.

Bħala parti mir-rabta usa’ bejn il-klima u s-sigurtà, l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża tikkontribwixxi għall-aġenda usa’ tal-UE, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Diplomazija dwar il-Klima ta’ Jannar 2020 (7).

3.7.

F’Marzu 2022, il-Kunsill tal-UE adotta l-Boxxla Strateġika (8), li sussegwentement ġiet approvata mill-mexxejja tal-UE. Il-boxxla hija mfassla biex toħloq viżjoni strateġika kondiviża dwar l-isfidi tas-sigurtà, inkluża l-klima, u biex issarraf dik il-viżjoni f’linji ta’ azzjoni u riżultati tanġibbli.

3.8.

Madankollu, u minkejja r-retorika kollha li l-politika dwar il-klima issa saret il-politika tas-sigurtà, l-UE tbiegħdet aktar mill-mira ta’ sikurezza ekoloġika sħiħa. Huwa stramb li l-komponent ġeopolitiku usa’ tal-klima tal-politika tal-UE kien inattiv waqt bidla daqstant kbira. Ma kien hemm l-ebda progress sostanzjali u, b’xi mod, il-ġeopolitika klimatika qed titwarrab a skapitu ta’ kalkoli ġeopolitiċi oħra u treġġigħ lura għal sigurtà aktar tradizzjonali. L-interessi ġeoekonomiċi u dawk politiċi huma r-raġuni għal dan.

4.   Kummenti

L-urġenza tat-tmexxija tal-UE

4.1.

Il-KESE jifhem li l-awtoritarjaniżmu, il-protezzjoniżmu u n-nazzjonaliżmu li qed jikbru jistgħu jikkompromettu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà ġġenerati mit-tibdil fil-klima. Qed ngħixu f’era li fiha r-rabta bejn il-politika dwar il-klima u l-politika ta’ sigurtà qed issir dejjem aktar importanti, iżda r-rabta bejn l-azzjoni konċertata u l-fehim globali qed issir frammentata u m’għandhiex tittieħed bħala fatt.

4.2.

Il-KESE jemmen li kemm jekk hija d-difiża, il-kummerċ, il-klima, jew inkella d-diplomazija, l-Ewropa qed tiffaċċja sfida monumentali: kif tadotta pożizzjoni bħala attur reżiljenti u awtonomu fix-xena globali. Issa li l-aġenda dwar il-klima qed tingħata l-ġenb fl-aġenda tal-Istati Uniti, l-Ewropa jeħtiġilha tħejji ruħha b’mod proattiv għal dinja fejn l-allinjament tal-Istati Uniti ma jistax jitqies bħala fatt.

4.3.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li, fid-dawl tal-irtirar tal-Istati Uniti mill-arranġamenti u l-obbligi internazzjonali dwar il-klima, l-UE jeħtiġilha mhux biss tipprova tikseb il-mezzi biex timla l-vojt, iżda wkoll issaħħaħ l-alleanzi li jipproteġu l-politiki dwar il-klima mit-taqlib ġeopolitiku. Issa wasal iż-żmien għal diplomazija globali mġedda. Id-dinja ma tistax taffordja li tittratta t-tibdil fil-klima u l-kunflitt daqslikieku kienu kwistjonijiet iżolati. Futur sostenibbli u paċifiku jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li ngħaqqdu dawn l-oqsma u nimplimentaw soluzzjonijiet integrati li jrawmu kemm l-istabbiltà ambjentali kif ukoll dik ġeopolitika.

4.4.

L-UE taqdi rwol determinanti biex tixpruna din it-trasformazzjoni, u fl-istess ħin tiżgura li l-azzjoni klimatika ma tibqax titqies bħala separata mill-konsolidazzjoni tal-paċi iżda bħala komponent essenzjali tagħha. Il-politika barranija tal-UE li qed tevolvi trid tirrifletti n-natura interkonnessa tal-isfidi globali, b’mod partikolari r-rabtiet bejn id-degradazzjoni ambjentali u l-kunflitt. L-urġenza ta’ din l-isfida ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed. Hekk kif it-theddid għas-sigurtà relatat mal-klima jintensifika, id-diplomazija trid tevolvi biex tirrifletti din ir-realtà l-ġdida.

4.5.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tiddefendi l-pożizzjoni tagħha bħala msieħeb fdat fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tenfasizza l-ħtieġa li taqdi rwol ewlieni u sservi bħala multiplikatur tal-valuri. Dan jista’ jinkludi investimenti f’SDGs usa’ (governanza tajba, għajxien, sigurtà tal-ikel, bliet sikuri), u l-isforzi umanitarji sensittivi għall-klima u s-sigurtà jridu jinkludu organizzazzjonijiet fil-livell lokali, organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili. Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod inklużiv, varjat u bbażat fuq l-evidenza dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Dan jgħodd ukoll għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u r-rispons għalihom, u s-sigurtà tal-enerġija u ekonomika.

4.6.

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tegħleb il-frammentazzjoni interna u tieħu passi kuraġġużi lejn l-awtonomija strateġika. Madankollu, din l-awtonomija strateġika trid tissarraf f’kapaċitajiet operazzjonali, politiki konkreti u azzjoni koordinata fost l-Istati Membri. Mingħajr progress tanġibbli fid-difiża, l-indipendenza enerġetika u r-reżiljenza ekonomika, l-UE tirriskja rigress f’dinja dejjem aktar imsawra minn ġlied għall-poter u deċiżjonijiet unilaterali.

4.7.

B’mod partikolari, it-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika hija essenzjali għall-istabbiltà ġeopolitika, l-awtosuffiċjenza u l-konsolidazzjoni tal-paċi. Waqt li n-nazzjonijiet jeħtiġilhom jrawmu livell ogħla ta’ kooperazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, b’enfasi fuq it-trasformazzjoni tas-sistema globali tal-enerġija, l-Ewropa jeħtiġilha tinvesti fil-kapaċità rinnovabbli domestika b’mod simultanju biex ittejjeb id-deċentralizzazzjoni u l-awtosuffiċjenza tal-enerġija. Dan l-approċċ doppju jnaqqas l-emissjonijiet globali, waqt li jrawwwem il-fiduċja reċiproka, inaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jtaffi r-riskju ta’ kunflitt.

4.8.

L-UE għandha tiżviluppa strateġija fuq tliet binarji għall-azzjoni klimatika. L-ewwel nett, għandha tistabbilixxi pjani nazzjonali u għall-UE kollha biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għad-dekarbonizzazzjoni, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-użu tal-art, l-ekonomija ċirkolari u miżuri oħra. L-istaġnar ekonomiku attwali fl-Ewropa mhuwiex raġuni għad-dewmien, iżda pjuttost raġuni biex tissaħħaħ l-azzjoni. L-investimenti fl-azzjoni klimatika mhux talli se jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali, iżda se jaġixxu wkoll bħala stimolu ekonomiku u bħala perkors għall-kompetittività globali tal-Ewropa fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali.

4.9.

L-UE għandha tkun minn ta’ quddiem fid-diplomazija tal-Patt Ekoloġiku/tal-SDGs (Lafortune et al, 2024 (9)) ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin oħra, li fihom l-Ewropa tuża l-avvanzi tagħha fil-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tgħin lil reġjuni oħra fid-dinja li qed tiżviluppa jadottaw approċċi simili. Dan għandu jinkludi l-inizjattivi UE-Ċina, UE-UA, UE-Indja, UE-ASEAN, u UE-CELAC (Amerika Latina) u msieħba oħrajn min-Nofsinhar Globali.

4.10.

L-UE għandha tinvesti fil-multilateraliżmu u tkompli tmexxi globalment fis-sejħa għal azzjoni klimatika, speċjalment meta jitqies l-irtirar tal-Istati Uniti minn kwalunkwe responsabbiltà raġonevoli dwar din il-kwistjoni. L-Ewropa għandha tmexxi s-sejħa għal azzjoni aċċellerata fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u fil-laqgħat tal-COP tal-UNFCCC, il-KDB, u l-UNCCD.

4.11.

Għall-proċess tal-UNFCCC, it-tlestija tal-ġabra ta’ regoli għall-Ftehim ta’ Pariġi tista’ tiġi attribwita għall-effettività tad-diplomazija globali dwar il-klima. Hekk kif nimxu lejn fażi ta’ wara n-negozjar, fejn forom emerġenti ta’ pluraliżmu, alleanzi u sħubijiet bilaterali jistgħu jiddefinixxu mill-ġdid il-multilateraliżmu, ir-rwol tas-soċjetà ċivili se jsir dejjem aktar vitali. L-atturi tas-soċjetà ċivili se jkunu essenzjali biex imexxu t-triq u jsarrfu l-ftehimiet dwar il-klima f’azzjoni permezz ta’ impenn diplomatiku sostnut fuq il-post.

4.12.

Strateġija diplomatika mġedda għandha tkun ibbażata fuq tliet prinċipji ewlenin:

4.12.1.

Integrazzjoni tal-Kunsiderazzjonijiet Klimatiċi fil-Prevenzjoni tal-Kunflitti: is-sigurtà tal-klima trid issir pilastru ċentrali tal-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi. L-UE, flimkien mal-organizzazzjonijiet u l-gvernijiet internazzjonali għandhom jinkorporaw il-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali fl-istrateġiji diplomatiċi tagħhom, waqt li jiżguraw li t-tensjonijiet relatati mar-riżorsi jiġu indirizzati b’mod proattiv.

4.12.2.

Tisħiħ tal-kooperazzjoni multilaterali: l-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti u atturi globali oħra jeħtiġilhom isawru alleanzi aktar b’saħħithom li jipprijoritizzaw kemm ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Is-sħubijiet reġjonali u l-kollaborazzjonijiet fil-livell lokali jistgħu jsaħħu l-istrateġiji ta’ adattament għat-tibdil fil-klima li jnaqqsu l-instabbiltà.

4.12.3.

Investiment fl-Iżvilupp Ekoloġiku bħala Mekkaniżmu għall-Paċi: politiki ekonomiċi sostenibbli li jippromovu l-enerġija rinnovabbli, ir-riforestazzjoni, u l-agrikoltura intelliġenti f’termini ta’ klima jistgħu jservu bħala forzi ta’ stabbilizzazzjoni f’reġjuni fraġli. Billi nipprovdu lill-komunitajiet b’għajxien sostenibbli, nistgħu nnaqqsu l-probabbiltà ta’ kunflitti xprunati mir-riżorsi.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Diplomazija tal-UE dwar il-klima” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/1575, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1575/oj).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Prospettiva ġdida rigward ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà: Nindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-paċi, is-sigurtà u d-difiża” (JOIN(2023) 0019 final) (ĠU C, C/2024/2106, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2106/oj).

(3)  Dwar l-ilma, agħti ħarsa lejn is-sejħa tal-KESE għal Patt Blu tal-UE u Opinjonijiet relatati: Patt Blu tal-UE, KESE.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dritt għal ambjent b’saħħtu fl-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C 228, 29.6.2023, p. 10).

(5)   https://www.eeas.europa.eu/eeas/global-strategy-european-unions-foreign-and-security-policy_en.

(6)   https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.

(7)   https://www.eeas.europa.eu/eeas/eu-climate-change-and-defence-roadmap_en.

(8)   https://www.eeas.europa.eu/eeas/strategic-compass-security-and-defence-1_en.

(9)  Lafortune, Guillaume, Grayson Fuller, Adolf Kloke-Lesch, Phoebe Koundouri, et Angelo Riccaboni (2024) “European Elections, Europe’s Future and the Sustainable Development Goals/Europe Sustainable Development Report 2023/24” Report SDSN Europe, https://www.tara.tcd.ie/handle/2262/104407 (mhux disponibbli bil-Malti).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5150/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)