European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/645

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovakkja

(C/2025/645)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011, b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI fuq terminu medju TAS-SLOVAKKJA

(5)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, is-Slovakkja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mis-Slovakkja.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lis-Slovakkja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-15 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 6, il-punt (d), 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tas-Slovakkja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 2,0 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lis-Slovakkja fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

Medja 2025-2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

2,8

2,0

1,6

1,5

2,0

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Slovakkja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mis-Slovakkja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b'mod partikolari aġġustament fiskali pospost fl-2026 spjegat mill-investiment fid-difiża u l-kofinanzjament nazzjonali tal-għotjiet iffinanzjati mill-UE), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

F'Settembru u Ottubru 2024, f'konformità mal-Artikoli 11(3) u 36(1), punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja fil-pjan tagħha, il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ġie diskuss fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, li jinkludi t-trade unions, l-unjoni tal-impjegaturi, l-assoċjazzjoni tal-impjegaturi, u l-muniċipalitajiet tas-Slovakkja.

Proċessi oħra relatati

(9)

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja minħabba nuqqas ta' konformità mal-kriterju tad-defiċit (7). Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fis-Slovakkja (8). L-adozzjoni simultanja ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, tiżgura l-konsistenza bejn il-perkorsi ta' aġġustament rakkomandati.

(10)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, is-Slovakkja ssottomettiet l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (9).

(11)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-Slovakkja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, is-Slovakkja qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività tal-kostijiet, il-bilanċ estern, is-suq tad-djar u d-dejn tal-unitajiet domestiċi (10).

(12)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lis-Slovakkja sensiela ta' CSRs fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (11).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(13)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)

L-attività ekonomika fis-Slovakkja kibret b'1,4 % fl-2023, minħabba t-tnaqqis fil-konsum privat u pubbliku. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 2,2 % fl-2024, minħabba konsum privat robust iżda domanda għall-esportazzjoni aktar dgħajfa. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,3 %, xprunat mill-konsum privat u l-investiment. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,5 %, minħabba konsum privat robust u esportazzjonijiet netti pożittivi. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fis-Slovakkja huwa mistenni li jesperjenza tnaqqis modest, minn 2,3 % fl-2024 għal 2,2 % sal-2026. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 5,8 % fl-2023 u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 5,5 % fl-2024, 5,3 % fl-2025 u 5,1 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 10,1 % fl-2023 għal 4,4 % fl-2024 u mbassra li tilħaq 3,8 % fl-2025 u 2,8 % fl-2026.

(15)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovakkja ammonta għal 5,2 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 5,8 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 4,7 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 4,1 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tas-Slovakkja għall-2025, li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika kien ta' 56,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 58,9 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jiżdied għal 59,8 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 61,8 % fi tmiem l-2026. Il-projezzjonijiet fiskali mill-Kummissjoni ma jqisux l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(16)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovakkja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(17)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)

Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 2,0 % matul is-snin 2025–2028. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028) huwa ugwali (12) għat-trajettorja referenzjarja mibgħuta mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos gradwalment minn 2,4 % fl-2025 għal 1,4 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 4,6 % fl-2024 għal 3,2 % fl-2025, u mbagħad għal 2,9 % fl-2028.

Tabella 2: Il-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tas-Slovakkja

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

6,2

3,8

0,9

1,6

1,5

2,0

Tkabbir nett fl-infiq (kumulattiv, %)

6,2

10,3

11,2

13,0

14,8

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,3

2,4

1,7

1,4

1,4

1,7

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

4,6

3,2

3,1

3,0

2,9

3,1

Sors: Il-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju tas-Slovakkja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 58,5 % fl-2024 għal 62,1 % tal-PDG fl-2027, qabel ma jibda jonqos għal 61,4 % fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG huwa mistenni li jinqabeż għall-ewwel darba fl-2026, fil-livell ta' 61,6 % tal-PDG, u jibqa' ogħla mill-valur ta' referenza għas-snin tal-aħħar tal-perjodu ta' aġġustament. Minn hemm 'il quddiem, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos gradwalment skont il-pjan, għal 54,8 % tal-PDG sal-2038.

Tabella 3: Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tas-Slovakkja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

56,0

58,5

59,8

61,6

62,1

61,4

54,8

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-4,9

-5,9

-5,1

-3,9

-2,9

-1,8

-2,3

Sors: Il-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju tas-Slovakkja:

Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, peress li d-dejn ikun ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(20)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jilħaq 5,9 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos gradwalment għal 1,8 % fl-2028. Id-defiċit huwa mistenni li jerġa' lura għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2027, bi 2,9 % tal-PDG. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx 3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(21)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, jiġi pospost b'konċentrazzjoni fl-aħħar tal-perjodu, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fl-2025, l-aġġustament fiskali tal-bilanċ strutturali primarju huwa ta' 0,8 punti perċentwali, li huwa 0,5 punti perċentwali inqas mill-aġġustament annwali medju matul l-orizzont tal-pjan. L-aġġustament fiskali inqas ambizzjuż fl-2025 huwa spjegat minn twassil pospost ta' investimenti militari mis-snin preċedenti, li jammonta għal 0,4 % tal-PDG fl-2025. L-aġġustament huwa għalhekk pospost għall-2026, meta l-aġġustament ippjanat fil-bilanċ strutturali primarju huwa ppjanat li jkun 0,5 pps. ogħla mill-aġġustament annwali medju. Fl-2027 u l-2028, l-aġġustament f'termini ta' bilanċ primarju strutturali huwa lineari." Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ strutturali primarju fil-pjan tas-Slovakkja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-3,5

-4,3

-3,5

-1,7

-0,3

1,0

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

-0,8

0,8

1,8

1,3

1,3

Sors: Il-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju tas-Slovakkja:

Konsistenza mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv

(22)

Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (b'mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(23)

Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 dwar is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 %, japplika għas-Slovakkja mill-2028, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jkun taħt it-3 % tal-PDG mill-2027. Għalhekk, fl-2028 l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali ma għandux ikun inqas minn 0,4 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jibqa' 'l fuq minn 1,5 % tal-PDG fl-2027, biex jinkiseb marġni ta' reżiljenza komuni f'termini strutturali ta' 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan huwa ta' 1,3 % fl-2028. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(24)

Skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż ser ikun bejn 60 % u 90 % tal-PDG fl-2026, l-2027 u l-2028. Madankollu, peress li skont il-pjan id-defiċit tal-gvern jitla' taħt it-3 % tal-PDG fl-2027, li jirriżulta f'abrogazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament, is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tapplikax matul il-perjodu kopert mill-pjan.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(25)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali li huwa konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lis-Slovakkja fil-21 ta' Ġunju 2024. Huwa jqis l-informazzjoni addizzjonali disponibbli mqabbla mat-trajettorja referenzjarja u tinkludi indikaturi makro u fiskali aġġornati kif xieraq. L-impatt ta' dan l-aġġornament ma jaffettwax b'mod sinifikanti t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan imqabbel mat-trajettorja referenzjarja.

Strateġija fiskali tal-pjan

(26)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu prinċipalment permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-pjan jippreżenta miżuri li jirrappreżentaw terz tal-ammont fil-mira, filwaqt li ż-żewġ terzi li jifdal ser jiġu speċifikati fil-baġits annwali sussegwenti. Il-konsolidazzjoni fiskali ppjanata fl-2025 hija bbażata fuq il-miżuri ppjanati li jżidu d-dħul u li jnaqqsu n-nefqa inklużi fl-abbozz tal-pjan baġitarju tal-2025. Tinkludi żieda fit-taxxi fuq il-valur miżjud, it-taxxa korporattiva u d-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk, taxxi ġodda fuq tranżazzjonijiet finanzjarji għan-negozji, kif ukoll dazji tas-sisa ġodda fuq xorb dolċifikat u prodotti mhux tat-tabakk. Fuq in-naħa tan-nefqa, dawn il-miżuri jinkludu stralċ ta' miżuri ta' appoġġ eżistenti relatati mal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u t-tnaqqis tal-pagi tas-settur pubbliku. Iż-żidiet diskrezzjonali fid-dħul jammontaw għal 1,6 % tal-PDG, filwaqt li t-tnaqqis fin-nefqa jammonta għal 0,6 % tal-PDG. Madankollu, is-Slovakkja qed tippjana wkoll li żżid in-nefqa b' 0,6 % tal-PDG, li jirriżulta f'konsolidazzjoni netta ta' 1,6 % tal-PDG.

(27)

L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta' politika rilevanti trid tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, għad fadal xi riskji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan. Dawn ir-riskji jirriżultaw mill-aġġustament fiskali li huwa bbażat primarjament fuq żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-piż tal-isforz qawwi ta' konsolidazzjoni huwa mxekkel lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti għall-kuntrarju tal-gvern. Strateġija ta' konsolidazzjoni bħal din tista' tirriżulta f'effetti makroekonomiċi addizzjonali, b'konsegwenzi fiskali potenzjali. B'mod partikolari, konsolidazzjoni xprunata mit-taxxa tinvolvi r-riskju fiskali ta' ġbir ta' dħul mit-taxxa aktar baxx minn dak preżunt fil-pjan. L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (13).

Intenzjonijiet ta' riformi u investimenti fil-pjan li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(28)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inkluż dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. B'mod speċifiku, il-pjan jinkludi 18-il riforma u 11-il investiment, li minnhom 18 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u 1 ukoll mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(29)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jippreżenta l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluża fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP), li l-objettiv tiegħu huwa li jżid it-tul tal-infrastruttura ferrovjarja nadifa mibnija mill-ġdid jew modernizzata. Din il-miżura għandha l-għan li tindirizza l-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 (CSRs) dwar it-trasport pubbliku sostenibbli u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi (skont l-RRP), proġetti mmirati lejn l-indirizzar tal-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika permezz tat-tnedija ta' sejħiet tematiċi allinjati mal-prijoritajiet ta' Orizzont Ewropa. Dan l-investiment iwieġeb għas-CSRs indirizzati lis-Slovakkja fl-2019, fl-2020, fl-2022 u fl-2023 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, il-promozzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iffukar tal-investimenti fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-pjan jippreżenta wkoll miżura oħra ta' tranżizzjoni ekoloġika koperta mill-RRP, bħal riforma tas-suq tal-elettriku, emenda għall-Att dwar l-Iskart, li t-tnejn huma diġà implimentati, u l-Att dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Att dwar l-Ilma. Biex tingħata spinta lil tranżizzjoni diġitali ġusta, is-Slovakkja inkludiet miżuri bħal sistema ta' fatturazzjoni elettronika u servizzi elettroniċi mtejba għall-amministrazzjoni finanzjarja. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa u jippromwovu approċċ iċċentrat fuq il-klijent. Dawn huma marbuta direttament mas-CSRs li jippromwovu t-tisħiħ tal-konformità mar-regoli tat-taxxa u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa, indirizzati lis-Slovakkja fl-2022, l-2023 u l-2024. Il-pjan jinkludi wkoll investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jappoġġa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija (skont l-RRP), li għandu l-għan li jindirizza s-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2024 dwar l-appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Barra minn hekk, dan jinkludi riforma biex tiġi stabbilita pjattaforma ċentralizzata għall-akkwist pubbliku tar-riżorsi tal-IT (skont l-RRP), li tgħin biex jiġu indirizzati s-CSRs fl-2019 u fl-2020 dwar l-infrastruttura diġitali u s-servizzi pubbliċi ta' kwalità.

(30)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi diversi miżuri. Biex jikkontribwixxi għar-reżiljenza soċjali, qed jiġi implimentat kreditu tat-taxxa aktar immirat, li jappoġġa lill-familji bit-tfal b'enfasi partikolari fuq unitajiet domestiċi b'introjtu baxx. Din il-miżura għandha l-għan li tindirizza s-CSRs fl-2022, fl-2023 u fl-2024 biex ittejjeb l-effettività tal-infiq pubbliku u tagħmel it-taħlita tat-taxxa aktar favorevoli għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli. Ir-reżiljenza soċjali hija akkumpanjata mit-tranżizzjoni tal-enerġija fl-investiment li jikkonċerna r-rinnovazzjoni tad-djar għal unitajiet domestiċi foqra fl-enerġija bl-għan li jiżdied l-għadd ta' djar rinnovati għal persuni f'riskju ta' faqar enerġetiku, li għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023. Barra minn hekk, is-Slovakkja inkludiet riforma biex issaħħaħ l-inklużjoni u d-desegregazzjoni fl-edukazzjoni bħala parti minn pakkett leġiżlattiv ġdid ta' liġijiet tal-iskejjel, u b'hekk biħsiebha tindirizza s-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2024 dwar it-titjib tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, speċjalment għat-tfal minn sfondi żvantaġġati. Miżuri oħra li jtejbu r-reżiljenza soċjali jinkludu t-tlestija tal-kapaċitajiet tal-kindergarten (skont l-RRP), id-definizzjoni tal-ħtiġijiet edukattivi speċjali u t-tħejjija ta' materjali metodoloġiċi (skont l-RRP), ir-riforma kurrikulari fl-edukazzjoni primarja (skont l-RRP), kollha għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2024 dwar it-titjib tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-aċċess għall-indukrar tat-tfal affordabbli u l-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati. Il-miżuri li jindirizzaw ir-reżiljenza ekonomika jinvolvu l-iżvilupp ta' Politika Industrijali tar-Repubblika Slovakka għall-2027–2035, li għandha l-għan li tindirizza s-CSRs fl-2019 u fl-2024 dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività. Barra minn hekk, is-Slovakkja inkludiet riforma tal-governanza, l-evalwazzjoni u l-appoġġ fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni (skont l-RRP), u investiment li jappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-iżvilupp, it-tnejn li huma għandhom l-għan li jindirizzaw CSRs simili tal-2019, l-2020 u l-2024 dwar l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, u t-tisħiħ tal-kompetittività. Fl-aħħar nett, biex twettaq is-CSRs tal-2019, l-2023 u l-2024 relatati mal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi li l-pajjiż qed jesperjenza fir-rigward tas-suq tad-djar, is-Slovakkja għandha l-għan li temenda l-Att dwar il-Bini, biex tissimplifika l-proċeduri tal-kostruzzjoni u tespandi d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni għall-kiri. Għandha wkoll l-għan li timplimenta l-Att dwar l-Appoġġ mill-Istat għall-Akkomodazzjoni Pubblika biex jiżdied l-aċċess għal għażliet ta' kiri affordabbli.

(31)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi riforma dwar l-iżvilupp ta' proposti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni effiċjenti tat-teknoloġiji tal-idroġenu, f'konformità mar-rekwiżiti u l-prijoritajiet nazzjonali tal-UE, li huma l-Pjan ta' Azzjoni għal Strateġija Nazzjonali għall-Idroġenu inkluż fil-kapitolu REPowerEU tal-RRP. Din ir-riforma għandha l-għan li tindirizza s-CSRs li s-Slovakkja rċeviet fl-2020, fl-2022 u fl-2023 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, permezz tal-kostruzzjoni ta' sorsi ġodda tal-elettriku rinnovabbli (skont l-RRP), is-Slovakkja għandha l-għan li tiġġenera 122,4 MW ta' elettriku ġdid. Dan l-investiment għandu l-għan li jindirizza s-CSRs tal-2020, l-2022 u l-2023 li jirrakkomandaw l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, is-Slovakkja inkludiet investiment (skont l-RRP) biex timmodernizza s-sistemi tal-enerġija tad-distribuzzjoni, bil-ħsieb li tiffaċilita l-proċeduri għall-konnessjoni tal-enerġija rinnovabbli mal-grilja, u b'hekk biħsiebha tindirizza s-CSRs fl-2020, fl-2022 u fl-2023.

(32)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi miżura biex jiġu implimentati proġetti magħżula, li jinkludu b'mod partikolari l-iżvilupp ta' vetturi blindati bir-roti 8x8 u ta' sistema ta' difiża tal-ajru ta' medda medja, bħala parti mill-pjan ta' żvilupp fit-tul tal-Ministeru għad-Difiża sal-2035.

(33)

Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżura ta' politika biex il-pensjoni tal-ġenituri eżistenti tiġi sostitwita b'mekkaniżmu li jippermetti r-rimborż ta' parti mit-taxxa mħallsa lill-ġenituri li għandha l-għan li tindirizza s-CSRs tal-2019 u l-2024 dwar il-ħtieġa li tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jitnaqqsu l-miżuri ta' nfiq għaljin. Barra minn hekk, miżura biex jitnaqqas l-għadd ta' impjegati taċ-ċivil u impjegati fis-settur pubbliku b'5 000 bejn l-2025 u l-2027 ser tikkontribwixxi biex titrażżan in-nefqa pubblika (2024 CSR). Barra minn hekk, il-pjan fih ukoll riforma dwar is-sistema ċentrali ta' ġestjoni tal-isptarijiet (skont l-RRP), li għandha l-għan li tindirizza s-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fir-rigward tas-settur tas-saħħa u l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-saħħa; riforma dwar l-introduzzjoni tan-network il-ġdid tal-qrati (skont l-RRP), li għandha l-għan li twieġeb għas-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mal-effettività tas-sistema ġudizzjarja, u miżura dwar l-istabbiliment ta' ċentri ta' servizzi kondiviżi (skont l-RRP) biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi essenzjali, li għandha l-għan li tindirizza s-CSRs tal-2020 u tal-2024 dwar it-titjib tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi.

(34)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tas-Slovakkja. B'mod speċifiku, il-pjan jinkludi investiment, li jinsab fl-RRP (investiment 4 tal-komponent 16), li jistabbilixxi ċentri ta' servizzi kondiviżi li jżidu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà ta' servizzi pubbliċi essenzjali. Il-finanzjament għall-kapaċitajiet tal-persunal taċ-ċentri ta' servizzi kondiviżi ser jiġi żgurat permezz ta' sejħa ffinanzjata mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(35)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tas-Slovakkja rigward il-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluża l-konsistenza mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-miżuri jinkludu ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha u s-sostituzzjoni tal-użu tal-fjuwils fossili b'alternattivi aktar sostenibbli, li l-investimenti jiġu diretti lejn l-enerġija nukleari, solari u eolika. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet ta' investiment jiffukaw fuq it-titjib tal-aċċess u l-użu tas-servizzi diġitali tal-gvern, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali Strateġiku Nazzjonali tad-Deċennju Diġitali tas-Slovakkja. Biex tiżgura r-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-Slovakkja qed tippjana li żżid gradwalment in-nefqa pubblika fir-riċerka u l-iżvilupp sal-2030. Biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, is-Slovakkja tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu diversifikati l-importazzjonijiet ta' tipi differenti ta' materja prima bħala soluzzjoni ta' investiment fuq terminu medju billi jinbnew interkonnessjonijiet ġodda u jsir investiment f'sorsi ta' enerġija rinnovabbli u enerġija nukleari fit-tul. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà, jiġu ssodisfati l-impenji tan-NATO u tal-UE u tinżamm l-istabbiltà reġjonali, l-investiment fi proġetti ta' modernizzazzjoni tad-difiża jkompli fil-pajjiż, bl-objettiv primarju li jiġi pprovdut tagħmir militari ġdid u modern kompatibbli bis-sħiħ ma' dak tal-pajjiżi membri tan-NATO. Il-pjan jinkludi żieda fl-infiq għad-difiża biex tintlaħaq mira ta' allinjament ta' 2 % tal-PDG mal-impenji tan-NATO.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(36)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tas-Slovakkja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(37)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tas-Slovakkja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(38)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(39)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(40)

Il-Kunsill jistenna li s-Slovakkja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(41)

Il-Kunsill iqis li għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali huma meħtieġa aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għas-sorveljanza annwali.

(42)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(43)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mis-Slovakkja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi aktar wiesgħa u investimenti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(44)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lis-Slovakkja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#slovakia.

(7)  ĠU L, 1.8.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2129/oj.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta'defiċit eċċessiv fis-Slovakkja, 26.11.2024, COM(2024)958 final.

(9)  L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tas-Slovakkja, 26.11.2024, C(2024) 9065 final.

(10)   “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment”, COM (2024) 600 final, Appendiċi 4.

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tas-Slovakkja.

(12)  Id-differenza mhix viżibbli minħabba l-ittondjar.

(13)  Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tas-Slovakkja, 26.11.2024, C(2024) 9065 final.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Is-Slovakkja

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

3,8

0,9

1,6

1,5

Kumulattiv (*1)

10,3

11,2

13,0

14,8


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/645/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)