|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2402 |
1.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2402
tat-28 ta’ Novembru 2024
dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa SA.38374 (2014/C) (ex 2014/NN) (ex 2014/CP) — in-Netherlands, allegata għajnuna lil Starbucks
(notifikata bid-dokument C(2024) 8566)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a), tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Starbucks Coffee EMEA bv (minn hawn ’il quddiem: “Starbucks Coffee BV”) u Starbucks Manufacturing EMEA bv (minn hawn ’il quddiem: “SMBV”), huma kumpaniji li huma kkontrollati indirettament minn Starbucks Corporation. Din il-kumpanija tal-aħħar ġiet stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerka u sservi bħala kwartieri ġenerali tal-grupp. Starbucks Corporation u l-kumpaniji kollha kkontrollati minn dik il-korporazzjoni ssir referenza għalihom minn hawn ’il quddiem b’mod kollettiv bħala “Starbucks” jew il-“grupp Starbucks”. |
|
(2) |
B’ittra ddatata t-30 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-Renju tan-Netherlands (“in-Netherlands”) jipprovdu informazzjoni dwar il-prattika tad-deċiżjoni tat-taxxa fin-Netherlands u dwar id-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ Starbucks Coffee BV u SMBV. |
|
(3) |
B’ittra ddatata t-2 ta’ Ottubru 2013, l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni, inkluż l-arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment (2) (3) konkluż fl-2008 bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u Starbucks Coffee BV, kif ukoll l-arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment konkluż fl-2008 bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u SMBV (minn hawn ’il quddiem: “APA ta’ SMBV”), u d-dokumenti ta’ sostenn. Id-dokumenti ta’ sostenn jinkludu b’mod speċifiku rapport tal-ipprezzar ta’ trasferiment tal-2007 li jsostni ż-żewġ talbiet tal-APA (minn hawn ’il quddiem: “Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007”) u skambji bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u, min-naħa l-oħra, il-konsulent tat-taxxa ta’ Starbucks Corporation, (minn hawn ’il quddiem: “konsulent tat-taxxa”), li jaġixxi f’isem Starbucks Coffee BV u SMBV. Bħala parti mid-dokumenti ta’ sostenn, l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw ukoll APA lill-Kummissjoni, konkluż bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u Starbucks Coffee BV u SMBV fl-2001. |
|
(4) |
Wara investigazzjoni preliminari, fil-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: “TFUE”) dwar l-APA ta’ SMBV għar-raġuni li dak l-APA jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (minn hawn ’il quddiem: “Deċiżjoni ta’ Ftuħ”) (4). B’ittra ddatata s-16 ta’ Lulju 2014, l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. |
|
(5) |
Fid-19 ta’ Diċembru 2014, id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. |
|
(6) |
B’ittra ddatata s-16 ta’ Jannar 2015, Starbucks ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. Ġew ippreżentati kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuh mill-Assoċjazzjoni Netherlandiża tal-Konsulenti tat-Taxxa wkoll (De Nederlandse Orde van Belastingadviseurs, minn hawn ’il quddiem: “NOB”), mill-Unjoni tal-Impriżi Netherlandiżi u l-Unjoni Kristjana Netherlandiża tal-Impjegaturi (Verbond van Nederlandse Ondernemingen & Nederlands Christelijk Werkgeversverbond, minn hawn ’il quddiem: “VNO-NCW”), minn ATOZ Tax Advisers Lussemburgu, minn Oxfam International u mill-Kamra Awstrijaka tal-Kummerċ (Bundesarbeitskammer Österreich, minn hawn ’il quddiem: “BAK”). |
|
(7) |
B’ittri ddatati l-20 u s-26 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kummenti tal-partijiet terzi dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. |
|
(8) |
Fil-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/502 (5), li tagħlaq l-investigazzjoni formali dwar l-APA ta’ SMBV. F’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li dak l-APA kkostitwixxa għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE li kienet inkompatibbli mas-suq intern u ddaħħal fis-seħħ b’mod illegali mill-awtoritajiet Netherlandiżi bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. In-Netherlands ġew ordnati jirkupraw l-ammont ta’ għajnuna inkompatibbli u illegali miksuba minn SMBV. |
|
(9) |
Fl-24 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni (UE) 2017/502 fis-sentenza Starbucks tagħha (6), iżda ma affettwatx id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ. Dik is-sentenza saret finali. |
|
(10) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid l-APA ta’ SMBV. |
|
(11) |
Fit-23 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Netherlandiżi dwar il-funzjonijiet, l-assi u r-riskji involuti fl-attivitajiet ta’ SMBV fin-Netherlands matul il-perjodu investigat. |
|
(12) |
Fuq talba tar-Rappreżentanza Permanenti Netherlandiża għall-Unjoni, il-Kummissjoni organizzat laqgħa fit-22 ta’ Jannar 2021 biex tiddiskuti t-talba addizzjonali tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tat-23 ta’ Diċembru 2020. |
|
(13) |
Fit-18 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet Netherlandiżi ppreżentaw tweġibiet għat-talba addizzjonali tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tat-23 ta’ Diċembru 2020. |
|
(14) |
Fid-29 ta’ April 2021, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ SMBV u tal-awtoritajiet Netherlandiżi biex jiġu diskussi dawk it-tweġibiet. |
|
(15) |
Għalhekk, l-investigazzjoni formali tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata għadha miftuħa u jeħtieġ li tingħalaq. |
2. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA
2.1. Il-benefiċjarju
|
(16) |
Il-benefiċjarju tal-miżura huwa SMBV, sussidjarja tal-grupp Starbucks inkorporata fin-Netherlands. Il-grupp Starbucks huwa kompost minn Starbucks Corporation u l-kumpaniji kollha kkontrollati minn dik il-korporazzjoni. Starbucks Corporation hija l-kwartieri ġenerali tal-grupp Starbucks. Starbucks Corporation tinsab f’Seattle fl-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”). |
|
(17) |
Il-grupp Starbucks huwa dak li jinkalja, in-negozjant u l-bejjiegħ bl-imnut ta’ kafè bħala speċjalità, u jopera f’65 pajjiż. Jixtri u jinkalja kafejiet li jinbiegħu, flimkien ma’ kafè, te u xorb ieħor artiġjanali u oġġetti ta’ ikel frisk, permezz ta’ ħwienet operati mill-kumpanija. Skont ir-rapport annwali tal-grupp Starbucks għall-2014, il-grupp Starbucks ibigħ varjetà ta’ prodotti tal-kafè u t-te u jilliċenzja t-trademark tiegħu permezz ta’ kanali oħra, bħal ħwienet liċenzjati, tal-merċa u kontijiet tas-servizzi tal-ikel nazzjonali. Fl-2014, il-grupp Starbucks kellu dħul nett dinji ta’ USD 16 448 miljun u qligħ ta’ wara t-taxxa ta’ USD 2 067 miljun. |
|
(18) |
L-entitajiet tal-grupp Starbucks li jħallsu t-taxxi fin-Netherlands huma Starbucks Coffee BV u SMBV, li flimkien jiffurmaw unità fiskali. Għaldaqstant, huma jippreżentaw dikjarazzjoni tat-taxxa waħda bħala entità waħda. |
|
(19) |
SMBV hija kumpanija tal-inkaljar tal-kafè li ilha topera mill-2002. Il-faċilità tal-inkaljar tagħha bbażata f’Amsterdam hija l-unika faċilità ta’ dan it-tip li tinsab barra l-Istati Uniti. SMBV hija fornuta b’kafeni ħodor minn sussidjarja Żvizzera tal-grupp Starbucks, Starbucks Coffee Trading Company SARL, li tixtri dawk il-kafeni ħodor għall-benefiċċju tal-grupp Starbucks kollu u d-detenturi tal-liċenzja indipendenti tiegħu. Il-kafeni għas-suq tal-EMEA huma sussegwentement inkaljati u ppakkjati fin-Netherlands. |
|
(20) |
SMBV tilliċenzja l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar tal-kafè (minn hawn ’il quddiem: “PI”) minn Alki Limited Partnership (minn hawn ’il quddiem: “Alki LP”) - sussidjarja tal-grupp Starbucks inkorporata fir-Renju Unit li tikkontrolla indirettament lil SMBV - li hija neċessarja għall-proċessi ta’ manifattura tal-inkaljar u għall-konsenja ta’ kafeni inkaljati lill-operaturi tal-ħwienet. Bħala korrispettiv, SMBV tħallas royalty lil Alki LP. Skont it-termini tal-ftehim tal-inkaljar bejn Alki LP u SMBV, Alki LP taġixxi bħala l-prinċipal għar-reġjun tal-EMEA u tassumi r-riskji kollha tal-kumpanija għall-bejgħ tal-prodotti u l-kostijiet tat-telf imġarrba b’riżultat tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, bejgħ, trasport u ħażna. |
|
(21) |
Skont it-termini tal-ftehim tal-qsim tal-kostijiet, Alki LP għandha tħallas royalty lil Starbucks Corporation għall-għarfien dwar l-inkaljar tal-kafè, tariffi tas-servizz għal servizzi pprovduti minn Starbucks Corporation lil Alki LP u pagamenti tal-qsim tal-kostijiet għall-iżvilupp ta’ ċerti assi intanġibbli. |
|
(22) |
Bħala sid tal-faċilità Ewropea tal-inkaljar tal-kafè ta’ Starbucks, SMBV għandha tiżgura li jintuża t-tagħmir korrett, li jitwettqu l-proċessi korretti u li l-kafeni inkaljati jiġu prodotti f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti minn Alki LP fil-ftehim tal-inkaljar. Skont dak il-ftehim, SMBV hija s-sid tal-kafeni ħodor, li tixtrihom mingħand fornituri ddeżinjati jew approvati minn Alki LP. SMBV tiżgura li l-prodotti, fil-ħin tal-konsenja lill-faċilità tal-produzzjoni tagħha, jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ta’ Alki LP, u SMBV hija obbligata li tissostitwixxi minnufih kwalunkwe kwantità ta’ kafeni ħodor difettużi jew improduttivi bi spejjeż tagħha stess. Madankollu, Alki LP tassumi r-riskji relatati mat-telf imġarrab mill-produzzjoni, il-bejgħ, it-trasport, il-ħażna, it-trattament, jew l-użu tal-kafeni u għandha tindennizza lil SMBV għat-talbiet ta’ kumpens relatati mal-prodott. |
|
(23) |
Alki LP ma għandha l-ebda impjegat fuq il-lista tagħha tal-impjegati bil-pagi tagħhom biex twettaq ir-rwol tagħha bħala prinċipal taħt il-ftehim tal-inkaljar, u lanqas is-sħab tagħha ma għandhom impjegati fuq il-lista tal-impjegati bil-pagi tagħhom biex iwettqu dan ir-rwol. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-grupp Starbucks fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Alki LP twettaq ir-rwol tagħha permezz tal-gwida, il-kompetenza u l-funzjonijiet meħtieġa pprovduti mill-entitajiet tal-grupp Starbucks fl-Istati Uniti skont il-ftehim tal-qsim tal-kostijiet. |
|
(24) |
Alki LP titqies bħala entità trasparenti għal skopijiet tat-taxxa Netherlandiża, u għalhekk ma hijiex soġġetta għal taxxa fuq il-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni tat-taxxa Netherlandiża. B’riżultat ta’ dik it-trasparenza tat-taxxa, l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża tqis pagament ta’ royalties minn SMBV lil Alki LP għall-użu tal-PI għaż-żona EMEA bħala pagament dirett lil Starbucks Corporation fl-Istati Uniti. |
|
(25) |
Is-sussidjarji tal-grupp Starbucks jikkonkludu kuntratti ma’ Starbucks Coffee BV għall-konsenja tal-kafeni inkaljati tagħhom u prodotti oħra. Il-prodotti kollha distribwiti minn SMBV (kafeni inkaljati, tazzi, u napkins tal-karti, eċċ.), jew prodotti minn SMBV jew mixtrija minn SMBV minn fornituri oħra, jinbiegħu lill-ħwienet. Xi wħud mill-ħwienet huma indipendenti, u oħrajn huma proprjetà ta’ Starbucks. Il-prezzijiet mitluba minn SMBV lill-ħwienet huma determinati permezz ta’ formula żviluppata minn entitajiet oħra tal-grupp Starbucks. |
2.2. Il-miżura taħt valutazzjoni
L-APA ta’ SMBV
|
(26) |
Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-APA ta’ SMBV. L-APA ta’ SMBV kien fil-prinċipju vinkolanti għal 10 snin, mill-1 ta’ Ottubru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2017. Madankollu, skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni, l-APA ta’ SMBV ġie tterminat fit-30 ta’ Settembru 2014 minħabba bidla materjali fil-fatti stabbiliti fit-taqsima 1 tal-APA. |
|
(27) |
Fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, ir-rimunerazzjoni kienet valwazzjoni pożittiva ta’ [9-12] (*1) % tal-bażi tal-kost rilevanti. |
|
(28) |
Skont l-Artikolu 8b tal-Att Netherlandiż dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji tal-1969 (Wet op de vennootschapsbelasting 1969), tali APAs jenħtieġ li jiddeterminaw ir-rimunerazzjoni ta’ distakkament għal skopijiet tal-ipprezzar ta’ trasferiment. Billi kkonkludiet l-APA ta’ SMBV, l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża għalhekk aċċettat li r-rimunerazzjoni stabbilita mill-konsulent tat-taxxa fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007 għall-funzjonijiet imwettqa minn SMBV fin-Netherlands (inkluż ir-riskju assunt u l-assi użati) ikkostitwiet rimunerazzjoni ta’ distakkament (7). |
|
(29) |
Ir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007 pprovdut lill-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża fil-kuntest tal-APA ta’ SMBV jifforma parti integrali minn dak l-APA. |
|
(30) |
Għall-iskop tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli ta’ SMBV, l-APA ta’ SMBV ittratta t-tranżazzjonijiet intragrupp ivvalutati mill-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża. SMBV ħallset lil kumpanija tal-grupp (Alki LP) tariffa għall-użu tal-PI tal-inkaljar tal-kafè u ħallset kumpanija oħra tal-grupp, Starbucks Coffee Trading Company SARL, għall-akkwist ta’ kafeni ħodor. Permezz tal-APA ta’ SMBV, l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u SMBV iddeterminaw ir-rimunerazzjoni taxxabbli għas-servizzi ta’ inkaljar u għall-attivitajiet tal-katina tal-provvista (jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-kafè u mhux tal-kafè) li fihom SMBV kienet involuta. |
|
(31) |
Fl-APA ta’ SMBV, l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża aċċettat li l-livell tal-pagament tar-royalties minn SMBV lil Alki LP jiġi ddeterminat fl-aħħar ta’ kull sena bħala d-differenza bejn l-introjtu operatorju realizzat qabel il-kostijiet tar-royalties u l-valwazzjoni pożittiva ta’ [9-12] % fuq l-ispejjeż operatorji. L-APA ta’ SMBV jipprevedi wkoll li dan “il-pagament tar-royalties huwa deduċibbli għal għanijiet tat-taxxa fuq il-kumpaniji u mhuwiex soġġett għat-taxxa minn ras il-għajn Olandiża”. |
Ir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007
|
(32) |
Ir-rimunerazzjoni aċċettata mill-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża fl-APA ta’ SMBV kienet ibbażata fuq l-analiżi tal-ipprezzar ta’ trasferiment imħejjija mill-konsulent tat-taxxa fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, li jifforma parti integrali minn dak l-APA. |
|
(33) |
Ir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007 juża l-Metodu tal-Marġni Nett Tranżazzjonali (minn hawn ’il quddiem: “TNMM, Transactional Net Margin Method”) bħala l-metodu preferut tal-ipprezzar ta’ trasferiment biex tiġi kkalkolata l-prestazzjoni operazzjonali ta’ SMBV. Dak il-metodu huwa wieħed mill-metodi indiretti biex jiġi approssimat ipprezzar ta’ distakkament tat-tranżazzjonijiet u tal-allokazzjoni tal-profitt bejn kumpaniji tal-istess grupp korporattiv. Dan japprossima dak li kieku jkun profitt ta’ distakkament għal attività sħiħa, minflok għal tranżazzjonijiet individwali identifikati. Ma jfittixx li jistabbilixxi l-prezz tal-oġġetti mibjugħa, iżda jistima l-livell tal-profitti li kumpaniji indipendenti jistgħu jkunu mistennija li jiksbu minn attività, bħall-bejgħ tal-oġġetti. Jagħmel dan billi jikkalkula proporzjon ta’ profitt għal bażi xierqa (jiġifieri, indikatur tal-livell tal-profitt), bħal kostijiet, fatturat jew investiment fiss, u sussegwentement iqabbel dak il-proporzjon mal-proporzjonijiet osservati fi tranżazzjonijiet mhux ikkontrollati komparabbli. L-użu tat-TNMM huwa spjegat aktar fil-premessa (44) ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(34) |
Fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, il-konsulent tat-taxxa ta’ SMBV għamel analiżi funzjonali tat-tranżazzjonijiet intragrupp u indipendenti ta’ dik l-impriża għall-attività ta’ manifattura tagħha. SMBV kienet ikkaratterizzata bħala kumpanija tal-inkaljar tal-kafè b’riskju baxx. |
|
(35) |
Peress li SMBV tqieset bħala l-parti l-inqas kumplessa għal dawk it-tranżazzjonijiet f’termini ta’ funzjonijiet, assi u riskji, il-konsulent tat-taxxa uża lil SMBV bħala l-parti ttestjata biex jiddetermina r-rimunerazzjoni ta’ distakkament tagħha skont analiżi tat-TNMM. |
|
(36) |
Fl-applikazzjoni tat-TNMM għall-attivitajiet tal-manifattura ta’ SMBV, il-konsulent tat-taxxa kkunsidra li l-bażi rilevanti għall-indikatur tal-profitt nett hija l-kostijiet tas-servizzi pprovduti minn SMBV, f’konformità mal-metodu “cost plus”, li jitqies metodoloġija xierqa għall-katina tal-provvista u s-servizzi tal-manifattura. |
|
(37) |
Madankollu, il-konsulent tat-taxxa kien tal-fehma li l-valwazzjoni pożittiva kellha tiġi applikata biss għall-kostijiet sottostanti assoċjati ma’ attivitajiet fejn SMBV wettqet rwol b’valur miżjud (8). Ir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007 jelenka dawk il-kostijiet sottostanti bħala (fost l-oħrajn) il-kostijiet kollha tal-persunal involut kemm fl-attivitajiet tal-manifattura kif ukoll fil-katina tal-provvista, il-kost tat-tagħmir tal-produzzjoni (jiġifieri d-deprezzament) u l-kostijiet ġenerali tal-impjanti (bħall-kost tal-faċilità bħala tali). |
|
(38) |
Sabiex iżid l-affidabbiltà tal-analiżi funzjonali, il-konsulent tat-taxxa wettaq aġġustament tal-ipprezzar ta’ trasferiment sabiex iqis il-fatt li l-applikazzjoni proposta tal-valwazzjoni pożittiva għall-bażi tal-kost ta’ SMBV jenħtieġ li ma jkunx fiha komponent tal-kost għall-kafeni ħodor. |
|
(39) |
Il-kumpaniji komparabbli li magħhom jitqabblu r-riżultati finanzjarji ta’ SMBV ġarrbu wkoll kostijiet tal-materja prima. Għalhekk, il-konsulent tat-taxxa applika aġġustament tal-kost tal-materja prima sabiex jimmodifika l-valwazzjoni pożittiva tal-kost totali kkalkolat għal kull waħda mill-kumpaniji fil-kumpaniji komparabbli stabbiliti. |
|
(40) |
Il-kombinazzjoni tal-aġġustamenti għall-komponent tal-kost għall-kafeni ħodor u għall-kostijiet tal-materja prima biddlet ir-rimunerazzjoni stmata minn medjan ta’ 7,8 % fuq il-kostijiet totali għal medjan stmat ta’ 9,9 % fuq il-kostijiet operatorji. Ġiet ikkunsidrata valwazzjoni pożittiva (arrotondata) ta’ [9-12] % tal-kostijiet operatorji fuq dik il-bażi sabiex tirrifletti valwazzjoni pożittiva ta’ distakkament għall-forniment tas-servizzi ta’ inkaljar u attivitajiet tal-katina tal-provvista assoċjati minn SMBV għat-transazzjonijiet intragrupp tagħha. |
2.3. Il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti
|
(41) |
Il-prezzijiet ta’ trasferiment jirreferu għall-prezzijiet mitluba fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn diversi partijiet tal-istess grupp korporattiv. Il-kumpaniji multinazzjonali għandhom inċentiv finanzjarju biex jallokaw l-inqas profitt possibbli għal ġuriżdizzjonijiet fejn dawk il-profitti huma soġġetti għal tassazzjoni ogħla. Dak jista’ jwassal għal prezzijiet ta’ trasferiment li jenħtieġ li ma jiġux aċċettati bħala bażi għall-kalkolu tad-dħul taxxabbli. Biex tiġi evitata dik il-problema, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jużaw metodoloġiji tal-ipprezzar ta’ trasferiment li għalihom se jaċċettaw biss prezzijiet ta’ trasferiment bejn kumpaniji intragrupp li huma komparabbli ma’ dawk li kienu jiġu miftiehma minn kumpaniji indipendenti li jinnegozjaw taħt ċirkostanzi komparabbli f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Dak huwa magħruf bħala l-“prinċipju ta’ distakkament”. |
|
(42) |
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (minn hawn ’il quddiem: “OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development”) adottat gwida fil-forma, b’mod partikolari, ta’ Linji Gwida dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti. Minħabba n-natura mhux vinkolanti tal-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa ta’ pajjiżi membri tal-OECD huma sempliċiment imħeġġa jsegwu dawk il-Linji Gwida. Madankollu, fil-prattika, il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti jservu bħala punt fokali u jeżerċitaw influwenza ċara fuq il-prattiki tat-taxxa tal-pajjiżi membri (anke mhux membri) tal-OECD. Barra minn hekk, f’diversi pajjiżi membri tal-OECD, dawn il-Linji Gwida ngħataw il-forza legali jew iservu b’mod espliċitu bħala referenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-liġi tat-taxxa domestika. |
|
(43) |
Il-Kumitat dwar l-Affarijiet Fiskali tal-OECD xi kultant jadotta aġġornamenti għal-linji gwida tiegħu dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, bħal fl-1995 u fl-2010. |
|
(44) |
L-użu tat-TNMM huwa assoċjat mal-paragrafu 3.26 tal-Linji Gwida tal-1995 tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti. Skont dawk il-linji gwida, il-parti għat-tranżazzjoni li għaliha huwa ttestjat indikatur tal-profitt nett jenħtieġ li ġeneralment tkun il-kumpanija li għandha l-inqas funzjonijiet kumplessi. Il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti jiddikjaraw li tali analiżi tista’ twassal għal firxa ta’ eżiti aċċettabbli aktar milli eżitu korrett speċifiku wieħed. Fil-prattika, dik il-firxa aċċettabbli spiss titqies bħala l-firxa interkwartili tal-proporzjonijiet osservati. Kwartili f’serje ta’ data huma tliet punti li jaqsmu l-figuri fis-sett ikklassifikat mill-iżgħar għall-ikbar f’erba’ settijiet popolati b’mod ugwali, jiġifieri 25 % tad-data hija fil-25 perċentil jew inqas (imsejjaħ ukoll il-kwartil ta’ isfel), 50 % tad-data hija fit-tieni kwartil jew inqas, li huwa wkoll il-medjan tas-sett, u 75 % tad-data hija fil-75 perċentil jew inqas (imsejjaħ ukoll il-kwartil ta’ fuq). Il-firxa interkwartili tikkonsisti fil-valuri kollha bejn il-kwartier ta’ isfel u ta’ fuq. |
2.4. Ir-regoli Netherlandiżi dwar l-ipprezzar ta’ distakkament
|
(45) |
L-APA ta’ SMBV ġie konkluż fuq il-bażi tal-Artikolu 8b(1) tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji Netherlandiża tal-1969 (Wet op de Vennootschapsbelasting 1969) (minn hawn ’il quddiem “CIT”). L-Artikolu 8b(1), li ddaħħal fis-CIT fl-2002, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ distakkament fis-CIT. |
|
(46) |
Matul il-perjodu investigat, ġiet ipprovduta gwida dwar kif l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża tinterpreta l-prinċipju ta’ distakkament stabbilit fl-Artikolu 8b(1) tas-CIT fid-Deċiżjoni IFZ2001/295M tas-Segretarju Finanzjarju Netherlandiż għat-Teżor tat-30 ta’ Marzu 2001 (minn hawn ’il quddiem: “Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment”). |
|
(47) |
Id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment jiċċara li, fil-prinċipju, il-prinċipju ta’ distakkament jifforma parti integrali mis-CIT Netherlandiża. F’każijiet fejn il-Linji Gwida tal-OECD jeħtieġ li jiġu ċċarati, id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment jispeċifika l-pożizzjoni Netherlandiża fir-rigward ta’ dawk il-punti partikolari u jfittex, meta jkun possibbli, biex ineħħi kwalunkwe konfużjoni. |
|
(48) |
B’mod partikolari, id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment jispeċifika fil-Kapitolu 1.2 li l-użu ta’ firxa ta’ distakkament huwa permissibbli, peress li metodu partikolari tal-ipprezzar ta’ trasferiment spiss se jiġġenera firxa ta’ figuri, li kollha huma ugwalment affidabbli. |
|
(49) |
Fil-Kapitolu 2, id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment jittratta l-metodi tal-ipprezzar ta’ trasferiment deskritti fil-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti. Abbażi tal-paragrafu 4.9 ta’ dawk il-Linji Gwida, kull meta l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża tieħu impenn għal awditu tal-ipprezzar ta’ trasferiment, id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment jispeċifika li tali awditu jenħtieġ li jibda mill-perspettiva tal-metodu tal-ipprezzar ta’ trasferiment adottat mill-kontribwent fil-mument tat-tranżazzjoni, dment li tali pprezzar ta’ trasferiment adottat iwassal għal eżitu ta’ distakkament għat-tranżazzjoni kkonċernata. |
3. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(50) |
Fid-deċiżjoni tagħha li tniedi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-APA ta’ SMBV, li aċċettat ir-rimunerazzjoni proposta mill-konsulent tat-taxxa ta’ SMBV għall-funzjonijiet imwettqa minn SMBV fin-Netherlands, dehret li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(51) |
Fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet it-tliet dubji li ġejjin dwar il-konformità tal-APA ta’ SMBV mal-prinċipju ta’ distakkament. |
|
(52) |
L-ewwel, il-Kummissjoni esprimiet dubju fuq is-suppożizzjoni tal-konsulent tat-taxxa fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007 li SMBV ma kellha l-ebda riskju u li għalhekk jenħtieġ li tiġi kklassifikata bħala manifattur b’arranġament ta’ sottokuntrattar jew b’kuntratt. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet referenza għall-evidenza tar-riskju tal-inventarju rreġistrat fil-kontijiet finanzjarji ta’ SMBV, li tikkontradixxi l-karatterizzazzjoni bħala manifattur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar. |
|
(53) |
It-tieni, il-Kummissjoni esprimiet dubju fuq żewġ aġġustamenti konsekuttivi mill-konsulent tat-taxxa, li t-tnejn dehru li jindirizzaw l-istess tħassib rigward l-analiżi ta’ komparabbiltà. L-ewwel aġġustament naqqas il-bażi tal-kost miżmuma biex tiġi kkalkolata l-bażi taxxabbli ta’ SMBV għall-ispejjeż operatorji tagħha. Il-konsulent tat-taxxa qies li tali aġġustament huwa xieraq minħabba li SMBV tkun manifattur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar jew b’kuntratt. It-tieni aġġustament, imsejjaħ “Aġġustament tal-Valwazzjoni Pożittiva tal-Konverżjoni” fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, naqqas multiplu ta’ Kost tal-Oġġetti Mibjugħa mill-profitt tal-kumpaniji użati bħala komparabbli għal skopijiet ta’ pprezzar ta’ trasferiment. Dak it-tieni aġġustament, ippreżentat min-Netherlands bħala “aġġustament tal-kapital operatorju”, naqqas il-bażi taxxabbli ta’ SMBV fin-Netherlands. |
|
(54) |
It-tielet, il-Kummissjoni esprimiet dubju fuq in-natura ta’ distakkament tar-royalty imħallsa minn SMBV lil Alki LP, peress li l-ammont tar-royalty ma kienx jidher li huwa relatat mal-valur tal-PI li kien suppost jirremunera. Minħabba l-użu tat-TNMM fl-analiżi tal-ipprezzar ta’ trasferiment, fir-realtà r-royalty ikkorrispondiet għal profitt residwu ta’ SMBV, jiġifieri kwalunkwe profitt irreġistrat minn SMBV ’il fuq minn [9-12] % tal-ispiża operatorja kien trasformat f’royalty tat-tnaqqis tat-taxxa. |
4. KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET NETHERLANDIŻI DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ
|
(55) |
In-Netherlands ippreżentaw l-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fis-16 ta’ Lulju 2014. |
|
(56) |
In-Netherlands sostnew li r-rimunerazzjoni miftiehma fl-APA ta’ SMBV taqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta u li l-metodu (jiġifieri, it-TNMM, b’indikatur tal-livell tal-profitt ibbażat fuq il-kost) magħżul mill-konsulent tat-taxxa kien xieraq biex tiġi ddeterminata dik ir-rimunerazzjoni. In-Netherlands iddikjaraw ukoll li l-APA ta’ SMBV ma tax vantaġġ selettiv lil SMBV. |
|
(57) |
Biex jappoġġaw dik il-fehma, in-Netherlands ressqu l-argumenti li ġejjin fil-kummenti tagħhom. |
|
(58) |
L-ewwel, in-Netherlands argumentaw li l-intenzjoni tal-grupp Starbucks dejjem kienet li jitwaqqaf impjant ta’ inkaljar tal-kafè li jopera u b’riskju baxx u li l-fatti u ċ-ċirkustanzi ma nbidlux b’mod sinifikanti matul is-snin. Barra minn hekk, SMBV wettqet il-funzjonijiet tagħha taħt is-superviżjoni ta’ entitajiet oħra tal-grupp li fl-aħħar mill-aħħar ġarrbu r-riskji ta’ dawk it-tranżazzjonijiet. |
|
(59) |
Għalhekk, in-Netherlands qiesu lil SMBV bħala l-“inqas entità kumplessa” (u għalhekk il-parti ttestjata) li r-rimunerazzjoni ta’ distakkament tagħha trid tiġi ddeterminata permezz ta’ studju ta’ punti ta’ referenza li għalih it-TNMM kien l-aktar metodu użat fuq livell internazzjonali. Fid-dawl tal-funzjonalità tal-produzzjoni ta’ SMBV, SMBV użat indikatur tal-livell tal-profitt orjentat lejn il-kost. In-Netherlands saħqu li dan l-approċċ kien konformi mal-Linji Gwida applikabbli tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti u mad-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment. B’mod aktar speċifiku, in-Netherlands argumentaw li, fil-prinċipju, abbażi tad-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment, kull kontribwent huwa ħieles li jagħżel metodu tal-ipprezzar ta’ trasferiment, dment li l-metodu magħżul iwassal għal eżitu ta’ distakkament għat-tranżazzjoni kkonċernata. Peress li n-Netherlands qiesu r-riżultat tal-APA ta’ SMBV bħala approssimazzjoniaċċettabbli ta’ prezz tas-suq, huma ma qisuhx li jagħti vantaġġ lil SMBV. |
|
(60) |
Fir-rigward tal-aġġustamenti ta’ komparabbiltà, in-Netherlands argumentaw li meta tfassal ir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni dwar kif għandhom jiġu trattati l-manifatturi bi profil tar-riskju baxx. In-Netherlands irrikonoxxew li l-Linji Gwida tal-2010 tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti inkludew aktar struzzjonijiet dwar l-aġġustament ta’ komparabbiltà, inklużi aġġustamenti tal-kapital operatorju, iżda argumentaw li dawk l-eżempji huma biss linji gwida u li dak ifisser li pożizzjonijiet oħra setgħu rriżultaw ukoll f’eżitu ta’ distakkament. Barra minn hekk, in-Netherlands argumentaw li l-valutazzjoni dwar jekk l-APA ta’ SMBV kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament trid tkun ibbażata fuq il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti li kienu disponibbli dak iż-żmien, jiġifieri l-Linji Gwida tal-1995 tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti. Għalhekk, l-Anness tal-Kapitolu III tal-Linji Gwida tal-2010 tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti, li juri eżempju prattiku ta’ aġġustament ta’ komparabbiltà, ma setax jiġi applikat. |
|
(61) |
In-Netherlands wettqu wkoll analiżi tas-sensittività fuq il-firxa ta’ distakkament, ikkalkolata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, sabiex tiġi vvalutata r-robustezza tar-riżultati jekk xi wħud mill-parametri kellhom jiġu mmodifikati. Abbażi ta’ dawk is-simulazzjonijiet, il-konklużjoni tan-Netherlands kienet li jekk jitqajjem xi dubju mill-Kummissjoni u jiġi aċċettat, dak xorta waħda kien jirriżulta f’rimunerazzjoni fil-firxa ta’ distakkament. F’konformità mal-Linji Gwida tal-1995 tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti, ma hija meħtieġa l-ebda korrezzjoni meta r-rimunerazzjoni taqa’ fi ħdan il-firxa ta’ distakkament. |
|
(62) |
In-Netherlands komplew jargumentaw li s-sistema ta’ referenza applikata mill-Kummissjoni, bħala bażi għall-analiżi tas-selettività tagħha, li kienet is-sistema tat-taxxa ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn il-profitti u t-telf ta’ impriża li twettaq l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq, ma kinitx identifikata b’mod korrett. Skont in-Netherlands, is-sistema ta’ referenza korretta kellha tkun l-Artikolu 8b(1) tas-CIT, li fih il-prinċipju ta’ distakkament, u d-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment li jipprovdi aktar gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament. In-Netherlands argumentaw li sakemm l-APA ta’ SMBV ma jiddevjax mill-Artikolu 8b(1) tas-CIT u mid-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment, ma setax kien hemm vantaġġ selettiv. |
|
(63) |
Fl-aħħar nett, in-Netherlands osservaw li, f’każ l-Kummissjoni kellha timponi l-interpretazzjoni tagħha stess tal-prinċipju tat-taxxa tal-Istati Membri, dan jaffettwa s-sovranità tan-Netherlands. |
5. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ
5.1. Starbucks
|
(64) |
Starbucks ippreżentat il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ fis-16 ta’ Jannar 2015. Barra minn hekk, Starbucks bagħtet informazzjoni tas-suq lill-Kummissjoni permezz tal-ittri ddatati t-13 ta’ April 2015, id-29 ta’ Mejju 2015, l-10 ta’ Settembru 2015 u t-23 ta’ Settembru 2015. |
|
(65) |
Il-kummenti ta’ Starbucks ikkoinċidew ferm ma’ dawk tan-Netherlands peress li t-tnejn li huma argumentaw li r-rimunerazzjoni fl-APA ta’ SMBV kienet f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta u ma kinitx tagħti vantaġġ selettiv lil SMBV. |
|
(66) |
Bħan-Netherlands, Starbucks argumentat li SMBV wettqet biss funzjonijiet limitati, b’riskju baxx b’appoġġ ta’ Starbucks Corporation li sservi lir-reġjun tal-EMEA. Fl-aħħar mill-aħħar, entitajiet oħra tal-grupp bħal Alki LP ħadu r-responsabbiltà kummerċjali għall-attivitajiet ta’ SMBV u konsegwentement assumew ir-riskji ekonomiċi assoċjati ma’ dawk it-tranżazzjonijiet (inkluż ir-riskju tal-inventarju). |
|
(67) |
Għalhekk, Starbucks ikkonkludiet li t-TNMM ikkostitwixxa l-aktar metodu tal-ipprezzar ta’ trasferiment xieraq. Starbucks ikkunsidrat li l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża, fi kwalunkwe każ, kellha tibda l-eżaminazzjoni tal-ipprezzar ta’ trasferiment fuq il-bażi tal-metodoloġija magħżula mill-kontribwent. |
|
(68) |
Starbucks fakkret li l-ipprezzar ta’ trasferiment ma huwiex xjenza preċiża u li għalhekk, l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe metodu tal-ipprezzar ta’ trasferiment tipikament tipproduċi firxa ta’ figuri li daqstant ieħor jistgħu jkunu difendibbli. Kwalunkwe analiżi tal-ipprezzar ta’ trasferiment se tirriżulta b’mod inerenti f’firxa ta’ eżiti ta’ distakkament u konklużjoni dwar xi prezz ta’ distakkament u mhux dwar il-prezz ta’ distakkament. |
|
(69) |
Starbucks żiedet tgħid li kellha diversi rapporti ad hoc li komplew jissostanzjaw in-natura ta’ distakkament tal-valwazzjoni pożittiva ddeterminata fl-APA ta’ SMBV. |
|
(70) |
Fir-rigward tal-aġġustamenti fir-Rapport tal-Ipprezzar ta’ Trasferiment tal-2007, Starbucks iċċarat li l-iskop ta’ dawk l-aġġustamenti huwa li jitqiesu d-differenzi importanti fil-profili funzjonali ta’ SMBV u l-kumpaniji komparabbli inklużi fil-kampjun biex tintlaħaq rimunerazzjoni ta’ distakkament xierqa. Skont Starbucks, dawk l-aġġustamenti kienu xierqa, f’ċerti aspetti konservattivi, u ċertament ma ssottovalutawx ir-rimunerazzjoni ta’ SMBV għall-funzjonijiet imwettqa. |
|
(71) |
Bħan-Netherlands, Starbucks kompliet targumenta li l-Kummissjoni ma identifikatx b’mod korrett il-qafas ta’ referenza. Starbucks argumentat li s-sistema ta’ referenza jenħtieġ li tkun is-sistema Netherlandiża ta’ tassazzjoni korporattiva u b’mod aktar speċifiku l-Artikolu 8b(1) tas-CIT, id-Digriet dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment u l-prattika amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Netherlandiżi. Kemm skont in-Netherlands kif ukoll skont Starbucks, jista’ jkun hemm biss kwistjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat jekk l-APA ta’ SMBV tbiegħed mill-interpretazzjoni normali u mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament fin-Netherlands. Barra minn hekk, Starbucks argumentat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tidentifika grupp ta’ referenza tal-kontribwenti u li kumpaniji relatati u mhux relatati mhux dejjem ikunu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. |
|
(72) |
Fl-aħħar nett, Starbucks ikkritikat l-approċċ tal-Kummissjoni talli ma jaqbilx mal-“approċċ li jagħti prijorità lis-sustanza fuq il-forma” tal-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża. Starbucks kompliet tindika li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża informazzjoni li kienet iddatata wara l-APA ta’ SMBV għall-valutazzjoni tagħha. |
5.2. Partijiet interessati oħra
|
(73) |
L-NOB argumentat li d-determinazzjoni ta’ jekk trattament tat-taxxa partikolari ta’ kontribwent skont l-APA kkostitwixxiex għajnuna mill-Istat jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni Netherlandiża, il-prattika amministrattiva u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament fiż-żmien meta l-APA daħal fis-seħħ. L-NOB osservat li r-referenza għall-operatur prudenti tas-suq indipendenti fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ dehret li tintroduċi tip ġdid ta’ standard tal-Unjoni li jmur lil hinn mill-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti għall-valutazzjoni tan-natura ta’ distakkament tal-arranġament sottostanti. Hija talbet konferma li l-Kummissjoni se tuża s-sistema legali domestika bħala qafas ta’ referenza u l-ebda standard ieħor. Argumentat ukoll li l-kontribwenti għandhom aspettattivi leġittimi li l-APAs li kienu konklużi abbażi ta’ interpretazzjoni nazzjonali tal-liġijiet domestiċi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
|
(74) |
Il-VNO-NCW esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-applikazzjoni tat-test tal-operatur tas-suq indipendenti prudenti u ħeġġet l-użu ta’ regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment applikati f’livell nazzjonali bħala l-punt ta’ referenza għall-valutazzjoni tas-selettività. |
|
(75) |
ATOZ argumentat li deher li l-Kummissjoni hija tal-fehma li jeżisti standard ta’ distakkament oġġettiv ibbażat fuq il-prinċipji tal-OECD li b’xi mod huwa mnaqqax fid-dritt tal-Unjoni u li jmur lil hinn mil-liġi u l-prattika nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, skont ATOZ, il-Kummissjoni kellha tqis jekk l-APA ta’ SMBV kienx konsistenti mad-dritt Netherlandiż. ATOZ argumentat li l-approċċ tal-Kummissjoni ħoloq inċertezza legali fost l-intrapriżi multinazzjonali. |
|
(76) |
Fil-kummenti tagħhom, Oxfam u BAK esprimew appoġġ għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
(77) |
Il-Kumpanija X, kompetitur tal-grupp Starbucks li ma riditx li l-identità tagħha tiġi żvelata, ippreżentat osservazzjonijiet lill-Kummissjoni b’rispons għad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ dwar il-valur miżjud mill-proċess tal-inkaljar għal kafè aħdar. Hija sostniet li, bħala medja, dak il-valur miżjud kien jammonta għal 13-17 % tal-kost tal-kafè aħdar fil-każ ta’ kafe inkaljat u mitħun jew ta’ kafeni. |
6. KUMMENTI MIN-NETHERLANDS DWAR KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI U DWAR KUMMENTI MILL-KUMPANIJA X
|
(78) |
Permezz tal-ittri ddatati l-20 u s-26 ta’ April 2015, in-Netherlands esprimew il-qbil tagħhom mal-osservazzjonijiet ta’ Starbucks, NOB, VNO-NCW u ATOZ. Min-naħa l-oħra, in-Netherlands ma appoġġawx l-argumenti li saru minn Oxfam u BAK. |
|
(79) |
Permezz ta’ ittra ddatata l-11 ta’ Marzu 2015, in-Netherlands iddikjaraw li ma setgħu jippreżentaw l-ebda tweġiba sostantiva għall-kummenti li saru mill-Kumpanija X, peress li n-Netherlands ma ġewx ipprovduti analiżi funzjonali u l-punt ta’ referenza tal-kompetitur anonimu. |
7. VALUTAZZJONI
|
(80) |
Sussegwentement għall-investigazzjoni fil-fond, wara li qieset bir-reqqa l-kummenti li waslu b’rispons għad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ u fid-dawl tas-sejbiet tas-sentenza Starbucks, il-Kummissjoni tqis li t-tħassib imqajjem fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ma jistax jiġi sostnut fir-rigward tad-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata. |
7.1. Eżistenza tal-għajnuna
|
(81) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-forniment ta’ ċerti oġġetti għandha, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(82) |
Kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9), il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għalhekk, tirrikjedi li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(83) |
F’dan li ġej, il-Kummissjoni se tikkonċentra l-valutazzjoni tagħha fuq jekk id-deċiżjoni tat-taxxa kkontestata tatx vantaġġ lil SMBV. |
7.2. Preżenza ta’ vantaġġ għal SMBV
|
(84) |
Vantaġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ, għandha ssir referenza għall-effett tal-miżura stess. Fir-rigward tal-miżuri fiskali, jista’ jingħata vantaġġ billi jitnaqqas b’diversi modi l-piż tat-taxxa ta’ impriża u b’mod partikolari billi titnaqqas il-bażi taxxabbli jew l-ammont tat-taxxa dovuta. |
|
(85) |
Kif deskritt fit-Taqsima 3 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni formali kontra n-Netherlands dwar l-APA ta’ SMBV abbażi tat-tliet dubji deskritti fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha. |
|
(86) |
L-ewwel dubju espress mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha kien dwar jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża kellhiex raġun li taċċetta l-klassifikazzjoni ta’ SMBV bħala manifattur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar b’riskju baxx biex tiddetermina r-rimunerazzjoni ta’ distakkament tagħha. |
|
(87) |
F’dak ir-rigward, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li fiha nnifisha, is-sejba li r-rekwiżiti metodoloġiċi ta’ analiżi konvenzjonali tal-ipprezzar ta’ trasferiment ma ġewx issodisfati ma kinitx biżżejjed biex turi li kienet ingħatat għajnuna mill-Istat. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha raġun tiddubita l-klassifikazzjoni tal-ipprezzar ta’ trasferiment applikata, il-Kummissjoni xorta jkollha turi li dak l-iżball metodoloġiku kien irriżulta f’vantaġġ għal SMBV. Skont il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli turi dak il-vantaġġ sal-istandard legali meħtieġ. (10) |
|
(88) |
It-tieni dubju mqajjem mill-Kummissjoni kien dwar jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża kellhiex raġun taċċetta l-ewwel u t-tieni aġġustamenti magħmula mill-konsulent tat-taxxa meta tiġi kkalkolata r-rimunerazzjoni ta’ SMBV skont l-APA ta’ SMBV. L-ewwel aġġustament huwa relatat mal-għażla tal-kostijiet operatorji bħala indikatur tal-livell tal-profitt għall-kalkolu tar-rimunerazzjoni ta’ SMBV. It-tieni aġġustament, kif deskritt minn SMBV, kien aġġustament tal-kapital operatorju. |
|
(89) |
L-ewwel, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-għażla ta’ indikatur tal-livell tal-profitt kienet żbaljata. (11) |
|
(90) |
It-tieni, fir-rigward tal-aġġustament tal-kapital operatorju, il-Qorti Ġenerali sabet li fiha nnifisha s-sejba tal-Kummissjoni li l-grupp Starbucks kien ipprovda ġustifikazzjoni insuffiċjenti għall-aġġustamenti li saru għar-riżultati kkalkolati bl-użu tat-TNMM ma kinitx biżżejjed biex turi li dawk l-aġġustamenti kienu żbaljati jew li taw vantaġġ lil SMBV. Abbażi ta’ dak, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-aġġustament tal-kapital operatorju mwettaq ta vantaġġ lil SMBV (12). |
|
(91) |
L-aħħar dubju espress mill-Kummissjoni kien dwar jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża kellhiex raġun taċċetta l-metodu identifikat fl-APA ta’ SMBV għall-kalkolu tal-livell tar-royalties pagabbli minn SMBV. F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-grupp Starbucks u kumpaniji oħra tal-inkaljar tal-kafè wrew li l-livell tar-royalties imħallas minn SMBV kellu jkun żero (13). Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-ftehimiet bejn il-kompetituri tal-grupp Starbucks u kumpaniji oħra tal-inkaljar tal-kafè wrew li l-livell tar-royalties imħallas minn SMBV kellu jkun żero (14). |
|
(92) |
Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod adegwat li jekk il-livell tar-royalties imħallas minn SMBV ma kienx żero, dan xorta kellu jkun inqas mill-ammont imħallas skont l-APA ta’ SMBV (15). Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni ma kinitx speċifikat fid-deċiżjoni tagħha, liema livell alternattiv ta’ royalties qieset bħala xieraq. (16) |
|
(93) |
B’mod aktar ġenerali, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta assumiet li l-valur tal-PI ipprovdut lil SMBV ġie sfruttat biss meta l-prodotti nbiegħu lill-klijenti finali (17). Il-Qorti Ġenerali sabet li peress li l-PI kienet neċessarja biex SMBV teżerċita l-attività ekonomika tagħha, SMBV kisbet valur mill-użu ta’ dik il-PI (18). |
|
(94) |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta argumentat li SMBV ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas royalties għal dik il-PI minħabba li l-attivitajiet li għalihom SMBV kellha bżonn il-PI kienu qegħdin jagħmlu telf (19). Il-Qorti Ġenerali osservat li l-informazzjoni li turi li dawk l-attivitajiet kienu qegħdin jagħmlu telf kienet disponibbli biss mill-2010 ’l quddiem, u għalhekk ma kinitx disponibbli meta ġie konkluż l-APA ta’ SMBV. F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali nnotat li jekk l-APA ta’ SMBV kien jagħti lok għal għajnuna ġdida, il-Kummissjoni kellha tiġi nnotifikata b’dik l-għajnuna qabel l-implimentazzjoni tagħha, kif meħtieġ mill-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Peress li l-Kummissjoni kellha, f’dak il-każ, tieħu pożizzjoni dwar tali notifika billi tuża biss l-informazzjoni disponibbli għaliha f’dak iż-żmien, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkritika lill-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża talli ma kinitx qieset informazzjoni li ma kinitx magħrufa jew raġonevolment prevedibbli fil-mument ta’ meta ġie konkluż l-APA ta’ SMBV (20). |
|
(95) |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali sabet li għalkemm l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża setgħet irrevokat jew emendat l-APA ta’ SMBV matul il-perjodu ta’ validità tiegħu, il-Kummissjoni ma kinitx argumentat li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża li ma tirrevokax jew ma timmodifikax l-APA ta’ SMBV matul it-terminu tiegħu tat vantaġġ lil SMBV (21). Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tuża tali argument biex tiġġustifika l-użu ta’ informazzjoni li kienet disponibbli biss wara l-mument li ġie konkluż l-APA ta’ SMBV. |
|
(96) |
Fil-qosor, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet naqset milli turi sal-istandard legali meħtieġ li l-APA ta’ SMBV ta vantaġġ lil SMBV, u, bħala tali, fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-fatturi mfakkra fil-premessa (82), il-Kummissjoni kienet naqset milli tistabbilixxi li n-Netherlands kienu taw għajnuna lil SMBV bi ksur tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ għeluq. |
|
(97) |
Skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma mas-sentenza Starbucks tal-Qorti Ġenerali li tannulla d-Deċiżjoni ta’ għeluq. |
|
(98) |
Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ġabret aktar informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tan-negozju tal-grupp Starbucks fin-Netherlands permezz ta’ talba għal informazzjoni indirizzata lin-Netherlands. La s-sottomissjoni tal-awtoritajiet Netherlandiżi b’rispons għal dik it-talba għal informazzjoni u lanqas laqgħa ta’ segwitu sussegwenti bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Netherlandiżi u r-rappreżentant tal-grupp Starbucks ma pprovdew evidenza li tikkonferma, sal-istandard legali meħtieġ, id-dubji mqajma fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ dwar il-konformità tal-APA ta’ SMBV mal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
|
(99) |
Barra minn hekk, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma żvelat l-ebda sors ieħor ta’ informazzjoni finanzjarja rilevanti u affidabbli mill-perjodu meta l-APA ġie oriġinarjament konkluż bejn l-amministrazzjoni tat-taxxa Netherlandiża u SMBV li jkun informattiv għall-analiżi tal-ipprezzar ta’ trasferiment tagħha. Dak in-nuqqas ta’ data affidabbli kien partikolarment pertinenti f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża fuq informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument li ġiet konkluża l-miżura kkontestata. (22) |
|
(100) |
Għalhekk, il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkonkludi li l-investigazzjoni formali dwar l-APA ta’ SMBV ma wrietx sal-istandard legali meħtieġ li l-APA ta’ SMBV wassal biex SMBV ittejjeb il-pożizzjoni finanzjarja netta tagħha. |
Konklużjoni
|
(101) |
Għalhekk, f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tneħħi d-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. Peress li l-kriterji biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma kumulattivi, ma hemmx bżonn li jiġu vvalutati l-kriterji l-oħra stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. |
8. KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA
|
(102) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-APA ta’ SMBV ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Bl-arranġament preliminari kkontestat ta’ prezzijiet ta’ trasferiment maħruġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa tar-Renju tan-Netherlands fit-28 ta’ April 2008, ir-Renju tan-Netherlands ma tax għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea lil Starbucks Manufacturing EMEA bv.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU C 460, 19.12.2014, p. 11.
(2) F’din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, it-termini “deċiżjoni tat-taxxa” u “APA” jintużaw bħala sinonimi.
(3) Arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment huwa ftehim bejn amministrazzjoni tat-taxxa u kontribwent dwar l-applikazzjoni tal-liġi tat-taxxa rigward tranżazzjonijiet (futuri). Arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment jiddetermina, qabel it-tranżazzjonijiet intragrupp, sett xieraq ta’ kriterji (pereż. metodu, prodotti simili u aġġustamenti xierqa għalihom, suppożizzjonijiet kritiċi rigward avvenimenti futuri) għad-determinazzjoni ta’ prezz ta’ distakkament għal dawk it-tranżazzjonijiet fuq perjodu fiss ta’ ħin. Arranġament preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment jinbeda formalment minn kontribwent.
(4) ĠU C 460, 19.12.2014, p. 11.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/502 tal-21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) implimentata min-Netherlands għal Starbucks (ĠU L 83, 29.3.2017, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/502/oj).
(6) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669.
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(7) Min-Netherlandiż oriġinali: “[SMBV] wordt geacht een arm’s length vergoeding te ontvangen voor haar activiteiten zoals beschreven [in het transfer pricing report] indien de operationele marge [9-12] % van de relevante kostgrondslag bedraagt.”
(8) F’dan il-każ, “valur miżjud” tintuża biex tiddeskrivi każijiet fejn kumpanija tieħu prodott li jista’ jitqies omoġenju, bi ftit differenzi (jekk ikun hemm) minn dak ta’ kompetitur u tipprovdi lill-klijenti potenzjali karatteristika jew żieda li tagħtiha sens akbar ta’ valur.
(9) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, ECLI:EU:C:2010:481, il-punt 39.
(10) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 427.
(11) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 501.
(12) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 541.
(13) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 359.
(14) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 358.
(15) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 362.
(16) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 368.
(17) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 260.
(18) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 262.
(19) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali) tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 273.
(20) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 250.
(21) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 248.
(22) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2019, In-Netherlands et vs Il-Kummissjoni, T-760/15 u T-636/16, ECLI:EU:T:2019:669, il-punt 251.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2402/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)