Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 82 – Proċedura relatata ma’ kompetizzjoni – Assenza ta’ smigħ minn qabel tal-kandidati – Protezzjoni tal-anonimat – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża C‑888/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura

Adão da Fonseca-Engenheiros Consultores, Lda

vs

Metro do Porto, S.A.,

Betar Consultores, Lda,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Biondi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Adão da Fonseca-Engenheiros Consultores, Lda, minn F. Vellozo Ferreira, advogado,

–        għal Metro do Porto, S.A., minn D. Castro Neves, P. Fernández Sánchez, M. Gorjão-Henriques u A. Saavedra, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa u F. Batista, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, I. Melo Sampaio u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU 2023, L 90063 u fil-ĠU 2025, L 90115), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 tat‑30 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 279, p. 25) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Adão da Fonseca-Engenheiros Consultores, Lda (iktar ’il quddiem il-“kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali”), minn naħa, u Metro do Porto, S.A. (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) u Betar Consultores, Lda, min-naħa l-oħra, dwar ir-regolarità ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni li fi tmiemha l-proġett tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ntgħażilx.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2014/24

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddisponi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.”

4        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

21.      ‘kompetizzjonijiet ta’ disinn’ tfisser dawk il-proċeduri li jgħinu lill-entità kontraenti biex takkwista pjanijiet jew disinni magħżula minn ġurija wara li jkunu nħarġu għal kompetizzjoni bi jew mingħajr l-għoti ta’ premjijiet, prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar tat-territorju, l-arkitettura, l-inġinerija u l-ipproċessar tad-data;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

[...]

(b)      EUR 139 000 għall-kuntratti ta’ provvisti u ta’ servizzi pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet tal-gvern ċentrali u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn awtoritajiet bħal dawn;

(c)      EUR 214 000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u ta’ servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn tali awtoritajiet;

[...]”

6        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li, skont id-Direttiva 2014/25/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), rettifika fil-ĠU L, 2023/90064], huma mogħtija jew organizzati minn awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw waħda jew iżjed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dik id-Direttiva u li jingħataw għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet, [...] ”

7        Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[...]”

8        L-Artikolu 36(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fejn l-awtoritajiet kontraenti jerġgħu jiftħu l-kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi b’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 4, dawn għandhom jinnotifikaw lill-offerenti bid-data u l-ħin li fihom għandhom il-ħsieb li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni u għandhom jagħtu lill-offerenti l-possibilità li jiċħdu dan il-ġbir tal-informazzjoni.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu perijodu ta’ żmien adegwat bejn in-notifika u l-ġbir attwali tal-informazzjoni.

Qabel ma jagħtu l-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jippreżentaw l-informazzjoni miġbura lill-offerent ikkonċernat, sabiex b’hekk jagħtuh l-opportunità li jikkontesta jew jikkonferma li l-offerta hekk ikkostitwita ma fiha l-ebda żball materjali.”

9        L-Artikolu 41 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fejn kandidat jew offerent jew impriża relatata ma’ kandidat jew offerent ta parir lill-awtorità kontraenti, sew fil-kuntest tal-Artikolu 40 kif ukoll jekk le, jew kien involut b’xi mod ieħor fit-tħejjija tal-proċedura ta’ akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dak il-kandidat jew l-offerent.

Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-komunikazzjoni lill-kandidati u l-offerenti l-oħra ta’ informazzjoni rilevanti skambjata fil-kuntest ta’ jew li tirriżulta mill-involviment tal-kandidat jew l-offerent fit-tħejjija tal-proċedura ta’ akkwist u l-iffissar ta’ limiti ta’ żmien adegwati għar-riċevuta ta’ offerti. Il-kandidat jew l-offerent ikkonċernat għandu jiġi eskluż biss minn dik il-proċedura fejn ma hemm l-ebda mod ieħor sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dmir ta’ osservazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Qabel kull esklużjoni bħal din, il-kandidati jew l-offerenti għandhom jingħataw l-opportuntià li juru li l-involviment tagħhom fit-tħejjija tal-proċedura ta’ akkwist ma jistax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-miżuri meħuda għandhom jiġu dokumentati fir-rapport individwali mehtieġ mill-Artikolu 84.”

10      Skont l-Artikolu 69(1) u (4) tal-istess direttiva:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.

[...]

4.      Fejn awtorità kontraenti tistabbilixxi li offerta hija baxxa wisq għax l-offerent kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista’ tiġi miċħuda għal dik ir-raġuni waħedha biss wara konsultazzjoni mal-offerent fejn, fi ħdan limitu ta’ żmien suffiċjenti stabbilit mill-awtorità kontraenti, dan tal-aħħar ma jistax juri li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE. Fejn l-awtorità kontraenti tiċħad offerta f’dawk iċ-ċirkostanzi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar dan.”

11      L-Artikoli 78 sa 82 tad-Direttiva 2014/24 jikkostitwixxu l-Kapitolu II, intitolat “Regoli li jirregolaw kompetizzjonijiet ta’ disinn”, tat-Titolu III, min-naħa tiegħu intitolat “Reġimi partikolari ta’ akkwisti”, ta’ din id-direttiva.

12      L-Artikolu 78 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Dan il-Kapitolu għandu japplika għal:

(a)      kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati bħala parti minn proċedura li twassal għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizz;

(b)      kompetizzjonijiet ta’ disinn bi premji jew ħlasijiet lill-parteċipanti.

[...]”

13      L-Artikolu 80(1) tal-istess direttiva jippreċiża:

“Meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri li huma adattati għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I u ta’ dan il-Kapitolu. ”

14      L-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi:

“1.      Il-ġurija għandha tkun awtonoma fid-deċiżjonijiet jew l-opinjoniet tagħha.

2.      Il-ġurija għandha teżamina l-pjanijiet u l-proġetti ppreżentati mill-kandidati b’mod anonimu u fuq il-bażi unika tal-kriterji indikati fl-avviż dwar il-kompetizzjoni.

3.      Il-ġurija għandha tirreġistra l-klassifikazzjoni tal-proġetti f’rapport, iffirmat mill-membri tagħha, magħmula skont il-merti ta’ kull proġett, flimkien mal-kummenti dwarha u kwalunkwe punti li jeħtieġ li jiġu ċċarati.

4.      L-anonimità għandha tiġi osservata sakemm il-ġurija tasal għall-opinjoni jew deċiżjoni tagħha.

5.      Jekk ikun hemm bżonn, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna jwieġbu mistoqsijiet li l-ġurija rreġistrat fil-minuti sabiex jiċċaraw kwalunkwe aspett mill-proġetti.

6.      Għandhom jinżammu minuti sħaħ tad-djalogu bejn il-membri tal-ġurija u l-kandidati.”

15      Konformement mal-Parti E tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, l-avviżi ta’ kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 79(1) ta’ din id-direttiva, għandhom b’mod partikolari jsemmu l-kriterji li ser jiġu applikati waqt l-evalwazzjoni tal-proġetti u jindikaw jekk id-deċiżjoni tal-ġurija tkunx vinkolanti għall-awtorità kontraenti kkonċernata u jekk ikunux ser jingħataw kuntratti wara l-kompetizzjoni lir-rebbieħ jew lir-rebbieħa tagħha.

 Id-Direttiva 2014/25

16      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1829 tat‑30 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 279, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/25”), jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva,

[...]

(17)      ‘kompetizzjonijiet ta’ disinn’ tfisser dawk il-proċeduri li jgħinu lill-entità kontraenti biex takkwista pjanijiet jew disinni magħżula minn ġurija wara li jkunu nħarġu għal kompetizzjoni bi jew mingħajr l-għoti ta’ premjijiet, prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar tat-territorju, l-arkitettura, l-inġinerija u l-ipproċessar tad-data;

[...]”

17      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

18      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għajr fejn dawn jiġu preklużi permezz tal-esklużjonijiet fl-Artikoli 18 sa 23 jew skont l-Artikolu 34, rigward it-twettiq tal-attività inkwistjoni, din id-Direttiva għandha tapplika għal akkwisti b’valur mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT] li daqs jew ogħla mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

(a)      EUR 428 000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz kif ukoll għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn;

[...]”

19      Skont l-Artikolu 36(1) tal-istess direttiva:

“L-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[...]”

20      L-Artikoli 95 sa 98 tad-Direttiva 2014/25 jikkostitwixxu l-Kapitolu II, intitolat “Regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet ta’ disinn”, tat-Titolu III, min-naħa tiegħu, intitolat “Reġimi ta’ akkwisti partikolari”, ta’ din id-direttiva.

21      L-Artikolu 95 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Dan il-Kapitolu għandu japplika għal kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati bħala parti minn proċedura tal-akkwist għal kuntratt ta’ servizz, dment li l-valur stmat tal-kuntratt, qabel il-VAT, u inklużi kwalunkwe premju jew ħlas possibbli lill-parteċipanti, ikun daqs jew akbar mill-ammont stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 15.

2.      Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn kollha fejn l-ammont totali ta’ premji u ħlasijiet tal-kompetizzjoni għall-parteċipanti, inkluż il-valur stmat qabel il-VAT tal-kuntratt ta’ servizz li sussegwentement jista’ jiġi konkluż skont il-punt (j) tal-Artikolu 50 jekk l-entità kontraenti ma teskludix dan l-għoti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, ikun daqs jew akbar mill-ammont stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 15.”

22      L-Artikolu 97(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ disinn, l-entitajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri li huma adattati għat-Titolu I u għal dan il-Kapitolu.”

23      L-Artikolu 98 tad-Direttiva 2014/25 jipprevedi:

“1.      Il-ġurija għandha tkun awtonoma fid-deċiżjonijiet jew l-opinjoniet tagħha.

2.      Il-ġurija għandha teżamina l-pjanijiet u l-proġetti ppreżentati mill-kandidati b’mod anonimu u fuq il-bażi unika tal-kriterji indikati fl-avviż dwar il-kompetizzjoni.

3.      Il-ġurija għandha tirreġistra l-klassifikazzjoni tal-proġetti f’rapport, iffirmat mill-membri tagħha, magħmula skont il-merti ta’ kull proġett, flimkien mal-kummenti tagħha u kwalunkwe punti li jeħtieġ li jiġu ċċarati.

4.      L-anonimità għandha tiġi osservata sakemm il-ġurija tasal għal opinjoni jew deċiżjoni.

5.      Jekk ikun jeħtieġ, il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna jwieġbu mistoqsijiet li l-ġurija rreġistrat fil-minuti sabiex jiċċaraw kwalunkwe aspett mill-proġetti.

6.      Għandhom jinżammu minuti sħaħ tad-djalogu bejn il-membri tal-ġurija u l-kandidati.”

 Id-dritt Portugiż

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva

24      L-Artikolu 121 tal-Código do Procedimento Administrativo (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Dritt għal smigħ minn qabel”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 124, il-partijiet ikkonċernati għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu fil-kuntest tal-proċedura qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, u b’mod partikolari għandhom ikunu informati dwar l-eżitu probabbli tagħha.

2.      Fl-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ, il-persuni kkonċernati jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għad-deċiżjoni, ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll jitolbu li jittieħdu passi addizzjonali u jehmżu dokumenti.

3.      L-awtorità kompetenti tista’ twettaq biss seduta ta’ smigħ minn qabel waħda, li fiha hija għandha tinkludi l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jissostanzjaw l-eżitu probabbli tad-deċiżjoni.

[...]”

25      Skont l-Artikolu 124 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Eżenzjoni mis-smigħ tal-persuni kkonċernati”:

“1.      Il-persuna responsabbli għat-tmexxija tal-proċedura ma tistax tipproċedi għas-smigħ tal-persuni kkonċernati meta:

(a)      id-deċiżjoni tkun urġenti;

(b)      il-persuni kkonċernati talbu l-posponiment imsemmi fil-paragrafu 2 tal-artikolu preċedenti u, għal raġuni imputabbli lilhom, ma kienx possibbli li tiġi ffissata data ġdida skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu;

(c)      ikun raġonevolment prevedibbli li d-diliġenza dovuta tista’ tikkomprometti l-eżekuzzjoni jew l-utilità tad-deċiżjoni;

(d)      in-numru ta’ persuni kkonċernati li għandhom jinstemgħu huwa tali li s-smigħ isir imprattikabbli, f’liema każ għandha ssir konsultazzjoni pubblika, fejn dan ikun possibbli, bl-iktar mod xieraq;

(e)      il-partijiet ikkonċernati jkunu diġà għamlu osservazzjonijiet fil-proċedura dwar il-kwistjonijiet rilevanti għad-deċiżjoni u dwar il-provi prodotti;

(f)      l-elementi preżenti fil-proċedura jwasslu għal deċiżjoni kompletament favorevoli għall-persuni kkonċernati.

2.      Fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, id-deċiżjoni finali għandha tindika r-raġunijiet għaliex ma tkunx saret is-seduta.”

 Il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi

26      L-Artikolu 219-A du Código dos Contratos Públicos (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CCP”), jipprevedi:

“1.      Il-kompetizzjoni ta’ disinn hija intiża sabiex jintgħażel xogħol wieħed jew iktar ta’ disinn, fil-livell tal-programm bażiku jew simili, b’mod partikolari fl-oqsma artistiċi, tal-ippjanar tat-territorju, tal-ippjanar urban, tal-arkitettura, tal-inġinerija jew tal-ipproċessar tad-data.

[...]

6.      Il-formalitajiet applikabbli għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni pubblika, ta’ kompetizzjoni ristretta b’preselezzjoni u ta’ kompetizzjonijiet ta’ disinn ssemplifikati huma dawk stabbiliti f’dan il-kapitolu, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-kodiċi dwar l-għoti tal-kuntratti japplikaw b’mod sussidjarju.”

27      L-Artikolu 219-B(2) taċ-CCP jipprevedi:

“Indipendentement mill-modalità adottata, l-identità tal-kandidati awturi tax-xogħlijiet ta’ disinn ippreżentati tista’ tkun magħrufa u żvelata biss wara t-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 219-I.”

28      L-Artikolu 219-F taċ-CCP jipprovdi:

“1.      Id-dokumenti li jikkostitwixxu x-xogħlijiet ta’ disinn għandhom jitfasslu u jiġu ppreżentati b’mod li jiggarantixxi l-anonimat totali u assoluta tal-kandidati, mingħajr ma jista’ jkollhom ebda element li jippermetti, direttament jew indirettament, li jiġi identifikat l-awtur jew l-awturi tagħhom.

2.      Il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu jevalwa x-xogħol ta’ disinn u jfassal rapport, iffirmat mill-membri kollha tiegħu, li fih huwa għandu jindika, b’mod motivat:

(a)      il-klassifikazzjoni tax-xogħlijiet tad-disinn ippreżentati f’konformità mal-kriterju tal-għażla ddefinit fit-termini ta’ referenza;

(b)      l-esklużjoni tax-xogħlijiet ta’ disinn ippreżentati bi ksur ta’ kwalunkwe regola dwar il-preżentazzjoni tagħhom.

3.      Il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni jista’ jsir jaf bl-identità tal-kandidati biss wara li jkun osserva b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti.

4.      Sakemm dan ikun previst fit-termini ta’ referenza, il-Bord tal-Għażla jista’ jitlob kjarifika mingħand il-kandidati dwar il-ħidma tagħhom jew jorganizza fażi ta’ dimostrazzjoni jew ta’ ttestjar tax-xogħlijiet tad-disinn, bl-għan li tiġi evalwata l-konformità mat-termini ta’ referenza, l-adegwatezza jew il-fattibbiltà tas-soluzzjonijiet proposti.

5.      Jekk jittieħdu l-passi msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Bord tal-Għażla għandu jfassal rapport ġdid li jirrifletti r-riżultati tagħhom u tipproponi l-klassifikazzjoni finali tal-kandidati.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

29      Fl‑10 ta’ Marzu 2021, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tippubblika avviż ta’ kompetizzjoni intiż sabiex il-Bord tal-Għażla (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”) jagħżel tliet proġetti ta’ disinn ta’ pont fuq ix-xmara Douro sabiex, sussegwentement, tagħti direttament lill-impriża li tkun ippreżentat wieħed minn dawn it-tliet proġetti l-kuntratt pubbliku għal servizzi dwar it-tfassil tal-proġett ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-pont.

30      Mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kompetizzjoni jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla dwar il-klassifikazzjoni tal-proġetti hekk ippreżentati jew dwar l-esklużjoni tagħhom huma vinkolanti għall-awtorità kontraenti u ma jistgħux jinbidlu ladarba ssir magħrufa l-identità tal-kandidati, sakemm ma tiġix annullata l-kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla jista’ jitlob lill-kandidati l-kjarifiki kollha li jqis meħtieġa dwar il-proġetti li jkunu ppreżentaw. Dawn il-kjarifiki għandhom jingħataw mill-kandidati b’rispett sħiħ għall-anonimat tagħhom. Ir-rapport finali tal-Bord tal-Għażla jikklassifika, b’mod motivat, dawn il-proġetti, konformement mal-kriterji ta’ selezzjoni previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li jeskludi dawk li huma affettwati minn waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni previsti minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet. Il-kandidati li l-proġetti tagħhom ikunu ġew ikklassifikati fl-ewwel tliet postijiet ikollhom premju ta’ EUR 150 000, ta’ EUR 100 000 u ta’ EUR 50 000 rispettivament, u jintgħażlu sabiex jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti dirett li matulha huma mistiedna jippreżentaw offerta b’osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi għal din il-proċedura.

31      Fit‑18 ta’ Ottubru 2021, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tagħżel il-proġetti ta’ tliet kandidati skont ir-rapport ippreżentat mill-Bord tal-Għażla. Il-proġett ippreżentat mill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienx jagħmel parti minn dawn it-tliet proġetti. Hija ffissat ukoll il-prezz bażiku tal-proċedura ta’ għoti dirett tal-kuntratt ta’ servizzi għat-tfassil tal-proġett ta’ eżekuzzjoni tal-pont fuq id-Douro għal EUR 2 800 000.

32      Fil‑25 u fis‑27 ta’ Ottubru 2021, din il-kumpannija rikorrenti kkontestat ir-rapport tal-Bord tal-Għażla mal-president tiegħu u talbet, abbażi tad-dritt tagħha għal smigħ minn qabel, li l-analiżi tal-proġett li hija kienet ippreżentat tiġi rriveduta u li l-marki li kienu ngħatawlha jiġu emendati, filwaqt li talbet ukoll li jiġu introdotti emendi tekniċi f’dan il-proġett.

33      Fit‑2 ta’ Novembru 2021, l-awtorità kontraenti qieset, minn naħa, li hija setgħet tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla biss jekk din id-deċiżjoni kien fiha illegalitajiet jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li ma kienx il-każ hawnhekk. Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li proġett li ma kienx intgħażel mill-Bord tal-Għażla qabel it-tneħħija tal-anonimat tal-kandidati ma setax jintgħażel iktar, b’tali mod li jkun illegali li tintalab evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-proġett.

34      Fil‑21 ta’ Marzu 2022, l-awtorità kontraenti kkonkludiet il-kuntratt ta’ tħejjija tal-proġett ta’ eżekuzzjoni tal-pont fuq id-Douro ma’ konsorzju kompost minn kumpanniji oħra, differenti mill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali.

35      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto – Juízo de Contratos Públicos (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Porto, Diviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Portugall) ċaħdet ir-rikors tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali li permezz tiegħu din tal-aħħar talbet, b’mod partikolari, l-annullament tar-rapport tal-Bord tal-Għażla, tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti u tal-kuntratt ta’ tħejjija tal-proġett ta’ eżekuzzjoni tal-pont fuq id-Douro, konkluż mal-offerent rebbieħ.

36      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2023, it-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tat-Tramuntana, il-Portugall) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra din is-sentenza.

37      Din il-kumpannija ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra dik is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

38      Fl-ewwel lok, din il-qorti tqis, minn naħa, li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proċedura ta’ kompetizzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2014/24, u mhux proċedura mħallta li matulha l-ewwel fażi ta’ selezzjoni tal-offerti hija neċessarjament segwita mit-tieni fażi li matulha tintlaqa’ waħda minn dawn l-offerti. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din il-proċedura ta’ kompetizzjoni ma għandhiex bħala għan prinċipali l-konklużjoni ta’ kuntratt, iżda biss l-għażla ta’ pjan jew proġett wieħed jew iktar, fl-oqsma tal-arkitettura jew tal-inġinerija.

39      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ssostni li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-proċedura sussegwenti ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku għal servizzi kkonċernat, li seħħet fi tmiem proċedura regolari.

40      Fit-tieni lok, l-istess qorti tistaqsi jekk hemmx lok li jiġi rrikonoxxut lill-kandidati għal kompetizzjoni d-dritt għal smigħ mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni qabel id-deċiżjoni tiegħu.

41      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li, minkejja li s-smigħ tal-partijiet ikkonċernati jikkostitwixxi, fid-dritt Portugiż, stadju kruċjali ta’ kull proċedura amministrattiva, l-assenza ta’ smigħ minn qabel f’ċerti każijiet debitament iġġustifikati tista’ titqies li hija konformi ma’ dan id-dritt.

42      It-tieni nett, din il-qorti tenfasizza li s-smigħ minn qabel tal-parteċipanti f’kompetizzjoni jista’ jkollu jiġi eskluż, minħabba li jippreġudika l-prinċipju fundamentali tal-anonimat ta’ dawn il-parteċipanti, peress li l-identità ta’ dawn tal-aħħar tista’ tkun magħrufa biss wara t-tfassil tar-rapport tal-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni.

43      Madankollu, l-imsemmija qorti tenfasizza li, skont l-Artikolu 82(3) sa (6) tad-Direttiva 2014/24, Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jista’ jikseb kjarifiki dwar il-proġetti tal-kandidati, fil-kuntest ta’ djalogu qabel ir-redazzjoni tar-rapport tiegħu u rreġistrat f’minuti, sakemm l-anonimat ta’ dawn il-kandidati jiġi osservat. Tali fakultà ġiet trasposta fl-Artikolu 219-F taċ-CPP li jippermetti wkoll lil Bord tal-Għażla jfassal rapport ġdid wara l-kjarifiki li jkun kiseb.

44      Barra minn hekk, għalkemm, fid-dritt Portugiż, ebda regola speċifika għall-proċedura ta’ kompetizzjoni ma tistabbilixxi d-dritt għal smigħ minn qabel tal-kandidati, dan is-smigħ huwa madankollu previst mis-sistema ġenerali tal-proċeduri miftuħa, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 219-A(6) taċ-CCP b’mod sussidjarju, filwaqt li tali riferiment huwa wkoll previst fl-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/24.

45      L-istess qorti tqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-parteċipanti f’kompetizzjoni għandux ikollhom id-dritt għal smigħ qabel ma l-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ġew sottomessi lilu.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola tal-anonimità tal-kandidati prevista fl-Artikolu 82(4) tad-[Direttiva 2014/24], flimkien mal-possibbiltà ta’ djalogu bejn il-ġurija u l-kandidati sabiex jinkisbu kjarifiki dwar disinni sottomessi, prevista fil-paragrafi (5) u (6) tal-istess artikolu, u flimkien mar-riferiment magħmul fl-Artikolu 80(1) tal-imsemmija direttiva għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-twettiq obbligatorju ta’ smigħ minn qabel tal-partijiet ikkonċernati?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

47      Fl-ewwel lok, l-awtorità kontraenti teċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domanda magħmula għal tliet raġunijiet. Qabel kollox, peress li l-evalwazzjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandha ssir b’osservanza stretta tal-prinċipju tal-anonimat, filwaqt li, f’dan il-każ, l-anonimat tal-parteċipanti fil-kompetizzjoni tneħħa, ir-rikonoxximent ta’ dritt tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali li tinstema’ mill-Bord tal-Għażla ma jista’ jkollu ebda konsegwenza fil-prattika. Sussegwentement, anki kieku din il-kumpannija rikorrenti kienet instemgħet, ir-riżultat tal-kompetizzjoni kien ikun identiku, peress li ebda żball fl-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla ma ġie kkonstatat mill-qrati Portugiżi. Fl-aħħar nett, billi tfittex li tingħata dritt għal smigħ mill-Bord tal-Għażla, l-imsemmija kumpannija rikorrenti tipprova biss tikseb l-opportunità li tbiddel il-kontenut tal-proġett tagħha, li huwa pprojbit mid-dritt tal-Unjoni.

48      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2026, Županijsko državno odvjetništvo, C‑8/24, EU:C:2026:210, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż li Bord tal-Għażla ġdid jista’ jiġi kkostitwit sabiex jevalwa, mill-ġdid, il-proġetti ppreżentati mill-kandidati b’osservanza stretta tal-anonimat tagħhom.

50      It-tieni nett, anki jekk jitqies li l-ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkonċernata biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward għal dik tal-qorti tar-rinviju.

51      It-tielet nett, anki jekk jitqies li l-għan imfittex mill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa biss li tikseb l-opportunità li tbiddel il-kontenut tal-proġett tagħha, li ma jidhirx li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix smigħ tal-kandidati li jsegwu tali għan taqa’ taħt l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tikkonċerna l-eżami tal-mertu tad-domanda magħmula.

52      Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-awtorità kontraenti ma jistgħux jintlaqgħu.

53      Fit-tieni lok, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24, filwaqt li l-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet intiża sabiex jitfassal il-pjan ta’ pont fuq id-Douro, fuq talba tal-kumpannija responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura tas-sistema metropolitana ta’ Porto.

54      Għalhekk ma huwiex eskluż li din il-kompetizzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, iżda f’dak tad-Direttiva 2014/25.

55      Fil-fatt, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jestendix għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tas-servizzi tat-trasport, kif iddefinit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25 (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep, C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 64).

56      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li din id-direttiva “għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil”. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, ikun hemm network fejn is-servizz tat-trasport ikun ipprovdut taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħall-kundizzjonijiet marbuta mar-rotot li għandhom jiġu segwiti, mal-kapaċità tat-trasport disponibbli jew mal-frekwenza tas-servizz.

57      Sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax l-użu li għalih huwa intiż il-pont fuq id-Douro, li t-tfassil tal-pjan tiegħu huwa s-suġġett tal-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-deċiżjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2014/24 hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali jew jekk, għall-kuntrarju, għandhiex tiġi applikata d-Direttiva 2014/25.

58      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 97 u 98 tad-Direttiva 2014/25 jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru , Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 44, u tal‑10 ta’ Novembru 2022, Taxi Horn Tours, C‑631/21, EU:C:2022:869, punt 39)

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula tibqa’ rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali anki fl-ipoteżi fejn il-kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża taqa’ taħt l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi.

60      Fit-tielet lok, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-proċedura ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda ammont ogħla mil-limiti li huma stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24 u fl-Artikoli 15 u 95 tad-Direttiva 2014/25.

61      Konsegwentement, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

62      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-parteċipanti f’kompetizzjoni jkunu jistgħu jeżiġu li jinstemgħu mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni qabel il-klassifikazzjoni definittiva, minnu, tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ppreżentaw.

63      Preliminarjament, kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-kuntest leġiżlattiv u fattwali huwa ddefinit mill-qorti tar-rinviju taħt ir-responsabbiltà tagħha stess. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta, kif tissuġġerixxi l-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni ta’ din il-qorti li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi proċedura ta’ kompetizzjoni, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.

64      Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni preliminari, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu II tat-Titolu III tad-Direttiva 2014/24, speċifikament iddedikat għall-kompetizzjonijiet, ma tiggarantixxi lill-kandidat għal kompetizzjoni d-dritt għal smigħ mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni qabel ma dan ifassal il-klassifikazzjoni tiegħu.

65      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 82(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża li Bord tal-Għażla jista’ jistieden, jekk ikun neċessarju, kandidat sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet li dan il-Bord tal-Għażla jkun irreġistra fil-minuti tiegħu sabiex jiċċara ċerti aspetti tal-proġett ta’ dan il-kandidat, tali talba għal kjarifiki tista’ madankollu ssir biss mill-imsemmi Bord tal-Għażla, jekk dan iqis li jkun neċessarju. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda dritt lill-kandidati għal kompetizzjoni li jinstemgħu mill-istess Bord tal-Għażla.

66      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati jorganizzaw il-kompetizzjonijiet ta’ disinn billi japplikaw proċeduri li huma adattati, mhux biss għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu I tagħha, li huwa ddedikat għall-kamp ta’ applikazzjoni, għad-definizzjonijiet u għall-prinċipji ġenerali applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan it-Titolu I ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi li l-kandidati għal kompetizzjoni jew l-offerenti għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhom jinstemgħu mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni jew mill-awtorità kontraenti kkonċernata qabel ma dan il-Bord tal-Għażla jew din l-awtorità kontraenti jieħdu d-deċiżjoni tagħhom.

68      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, li jagħmel parti mill-imsemmi Titolu I, jistabbilixxi l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti.

69      Issa, minn dawn il-prinċipji jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li, bħala prinċipju, ma jistax ikun hemm negozjati bejn l-awtorità kontraenti kkonċernata u offerent, b’tali mod li offerta ma tistax normalment tiġi emendata wara s-sottomissjoni tagħha u li din l-awtorità kontraenti ma tistax titlob kjarifiki mingħand offerent li l-offerta tiegħu hija impreċiża jew mhux konformi mad-dokumenti tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Casertana Costruzioni, C‑223/16, EU:C:2017:685, punt 35; tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 61, u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, BibMedia, C‑737/22, EU:C:2024:495, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Sa fejn l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/24 jimponi l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza matul il-proċeduri ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma ebda dispożizzjoni oħra dwar dawn il-proċeduri tistabbilixxi dritt għal smigħ fir-rigward tal-kandidati, kandidat ma jistax jiġi awtorizzat jeżiġi li jinstema’ mill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni kkonċernat qabel ma dan tal-aħħar jikklassifika l-proġetti jew il-pjanijiet li jkunu ġew sottomessi lilu.

71      Kif fakkar l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 23 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-neċessità li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-Bord tal-Għażla u klassifikazzjoni abbażi biss tal-merti oġġettivi tal-proġetti u tal-pjanijiet ippreżentati, li huwa intiż li jiżgura r-rekwiżit tal-anonimat previst fl-Artikolu 82(2) u (4) tad-Direttiva 2014/24, issostni tali interpretazzjoni. Fil-fatt, minkejja l-prekawzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati, proċedura ta’ smigħ minn qabel minn dan il-Bord tal-Għażla dejjem toħloq riskju li elementi li jippermettu li jiġi identifikat, anki jekk indirettament, kandidat jiġu żvelati matul dan is-smigħ.

72      Barra minn hekk, kif juru b’mod partikolari l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 36(5), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41 jew ukoll l-Artikolu 69(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24, li jinsabu fit-Titolu II ta’ din id-direttiva, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu l-intenzjoni li jirrikonoxxi lill-kandidati jew lill-offerenti d-dritt li jidħlu f’kuntatt mal-awtorità kontraenti kkonċernata jew li jinnegozjaw magħha, dan il-leġiżlatur jirrikonoxxi espressament obbligu tal-awtorità kontraenti għal dan l-għan.

73      Għandu jingħad ukoll li, jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata, mhux mid-Direttiva 2014/24, iżda mid-Direttiva 2014/25, hija jkollha tikkunsidra, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 64 sa 72 ta’ din is-sentenza, li l-Artikoli 97 u 98 ta’ din l-aħħar direttiva ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li kandidat jista’ jeżiġi li jinstema’ mill-Bord tal-Għażla qabel ma dan tal-aħħar jikklassifika proġetti u pjanijiet li jkunu ġew sottomessi lilu.

74      Fit-tielet lok, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi d-dritt għal smigħ, li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jbiddilx tali konklużjoni.

75      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan id-dritt jiggarantixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalha preġudizzju jew taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, inkluż meta tali formalità ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21; tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 34; tat‑12 ta’ Settembru 2024, Sagrario, C‑63/23, EU:C:2024:739, punt 79, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, Obshtina Veliko Tarnovo u Obshtina Belovo, C‑471/23 u C‑477/23, EU:C:2025:155, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li permezz tagħha l-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali tilfet kull opportunità li tikseb il-premji tal-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-kuntratt pubbliku għal servizzi intiż li jingħata sussegwentement, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil din il-kumpannija rikorrenti.

77      Madankollu, id-dritt għal smigħ għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u r-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, peress li tali dritt għandu l-għan li jippermetti lill-individwi jesprimu b’mod utli l-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 54; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prokuratura Rejonowa Łód-Bałuty, C‑338/20, EU:C:2021:805, punt 42, kif ukoll tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 89).

78      Issa, il-proċedura ta’ kompetizzjoni, kif irregolata mid-Direttiva 2014/24, hija intiża sabiex tippermetti lil Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni jqabbel il-proġetti jew il-pjanijiet ta’ kull kandidat b’mod anonimu, oġġettiv u trasparenti, billi jibbaża ruħu esklużivament fuq il-kriterji indikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, il-parteċipanti f’din il-kompetizzjoni huma mitluba jippreżentaw, abbażi tad-data preċiża li tinsab fid-dokumenti tal-kuntratt, pjan jew proġett li huwa intiż li jissodisfa bl-aħjar mod l-aspettattivi tal-awtorità kontraenti kkonċernata, kif ġew speċifikati f’dawn id-dokumenti.

79      Barra minn hekk, huma dawn il-parteċipanti li għandhom ikunu diliġenti fit-tfassil tal-proġetti jew tal-pjanijiet tagħhom, peress li ma hemm ebda obbligu fuq din l-awtorità kontraenti li tikkuntattjahom sabiex tikseb ċarezza f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 38).

80      Minn dan isegwi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkaratterizzaw il-proċedura ta’ kompetizzjoni mfakkra fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari tan-neċessità li jiġi ppreżervat l-anonimat tal-kandidati kif ukoll l-ugwaljanza bejniethom kif ukoll l-obbligu, għal dawn tal-aħħar, li jkunu diliġenti fir-redazzjoni tal-pjanijiet jew tal-proġetti tagħhom, id-dritt tal-kandidat li jinstema’ qabel ma l-proġett jew il-pjan tiegħu jkun, jekk ikun il-każ, imwarrab mill-proċedura ta’ selezzjoni ma jinkludix id-dritt li jsostni, quddiem il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni kkonċernat, il-perspettiva tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom dan il-Bord tal-Għażla jkollu l-intenzjoni li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu, iżda jikkonkretizza ruħu biss bil-fakultà li huwa għandu li jippreżenta pjan jew proġett li jikkorrispondi għall-aspettattivi tal-imsemmija awtorità kontraenti. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tali kandidat jiġi rrikonoxxut id-dritt għal smigħ mill-istess Bord tal-Għażla wara din il-preżentazzjoni u qabel il-klassifikazzjoni definittiva, minn dan tal-aħħar, tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ġew ippreżentati lilu.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-parteċipanti f’kompetizzjoni jkunu jistgħu jeżiġu li jinstemgħu mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni qabel il-klassifikazzjoni definittiva, minnu, tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ppreżentaw.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 80 u 82 tad-Direttiva 2014/24/UE tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1828 tat‑30 ta’ Ottubru 2019,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu li l-parteċipanti f’kompetizzjoni jkunu jistgħu jeżiġu li jinstemgħu mill-Bord tal-Għażla ta’ din il-kompetizzjoni qabel il-klassifikazzjoni definittiva, minnu, tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu ppreżentaw.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.