|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2396 |
6.9.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2396
tas-6 ta’ Settembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (1), li stabbiliet il-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) b’mandat sad-19 ta’ Settembru 2018. |
|
(2) |
Fit-3 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1600 (2) li estendiet l-EUTM RCA sad-19 ta’ Settembru 2024. |
|
(3) |
Fil-15 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2709 (2023) li, fost affarijiet oħra, laqgħet il-ħidma mwettqa mill-EUTM RCA. |
|
(4) |
Fid-9 ta’ Lulju 2024, fuq il-bażi tal-Valutazzjoni Strateġika tal-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) u tal-Missjoni Konsultattiva tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà irrakkomanda li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi estiż sad-19 ta’ Settembru 2025 u li titwettaq valutazzjoni strateġika taż-żewġ Missjonijiet fi żmien debitu. |
|
(5) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej: “7. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għall-perjodu mill-20 ta’ Settembru 2024 sad-19 ta’ Settembru 2025 għandu jkun ta’ EUR 5,84 miljun. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun30 % f’impenji u 0 % għal pagamenti.” |
|
(2) |
Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Mingħajr preġudizzju għal valutazzjoni strateġika li għandha titwettaq mill-KPS fi żmien debitu, l-EUTM RCA għandha tintemm fid-19 ta’ Settembru 2025.” |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1600 tat-3 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 196, 4.8.2023, p. 35).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2396/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)