|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1791 |
11.9.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1791
tal-10 ta’ Settembru 2025
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
L-imidakloprid ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk ikkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2023 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(2) |
Fit-23 u l-24 ta’ Diċembru 2021, ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (“l-applikazzjonijiet”). |
|
(3) |
Fis-27 ta’ April 2022, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjonijiet. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/460 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 għall-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
|
(7) |
Fis-26 ta’ Frar 2025, l-awtorità kompetenti li tevalwa infurmat lill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ddewmet minħabba l-ħtieġa għal iżjed żmien biex titlesta l-valutazzjoni tal-proprjetajiet tat-tfixkil tas-sistema endokrinali. L-awtorità kompetenti li tevalwa tistenna li tissottometti r-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fl-ewwel nofs tal-2026. |
|
(8) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikanti, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk huwa xieraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjonijiet. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, għat-tħejjija u għas-sottomissjoni mill-Aġenzija tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(9) |
Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-imidakloprid jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/460 hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/460 tat-2 ta’ Marzu 2023 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-imidakloprid għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 67, 3.3.2023, p. 58; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/460/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1791/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)