Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil‑15 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑430/25 [Gena] (i)
AR
vs
Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Moviment liberu tal-ħaddiema – Taxxi diretti – Tassazzjoni tal-ħruġ – Taxxa tal-ħruġ fuq qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ elementi tal-attiv – Qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li nħoloq qabel il-bidu tal-issuġġettar fiskali domestiku – Nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fil-valur li jkun għadu ma seħħx – Portata ta’ differiment tat-taxxa tal-ħruġ pagabbli”
I. Introduzzjoni
1. Iċ-ċaqliq permanenti ta’ persuna taxxabbli minn pajjiż għal ieħor ġeneralment iwassal għal bidla fir-residenza fiskali tagħha jew, fi kliem ieħor, għal trasferiment tad-domiċilju fiskali tagħha. Ċerti Stati jieħdu l-opportunità sabiex jiġbru taxxa msejħa “ta’ ħruġ” fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx (jiġifieri mhux irrealizzat) ta’ ċerti elementi tal-attiv tal-persuna taxxabbli li jkun sar sa dik id-data u li għalih huma ma jkunux jistgħu jaċċedu mingħajr xkiel wara t-tluq tagħha.
2. Il-kwistjoni dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet tali taxxa tal-ħruġ hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ġiet eżaminata b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja għal iktar minn 20 sena u fuqhom, sa mis-sentenza de Lasteyrie du Saillant (2). Sadanittant, wieħed jista’ jikkunsidra li l-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew ma jipprekludux, bħala prinċipju, il-ġbir ta’ taxxa tal-ħruġ (3). Madankollu, il-problema tinsab – bħal ta’ spiss – fid-dettall, jiġifieri fil-konfigurazzjoni u fil-modalitajiet konkreti ta’ ġbir ta’ din it-taxxa, li juri b’mod ċar ħafna l-każ inkwistjoni.
3. Il-kwistjoni tinvolvi persuna taxxabbli li attwalment taħdem bħala impjegata fil-Polonja u li hija mistennija taħdem hemm għal madwar ħames snin. Fid-data tat-tluq previst tagħha mill-Polonja fl‑2028, wara t-tmiem tal-impjieg tagħha f’dan il-pajjiż, hija probabbilment ser tkun suġġetta għal taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ ċerti elementi importanti tal-attiv privat tagħha, essenzjalment azzjonijiet, fil-Polonja. Il-kwistjoni tirrigwarda tliet sitwazzjonijiet: l-ewwel nett, jekk il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li seħħ fil-passat barra mill-pajjiż, minkejja li ma kienx għad hemm obbligu fiskali fil-Polonja, jistax jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan ir-rigward; it-tieni nett, jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, it-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx; u, it-tielet nett, il-perijodu li matulu taxxa tal-ħruġ eventwali għandha, jekk ikun il-każ, tiġi ddifferita.
4. Il-problema tat-tassazzjoni tal-ħruġ turi kif it-tfittxija kostanti ta’ bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi fiskali leġittimi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenzi ta’ funzjonament ottimali tas-suq intern Ewropew tista’ tkun delikata.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ddefinit mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) u, b’mod supplimentari, minn dawk dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 21(1) TFUE).
B. Id-dritt nazzjonali
6. Fid-dritt Pollakk, diversi dispożizzjonijiet tal-Ustawa o podatku dochodowym od osób fizycznych (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ta’ Persuni Fiżiċi), tas‑26 ta’ Lulju 1991 (4), (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul” jew l-akronimu “EStG”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2024 huma rilevanti, kif ukoll ir-Rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie przedłużenia terminu do wpłaty przez podatników podatku dochodowego od osób fizycznych podatku należnego od dochodów z niezrealizowanych zysków (id-Digriet tal-Ministru għall-Finanzi li Jestendi t-Terminu għall-Ħlas mill-Persuni Taxxabbli tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Fiżiċi fuq id-Dħul tal-Qligħ Kapitali Mhux Irrealizzat), tas‑27 ta’ Ġunju 2019 (5) kif ukoll fil-verżjoni fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2024. Fost id-diversi dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti legali msemmija fid-digriet tar-rinviju, huma biss ftit artikoli tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul li huma riprodotti iktar ’il quddiem, sa fejn huma direttament rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din il-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.
7. L-Artikolu 30b(1) tal-EStG huwa fformulat kif ġej:
“Fuq id-dħul miksub:
[…]
2) trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet (azzjonijiet ) mingħajr ħlas
[…]
– it-taxxa fuq id-dħul tammonta għal 19 % tad-dħul miksub.”
8. L-Artikolu 30da(1) tal-EStG jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:
“It-taxxa fuq id-dħul provenjenti minn qligħ kapitali mhux irrealizzat tammonta għal:
1) 19 % tal-valur taxxabbli
– meta l-valur għall-finijiet tat-taxxa tal-assi jiġi ddeterminat;
[…]”
9. Skont l-Artikolu 30da(2) tal-EStG:
“It-tassazzjoni tad-dħul tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat għandha tapplika:
[…]
2) fil-każ ta’ bidla fir-residenza fiskali ta’ persuna taxxabbli kompletament taxxabbli fil-Polonja li għandha l-effett li ċċaħħad lir-Repubblika tal-Polonja mid-dritt li tintaxxa d-dħul mit-trasferiment ta’ assi li jappartjeni lil din il-persuna taxxabbli minħabba t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn pajjiż ieħor.”
10. L-Artikolu 30da(3) tal-EStG jinkludi din id-dispożizzjoni:
“Fir-rigward ta’ assi li ma humiex relatati ma’ attività ekonomika, l-assi li ġejjin biss huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul minn qligħ kapitali mhux irrealizzat fil-każ imsemmi fil-punt 2 tal-paragrafu 2: id-drittijiet u l-obbligi kollha fi sħubija li ma tikkostitwixxix entità legali, l-attivi fi sħubija, l-azzjonijiet u titoli oħra, strumenti finanzjarji derivattivi, u l-azzjonijiet f’fondi ta’ ekwità privata (iktar ’il quddiem: assi personali), dment li l-persuna taxxabbli kienet residenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja għal total ta’ mill-inqas ħames snin matul il-perijodu ta’ għaxar snin li jippreċedi d-data tal-bidla fir-residenza fiskali.”
11. L-Artikolu 30da(12) tal-EStG jipprovdi:
“Il-bażi tat-taxxa fuq id-dħul provenjenti minn qligħ kapitali mhux irrealizzat hija kkostitwita mis-somma tad-dħul tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat iddeterminat għal kull assi.”
12. L-Artikolu 30da(14) tal-EStG jipprovdi:
“Il-persuni taxxabbli huma obbligati jipprovdu lill-uffiċċji tat-taxxa, sa mhux iktar tard mis-seba’ jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu l-valur tas-suq totali tal-assi ttrasferiti jkun qabeż l-ammont ta’ 4 000 000 zloty Pollakk (PLN), dikjarazzjonijiet dwar l-ammont tad-dħul mill-qligħ kapitali mhux irrealizzat konformement mal-formola stabbilita u li jħallsu t-taxxa dovuta f’dan it-terminu. Jekk, wara x-xahar li matulu l-valur tas-suq totali tal-assi ttrasferiti jaqbeż PLN 4 000 000, jiġu ttrasferiti assi oħra, il-persuni taxxabbli huma obbligati jagħmlu dikjarazzjoni u jħallsu t-taxxa dovuta f’dan it-terminu sa mhux iktar tard mis-seba’ tax-xahar ta’ wara dak li matulu l-assi jkunu ġew ittrasferiti.”
13. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30db(1) tal-EStG:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30da ma għandhomx japplikaw meta l-valur tas-suq totali tal-assi ttrasferiti ma jaqbiżx PLN 4 000 000.”
14. U finalment, l-Artikolu 30de(1) tal-EStG jipprovdi:
“Il-persuna taxxabbli tista’ tapplika quddiem il-kap kompetenti tal-uffiċċju tat-taxxi biex it-taxxa fuq id-dħul minn qligħ kapitali mhux irrealizzat titħallas, b’mod sħiħ jew parzjalment, f’pagamenti parzjali, għal perijodu li ma jaqbiżx ħames snin […]”.
III. Il‑fatti u l‑kawża prinċipali
15. AR huwa ċittadin Taljan u Amerikan. Biċ-ċittadinanza Taljana tiegħu, huwa ilu jirrisjedi fil-Polonja minn Awwissu 2022, fejn jaħdem bħala ħaddiem għal impriża Pollakka.
16. AR ilu resident fiskali tal-Polonja mill‑1 ta’ Jannar 2023, li jfisser li issa huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Polonja fuq id-dħul kollu tiegħu, irrispettivament mill-post fejn jinsabu s-sorsi ta’ dħul.
17. AR biħsiebu jżomm residenza fiskali fil-Polonja mill-inqas sal‑1 ta’ Jannar 2028, jiġifieri, għal perijodu totali ta’ mill-inqas ħames snin. Wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu fil-Polonja, AR għandu l-intenzjoni li ma jeżerċitax iktar attività ekonomika. Huwa għandu l-intenzjoni li jiċċaqlaq lejn il-Ġermanja fejn għandu proprjetà immobbli u li jittrasferixxi wkoll id-domiċilju fiskali tiegħu hemmhekk.
18. Anki qabel il-bidu tal-attività professjonali tiegħu fil-Polonja, AR kellu assi attiv sinjifikattivi li ma joriġinawx minn dħul irċevut fil-Polonja u li t-trasferiment tagħhom lanqas ma kien ikun taxxabbli fil-Polonja kieku ma kienx kiseb l-istatus ta’ resident fiskali Pollakk permezz tal-moviment tiegħu.
19. Fiż-żmien taċ-ċaqliq ippjanat tiegħu mill-Polonja għall-Ġermanja, l-assi personali ta’ AR, skont l-istimi tiegħu stess, x’aktarx kienu jiswew iktar minn PLN 4 miljun u essenzjalment jikkonsistu mill-komponenti li ġejjin: azzjonijiet mhux ekonomiċi f’diversi kumpanniji, li AR akkwista parzjalment privatament u parzjalment bħala parti minn programmi ta’ inċentivi għall-impjegati, kif ukoll “Stock Units” mogħtija lilu bħala bonusijiet taħt programmi bħal dawn, u proprjetà immobbli li tinsab barra mill-Polonja. Madankollu, matul il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fil-kawża prinċipali, huma biss l-azzjonijiet miżmuma minn AR li huma rilevanti għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-ħruġ.
20. Fit‑30 ta’ Ottubru 2024, AR applika quddiem id-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Fiskali Nazzjonali, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) għal deċiżjoni fiskali antiċipata dwar diversi kwistjonijiet relatati ma’ eventwali tassazzjoni tal-ħruġ tal-assi tiegħu fil-mument taċ-ċaqliq previst tiegħu mill-Polonja lejn il-Ġermanja.
21. Fid-deċiżjoni fiskali antiċipata tagħha dwar it-taxxa tal‑31 ta’ Diċembru 2024, l-awtorità tat-taxxa essenzjalment iddikjarat li l-assi kollha akkumulati minn AR kienu suġġetti għat-tassazzjoni tal-ħruġ Pollakka, inklużi dawk preċedenti għaċ-ċaqliq tiegħu lejn il-Polonja. Hija pprovdiet preċiżazzjonijiet dwar il-kalkolu tal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li jista’ jiġi ntaxxat kif ukoll dwar il-modalitajiet tat-tassazzjoni tagħhom, b’mod partikolari dwar it-termini applikabbli għall-preżentata ta’ dikjarazzjoni fiskali relatata magħha u għall-ħlas tat-taxxa tal-ħruġ.
22. AR ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni fiskali antiċipata quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa jsostni, essenzjalment, li l-pożizzjoni legali tal-awtorità tat-taxxa espressa fid-deċiżjoni preliminari tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Uħud mid-dubji tiegħu huma kondiviżi mill-qorti tar-rinviju.
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23. B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2025, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 45 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fil-bażi tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi fir-rigward ta’ qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx fuq il-patrimonju personali miġbura b’rabta mat-trasferiment tar-residenza fiskali tal-persuna kkonċernata lejn Stat ieħor (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx”) tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-valur ta’ assi li tkun seħħet f’perijodu meta din il-persuna ma kinitx residenti ta’ dan l-Istat Membru?
2) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 45 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għall-għanijiet tad-definizzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx tordna t-teħid inkunsiderazzjoni esklużivament tad-dħul minn dawn l-assi li l-valur tagħhom ikun żdied, b’tali mod li jiġi eskluż mit-teħid inkunsiderazzjoni fil-bażi ta’ din it-taxxa t-telf minn dawn l-assi li l-valur tagħhom ikun naqas?
3) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 45 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-bidla fir-residenza fiskali minn persuna fiżika suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx tirriżulta fil-ġbir immedjat ta’ din it-taxxa jew possibbilment fil-ħlas bin-nifs ta’ din it-taxxa fuq perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin (li jibda jiddekorri minn tmiem is-sena fiskali) minflok id-differiment ta’ tali ħlas sakemm isir it-trasferiment tal-assi individwali?”
24. Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, AR, il-Gvern Pollakk, Ġermaniż u Norveġiż (6) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fil‑21 ta’April 2026, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, li din tal-aħħar wieġbet għaliha fit‑22 ta’ Mejju 2026.
V. Evalwazzjoni
25. It-tliet domandi preliminari, li l-portata tagħhom hija limitata, skont il-preċiżazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, għall-azzjonijiet miżmuma minn AR biss, jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina f’iktar dettall ċerti aspetti prattiċi tat-tassazzjoni tal-ħruġ mill-perspettiva tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew: l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk taxxa nazzjonali ta’ ħruġ tistax testendi għal qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx iġġenerat barra mill-pajjiż fi żmien meta l-persuna taxxabbli ma kellhiex ir-residenza fiskali tagħha fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima B iktar ’il quddiem). It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex kompatibbli mal-istess libertajiet fundamentali li taxxa nazzjonali ta’ ħruġ tkopri, ċertament, il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ elementi ta’ attiv, iżda mhux ukoll it-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ tali elementi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima C iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, għandu jkun magħruf matul liema perijodu għandu, jekk ikun il-każ, jiġi ddifferit il-ħlas mill-persuna taxxabbli ta’ eventwali taxxa tal-ħruġ (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima D iktar ’il quddiem). Bħala kwistjoni preliminari dwar dawn il-punti kollha, ser niddetermina liema libertà fundamentali hija rilevanti fil-kawża ineżami (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A iktar ’il quddiem).
A. Domanda preliminari: Determinazzjoni tal-libertà fundamentali applikabbli
26. It-tliet domandi preliminari kollha jirreferu fl-istess ħin kemm għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Artikolu 21 TFUE) kif ukoll għall-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE).
27. Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk għandux jiġi applikat l-Artikolu 21 TFUE jew l-Artikolu 45 TFUE. Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż jixtieq jibbaża ruħu fuq l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jqisu li t-tieni waħda hija rilevanti. Fin-nota tiegħu, AR jibbaża ruħu mingħajr distinzjoni fuq iż-żewġ dispożizzjonijiet u l-Gvern Norveġiż jieħu pożizzjoni, parzjalment, biss fuq l-Artikolu 45 TFUE (7).
28. Skont ġurisprudenza stabbilita (8), il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 21 TFUE, huwa espress b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-moviment liberu tal-persuni, mhux l-inqas dawk dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE). Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jinsab għalhekk f’relazzjoni ta’ sussidjarjetà mad-drittijiet speċifiċi ta’ moviment liberu previsti mit-Trattat FUE. Fl-aħħar mill-aħħar, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni japplika prinċipalment għall-persuni ekonomikament inattivi, filwaqt li, fil-każ ta’ persuni ekonomikament attivi, il-libertà fundamentali, iktar speċifika, rilevanti għall-attivitajiet rispettivi tagħhom, tapplika skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.
29. Fil-kawża ineżami, mal-ewwel daqqa t’għajn, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Artikolu 21 TFUE) jista’ tabilħaqq ikun applikabbli, peress li AR – sa fejn jidher – ma għandux l-intenzjoni li jsegwi iktar attività bħala persuna impjegata wara t-tmiem tas-soġġorn tiegħu fil-Polonja. Huwa improbabbli li ċ-ċaqliq previst tiegħu u t-trasferiment korrelattiv tad-domiċilju fiskali tiegħu mill-Polonja lejn il-Ġermanja matul is-sena 2028 kienu mmotivati, għaldaqstant, minn raġunijiet professjonali.
30. Madankollu, iktar mill-qrib, kemm il-moviment ta’ AR lejn il-Polonja matul it-tieni semestru tas-sena 2022 (bil-konsegwenza tar-residenza fiskali tiegħu fil-Polonja mill‑2023) kif ukoll it-tluq previst tiegħu mill-Polonja fl‑2028 (inkluż it-trasferiment tar-residenza fiskali tiegħu mill-Polonja) għandhom rabta indissolubbli mal-attività professjonali tiegħu għal impriża f’dan l-Istat Membru matul dan il-perijodu ta’ kważi ħames snin. Sa fejn jista’ jiġi deċiż, AR bl-ebda mod ma kien iċċaqlaq lejn il-Polonja kieku ma kienx beda jeżerċita attività bħala persuna impjegata. Bl-istess mod, it-tluq prevedibbli tiegħu mill-Polonja huwa akkumpanjat, mid-dehra, mit-tmiem ta’ din l-istess attività professjonali (9).
31. F’dak li jirrigwarda kemm il-kwistjonijiet fiskali marbuta mal-moviment ta’ ħaddiem sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna impjegata kif ukoll dawk marbuta mat-tluq tal-ħaddiem mat-tmiem ta’ dan l-impjieg, il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) huwa l-libertà fundamentali rilevanti. Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Artikolu 21 TFUE) huwa sussidjarju għal dan.
32. Għalhekk, it-tliet domandi preliminari msemmija għandhom jiġu diskussi mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) u mhux il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Artikolu 21 TFUE). Madankollu, kif osservaw ġustament diversi partijiet fil-proċedura, il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu esposti f’dan ir-rigward fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu faċilment trasposti għall-Artikolu 21 TFUE (10).
B. Ġbir tat-taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li ġie ġġenerat qabel l-iskattar tal-obbligu fiskali nazzjonali (l-ewwel domanda preliminari)
33. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jipprojbixxix l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-ħruġ fuq dak il-qligħ kapitali minn elementi ta’ attiv li akkumulaw barra mill-pajjiż fi żmien meta l-persuna taxxabbli ma kinitx għadha residenti għal skopijiet ta’ taxxa fil-pajjiż.
34. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kuntest tal-fatt li, fil-kawża ineżami, il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ ċerti azzjonijiet miżmuma minn AR oriġinaw barra mill-Polonja u qabel iċ-ċaqliq ta’ dan tal-aħħar lejn il-Polonja, jiġifieri fi żmien meta AR ma kellux residenza fiskali fil-Polonja u għalhekk lanqas ma kien kompletament suġġett għat-taxxa hemmhekk. L-awtorità fiskali Pollakka għandha aċċess għal dan il-qligħ kapitali biss għaliex AR għandu, fil-frattemp, ir-residenza fiskali tiegħu fil-Polonja.
35. Ma hemm l-ebda stampa uniformi fost il-partijiet fil-proċedura f’dan ir-rigward: Filwaqt li AR u l-Kummissjoni jqisu li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Pollakk u dak Ġermaniż isostnu l-kuntrarju.
1. Restrizzjoni għal moviment liberu tal-ħaddiema
36. Sakemm id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax it-tassazzjoni tal-ħruġ tal-individwi (11), it-tassazzjoni tal-ħruġ taqa’, bħat-tassazzjoni diretta wkoll, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, madankollu dawn tal-aħħar huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (12). Fost dawn il-libertajiet fundamentali hemm, skont l-Artikolu 45 TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema.
37. Hija ġurisprudenza stabbilita li t-tassazzjoni tal-ħruġ għandha l-effett li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni (13), inkluż il-moviment liberu tal-ħaddiema (14).
38. Fil-fatt, minn naħa, l-issuġġettar tal-persuna taxxabbli li tixtieq tittrasferixxi d-domiċilju fiskali tagħha fi Stat Membru ieħor għal taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma sarx ta’ ċerti elementi tal-attiv tagħha jagħmel it-tluq inqas attraenti għaliha, peress li b’hekk hija ssofri żvantaġġ ta’ likwidità mhux negliġibbli meta mqabbla ma’ persuna taxxabbli li tibqa’ fit-territorju nazzjonali (15): Fl-agħar każ, il-persuna taxxabbli li titlaq mill pajjiż għandha tħallas immedjatament it-taxxa tal-ħruġ, minkejja li tkun għadha ma għamlitx, f’dak il-mument, il-qligħ kapitali ntaxxat mit-trasferiment tal-attiv ikkonċernat, jiġifieri li tkun għadha ma “għamlitx qligħ effettiv”. Fl-aħjar każ, din il-persuna taxxabbli għandha tal-inqas tissodisfa piż amministrattiv addizzjonali, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni, tipprovdi, jekk ikun il-każ, garanziji u/jew tikkostitwixxi riżervi li jippermettulha tħallas sussegwentement it-taxxa tal-ħruġ wara l-iskadenza ta’ eventwali sospensjoni ta’ ħlas.
39. Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni tal-ħruġ hija inerenti għall-fatt li hija tolqot speċifikament it-tranżazzjonijiet ta’ natura transkonfinali, jiġifieri t-tluq, b’differenza mit-tranżazzjonijiet purament interni (16). F’dan ir-rigward, il-persuna taxxabbli li tixtieq tittrasferixxi r-residenza fiskali tagħha fi Stat Membru ieħor hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn dik li ma tagħmilx dan u li, l-iktar l-iktar, tiċċaqlaq fl-istess Stat Membru; fil-fatt, l-ewwel waħda hija ntaxxata, minħabba ċ-ċaqliq tagħha, fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, jiġifieri li għadu ma twettaqx, ta’ ċerti elementi tal-attiv tagħha, filwaqt li t-tieni waħda hija ntaxxata biss fuq il-qligħ kapitali effettivament magħmul, u dan biss jekk u sa fejn hija effettivament tittrasferixxi l-attiv ikkonċernat.
40. Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġie eżaminat jekk restrizzjoni tistax madankollu titneħħa, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li hemm ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema jekk id-dritt nazzjonali jiżgura li l-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ isir eżattament skont l-istess kriterji bħall-kalkolu tat-taxxa ordinarja fuq id-dħul fuq il-qligħ kapitali effettivament magħmul minn persuni taxxabbli li jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fit-territorju nazzjonali.
41. Għalhekk, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li, fid-dritt Pollakk, il-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa eżattament l-istess, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ mill-kambju ta’ azzjonijiet mhux realizzati li seħħew fil-passat f’pajjiż barrani, bħall-kalkolu tat-taxxa ordinarja fuq id-dħul mill-kambju tal-azzjonijiet li persuna taxxabbli li tibqa’ fil-Polonja twettaq permezz ta’ trasferiment.
42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ effettivament jikkonkludi, prima facie, li ma hemmx restrizzjoni u, għaldaqstant, ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema, sempliċement għaliex il-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx u mhux irrealizzat minn azzjonijiet ma huwiex differenti mill-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa normali fuq id-dħul fuq il-qligħ mill-kambju effettivament magħmul fuq azzjonijiet.
43. Madankollu, is-sempliċi ugwaljanza fit-trattament speċifikament f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-taxxa dovuta fiż-żewġ sitwazzjonijiet ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża kompletament l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu. Huwa interessanti li wieħed jinnota li, sa fejn wieħed jista’ jiġġudika, il-biċċa l-kbira tal-każijiet kollha ta’ tassazzjoni ta’ ħruġ eżaminati sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu kkaratterizzati preċiżament mill-fatt li t-taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ elementi tal-attiv ta’ persuna taxxabbli li tittrasferixxi d-domiċilju fiskali tagħha barra mill-pajjiż kienet ikkalkolata bl-istess mod bħat-taxxa (it-taxxa normali fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il-kumpanniji) fuq il-qligħ kapitali effettivament magħmul fil-każ ta’ trasferiment ta’ attiv minn persuna taxxabbli li tibqa’ fit-territorju nazzjonali. Dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli taċċetta, f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà fundamentali rilevanti.
44. L-element determinanti sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni ma jinsabx f’eventwali differenzi fil-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali mhux irrealizzat meta mqabbel mat-taxxa ordinarja fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji fuq il-qligħ kapitali effettiv magħmul permezz ta’ trasferiment. Għall-kuntrarju, l-element realment restrittiv – u l-inugwaljanza fit-trattament rilevanti – jinsab preċiżament fil-fatt li l-persuna taxxabbli li titlaq mill-pajjiż tiġi ntaxxata minħabba t-tluq tagħha, u dan fuq il-qligħ kapitali mhux realizzat (li jkun għadu ma seħħx), filwaqt li l-persuna taxxabbli li tibqa’ fit-territorju nazzjonali hija suġġetta għall-oneru fiskali biss fil-każ ta’ qligħ kapitali effettiv magħmul mill-bejgħ (17). Din ir-restrizzjoni speċifika għall-moviment liberu tal-persuni ma tispiċċax mis-sempliċi fatt li s-sempliċi modalitajiet ta’ kalkolu taż-żewġ tipi ta’ taxxi jistgħu jkunu identiċi.
45. Il-fatt li restrizzjoni għall-moviment liberu bl-ebda mod ma tista’ tiġi eliminata bis-sempliċi applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu fiskali identiċi huwa barra minn hekk partikolarment ċar fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja (18): din il-kawża kienet tirrigwarda l-istess taxxa waħda fuq ċertu dħul (diġà miksub) li kienet ikkalkolata u miġbura kompletament bl-istess mod kemm fil-każ ta’ tluq kif ukoll fil-każ ta’ residenza fit-territorju nazzjonali, bid-differenza biss li, fil-każ tat-tluq, din kienet tiġi imposta qabel għal dik tar-residenza fit-territorju nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ma eżitatx milli tikklassifika t-taxxa miġbura mat-tluq ta’ restrizzjoni, u dan eżattament għall-istess kunsiderazzjonijiet bħal fil-każijiet l-oħra kollha bħala taxxi “klassiċi” fuq qligħ kapitali (li jkun għadu ma seħħx) mhux irrealizzat, minkejja, jew preċiżament minħabba l-paralleliżmu perfett tal-metodi ta’ kalkolu.
46. F’dan il-każ, dan ifisser li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema li tirriżulta minn taxxa tal-ħruġ bħat-taxxa Pollakka ma tisparixxix minħabba s-sempliċi fatt li l-persuni taxxabbli Pollakki li jżommu d-domiċilju fiskali tagħhom fit-territorju nazzjonali huma wkoll obbligati jħallsu t-taxxa ordinarja fuq id-dħul fuq il-qligħ mill-kambju ta’ azzjonijiet diġà miksub barra mill-pajjiż qabel il-moviment tagħhom fil-Polonja. Huwa preċiżament minħabba r-rabta tagħha mal-ħruġ u mal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li t-tassazzjoni tal-ħruġ għandha natura speċifika restrittiva tal-moviment liberu.
2. Ġustifikazzjoni
47. Ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni li tirriżulta minn taxxa tal-ħruġ tista’ tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (19).
48. L-unika raġuni ta’ interess ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa rrikonoxxiet sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ taxxa tal-ħruġ hija l-għan ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (20).
49. Għaldaqstant, iktar ’il quddiem ser nillimita ruħi sabiex neżamina jekk, speċifikament, l-għan leġittimu tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwiex ta’ natura li jiġġustifika taxxa tal-ħruġ bħat-taxxa Pollakka inkwistjoni. Ebda ġustifikazzjoni oħra ma tidher fil-kawża inkwistjoni, b’mod partikolari la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-proċedura, fl-ewwel lok il-Gvern Pollakk, ma qajmu tali ġustifikazzjonijiet.
a) L-inkapaċità tas-sistema fiskali kkontestata li tikkontribwixxi għal tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri
50. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx fid-dettall x’għandu jinftiehem preċiżament bit-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u liema kriterji jistgħu jiġu applikati f’dan ir-rigward. Dan ma huwiex sorprendenti u, fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni kunsiderevoli f’dan ir-rigward: Fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni, huma jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom (21). Madankollu, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri ma huwiex, min-naħa tiegħu, illimitat, iżda għandu jiġi eżerċitat fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew (22).
51. Fil-kawża inkwistjoni, ma huwiex ċar fid-dettall liema kunsiderazzjonijiet segwa l-leġiżlatur Pollakk fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ħruġ sabiex tinkiseb delimitazzjoni bbilanċjata tas-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu meta mqabbla ma’ dik ta’ Stati oħra. La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet, fosthom il-Gvern Pollakk, ma jipprovdu indikazzjonijiet konkreti f’dan ir-rigward.
52. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra, jiena għalhekk nassumi li – bħal fil-kawżi kollha deċiżi sa issa dwar din il-kwistjoni – il-prinċipju ta’ territorjalità jservi bħala kriterju għat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ ġbir ta’ taxxa tal-ħruġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi “li Stat Membru għandu, skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali assoċjat ma’ element ratione temporis, jiġifieri r-residenza fiskali tal-kontribwent fit-territorju nazzjonali matul il-perijodu li fih irriżulta l-qligħ kapitali moħbi, id-dritt li jintaxxa l-imsemmi qligħ kapitali fil-mument li din temigra” (23).
53. Minn dan isegwi, kif indikat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, li “[...]l-qligħ kapitali moħbi marbut ma’ beni fiskali huwa għalhekk intaxxat fl-Istat Membru li fih dan jirriżulta” (24). Il-qligħ kapitali ġġenerat wara t-tluq huwa għalhekk intaxxat esklużivament fl-Istat tad-domiċilju fiskali l-ġdid, jiġifieri fejn dan ikun ġie ġġenerat (25). Għall-kuntrarju, jidhirli li huwa loġiku li, jekk l-istess kriterji jiġu applikati b’mod koerenti, it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx magħmul qabel iċ-ċaqliq tappartjeni esklużivament lill-Istat tad-domiċilju fiskali tal-persuna taxxabbli ta’ dak iż-żmien.
54. Fil-fatt, it-tassazzjoni tal-ħruġ hija intiża, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex timplimenta d-dritt ta’ kull Stat Membru “li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu” (26). B’mod ieħor, skont il-prinċipju tat-territorjalità fiskali, kull Stat Membru għandu d-dritt li jintaxxa l-qligħ kapitali mhux irrealizzat (jew riżervi moħbija) “[i]ġġenerat fit-territorju tiegħu” (27) jew, fi kwalunkwe każ, “iġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu” (28). Hija preċiżament l-istess interpretazzjoni tat-taxxa tal-ħruġ li hija adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni – għall-kumpanniji suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji – meta jindika: “It-taxxi tal-ħruġ għandhom il-funzjoni li jiżguraw li […] dak l-Istat jintaxxa l-valur ekonomiku ta’ kwalunkwe qligħ kapitali li jinħoloq fit-territorju tiegħu […]” (29). Barra minn hekk, dan kollu huwa kompletament konformi mal-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jikkaratterizzaw l-evoluzzjoni tad-dritt fiskali Ewropew f’kuntesti oħra, pereżempju fil-kuntest tat-tassazzjoni tad-dividendi (30).
55. Anki jekk jiġi aċċettat li sa issa ma teżistix definizzjoni preċiża u eżawrjenti tal-prinċipju ta’ territorjalità (31), jidhirli sempliċement inkonċepibbli li Stat Membru jista’ raġonevolment jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali sabiex jiġbor taxxa tal-ħruġ fuq qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx li la ġie ġġenerat ratione temporis u lanqas lokalment fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu – jiġifieri f’ċirkustanzi fejn mhux biss il-persuna taxxabbli kienet persuna mhux residenti mingħajr domiċilju fiskali fit-territorju nazzjonali, iżda anki s-sorsi ta’ dħul kienu jinsabu barra mill-pajjiż.
56. Jekk Stat Membru jestendi t-tassazzjoni tiegħu għall-ħruġ għal tali qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx u li ġie ġġenerat barra mill-pajjiż u anki qabel iċ-ċaqliq tal-persuna taxxabbli, dan manifestament ma jikkostitwixxix kontribuzzjoni xierqa għal tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, iżda pjuttost jammonta għal indħil fis-sovranità fiskali tal-Istat jew Stati li huma fil-fatt kompetenti skont il-prinċipju tat-territorjalità.
57. Ċertament, tassazzjoni tal-ħruġ daqshekk estensiva bħas-sistema Pollakka inkwistjoni hawnhekk jista’ jkollha l-għan, tal-inqas indirettament, li tiġġenera dħul fiskali ogħla jew, fi kwalunkwe każ, li tevita tnaqqis fid-dħul fiskali. Madankollu, tali tħassib ma jistax, bħala tali, jiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali (32).
58. Fil-qosor, leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Pollakka kontenzjuża għalhekk ma hijiex a fortiori ta’ natura li tiżgura t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
b) Sussidjarjament: in-natura sproporzjonata tas-sistema fiskali kontenzjuża
59. Għall-finijiet ta’ kompletezza, madankollu, ser neżamina, b’mod komplementari, il-kwistjoni dwar jekk taxxa tal-ħruġ bħat-taxxa Pollakka inkwistjoni hijiex fil-limiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, taxxa tal-ħruġ mhux biss għandha, fil-modalitajiet konkreti tagħha, tkun ta’ natura li tiżgura tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, iżda lanqas ma għandha tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, il-piżijiet imposti fuq il-persuna taxxabbli jew l-iżvantaġġi kkawżati lilha ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (33). B’mod partikolari, l-aħħar aspett, imsejjaħ ukoll “proporzjonalità stricto sensu”, li l-eżami awtonomu tiegħu huwa ovvjament rarament iġġustifikat, jistħoqqlu attenzjoni partikolari f’każ bħal dak inkwistjoni.
60. Fil-fatt, kuntrarjament għall-każijiet kollha preċedenti ta’ tassazzjoni tal-ħruġ, il-każ preżenti jippreżenta l-partikolarità li, matul il-karriera professjonali tagħha, il-persuna taxxabbli tiċċaqlaq diversi drabi minn pajjiż għall-ieħor bħala ħaddiem impjegat għal raġunijiet professjonali u li hija għandha naturalment tittrasferixxi d-domiċilju fiskali tagħha kull darba.
61. Jekk kull Stat Membru li minnu titlaq il-persuna taxxabbli jkollu dejjem jissuġġettaha għal taxxa għall-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx kollu relatat mal-elementi rilevanti tal-attiv ta’ din il-persuna, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-qligħ kapitali kollu li jkun għadu ma seħħx iġġenerat preċedentement, jiġifieri parzjalment sa ħafna fil-passat, il-persuna taxxabbli jkollha tiġi ntaxxata diversi drabi fuq l-istess qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, li, minn perspettiva ekonomika, jista’ jnaqqas il-qligħ kapitali jew saħansitra jeżawrixxih fl-intier tiegħu, minkejja li qatt ma jkun sar permezz tat-trasferiment (34).
62. Kemm il-qorti tar-rinviju (fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha kif ukoll fit-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja) kif ukoll il-Kummissjoni (fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) ġustament enfasizzaw li tali sitwazzjoni – li fiha diversi Stati Membri jistgħu potenzjalment jiġbru t-taxxa tal-ħruġ tagħhom stess fuq qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx iġġenerat preċedentement xi mkien ieħor – ikollha effett dissważiv kunsiderevoli fuq il-ħaddiema li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom fi ħdan is-suq intern Ewropew. Leġiżlazzjoni daqstant estiża fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ħruġ tiskoraġġixxi lill-persuni kkonċernati mhux biss milli jitilqu minn Stat Membru, iżda fuq kollox milli jittrasferixxu ruħhom f’tali Stat Membru.
63. Ċertament: kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita (35), id-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu jkun newtrali fil-qasam tat-tassazzjoni. Minħabba d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, tali eżerċizzju tal-moviment liberu jista’, skont il-każ, ikun ftit jew wisq vantaġġuż, jew saħansitra żvantaġġuż. Bl-istess mod, għandu jiġi ammess li l-libertajiet fundamentali tas-suq intern Ewropew ma jipprojbixxux b’mod ġenerali taxxa doppja (36) kif inhi bħalissa u li l-Istati Membri ma humiex obbligati jadattaw is-sistemi fiskali tagħhom stess għas-sistemi fiskali differenti tal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja li tirriżulta mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali tagħhom (37).
64. Madankollu, il-piżijiet li jirriżultaw minn taxxa tal-ħruġ, bħal dik fil-kawża inkwistjoni, imorru ferm lil hinn minn dak li wieħed jista’ raġonevolment jistenna miċ-ċittadini tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari mill-ħaddiema, meta jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom u meta jittrasferixxu r-residenza tagħhom minn Stat Membru għal ieħor fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom.
65. Fi kliem ieħor, il-piżijiet li jirriżultaw minn taxxa tal-ħruġ hekk imfassla, li l-persuna taxxabbli taffaċċja meta teżerċita l-libertà ta’ moviment tagħha, huma totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-għan stess ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
66. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ AR bl-ebda mod ma hija każ iżolat rari. Fid-dinja attwali tax-xogħol, il-bidla fil-post tax-xogħol u fir-residenza diversi drabi, inkluż lil hinn mill-fruntieri, hija fenomenu dejjem iktar frekwenti. Mhux biss il-persunal tal-gruppi diġitali internazzjonali l-kbar, il-banek u l-uffiċċji tal-avukati, iżda wkoll numru ta’ impjegati fis-settur tas-saħħa u tal-kura, tal-informatika kif ukoll ta’ setturi oħra jeżerċitaw fil-frattemp attivitajiet li, matul il-karriera professjonali tagħhom, jistgħu jwasslu diversi drabi, matul perijodu ftit jew wisq twil, għaċ-ċaqliq lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, jew saħansitra, parzjalment, lejn pajjiżi terzi.
67. Dawn il-ħaddiema fl-ebda każ ma huma dejjem persunal anzjan relattivament sinjur, jew saħansitra sinjur, jew “top managers”. F’ħafna impriżi li joperaw fuq livell internazzjonali, bosta saffi ta’ persunal illum jibbenefikaw minn sistemi ta’ remunerazzjoni li jipprevedu l-ħlas ta’ parti mis-salarju fil-forma ta’ azzjonijiet jew azzjonijiet li jkunu fil-proċess li jiġu akkwistati. Għal diversi persuni kkonċernati, l-investimenti tagħhom li jirriżultaw jikkostitwixxu parti kbira mit-tfaddil personali tagħhom kif ukoll element ċentrali tat-tfaddil għall-pensjoni personali tagħhom. Fl-istess ħin, ir-remunerazzjoni (tal-inqas parzjali) tal-impjegati li għandhom ishma fl-impriża, b’mod partikolari għall-impriżi ġodda u emerġenti, tikkostitwixxi mezz importanti ta’ żvilupp adegwat, speċjalment inizjalment, filwaqt li hija attraenti għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin f’suq tax-xogħol dejjem iktar internazzjonali. Barra minn hekk, dan il-fatt huwa rrikonoxxut ukoll fil-ħidma li attwalment għaddejja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-proġetti leġiżlattivi ġodda Ewropej (38).
68. Jekk dawn il-ħaddiema kollha jibżgħu li l-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx tal-azzjonijiet tagħhom u ta’ titoli oħra akkwistati fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom jiġi integrat mill-ġdid u ntaxxat kompletament fi kwalunkwe bidla transkonfinali tal-post ta’ residenza u tax-xogħol, il-vantaġġi tas-suq intern Ewropew, b’mod partikolari fid-dinja tax-xogħol moderna, jirriskjaw li jitnaqqsu b’mod kunsiderevoli, jekk mhux saħansitra jinġiebu fix-xejn, għal numru kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni.
3. Konklużjoni intermedjarja
69. Għalhekk, il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi li t-taxxa tal-ħruġ dovuta mat-trasferiment tad-domiċilju fiskali ta’ ħaddiem barra mill-pajjiż testendi għall-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx marbut ma’ elementi tal-attiv ta’ dan il-ħaddiem li jkun ġie ġġenerat barra mill-pajjiż fi żmien meta l-impjegat kien għadu ma kellux ir-residenza fiskali tiegħu fit-territorju nazzjonali.
C. Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf tal-valur li jkun għadu ma seħħx ta’ ċerti elementi tal-attiv (it-tieni domanda preliminari)
70. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob kjarifika dwar jekk il-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 45 TFUE) jipprojbixxix li jiġu inklużi fil-bażi tat-taxxa għal taxxa tal-ħruġ biss dawk l-elementi tal-attiv tal-persuna taxxabbli li għamlu qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, bl-esklużjoni tal-elementi tal-attiv li jkunu għaddew minn tnaqqis li jkun għadu ma seħħx fil-valur.
71. Il-partijiet huma wkoll ma jaqblux dwar din il-kwistjoni. AR u l-Kummissjoni jargumentaw favur it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx, iżda l-Gvern Pollakk u dak Ġermaniż jopponu dan.
1. Restrizzjoni għal moviment liberu tal-ħaddiema
72. It-tieni domanda preliminari tidher li hija spjegata mill-fatt li, fil-kawża inkwistjoni, uħud mill-azzjonijiet miżmuma minn AR kellhom żieda fil-prezz sa mill-akkwist tagħhom minn AR, filwaqt li l-azzjonijiet oħra tiegħu naqsu. Madankollu, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ Pollakka kontenzjuża, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-azzjonijiet li l-prezz tagħhom żdied, filwaqt li l-azzjonijiet li naqsu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-bażi taxxabbli, b’tali mod li l-qligħ mill-kambju li jkun għadu ma seħħx ma jistax jiġi kkumpensat minn telf mill-kambju li jkun għadu ma seħħx.
73. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tat-taxxa Pollakka fuq id-dħul fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ azzjonijiet effettivament irrealizzat: meta persuna taxxabbli tbigħ l-azzjonijiet li hija żżomm, il-bażi tat-taxxa ordinarja fuq id-dħul tinkludi, għall-finijiet tat-tassazzjoni tad-dħul tagħha mill-kapital, mhux biss il-qligħ mill-kambju tal-azzjonijiet ittrasferiti li hija tkun għamlet matul il-perijodu taxxabbli, iżda wkoll it-telf tal-prezz ta’ azzjonijiet oħra ttrasferiti li hija tkun wettqet matul l-istess perijodu, b’tali mod li jkun hemm finalment, għal kull perijodu ta’ tassazzjoni kkonċernat, tpaċija bejn il-qligħ mill-kambju miksub u t-telf mill-kambju eventwalment magħmul.
74. Minn dan tirriżulta inugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-bażi fiskali, bejn il-persuni taxxabbli li, minħabba t-trasferiment tar-residenza tagħhom barra mill-pajjiż, huma suġġetti għal taxxa tal-ħruġ fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ ċerti elementi tal-attiv u l-persuni taxxabbli li, filwaqt li żammew id-domiċilju fiskali tagħhom fit-territorju nazzjonali, ittrasferixxew sempliċement ċertu numru ta’ elementi tal-attiv billi għamlu parzjalment qligħ kapitali u parzjalment telf kapitali.
75. Tali inugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-bażi fiskali, ċertament ma hijiex, kif irrilevat iktar ’il fuq (39), kundizzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Madankollu, din issaħħaħ l-effett diġà restrittiv ta’ kwalunkwe taxxa tal-ħruġ. Kif inhu magħruf, it-tassazzjoni tal-ħruġ tikkawża żvantaġġ ta’ likwidità għall-persuna taxxabbli li titlaq mill pajjiż, peress li, kuntrarjament għal persuna taxxabbli li tibqa’ fit-territorju nazzjonali, din tiġi ntaxxata speċifikament fuq il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx u mhux fuq il-qligħ kapitali effettivament magħmul fuq il-attiv tagħha. Huwa preċiżament dan l-iżvantaġġ ta’ likwidità li jiżdied meta t-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx ma jittiħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-taxxa tal-ħruġ, filwaqt li dan jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-taxxa ordinarja fuq id-dħul fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul. Fi kliem ieħor, it-taxxa tal-ħruġ għandha t-tendenza li tkun ogħla jekk il-kalkolu tagħha jieħu inkunsiderazzjoni biss il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx u mhux ukoll it-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx li jirriżulta mill-istess depożitu ta’ titoli.
76. Minn dan isegwi li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx fil-kalkolu ta’ taxxa tal-ħruġ bħat-taxxa tal-ħruġ Pollakka kontenzjuża tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema.
2. Ġustifikazzjoni
77. Kif diġà kien il-każ fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, sabiex tiġi ġġustifikata tali restrizzjoni, għandu qabelxejn jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima a iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat fil-qosor it-tħassib li tiġi evitata l-kunsiderazzjoni doppja tat-telf (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima b iktar ’il quddiem).
a) Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni
78. L-ewwel nett, jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li t-tassazzjoni tal-ħruġ hija intiża li tilħaq l-għan leġittimu ta’ tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jiġi eżaminat jekk, b’mod partikolari, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf ta’ valur li jkun għadu ma seħħx tal-elementi tal-attiv tal-persuna taxxabbli hijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan.
79. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li tista’ titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex biss miżura li verament tissodisfa l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (40).
80. Tali approċċ koerenti u sistematiku huwa preċiżament nieqes f’leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, meta t-telf kapitali subit mill-persuna taxxabbli għandu ċertament jiġi eskluż mill-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ fil-każ ta’ trasferiment tad-domiċilju fiskali tagħha, iżda dan jista’ tabilħaqq jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tassazzjoni taħt it-taxxa ordinarja fuq id-dħul meta dan iseħħ permezz ta’ trasferiment. Jekk, għall-finijiet tat-tassazzjoni, l-evoluzzjoni tal-valur tal-azzjonijiet għandha tiġi ddeterminata, il-persuna taxxabbli li tixtieq tittrasferixxi d-domiċilju tagħha barra mill-pajjiż u l-persuna taxxabbli li żżomm id-domiċilju tagħha fit-territorju nazzjonali jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (41). Konsegwentement, il-koerenza tal-approċċ teżiġi li, fiż-żewġ każijiet, jintuża effettivament l-istess metodu ta’ kalkolu tal-bażi taxxabbli.
81. Il-qorti tar-rinviju tippreżumi li, fl-adozzjoni tar-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ, il-leġiżlatur Pollakk seta’ bbaża ruħu fuq il-mudell ta’ persuna taxxabbli li, filwaqt li hija inklinata li tagħmel profitt fi kwalunkwe mument, hija riluttanti li tirkupra telf. Din tista’ tkun raġuni possibbli għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, bl-esklużjoni tat-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx għall-finijiet tat-taxxa tal-ħruġ.
82. Anki jekk wieħed jassumi li l-leġiżlatur Pollakk effettivament ħalla li jiġi ggwidat minn tali kunsiderazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jfissirx approċċ koerenti u sistematiku, peress li l-mudell ta’ tali “investitur li qiegħed jagħmel it-telf” huwa rifless biss – jekk ikun il-każ – fir-regoli dwar it-taxxa tal-ħruġ, u mhux f’dawk dwar it-taxxa normali fuq id-dħul fuq il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet effettivament magħmula mill-bejgħ.
83. Apparti hekk, approċċ koerenti u sistematiku tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jeżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-Istat Membru li jimponi taxxa tal-ħruġ jinkludi fil-bażi ta’ din it-taxxa kemm il-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx magħmul mill-persuna taxxabbli kif ukoll it-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx subit minnha, tal-inqas sa fejn jirrikonoxxi wkoll it-telf kapitali waqt it-trasferiment effettiv, fit-territorju nazzjonali, tal-assi kkonċernati minn residenti bl-għan li jiġu ntaxxati għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul.
84. Barra minn hekk, din hija preċiżament din il-perspettiva li tirriżulta diġà mill-ġurisprudenza mogħtija s’issa fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ħruġ: Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li titlaq kompletament mill-prinċipju li l-Istat Membru kompetenti fil-qasam tat-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ma jistax jinjora t-telf eventwali subit (42). Huwa biss it-telf kapitali li huwa eskluż mis-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu stess li naturalment ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-bażi taxxabbli tat-taxxa tal-ħruġ (43).
85. Inżid ngħid li kull taxxa tal-ħruġ hija neċessarjament akkumpanjata minn mument partikolari tal-attiv fiskalment rilevanti tal-persuna taxxabbli f’data ta’ riferiment partikolari. Jekk titoli miżmuma privatament, b’mod partikolari l-azzjonijiet, huma suġġetti għal taxxa tal-ħruġ, huwa finalment preżunt li, fil-mument tat-trasferiment tad-domiċilju fiskali tagħha barra mill-pajjiż, il-persuna taxxabbli tillikwida d-depożitu kollu tagħha ta’ titoli, jiġifieri li hija tbigħ mhux biss ċerti titoli, iżda dawn kollha, minn naħa, bi qligħ mill-kambju u, min-naħa l-oħra, b’telf minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, approċċ koerenti u sistematiku ma jistax jillimita ruħu li jieħu inkunsiderazzjoni biss unilateralment il-qligħ mill-kambju ta’ ċerti titoli, billi jaħbi t-telf tal-prezz ta’ titoli oħra.
86. F’kuntest ieħor, jista’ ċertament ikun xieraq li tiġi eżaminata separatament l-evoluzzjoni tal-valur ta’ ċerti assi għall-finijiet tal-kalkolu ta’ taxxa tal-ħruġ, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċerti assi fissi tanġibbli ta’ impriżi (jiġifieri bini, makkinarju u vetturi), peress li dawn setgħu bbenefikaw minn vantaġġi fiskali speċifiċi, bħal deprezzament għat-tkagħbir bl-użu, li għandu jiġi kkumpensat bit-taxxa tal-ħruġ. Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-azzjonijiet fid-depożitu ta’ titoli ta’ individwu: l-evoluzzjoni tal-valur tal-attiv tal-persuna taxxabbli u, għaldaqstant, il-bażi taxxabbli ta’ eventwali taxxa tal-ħruġ ma għandhom l-ebda valur ieħor ħlief evalwazzjoni globali tad-depożitu ta’ titoli.
87. Fil-qosor, leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Pollakka kontenzjuża għalhekk ma hijiex a fortiori ta’ natura li tiżgura tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
b) Prevenzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf
88. Barra mill-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-prevenzjoni tal-kunsiderazzjoni doppja tat-telf ġiet invokata wkoll bħala ġustifikazzjoni possibbli. Ġie sostnut li jeżisti riskju ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf jekk, inizjalment, l-Istat Membru ta’ ħruġ jieħu inkunsiderazzjoni t-telf kapitali li jkun għadu ma seħħx fil-kalkolu tat-taxxa tal-ħruġ u jekk, fil-każ ta’ trasferiment ulterjuri tal-attiv ikkonċernat, il-persuna taxxabbli fl-Istat Membru tal-moviment tagħha jieħu inkunsiderazzjoni t-telf – li issa jkun sar.
89. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jevitaw teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-telf (44). Madankollu, jista’ jkun hemm riskju ta’ teħid inkunsiderazzjoni doppju biss jekk l-istess telf jiġi effettivament invokat għal finijiet ta’ taxxa f’żewġ Stati Membri differenti. Dan ma huwiex il-każ tat-tassazzjoni tal-ħruġ għal żewġ raġunijiet.
90. Minn naħa, dan lanqas ma jkun l-istess telf meta, fi Stat Membru – l-Istat ta’ ħruġ – telf kapitali li jkun għadu ma seħħx jipproduċi effetti fiskali u, fl-Istat Membru ieħor – l-Istat ta’ destinazzjoni – jipproduċi telf kapitali effettivament imwettaq mit-trasferiment.
91. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali, kull Stat Membru kkonċernat huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni fiskalment biss it-telf subit fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu (45). L-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu, “[j]ikkunsidra bħala regola, fil-mument tat-twettiq tal-attivi tal-impriża kkonċernata [...] l-qligħ kapitali u t-telf kapitali mwettqa fuq dawn l-attivi minn mindu seħħ it-trasferiment [fiskali] tas-sede tagħha” (46). Ma huwiex meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni telf li ma jkunx ġie sostnut matul il-perijodu ta’ residenza fiskali tal-persuna taxxabbli fit-territorju tiegħu u li, barra minn hekk, ikun diġà ttieħed inkunsiderazzjoni preċedentement mill-Istat Membru tat-tluq, anki matul perijodu ta’ tassazzjoni totalment differenti (47). Japplika l-prinċipju tas-simetrija bejn id-dritt li jiġu ntaxxati l-profitti u l-possibbiltà li jitnaqqas it-telf (48).
3. Konklużjoni intermedjarja
92. Konsegwentement, il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi li l-bażi taxxabbli ta’ taxxa tal-ħruġ għandha tinkludi biss l-elementi tal-attiv tal-persuna taxxabbli li jkunu għamlu qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, bl-esklużjoni tal-elementi tal-attiv li jkunu sofrew tnaqqis fil-valur li jkun għadu ma seħħx.
D. Portata ta’ posponiment eventwali tat-taxxa tal-ħruġ li għandha titħallas (it-tielet domanda preliminari)
93. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li taċċerta jekk il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) jippermettix differiment tat-taxxa tal-ħruġ bi ħlas bin-nifs għal massimu ta’ ħames snin, jew jekk il-persuna taxxabbli għandhiex tingħata differiment iktar estensiv u komplut sakemm it-trasferiment effettiv tal-attiv tiegħu ikun sar.
94. Din id-domanda hija spjegata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni Pollakka kontenzjuża tipprevedi, fuq talba, differiment tal-ħlas bin-nifs għal perijodu massimu ta’ ħames snin mit-tmiem tal-perijodu taxxabbli li matulu l-persuna taxxabbli telqet mill-Polonja. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ressqet din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment minħabba li l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħna f’dan ir-rigward ma huwiex nieqes minn ambigwità, b’mod partikolari wara s-sentenza tal-Awla Manja fil-kawża Wächtler (49).
95. F’dan il-kuntest, ma huwiex sorprendenti li l-partijiet fil-kawża għandhom ukoll opinjoni maqsuma dwar it-tielet domanda preliminari: Filwaqt li AR u l-Kummissjoni jqisu li huwa meħtieġ differiment totali tat-taxxa tal-ħruġ sal-bejgħ effettiv tal-attiv ikkonċernat, il-gvernijiet kollha kkonċernati jixtiequ li jingħata żmien biżżejjed ta’ differiment ta’ ħames snin bi ħlas bin-nifs.
1. Restrizzjoni għal moviment liberu tal-ħaddiema
96. Kull irkupru ta’ taxxa tal-ħruġ qabel id-data tat-trasferiment effettiv tal-attiv ikkonċernat tal-persuna taxxabbli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ħlas bin-nifs jingħatax jew le, iwassal għal żvantaġġ ta’ likwidità għall-persuna taxxabbli u għalhekk jikkostitwixxi mingħajr dubju restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema (50).
2. Ġustifikazzjoni
97. Kif diġà indikajt iktar ’il fuq, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (51). Peress li ma tressaq ebda argument ieħor fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, iktar ’il quddiem ser nindirizza ż-żewġ ġustifikazzjonijiet essenzjali għall-irkupru effettiv (għall-kuntrarju tas-sempliċi impożizzjoni) ta’ taxxa tal-ħruġ, diġà diskussi regolarment fil-ġurisprudenza preċedenti: dan jirrigwarda t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, minn naħa, u l-ġbir effettiv tat-taxxa tal-ħruġ, min-naħa l-oħra.
a) Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni
98. Fir-rigward tal-ewwel ġustifikazzjoni possibbli, jiġifieri t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, huwa paċifiku li: dan it-tħassib ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rkuprata taxxa tal-ħruġ peress li, u sakemm, il-qligħ kapitali sottostanti tal-assi kkonċernati tal-persuna taxxabbli jibqa’ mhux effettiv. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-differiment totali tal-ħlas ta’ taxxa tal-ħruġ diġà ffissata sar-realizzazzjoni effettiva tal-qligħ kapitali taxxabbli ma jippreġudikax it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni (52). Differiment tal-ħlas għal perijodu limitat, pereżempju għal ħames snin biss, għalhekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għas-sempliċi tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u għalhekk huwa sproporzjonat meta mqabbel mat-twettiq ta’ dan l-ewwel għan.
b) Ġbir effettiv tat-taxxa tal-ħruġ
99. B’kuntrast ma’ dan, is-sitwazzjoni hija inqas ċara fir-rigward tat-tieni ġustifikazzjoni possibbli: l-interess tal-Istat Membru tat-tluq li jiġbor b’mod effettiv it-taxxa tal-ħruġ tiegħu.
100. Sa mis-sentenza Wächtler (53), ma huwiex ċar x’tista’ tkun l-importanza ta’ dan l-interess tal-Istati Membri. Dan huwa dovut għall-fatt li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat flimkien ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni invokati għall-impożizzjoni u għall-irkupru ta’ taxxa tal-ħruġ u ċaħdithom – tal-inqas fir-rigward tal-fatti ta’ dik il kawża – iżda llimitat ruħha, essenzjalment, għal kunsiderazzjonijiet li fir-realtà huma rilevanti biss fir-rigward tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
1) Natura xierqa
101. Madankollu, ma jidhirlix li, fis-sentenza Wächtler, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiċħad lill-Istati Membri l-interess leġittimu li jiġbru b’mod effettiv it-taxxa tal-ħruġ tagħhom (54). Differiment tal-ħlas għal perijodu limitat huwa wkoll ċertament xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw huma stess it-tul eżatt u l-modalitajiet tad-differiment tal-ħlas li għandu jingħata.
2) Neċessità
102. Madankollu, l-element ċentrali tal-eżami tal-ġustifikazzjoni huwa jekk differiment ta’ ħlas għal perijodu limitat huwiex strett wisq, jiġifieri jekk imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex it-taxxa tal-ħruġ tiġi effettivament miġbura. Għandhom jiġu kkunsidrati alternattivi inqas drastiċi: minn naħa, differiment fit-tul u komplet tat-taxxa tal-ħruġ sal-bejgħ effettiv tal-attiv ikkonċernat, possibbilment permezz tal-kostituzzjoni ta’ garanzija (55); min-naħa l-oħra, l-eżawriment tal-possibbiltajiet kollha ta’ kooperazzjoni eżistenti u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tat-tluq u dawk tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni (56).
103. Kuntrarjament għal dak li tidher li tissuġġerixxi s-sentenza Wächtler (57), ma nqisx li alternattivi bħal dawn – ċertament inqas drastiċi – huma daqstant adattati biex jintlaħaq l-għan li t-taxxa tal-ħruġ tinġabar bl-aktar mod effettiv possibbli. Fil-fatt, la l-kostituzzjoni ta’ garanziji mill-persuna taxxabbli, u lanqas il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet barranin ma jbiddlu fundamentalment il-fatt li, b’distanza dejjem tikber mill-mument tat-tluq tal-persuna taxxabbli, isir dejjem iktar diffiċli u onoruż li jiġu ttraċċati l-elementi tal-attiv tagħha kkonċernati (58). Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jiżdied ir-riskju li ma jkunx jista’ jinġabar id-dejn fiskali (59).
104. Barra minn hekk, jista’ jkun li attiv li jinkludi qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx qatt ma jiġi ttrasferit, li jfisser li d-differiment tal-ħlas tat-taxxa tal-ħruġ jista’ jkompli b’mod indefinit u d-dejn fiskali qatt ma jkun jista’ jiġi rkuprat. Dan imur kontra d-dritt tal-Istat Membru ta’ ħruġ, espressament irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirkupra t-taxxa tal-ħruġ tiegħu anki jekk ċerti elementi tal-attiv ikkonċernati ma jiġux ittrasferiti wara t-tluq (60).
105. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, differiment tat-tassazzjoni tal-ħruġ għal perijodu limitat biss – pereżempju għal perijodu ta’ ħames snin – jista’ jitqies bħala assolutament meħtieġ biex jintlaħaq b’mod effettiv l-objettiv leġittimu ta’ ġbir effettiv tat-taxxa tal-ħruġ, anki b’kunsiderazzjoni xierqa għall-marġni ta’ evalwazzjoni li jifdal għall-Istati Membri.
3) Proporzjonalità stricto sensu
106. Fl-aħħar nett, għad irid jiġi eżaminat jekk differiment tat-taxxa tal-ħruġ għal perijodu limitat – u preċiżament mhux sar-realizzazzjoni effettiva tal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx tal-elementi tal-attiv ikkonċernati mit-trasferiment effettiv tagħhom – jistax jimponi fuq il-persuna taxxabbli piżijiet jew żvantaġġi totalment sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex ta’ ġbir effettiv ta’ din it-taxxa (“proporzjonalità stricto sensu”).
107. B’mod iżolat, l-interessi tal-persuna taxxabbli jimmilitaw mingħajr ebda dubju favur l-għoti tad-differiment tal-ħlas kemm jista’ jkun twil, jiġifieri differiment komprensiv, mingħajr ebda obbligu ta’ ħlas bin-nifs, sad-data tat-trasferiment effettiv tal-elementi tal-attiv ikkonċernati. Fil-fatt, peress li t-taxxa tal-ħruġ hija dejjem relatata, min-natura tagħha, mal-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx (li għadu mhux irrealizzat), il-persuna taxxabbli ma jkollhiex neċessarjament, fil-mument tad-determinazzjoni ta’ din it-taxxa l-likwidità neċessarja sabiex tħallas l-imsemmija taxxa; għalhekk, hija tista’ tiġi mġiegħla tiddisponi minn wħud mill-attiv tagħha sabiex ikollha l-likwidità.
108. Madankollu, l-interessi leġittimi tal-persuna taxxabbli għandhom jiġu bbilanċjati mal-interess daqstant leġittimu tal-Istat Membru ta’ ħruġ għal ġbir effettiv tat-taxxa tal-ħruġ u għandhom jiġu bbilanċjati b’mod ġust. Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem is-sentenza Wächtler (61), iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax verament ikun hemm, f’dan il-kuntest, li “jitneħħa” totalment l-iżvantaġġ ta’ likwidità subit mill-persuna taxxabbli minħabba t-taxxa tal-ħruġ. Fil-fatt, jekk jitqies li taxxa tal-ħruġ hija bħala prinċipju ġġustifikata (62), il-persuna taxxabbli għandha taċċetta ċertu livell ta’ żvantaġġi marbuta ma’ din it-taxxa, bil-kundizzjoni li dawn l-iżvantaġġi jkunu strutturati b’mod li jkun aċettattabbli għaliha.
109. Madankollu, is-sentenza Wächtler – li kienet tikkonċerna l-każ partikolari ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mingħajr ebda possibbiltà ta’ differiment awtomatiku (63) – ma għandhiex tiġi ġġeneralizzata; għall-kuntrarju, din is-sentenza għandha tinqara b’estensjoni tal-ġurisprudenza relattivament abbundanti mogħtija matul iktar minn 20 sena fil-qasam tat-tassazzjoni tal-ħruġ. Minn dan jista’ jiġi dedott, bħala denominatur komuni, li l-irkupru immedjat ta’ taxxa tal-ħruġ stabbilita huwa sproporzjonat (64), iżda li differiment ta’ ħlas għal perijodu limitat jista’ jkun kompletament kompatibbli mal-libertajiet fundamentali (65), sakemm id-differiment tal-ħlas ma japplikax biss b’mod eċċezzjonali, f’każijiet diffiċli jew f’kundizzjonijiet partikolari, iżda jingħata awtomatikament lil kull persuna suġġetta għall-ħlas ta’ taxxa tal-ħruġ (66).
110. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li differiment ta’ ħlas ta’ ħames snin jista’ jissodisfa perfettament ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità (67). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni issa jipprevedi, bħala regola ġenerali, differiment ta’ ħames snin tat-taxxa tal-ħruġ, għalkemm limitat għall-impriżi suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Din il-leġiżlazzjoni ma tkunx ċara jekk, fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li differiment ta’ ħlas limitat għal ħames snin huwa sproporzjonat (68).
111. F’dan il-kuntest, differiment massimu ta’ ħames snin tat-taxxa tal-ħruġ, flimkien ma’ ħlas bin-nifs, bl-ebda mod ma jidher sproporzjonat.
4) Osservazzjonijiet addizzjonali dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-impriżi u tal-persuni fiżiċi
112. Huwa minnu li, fil-preżent, la l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet konkreti dwar speċifikament it-taxxa tal-ħruġ dovuta minn ħaddiem jew, b’mod iktar ġenerali, minn individwu. Ċertament, ċerti proċeduri għal deċiżjoni preliminari dwar it-taxxa tal-ħruġ kienu jikkonċernaw persuni fiżiċi, iżda, sa fejn jidher, dawn kienu, bħala regola ġenerali, persuni kkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ imprendituri jew, fi kwalunkwe każ, azzjonisti kbar ta’ impriżi (69).
113. Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet espressament li “ma teżisti ebda raġuni oġġettiva [...] bejn it-taxxa tal-ħruġ tal-persuni fiżiċi u dik tal-persuni ġuridiċi skont il-qligħ kapitali moħbi” (70).
114. Fil-fatt, fil-prattika, ma huwiex dejjem faċli li tiġi stabbilita l-linja ta’ demarkazzjoni bejn imprenditur u individwu li għandu numru sinjifikattiv ta’ ishma f’kumpanniji, b’mod partikolari azzjonijiet. Fil-fatt, anki individwu jipparteċipa fil-ħajja ekonomika billi jinvesti t-tfaddil tiegħu fis-suq tal-azzjonijiet u jappoġġja finanzjarjament, tal-inqas indirettament, lill-impriżi fl-attività tagħhom.
115. Kemm il-kumpanniji kif ukoll l-individwi fl-aħħar mill-aħħar iħabbtu wiċċhom mal-istess problema ta’ likwidità fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ħruġ, li tikkonsisti fil-fatt li jkollhom iħallsu dejn fiskali filwaqt li jkunu għadhom ma għamlux il-qligħ kapitali mhux irrealizzat tal-attiv li fuqu hija bbażata t-taxxa permezz ta’ trasferiment, b’tali mod li, sabiex iħallsu d-dejn fiskali, huma jista’ jkollhom jillikwidaw parti mill-assi tagħhom.
116. U kemm l-impriżi kif ukoll l-individwi huma pjuttost riluttanti li jużaw l-assi tagħhom biex iħallsu d-dejn: fil-fatt, mill-perspettiva tal-impriża, dan jista’ jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni fis-suq u potenzjalment iwassal għal telf ta’ impjiegi; għall-individwi, dan jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali fit-tfaddil tagħhom, jew saħansitra, jekk ikun il-każ, jaffettwa t-tfaddil għall-pensjoni tagħhom.
117. L-impożizzjoni ta’ taxxa tal-ħruġ tista’ għalhekk tkun intrużiva kemm għan-negozji kif ukoll għall-individwi. Madankollu, dan huwa marbut man-natura tat-taxxa tal-ħruġ, li dejjem taffettwa l-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx ta’ ċerti elementi tal-attiv u ma huwiex marbut mat-trasferiment effettiv tagħhom.
118. B’mod ġenerali, inqis li differiment massimu ta’ ħames snin tat-taxxa tal-ħruġ, flimkien ma’ ħlas bin-nifs, inkluż f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn din ma hijiex impriża, iżda ħaddiem, jissodisfa r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità.
3. Konklużjoni intermedjarja
119. Għalhekk, il-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li skontha taxxa tal-ħruġ tista’ tiġi ddifferita permezz ta’ talba b’tali mod li tkun pagabbli kollha kemm hi jew parzjalment f’pagamenti parzjali f’perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin, mingħajr ma jkun mistenni t-trasferiment effettiv tal-attiv ikkonċernat.
VI. Konklużjoni
120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja).
L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
1) Jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi li t-taxxa tal-ħruġ dovuta mat-trasferiment tad-domiċilju fiskali ta’ ħaddiem barra mill-pajjiż testendi għall-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx marbut ma’ attiv ta’ dan il-ħaddiem iġġenerat barra mill-pajjiż fi żmien meta l-ħaddiem kien għadu ma kellux ir-residenza fiskali tiegħu fit-territorju nazzjonali.
2) Jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi li l-bażi taxxabbli ta’ taxxa tal-ħruġ għandha tinkludi fil-valur taxxabbli biss l-elementi tal-attiv tal-persuna taxxabbli li għamlu l-qligħ kapitali li jkun għadu ma seħħx, bl-esklużjoni tal-elementi tal-attiv li jkunu sofrew tnaqqis fil-valur.
3) Ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li bis-saħħa tagħha taxxa tal-ħruġ tista’, fuq talba, tkun is-suġġett ta’ differiment ta’ ħlas totali jew parzjali f’pagamenti parzjali f’perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin, mingħajr ma jiġi mistenni t-trasferiment effettiv tal-elementi ta’ attiv ikkonċernat.
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2004 (C‑9/02, EU:C:2002:138).
3 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 46).
4 Dz. U. 2024, pożizzjoni 226, bl-emendi.
5 Dz U. 2023, pożizzjoni 226, bl-emendi.
6 Il-Gvern Norveġiż jillimita l-osservazzjonijiet tiegħu għat-tielet domanda preliminari.
7 Il-Gvern Norveġiż jiġġustifika din l-affermazzjoni bil-fatt li l-Ftehim ŻEE rilevanti għan-Norveġja ma għandux dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 21 TFUE.
8 Din il-ġurisprudenza tmur lura għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal (C‑100/01, EU:C:2002:712, punt 26); ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et (C‑488/21, EU:C:2023:1013, punt 46), u, speċifikament dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punti 22 u 23), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 35 u 36).
9 Fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru‑2006, Turpeinen (C‑520/04, EU:C:2006:703), min-naħa l-oħra, kienet tikkonċerna persuna li qatt ma użat il-libertajiet fundamentali tas-suq uniku Ewropew matul l-attività professjonali tagħha, iżda marret tgħix barra biss wara tmiem il-karriera tax-xogħol tagħha, u għalhekk f’dak il-każ biss il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (li issa huwa l-Artikolu 21 TFUE) seta’ jkun rilevanti.
10 Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 93).
11 Fil-livell tal-Unjoni, bħalissa teżisti dispożizzjoni legali sekondarja dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ biss fir-rigward tal-impriżi suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri fil-forma tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1); din id-Direttiva hija magħrufa wkoll b’mod estensiv bl-akronimu Ingliż tagħha “ATAD” (għal Anti-Tax-Avoidance-Directive).
12 Ara f’dan is-sens is-sentenza iktar reċenti tat‑12 ta’ Marzu 2026, Chefquet (C‑119/24, EU:C:2026:189, punt 29); ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C‑80/94, EU:C:1995:271, punt 16), u tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 21), kif ukoll – speċifikament dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ – is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 44), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47).
13 Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punti 39 sa 48), tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punti 33 sa 39), tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 35 sa 41), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punti 41 sa 48).
14 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 37 sa 47).
15 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 37), tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punt 40), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 44 u 45), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 91); ara, fl-istess sens, fir-rigward tal-ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punti 57 u 68).
16 Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 46), tas‑7 ta' Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 35), tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 37), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 43 sa 45), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punti 45 sa 47).
17 Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 46), tas‑7 ta Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 35), tad‑29 ta' Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 37 sa 40), tal‑21 ta Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punti 43 sa 46), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punti 45 sa 49).
18 Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012 (C‑269/09, EU:C:2012:439, punti 57 sa 60).
19 Sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 49), tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 42), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 48); ara wkoll, speċifikament rigward il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema b’konnessjoni mat-tassazzjoni diretta, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Chefquet (C‑119/24, EU:C:2026:189, punt 60).
20 Sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punti 40 sa 47), tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 46 u 47), tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 78), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 51), tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 51), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 86). Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri ġiet diskussa għall-ewwel darba fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punti 43 sa 46), għalkemm mhux b’rabta ma’ taxxa tal-ħruġ.
21 Sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 64), ), tal‑21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec (C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 42), u tat‑23 ta’ Novembru 2017, A (C‑292/16, EU:C:2017:888, punt 30); ara, fl-istess sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C‑336/96, EU:C:1998:221, punti 24 u 30).
22 Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Compagnie de Saint-Gobain (C‑307/97, EU:C:1999:438, punt 57), tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 54), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Société Générale (C‑403/19, EU:C:2021:136, punt 30).
23 Sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 78), tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punt 49), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 52), kif ukoll – essenzjalment identika – is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus (C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 65); ara, fl-istess sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 46) u tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 46, 48 u 60) abbażi tal-konklużjonijiet tiegħi f’dawn l-aħħar żewġ kawżi msemmija (konklużjonijiet fil-kawża N, C‑470/04, EU:C:2006:217, u National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:563) rispettivament.
24 Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 48, sentenza ta’ qabel tal-aħħar).
25 Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 48, l-aħħar sentenza). Bil-maqlub, Stat Membru ma huwiex meħtieġ li jqis kwalunkwe deprezzament li seħħ wara t-tluq lejn Stat Membru ieħor: ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 58).
26 Sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 65, enfasi miżjuda).
27 Sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑64/11, EU:C:2013:264, punt 31), u tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 65, ara, fl-istess sens il-punti 69 u 70).
28 Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec (C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 44); ara, fl-istess sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 91), u tat‑23 ta’ Novembru 2017, A (C‑292/16, EU:C:2017:888, punt 32).
29 Premessa 10 tad-Direttiva 2016/1164 (“ATAD”); enfasi miżjuda.
30 Fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dividendi, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza repetutament li l-ebda Stat Membru ma huwa meħtieġ jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa d-dħul tiegħu ġġenerat minn attività ekonomika mwettqa fit-territorju tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 59 fl-aħħar; ara wkoll, l-iktar reċenti, il-konklużjonijiet tiegħi tal‑10 ta Settembru 2026 fil-Kawża C‑475/25, EU:C:2026:744, b’mod partikolari l-punt 47, b’riferimenti ulterjuri).
31 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet preċedenti tiegħi tat‑30 ta’ Marzu 2006 fil-kawża N (C‑470/04, EU:C:2006:217, punt 93).
32 Sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, EU:C:2000:294, punt 59), tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 60), tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 78), u tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Prefettura di Massa Carrara (C‑274/20, EU:C:2021:1022, punt 39).
33 Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21 fl-aħħar), tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86), tat‑22 ta' Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50), u tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 340).
34 Jekk iż-żieda fil-prezz ta’ azzjoni wara l-akkwist tagħha mill-persuna taxxabbli tammonta għal EUR 1 000 u tliet Stati Membri jiġbru suċċessivament taxxa tal-ħruġ ta’ 30 %, il-qligħ kapitali eventwali li l-persuna taxxabbli tista’ finalment twettaq jitnaqqas għal EUR 100 mill-perspettiva ekonomika, peress li, matul iż-żmien, hija kellha tħallas taxxi suċċessivi ta’ ammont totali ta’ EUR 900 bħala taxxi tal-ħruġ (sakemm ma tirriżultax sitwazzjoni iktar favorevoli għaliha, pereżempju, minn ftehimiet dwar ħelsien minn taxxa doppja).
35 Sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Weigel (C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 55), tat‑12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 35), tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 45), u tas‑16 ta’ Jannar 2025, E P (Programm Erasmus+) (C‑277/23, EU:C:2025:18,43); fl-istess sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Attal u Associés (C‑321/24, EU:C:2025:836, punt 40).
36 Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, EU:C:2006:713, punt 22), tat‑12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 30), u tal‑15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 27).
37 Sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 31), tal‑15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 28), u tas‑26 ta’ Frar 2020, Stanleyparma u Stanleybet Malta (C‑788/18, EU:C:2020:110, punt 23); fl-istess sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 51).
38 Ara, b’mod partikolari, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali korporattiv tat‑28 reġim - “EU INC.”; (COM(2026) 321 final), ippreżentat mill-Kummissjoni fit‑18 ta’ Marzu 2026, fejn il-Kummissjoni tqis bħala mixtieqa, fost l-oħrajn, il-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, pereżempju permezz ta’ pjanijiet ta’ għażla dwar l-azzjonijiet, u tirreferi wkoll għall-ħidma tal-Kunsill Ewropew.
39 Ara l-punti 40 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
40 Ġurisprudenza stabbilita; speċifikament rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 33), tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010, punti 141 u 150), u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 95); ara, barra minn hekk, fundamentalment, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55), tas‑17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 42) – tal-aħħar dwar reġim fiskali nazzjonali – u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punt 367).
41 Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament enfasizzat il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet f’kuntesti differenti: ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 38), tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 60), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 46), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 60).
42 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 54), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus (C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 84).
43 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑301/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:47, punt 16), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 58); sentenza diġà deċiża, tal‑31 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑301/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:47, punti 56, 58 u 61).
44 Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 47), tal‑4 ta’ Lulju 2018, NN (C‑28/17, EU:C:2018:526, punt 42), u tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Credit Suisse Securities (Europe) (C‑601/23, EU:C:2024:1048, punt 72).
45 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 61), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 55), u tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holdings (C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 41, l-ewwel klawżola, u punt 52).
46 Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 61).
47 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holdings (C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 52).
48 Ara, rigward din is-simetrija – speċjalment fir-rigward ta’ taxxa tal-ħruġ – is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 58), u wkoll – f’diversi kuntesti oħra – is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C‑414/06, EU:C:2008:278, punt 33), tas‑7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 51), u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Cofidis (C‑340/22, EU:C:2023:1019, punt 60).
49 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138).
50 Ara, f’iktar dettall, l-argumenti tiegħi dwar l-ewwel u t-tieni domanda preliminari (b’mod partikolari l-punti 37 sa 39 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
51 Ara, f’dan ir-rigward, l-argumenti tiegħi, b’mod partikolari, dwar l-ewwel domanda preliminari (punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
52 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 64); ara fl-istess sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 68 sa 73), tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑38/10, EU:C:2012:521, punti 31 sa 33), u tat‑23 ta’ Novembru 2017, A (C‑292/16, EU:C:2017:888, punti 35 u 36).
53 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138, punti 63 sa 66).
54 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 66, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi, bħala prinċipju, “li l-irkupru immedjat tat-taxxa inkwistjoni fil-mument tat-trasferiment tad-domiċilju tal-persuna taxxabbli jista’, bħala prinċipju, jiġi ġġustifikat min-neċessità li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tad-djun fiskali”).
55 Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 73 u 74), tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punti 65 u 69), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 66).
56 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 78), tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑64/11, EU:C:2013:264, punt 38), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 65).
57 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 66).
58 Ara, f’dan is-sens ukoll is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 70), kif ukoll, b’mod supplimentari, il-konklużjonijiet tiegħi tat‑8 ta’ Settembru 2011 f’dik il-kawża (EU:C:2011:563, punti 69 sa 71).
59 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 74), tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punt 62), tal‑21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec (C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 50), tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 59, l-aħħar sentenza), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 91, l-aħħar klawżola).
60 Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑261/11, EU:C:2013:480, punti 35 sa 37); ara fl-istess sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 49), u tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punti 51 sa 53).
61 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019 (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 68).
62 Ara, f’dan ir-rigward, ir-rimarki preliminari tiegħi fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
63 Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, b’mod partikolari l-punt 68).
64 Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C 371/10, EU:C:2011:785, punt 85), tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑38/10, EU:C:2012:521, punt 31), tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 67), tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682, punt 59), u tas‑16 ta’ Frar 2023, Gallaher (C‑707/20, EU:C:2023:101, punt 90).
65 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punt 61), tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑38/10, EU:C:2012:521, punt 32), u tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑591/13, EU:C:2015:230, punt 73).
66 F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138, punti 47 u 56), tal‑25 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑64/11, EU:C:2013:264, punt 37), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 68), fejn din tal-aħħar hija relatata mal-Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni.
67 Sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2014, DMC (C‑164/12, EU:C:2014:20, punti 62 u 64), u tal‑21 ta’ Mejju 2015, Verder LabTec (C‑657/13, EU:C:2015:331, punt 52).
68 Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2016/1164 (“ATAD”).
69 Dan kien il-każ fis-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, EU:C:2004:138), tas‑7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138). B’kuntrast ma’ dan, it-trustees imsemmija fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Trustees of the P Panayi Accumulation & Maintenance Settlements (C‑646/15, EU:C:2017:682), ma kinux huma stess suġġetti għal taxxa tal-ħruġ bħala individwi.
70 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑503/14, EU:C:2016:979, punt 56), li fih tirreferi għall-ġustifikazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat tat-taxxa bejn l-Istati Membri). Anki s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439), tikkonċerna wkoll persuni fiżiċi.