Brussell, 20.2.2024

COM(2024) 69 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Sommarju eżekuttiv tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-programmi operazzjonali kofinanzjati mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fl-2021


Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jgħin biex jindirizza l-agħar forom ta’ faqar fl-UE, bħall-privazzjoni alimentari, il-faqar fost it-tfal u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar.

Fl-2021, is-sitwazzjoni soċjali kienet ikkaratterizzata minn żieda fir-rati tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, parzjalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Aktar minn 94 miljun persuna madwar l-UE (21,9 % tal-popolazzjoni totali) kienu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-2020.

F’dan l-isfond, l-Istati Membri użaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-programmi operazzjonali (OPs) tal-FEAD biex jipprovdu assistenza alimentari u/jew materjali bażika (23 pajjiż taħt OP I) u jippromwovu l-inklużjoni soċjali (il-Ġermanja, in-Netherlands, id-Danimarka u l-Iżvezja taħt OP II). Dan issupplimenta l-azzjoni nazzjonali biex tiġi indirizzata d-deprivazzjoni materjali u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Fl-2021, EUR 4,6 biljun (fi prezzijiet kurrenti) kienu disponibbli mill-FEAD għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (inkluża allokazzjoni minn REACT-EU), li jġib il-valur totali tal-fond għal madwar EUR 5 biljun (inklużi l-allokazzjonijiet nazzjonali).

Ir-rata medja ta’ implimentazzjoni tal-UE kienet ta’ 63 % fl-2021. L-ogħla rati kienu fil-Bulgarija (91 %), fi Spanja (86 %) u fin-Netherlands (86 %). Fir-Rumanija, fl-Ungerija u f’Ċipru, kien hemm żieda fir-rati ta’ implimentazzjoni meta mqabbla mal-2020.

Fl-2021, aktar minn 15-il miljun persuna rċevew assistenza alimentari permezz tal-FEAD (żieda żgħira minn 14,9-il miljun fl-2020), u 2,1 miljun persuna rċevew assistenza materjali bażika. Madwar 18 000 individwu rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali fl-erba’ pajjiżi li implimentaw it-tieni tip ta’ programmi tal-FEAD (OP II). L-appoġġ tal-FEAD tqassam b’mod ugwali fost l-irġiel u n-nisa (50 %/50 %). Fil-gruppi ta’ età, 26 % tal-appoġġ tal-FEAD mar għat-tfal, u 11 % għall-anzjani.

Fl-2021, il-provvista ta’ appoġġ għall-ikel u assistenza materjali bażika kompliet tiġi affettwata ħafna mill-COVID-19. Kien hemm domanda akbar għall-appoġġ, u kellhom jiġu inklużi gruppi addizzjonali ta’ persuni vulnerabbli. Kien hemm ukoll bidliet fil-mod kif ġie pprovdut l-appoġġ u fit-tip ta’ appoġġ mogħti (pereżempju, ġew introdotti vawċers fir-Rumanija). L-organizzazzjonijiet benefiċjarji lokali sabu modi kif jittrattaw ir-restrizzjonijiet fis-seħħ u rnexxielhom ikomplu jappoġġaw għadd ta’ riċevituri simili għal dak fl-2020. Id-distribuzzjoni tal-ikel jew l-assistenza materjali ffaċċjaw sfidi loġistiċi. Madankollu, dawn eventwalment ġew solvuti biex jgħinu fir-rispons għad-domanda kontinwa għall-appoġġ u biex jinżammu livelli ta’ konsenja simili għas-sena ta’ qabel tal-pandemija.

Fir-rigward tal-għoti tal-ikel, l-ogħla għadd assolut ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-ikel kienu fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija. Dan huwa konformi mal-baġit kbir disponibbli għal dawn il-pajjiżi u r-riżorsi addizzjonali mir-REACT-EU. Fl-2021 tqassmu kważi 450 000 tunnellata ta’ ikel. Dan kien jinkludi prodotti bażiċi, bħal prodotti tal-ħalib, għaġin, ross, ħxejjex u frott, żejt u laħam, ikkonsenjati f’pakketti jew f’ikliet.

F’pajjiżi li jipprovdu assistenza materjali bażika permezz tal-FEAD, aktar minn 2 miljun persuna bbenefikaw minn din l-assistenza. Aktar minn nofs kienu fir-Rumanija, li rċevew pakketti ta’ iġjene u provvisti għall-iskejjel. It-tfal kienu l-mira ewlenija għall-assistenza materjali f’Ċipru, fl-Ungerija, fl-Irlanda u fl-Awstrija.

L-Istati Membri li mexxew programmi ta’ għoti ta’ ikel u/jew assistenza materjali bażika (OP I) implimentaw ukoll miżuri ta’ akkumpanjament. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri komplew iwettqu taħlita ta’ miżuri ta’ akkumpanjament. Dawn kienu jinkludu pariri dwar it-tħejjija u l-ħżin tal-ikel, informazzjoni għall-promozzjoni ta’ nutrizzjoni tajba għas-saħħa, workshops tat-tisjir, referenzi għal servizzi rilevanti, workshops biex tittejjeb l-integrazzjoni fl-edukazzjoni jew fis-suq tax-xogħol, konsulenza dwar il-ġestjoni domestika, u aċċess għall-indukrar tat-tfal.

L-erba’ pajjiżi li implimentaw il-programmi ta’ inklużjoni soċjali tal-FEAD (OP II) kienu l-Ġermanja, in-Netherlands, id-Danimarka u l-Iżvezja. Dawn iffukaw fuq miżuri ta’ inklużjoni soċjali għal gruppi fil-mira speċifiċi: in-nisa anzjani, il-migranti, il-minoranzi u l-persuni mingħajr dar. Dawn laħqu total ta’ 18 000 persuna fl-2021.

Fl-2021, il-FEAD kompla jiġi affettwat ħafna mill-konsegwenzi tal-COVID-19. L-Istati Membri kellhom jerġgħu jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-FEAD, il-gruppi fil-mira, l-operazzjonijiet, u t-tipi ta’ appoġġ, filwaqt li jiżguraw l-appoġġ kontinwu ta’ gruppi vulnerabbli. Ir-riżorsi addizzjonali magħmula disponibbli permezz tar-REACT-EU appoġġaw ulterjorment inizjattivi mfassla biex jindirizzaw il-livelli ogħla ta’ prekarjetà madwar l-UE. Dan għamilha possibbli biex il-programmi eżistenti tal-FEAD jipprovdu aktar appoġġ għall-ikel u assistenza materjali bażika lill-gruppi fil-mira, billi jipprovdu appoġġ kruċjali lil persuni li diġà jinsabu f’sitwazzjonijiet prekarji. Għalhekk, il-FEAD wera li huwa strument importanti biex jappoġġa l-ambizzjonijiet tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Dan kien ukoll mod flessibbli ta’ kif jintnefaq il-baġit addizzjonali li sar disponibbli b’REACT-EU.

L-aħħar sentejn tal-implimentazzjoni tal-FEAD se jkollhom sfidi addizzjonali. Se jkun hemm aktar pressjoni biex jitlestew il-proġetti u tiġi ddikjarata n-nefqa li jifdal, biex l-Ukrajna tiġi megħjuna taħrab mill-aggressjoni militari Russa u biex tittaffa l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, li tista’ żżid id-domanda għall-appoġġ materjali fl-UE.



   1. INTRODUZZJONI

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) 1 jgħin biex jindirizza l-agħar forom ta’ faqar fl-UE, bħall-privazzjoni alimentari, il-faqar fost it-tfal u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Total ta’ EUR 4,6 biljun (fi prezzijiet kurrenti) kien disponibbli mill-FEAD għall-2014-2020 (inkluża allokazzjoni minn REACT-EU), li jġib il-valur totali tal-fond għal madwar EUR 5 biljun (inklużi l-allokazzjonijiet nazzjonali).

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fond b’żewġ modi. Dawn jistgħu jużaw:

·il-programm operazzjonali li jipprovdi l-għoti tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika (OP I); u/jew

·il-programm operazzjonali li jippromwovi l-inklużjoni soċjali (OP II).

L-għoti tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jridu jiġu ssupplimentati b’miżuri ta’ akkumpanjament. Dawn jistgħu jinkludu attivitajiet edukattivi għall-promozzjoni ta’ nutrizzjoni sana, pariri dwar it-tħejjija u l-ħżin tal-ikel, miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa, appoġġ psikoloġiku u terapewtiku, programmi ta’ ħiliet, pariri dwar il-ġestjoni ta’ baġit ta’ unità domestika, attivitajiet soċjali u ta’ divertiment u l-għoti ta’ servizzi legali.

F’konformità mal-bażi ġuridika tal-FEAD 2 , dan is-sommarju huwa bbażat fuq ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, li l-Kummissjoni rċeviet mingħand kull Stat Membru.

Il-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-isfidi diġà sinifikanti ffaċċjati fil-ġlieda kontra l-aktar forom severi ta’ privazzjoni (materjali). Il-FEAD ġie stabbilit biex jgħin fir-rispons għall-agħar forom ta’ faqar fl-UE billi jipprovdi appoġġ għall-ikel u/jew assistenza materjali bażika (OP I) jew appoġġ għall-inklużjoni soċjali (OP II). Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021 jenfasizzaw ir-rispons biex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn u biex jittaffew l-agħar forom ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Bis-saħħa tal-flessibbiltajiet addizzjonali għall-programmi tal-FEAD ipprovduti skont l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE), il-finanzjament mill-FEAD se jkun kruċjali wkoll sabiex jingħataw l-ikel u l-assistenza materjali bażika tant meħtieġa lill-Ukreni li jkunu qegħdin jaħarbu mill-aggressjoni militari Russa.

Il-FEAD jissupplimenta l-azzjoni nazzjonali biex jindirizza d-deprivazzjoni materjali u jiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-enfasi tiegħu fuq l-appoġġ għall-ikel, l-assistenza materjali bażika u l-inklużjoni soċjali tindirizza sfidi bħad-deprivazzjoni alimentari, il-faqar fost it-tfal u l-problema ta’ persuni mingħajr dar. Din il-ħidma hija allinjata mal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mal-mira ambizzjuża l-ġdida tagħha għall-2030. Ir-Regolament jistipula li l-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jridu jiġu ssupplimentati b’miżuri ta’ akkumpanjament. Dawn huma attivitajiet li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u li jindirizzaw emerġenzi soċjali b’mod sostenibbli u li jagħti s-setgħa.

Is-sitwazzjoni soċjali li fiha opera l-FEAD fl-2021 kienet ikkaratterizzata minn sfidi ulterjuri ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, parzjalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Aktar minn 94 miljun persuna madwar l-UE kienu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-2020 3 , li huwa 21,9 % tal-popolazzjoni totali. Iċ-ċifri jaħbu differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri: dawn varjaw minn 11,9 %, 14,8 % u 15,9 % fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja u fid-Danimarka, rispettivament, għal 32,1 %, 30,4 % u 28,8 % fil-Bulgarija, fir-Rumanija u fil-Greċja, rispettivament. Iż-żieda fl-2020 tista’ tiġi assoċjata direttament mal-isfidi soċjoekonomiċi mill-miżuri sanitarji stabbiliti b’reazzjoni għall-COVID-19. Fl-2021, il-pandemija x’aktarx kellha wkoll impatt negattiv ulterjuri fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-unitajiet domestiċi, li għandhom rwol fiż-żieda tal-faqar u tal-inugwaljanza fl-introjtu fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Minkejja t-titjib li sar bejn l-2012 u l-2019, il-mira tal-Ewropa għall-2020 ta’ 20 miljun persuna inqas f’riskju ta’ faqar meta mqabbla mal-2008 baqgħet ma ntlaħqitx matul l-aħħar 10 snin. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi mira ġdida għall-2030, li tfittex li tnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali bi 15-il miljun addizzjonali għal madwar 76 miljun sal-2030, minn 91 miljun fl-2019 4 . Minħabba l-effetti partikolari li għandhom il-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq it-tfal, il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi wkoll l-ambizzjoni speċifika u supplimentari biex jitnaqqas l-għadd ta’ tfal (ta’ 17-il sena u anqas) f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali b’5 miljuni sal-2030.

1.1    Żviluppi fil-futur

Skont il-baġit attwali fit-tul tal-UE għall-2021-2027 (magħruf ukoll bħala l-qafas finanzjarju pluriennali), il-FEAD huwa integrat fil-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) biex jissimplifika l-finanzjament u jtejjeb is-sinerġiji bejn il-fondi. Sabiex jagħti spinta lill-appoġġ għall-inklużjoni soċjali, ir-Regolament dwar l-FSE+ 5 jirrikjedi li mill-anqas 25 % tal-fergħa tal-FSE+ b’ġestjoni kondiviża tiġi allokata għall-għanijiet ta’ inklużjoni soċjali (meta mqabbla mal-20 % mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2014-2020), u b’allokazzjoni minima ulterjuri ta’ 3 % għal kull Stat Membru sabiex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali, l-objettiv ewlieni attwali tal-FEAD. L-Istati Membri ppjanaw EUR 5 biljun ta’ riżorsi tal-FSE+ (kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 4,5 biljun) biex jappoġġaw lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Dan huwa 4 % tal-allokazzjoni totali tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża, li tmur lil hinn mir-rekwiżit legali ta’ 3 %.

Japplikaw regoli speċifiċi għall-appoġġ biex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali ħalli dan jibqa’ sempliċi kemm jista’ jkun. Għalkemm parti mill-FSE+, il-ġestjoni tal-operazzjonijiet inklużi fil-prijoritajiet jew fil-programmi għall-appoġġ materjali (b’rekwiżiti simplifikati f’termini ta’ ġestjoni u monitoraġġ) hija mfassla biex tkun aktar sempliċi ħalli jiġi evitat il-piż amministrattiv fuq l-organizzazzjonijiet involuti.

1.2 Koordinazzjoni tal-FEAD fil-livell tal-UE

Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, il-grupp ta’ esperti tal-FEAD baqa’ l-forum ewlieni għall-awtoritajiet maniġerjali biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-fond. Il-grupp ta’ esperti ltaqa’ darbtejn fl-2021 (flimkien mal-grupp ta’ ħidma tekniku tal-FSE) biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-programmi tal-FEAD. Aspetti partikolari diskussi kienu jinkludu miżuri ta’ akkumpanjament, awditi, koordinazzjoni ma’ fondi oħrajn tal-UE, għażliet ta’ kostijiet issimplifikati u vawċers elettroniċi, kif ukoll emendi ta’ REACT-EU.

Biex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, fl-2020 u fl-2021, l-attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku għall-komunità tal-FEAD ħadu post il-laqgħat tan-network tal-FEAD li kienu saru qabel. Matul dan il-perjodu, saru tliet seminars tematiċi online, tliet skambji bejn il-pari u żewġ konferenzi, li matulhom ġew diskussi l-isfidi ta’ implimentazzjoni u l-opportunitajiet offruti mill-FSE+.

B’mod partikolari, is-seminars u l-iskambji bejn il-pari ddiskutew:

·il-karatteristiċi tar-riċevituri finali l-ġodda ta’ miżuri ffinanzjati mill-FEAD u prattiki ġodda implimentati matul il-pandemija tal-COVID-19;

·approċċi integrati possibbli biex tiġi appoġġata l-inklużjoni soċjali tar-riċevituri finali;

·il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni;

·il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-inklużjoni soċjali matul u wara l-pandemija;

·l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ vawċers (elettroniċi); u

·l-involviment u r-rwol tal-partijiet ikkonċernati u tar-riċevituri finali.

2. PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI OPERAZZJONALI 6

2.1. Implimentazzjoni finanzjarja

In-nefqa pubblika eliġibbli totali impenjata għall-appoġġ tal-FEAD kienet ta’ EUR 694 miljun fl-2021. Fi tmiem l-2021, kien hemm disponibbli baġit totali ta’ EUR 5,0 biljun għall-investimenti tal-FEAD. Dan il-baġit totali jinkludi żieda ta’ EUR 0,5 biljun relatata mal-pakkett REACT-EU, li nħoloq b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jinkludi kemm il-fondi allokati tal-UE kif ukoll il-kofinanzjament nazzjonali għall-implimentazzjoni. Sa tmiem l-2021, ma kinux ġew approvati l-emendi kollha ta’ REACT-EU. Abbażi ta’ rieżami tal-emendi tal-programm li kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2021, kienet mistennija żieda addizzjonali fil-baġit totali għall-2022.

Mill-EUR 5,0 biljun, in-nefqa totali approvata laħqet EUR 4,68 biljun sa tmiem l-2021 (94 % tal-baġit totali) 7 . Fl-2021, l-ammonti annwali rrapportati tan-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u mħallsa għall-operazzjonijiet ta’ implimentazzjoni żdiedu b’mod konsiderevoli meta mqabbla mas-snin preċedenti, għal EUR 768,3 miljun, u laħqu total ta’ EUR 3 614,5-il miljun sa tmiem l-2021 (jew 65 % tal-baġit totali). F’termini ta’ nefqa dikjarata, tista’ tiġi osservata wkoll aċċellerazzjoni meta mqabbla mas-snin preċedenti. L-ammont annwali tan-nefqa dikjarata kien ta’ EUR 703,9 miljun, u b’hekk it-total tela’ għal EUR 3 115,3-il miljun (jew 63 % tal-baġit totali).

Meta jiġu inklużi ż-żidiet f’REACT-EU fil-baġits tal-FEAD għall-2021, l-ebda programm tal-FEAD ma kien implimenta bis-sħiħ il-baġits disponibbli sa tmiem l-2021; ir-rata medja ta’ implimentazzjoni tal-UE kienet ta’ 63 %. Ir-rati ta’ implimentazzjoni huma ddeterminati abbażi tas-sehem tal-baġit totali allokat li bħalissa huwa ddikjarat lill-Kummissjoni. Bħalissa, il-Bulgarija (91 %), Spanja (86 %), in-Netherlands (86 %), il-Finlandja (83 %), il-Polonja (82 %), l-Irlanda (80 %), l-Awstrija (78 %), il-Latvja (77 %), Ċipru (73 %), u l-Ungerija (72 %) qegħdin javvanzaw relattivament tajjeb. Abbażi tal-implimentazzjoni attwali, huma mistennija li jiddikjaraw in-nefqa tal-baġits kollha tagħhom sa tmiem l-2023.

L-akbar żieda fl-implimentazzjoni tal-baġit tista’ tiġi osservata fir-Rumanija (b’żieda ta’ 26 punt perċentwali (pp) meta mqabbla ma’ tmiem l-2020), fl-Ungerija (25 pp), f’Ċipru (21 pp) u fin-Netherlands (20 pp). Se tkun meħtieġa azzjoni addizzjonali biex titħaffef l-implimentazzjoni ħalli jiġi evitat id-diżimpenn tal-baġits tal-FEAD fi tmiem l-2023, b’mod partikolari fl-Italja (rata ta’ implimentazzjoni attwali ta’ 40 %), fil-Kroazja (46 %), fil-Litwanja (64 %) u fis-Slovenja (56 %).

Il-FEAD wera li huwa flessibbli u jwieġeb għall-ħtiġijiet emerġenti, bħal dawk li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19. Ir-Regolament tal-FEAD ġie emendat f’April 2020 8 bħala parti mill-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+). Dan għamilha possibbli li jintużaw modalitajiet indiretti ta’ konsenja, eż. vawċers jew kards (biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni), u li jinxtara tagħmir protettiv personali għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-appoġġ tal-FEAD. Barra minn hekk, permezz tal-emendi l-Istati Membri setgħu jużaw rata ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ 100 % għas-sena kontabilistika 1. Sa tmiem l-2021, ġew emendati 12-il programm tal-FEAD: tmienja minnhom sabiex jibbenefikaw mir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 %, u erbgħa biex jintroduċu miżuri ta’ emerġenza ħalli jwieġbu għall-pandemija.

Fi Frar 2021 ġiet adottata emenda ulterjuri tar-Regolament dwar il-FEAD bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-Kummissjoni skont ir-REACT-EU 9 . Permezz ta’ din l-emenda l-Istati Membri jistgħu jallokaw finanzjament addizzjonali għal programmi taħt l-FSE, il-FEAD u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dawn ir-riżorsi addizzjonali jistgħu jsaħħu l-appoġġ eżistenti, bħall-għoti tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika u l-proġetti ta’ inklużjoni soċjali. Ir-riżorsi addizzjonali għandhom ikunu f’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, u jqisu l-għadd ogħla ta’ persuni fil-bżonn mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. B’kollox, ġew emendati 13-il OP (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja), b’żieda totali mill-pagament parzjali tal-2021 ta’ REACT-EU ta’ EUR 506 miljun.

Fis-6 ta’ April 2022, ir-Regolament dwar il-FEAD ġie emendat 10 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE). Permezz tal-CARE l-Istati Membri u r-reġjuni jkollhom aktar flessibbiltà biex jużaw il-FEAD ħalli jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza lill-persuni li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna wara l-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja. B’mod speċifiku, bis-saħħa tagħha l-Istati Membri jistgħu jemendaw ċerti partijiet tal-programmi tagħhom biex jindirizzaw il-kriżi, meta meħtieġ, u sempliċiment jinnotifikaw lill-Kummissjoni minflok ma jkollhom bżonn l-approvazzjoni tagħha għall-bidliet. Barra minn hekk, jipprevedi data tal-bidu aktar bikrija tal-eliġibbiltà għal dawn l-inizjattivi: l-24 ta’ Frar 2022. Dan jestendi wkoll il-possibbiltà ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ 100 % għas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u li tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2022. Barra minn hekk, fit-12 ta’ April 2022, ġie adottat Regolament 11 biex jissupplimenta l-CARE. Din l-emenda tipprovdi likwidità u tħaffef l-aċċess għall-fondi lill-benefiċjarji. Din tagħmel hekk billi żżid EUR 3,5 biljun f’pagamenti ta’ prefinanzjament għall-pagament parzjali tal-2021 ta’ REACT-EU għall-FEAD u għall-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni.

2.2 Implimentazzjoni fil-prattika

Sensibilizzazzjoni tal-FEAD u profil tar-riċevituri finali

Fl-2021, 15,0-il miljun persuna ingħataw l-ikel permezz tal-FEAD, u 2,1 miljun persuna oħrajn irċevew assistenza materjali bażika. Ftit inqas minn 18 000 persuna rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali. Minn dan it-total ta’ 17,1-il miljun, 50 % kienu nisa, 26 % tfal u 11 % ta’ aktar minn 65 sena. Il-migranti, il-persuni bi sfond barrani jew il-persuni minn minoranzi kienu jikkostitwixxu 18 %, il-persuni b’diżabilità 6 % u l-persuni li kienu qegħdin jesperjenzaw il-problema ta’ persuni mingħajr dar 5 %.

Fl-2021, il-FEAD irnexxielu jagħti għajnuna f’27 Stat Membru u għamel progress tajjeb sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (23 minn 27) qassmu l-ikel u/jew materjali bażika flimkien mal-miżuri ta’ akkumpanjament (Tabella 1, OP I). Erba’ Stati Membri komplew imexxu programmi ta’ inklużjoni soċjali (Tabella 1, OP II).

Tabella 1.Tip ta’ assistenza – FEAD

Programm operazzjonali

Tip ta’ għajnuna

Stat Membru (MS)

OP I

Ikel

10 Stati Membri: BE, BG, EE, ES, FI, FR, MT, PL, PT, SI

Assistenza materjali bażika

Stat Membru 1: AT

It-tnejn li huma

12-il Stat Membru: CY*, CZ, EL, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, RO SK^

OP II

Inklużjoni soċjali

4 Stati Membri: DE, DK, NL, SE

* Ċipru lesta l-proġett ta’ twassil tal-ikel tiegħu fl-2019 u minn dak iż-żmien iffoka biss fuq l-assistenza materjali bażika.

^ Is-Slovakkja pprovdiet assistenza materjali bażika bejn l-2016 u l-2020 u rrapportat biss dwar l-appoġġ għall-ikel minn dak iż-żmien.

Sors: Rapport annwali ta’ implimentazzjoni tal-2021.

It-tfal jirrappreżentaw madwar 26 % ta’ dawk li rċevew l-ikel, l-assistenza materjali bażika jew l-assistenza għall-inklużjoni soċjali fl-2021. Dan is-sehem naqas bi ftit meta mqabbel mal-2020, meta kien ta’ 28 %. F’diversi Stati Membri, it-tfal kienu jirrappreżentaw sehem kbir minn dawk li rċevew appoġġ għall-ikel, b’mod partikolari fil-Belġju, fil-Kroazja, fl-Ungerija, fi Franza u f’Malta. Barra minn hekk, Ċipru, l-Ungerija, l-Irlanda u l-Awstrija qassmu biss appoġġ materjali għat-tfal (għalhekk jammontaw għall-assistenza materjali bażika kollha).

Madwar 18 % tar-riċevituri finali kienu migranti, persuni bi sfond barrani jew persuni minn minoranzi (inklużi komunitajiet marġinalizzati, bħar-Rom). Madankollu, dan is-sehem jista’ jiġi ssottovalutat peress li l-informazzjoni dwar il-migranti li jirċievu appoġġ mhux dejjem tiġi rrapportata minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data (il-Greċja, Franza u s-Slovakkja). Il-migranti b’mod ġenerali huma l-akbar grupp, segwit mir-rifuġjati u mill-persuni li jfittxu l-ażil.

Madwar 5 % tar-riċevituri finali tal-FEAD kienu persuni mingħajr dar; dan il-proporzjon baqa’ ġeneralment stabbli. Madankollu, l-għadd ta’ persuni mingħajr dar huwa partikolarment diffiċli biex jiġi stmat peress li dawn mhumiex irreġistrati u ta’ spiss isibuha bi tqila biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni personali. Fl-Irlanda, fiċ-Ċekja u fi Franza, aktar minn 10 % tar-riċevituri finali li rċevew assistenza alimentari kienu persuni mingħajr dar. Fl-Italja, il-proporzjon ta’ persuni mingħajr dar li ngħataw l-ikel kien relattivament baxx (3,7 %) iżda kien l-akbar grupp li rċieva assistenza materjali bażika (94 % tar-riċevituri finali kollha). Iċ-Ċekja wkoll kellha proporzjon relattivament għoli ta’ riċevituri finali ta’ assistenza materjali bażika li kienu persuni mingħajr dar (21 %).

Madwar 6 % tar-riċevituri finali kienu persuni b’diżabilità. L-akbar sehem ta’ persuni b’diżabilità li rċivew assistenza alimentari kien fil-Bulgarija u fl-Ungerija (31 % fiż-żewġ pajjiżi). Is-sehem ta’ persuni b’diżabilità li rċivew assistenza materjali kien relattivament għoli fir-Rumanija, fil-Latvja u fil-Litwanja (19 %, 17 % u 12 %, rispettivament).

Implimentazzjoni tal-FEAD fl-isfond tal-pandemija tal-COVID-19

Fl-2021, l-għoti ta’ appoġġ għall-ikel u assistenza materjali bażika kompla jiġi affettwat b’mod qawwi mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 u minn domanda akbar għall-għajnuna. Il-bidliet biex jiġi indirizzat dan ġew introdotti fl-2020 u komplew ukoll fl-2021. Eżempji msemmija fil-programmi kollha fl-2021 jinkludu bidliet fit-tipi u fl-għadd ta’ riċevituri finali, il-modi kif l-appoġġ ġie pprovdut u t-tip ta’ appoġġ.

Diversi programmi semmew li individwi u familji soċjalment vulnerabbli addizzjonali li ma kinux ġew appoġġati qabel il-COVID-19 ġew inklużi biex jgħinuhom ilaħħqu mad-diffikultajiet maħluqa mill-pandemija. Dan huwa analizzat ulterjorment f’taqsimiet speċifiċi f’dan il-kapitolu. Dan il-kapitolu jenfasizza wkoll l-għażla ta’ gruppi ġodda fl-2020 (minbarra l-kontinwazzjoni tal-appoġġ eżistenti) għall-appoġġ għall-ikel u b’mod partikolari l-assistenza materjali bażika. Iż-żieda fl-appoġġ matul il-pandemija kompliet fl-2021 kif dettaljat fit-taqsimiet speċifiċi ta’ hawn taħt. Il-Latvja, pereżempju, irrapportat li estendiet l-eliġibbiltà għall-unitajiet domestiċi fil-bżonn u b’introjtu baxx matul l-istati ta’ emerġenza tagħha fl-2021, filwaqt li żgurat b’mod effettiv li r-riċevituri tal-programm kienu koperti għal perjodi itwal. Fil-Bulgarija, ġew appoġġati gruppi addizzjonali, inklużi dawk li ġew inklużi abbażi tal-istatus soċjoekonomiku tagħhom u persuni f’riskju għoli ta’ infezzjoni bil-COVID-19 (li ntlaħqu permezz ta’ konsenji domestiċi). Filwaqt li l-għadd ġenerali ta’ riċevituri finali żdied matul il-pandemija, xi programmi rrapportaw għadd aktar baxx ta’ riċevituri. L-Irlanda, pereżempju, rat tnaqqis fl-għadd ta’ riċevituri finali minħabba programmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-introjtu mill-pandemija. Dan ippermetta lill-FEAD jiffoka fuq l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-karità minflok, billi jtejjeb il-kwalità u l-varjetà tal-ikel kif ukoll billi jinvolvi lin-nies vulnerabbli li huma aktar diffiċli biex jintlaħqu.

Il-pandemija kellha wkoll effett konsiderevoli fuq il-modi kif ġie pprovdut l-appoġġ. Biex jitnaqqsu r-riskji li r-riċevituri jiġu esposti għall-infezzjoni, il-programmi espandew il-konsenja domestika biex jipprovdu provvisti tal-ikel u assistenza materjali bażika, minflok ma jintużaw punti ċentrali ta’ ġbir. Din il-bidla hija msemmija bħala waħda mill-aktar viżibbli f’diversi programmi, bħal dawk tal-Estonja, tal-Greċja u tal-Latvja. L-Estonja rrapportat li għadd konsiderevolment ogħla ta’ pakketti tal-ikel ġew ikkonsenjati lid-djar tan-nies meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-2020. Il-pakketti tal-ikel ġew ikkonsenjati wkoll direttament lil postijiet ta’ kenn għal persuni mingħajr dar. Fil-Latvja, ikliet lesti li kienu jiġu servuti fiċ-ċentri tal-ikel kienu disponibbli biss bħala ikliet biex jittieħdu d-dar. Il-biċċa l-kbira tal-programmi rrapportaw li l-COVID-19 ikkawżat sfidi loġistiċi sinifikanti għad-distribuzzjoni. F’xi pajjiżi, saru konsenji domestiċi mill-organizzazzjonijiet benefiċjarji u mill-voluntiera/persunal tagħhom, filwaqt li oħrajn użaw ukoll servizzi ta’ konsenja tal-pakketti. Il-pandemija affettwat id-disponibbiltà tal-voluntiera u ta’ persunal ieħor biex jaħdmu fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni. Fi Franza, dawn huma msemmija bħala fatturi ewlenin li affettwaw l-implimentazzjoni tal-FEAD. Fl-istess ħin, Franza rrapportat li r-rwol tal-appoġġ għall-ikel tal-FEAD kiber minħabba inqas donazzjonijiet mis-supermarkets u mis-sħab agrikoli.

Fl-aħħar nett, it-tip ta’ appoġġ f’xi każijiet inbidel ukoll. Filwaqt li l-appoġġ għall-ikel u t-tipi ta’ ikel ikkonsenjati kellhom it-tendenza li jkunu relattivament stabbli (ħlief fl-Irlanda kif innotat hawn fuq), l-assistenza materjali bażika ġiet adattata malajr biex twieġeb għall-ħtiġijiet speċifiċi li rriżultaw mill-pandemija mill-2020 ’il quddiem. L-assistenza kienet tinkludi tagħmir personali protettiv, diżinfettanti u prodotti addizzjonali tal-iġjene biex jgħinu ħalli jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli matul il-pandemija. Ġeneralment, dawn il-bidliet ma fissrux li t-tipi eżistenti ta’ assistenza materjali bażika ġew sostitwiti. F’Ċipru, id-distribuzzjoni tal-prodotti għat-trabi tat-twelid kompliet matul il-pandemija. Franza u r-Rumanija rrapportaw bidliet oħrajn dwar kif ġie organizzat l-appoġġ. Fl-2021, iż-żewġ pajjiżi użaw vawċers li ppermettew ix-“xiri” dirett tal-ikel u l-assistenza materjali bażika. Ir-Rumanija rrapportat li l-użu tal-vawċers għenha tilħaq lir-riċevituri tal-appoġġ b’mod effettiv.

OP I – Għoti tal-ikel

L-ogħla numri assoluti ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-ikel kienu fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija (ara t-Tabella 2). Il-baġit tal-Italja żdied b’mod konsiderevoli bi ftit anqas minn EUR 200 miljun minħabba r-REACT-EU, u b’hekk żdied l-għadd ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-ikel. L-għadd ta’ persuni appoġġati fir-Rumanija żdied ukoll b’mod konsiderevoli (minn 1,2 miljun għal 1,5 miljun) meta mqabbel mal-2020. Dan kien relatat ma’ baġit miżjud minħabba r-REACT-EU (EUR 56 miljun) u l-fatt li l-implimentazzjoni tal-baġit żdiedet. Madankollu, l-għadd ta’ persuni milħuqa fi Stati Membri oħrajn baqa’ relattivament stabbli meta mqabbel ma’ snin preċedenti. Mill-2020 sal-2021, Franza rrapportat tnaqqis fir-riċevituri finali (5,1 miljun fl-2021 meta mqabbla ma’ 5,5 miljun fl-2020), iżda dan għadu ferm ogħla mil-livelli ta’ qabel il-COVID-19. Ir-rapport annwali tal-implimentazzjoni ta’ Franza ma jispjegax dan it-tnaqqis fin-numri. Madankollu, dan jenfasizza l-ħtieġa kontinwa li l-FEAD jipprovdi appoġġ għall-ikel f’kuntest affettwat ħafna mill-COVID-19 u b’inqas donazzjonijiet mis-settur privat. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni nazzjonali aktar flessibbli adottati b’reazzjoni għall-COVID-19 baqgħu fis-seħħ matul l-2021. Għalhekk, din il-flessibbiltà ma kellhiex rwol fit-tnaqqis fl-għadd ta’ riċevituri finali.

Tabella 2.Għadd ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-ikel – skont is-sena (f’eluf)

Stat Membru

2018

2019

2020

2021

% tal-EU

BE

394

359

382

449

3 %

BG

540

466

494

553

4 %

CY

2

2

-

-

0 %

CZ

101

57

78

62

0 %

EE

23

21

26

24

0 %

ES

1 288

1 229

1 496

1 468

10 %

FI

281

316

317

295

2 %

FR

4 340

4 790

5 504

5 120

34 %

EL

353

290

294

319

2 %

HR

42

108

23

62

0 %

HU

184

141

182

177

1 %

IE

152

195

277

157

1 %

IT

2 678

2 079

2 657

2 984

20 %

LT

197

192

183

195

1 %

LU

13

13

13

13

0 %

LV

70

76

75

88

1 %

MT

13

11

12

10

0 %

PL

1 385

1 356

1 337

1 254

8 %

PT

79

93

149

170

1 %

RO**

-

-

1 186

1 486

10 %

SI

158

153

157

151

1 %

SK

192

185

137

7

0 %

EU

12 486

12 128

14 980

15 044

100 %

** Iċ-ċifri għar-Rumanija mhumiex ibbażati fuq ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni iżda fuq kjarifiki addizzjonali pprovduti mill-awtorità maniġerjali lill-Kummissjoni minħabba inkonsistenza li se tiġi solvuta mill-2022 ’il quddiem 12 .

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Il-programmi tal-FEAD madwar l-UE ffukaw fuq gruppi fil-mira ta’ prijorità differenti, li huwa rifless direttament fil-gruppi differenti ta’ riċevituri li rċevew appoġġ. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-programmi tal-FEAD jissupplimentaw politiki nazzjonali differenti. It-Tabella 3 turi li fl-Ungerija, sehem relattivament kbir ta’ appoġġ għall-ikel mar għat-tfal (60 %), filwaqt li Stati Membri oħrajn għażlu aktar ta’ spiss li jużaw il-FEAD għal appoġġ dirett għall-ikel lil persuni ta’ aktar minn 65 sena (il-Bulgarija: 35 %, il-Finlandja: 36 %, il-Latvja: 31 %, ir-Rumanija: 29 %). Is-sehem globali tan-nisa fl-għadd totali ta’ riċevituri tal-appoġġ għall-ikel kien ta’ 50 %. Madankollu, dan ivarja ħafna wkoll bejn l-Istati Membri: in-nisa kienu jirrappreżentaw 59 % tar-riċevituri finali fil-Bulgarija u 57 % f’Malta, iżda 24 % biss fl-Ungerija u 31 % fl-Irlanda (ferm taħt il-medja tal-UE). Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Lussemburgu, l-Ungerija u Spanja laħqu ishma għoljin ta’ migranti bl-azzjoni tagħhom ta’ appoġġ għall-ikel. Is-sehem medju ta’ persuni b’diżabilità li rċevew appoġġ għall-ikel fl-UE kien relattivament baxx u kien bħala medja ta’ 5 %. Madankollu, l-Ungerija (33 %), il-Bulgarija (29 %), ir-Rumanija (17 %), il-Latvja (17 %), il-Polonja (16 %) u l-Litwanja (12 %) laħqu konsiderevolment aktar persuni b’diżabilità. Il-persuni mingħajr dar spiss ma ġewx meqjusa bħala riċevituri ta’ appoġġ għall-ikel, ħlief fiċ-Ċekja (17 %), l-Irlanda (17 %) u b’mod partikolari s-Slovakkja (100 %). Is-Slovakkja indirizzat il-programm ta’ appoġġ għall-ikel kollu tagħha għal ikliet sħan lesti għall-persuni mingħajr dar f’ħames bliet.

Tabella 3.Kategoriji ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-ikel fl-2021

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Sabiex jiġu vvalutati l-bidliet fil-gruppi fil-mira milħuqa mill-miżuri ta’ appoġġ għall-ikel iffinanzjati mill-FEAD matul il-pandemija, il-karatteristiċi personali tar-riċevituri matul is-snin tal-pandemija (2020-2021) tqabblu mal-popolazzjoni aggregata tar-riċevituri tal-appoġġ għall-ikel fl-2014-2019. Fil-livell tal-UE, l-appoġġ għall-ikel matul il-COVID-19 laħaq sehem kemxejn aktar baxx ta’ tfal (-2 punti perċentwali) milli qabel il-pandemija. Is-sehem tal-anzjani, tan-nisa, tal-persuni b’diżabilità u tal-persuni mingħajr dar kollu żdied b’punt perċentwali wieħed meta mqabbel ma’ qabel l-2020. Għadd żgħir biss ta’ Stati Membri rrapportaw bidliet sostanzjali fis-sehem ta’ gruppi fil-mira individwali fost ir-riċevituri. Il-Bulgarija u l-Ungerija jispikkaw b’żieda fl-ishma ta’ persuni b’diżabilità milħuqa b’appoġġ għall-ikel (10 punti perċentwali u 11-il punt perċentwali ogħla minn qabel l-2020, rispettivament). Fiż-żewġ pajjiżi, il-persuni bi privazzjoni soċjali b’diżabilità kienu mmirati speċifikament bl-appoġġ għall-ikel, enfasi li kienet diġà fis-seħħ qabel il-COVID-19. Il-lockdowns tal-COVID-19 għamlu s-sitwazzjoni tagħhom agħar, li l-programmi tal-FEAD tal-pajjiżi fittxew li jwieġbu għaliha.

Illustrazzjoni 1.Assistenza alimentari pprovduta fl-2014-2021 (eluf ta’ tunnellati) mill-Istat Membru

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-ammont ta’ ikel imkejjel f’tunnellati żdied b’mod kostanti mill-2019, u laħaq kważi 450 000 tunnellata fl-2021. L-ispjegazzjoni pprovduta l-aktar ta’ spiss mill-Istati Membri kienet il-ħtieġa li jkun hemm rispons għal żieda fil-prekarjetà matul il-lockdowns tal-COVID-19. Is-sehem ta’ Stati Membri individwali f’dan it-total ma nbidilx sostanzjalment maż-żmien. Ir-Rumanija tispikka minħabba li ma pprovditx appoġġ għall-ikel bejn l-2017 u l-2019 iżda rnexxielha terġa’ tibda l-appoġġ għall-ikel mill-2020.

L-Istati Membri kollha rrapportaw b’xi mod li jaderixxu mal-prinċipju trażversali li l-appoġġ għall-ikel għandu rwol fl-iżgurar ta’ dieta bilanċjata għall-persuni l-aktar fil-bżonn, iżda l-għażliet ta’ implimentazzjoni tagħhom ivarjaw sostanzjalment. L-Illustrazzjoni 2 tipprovdi aktar għarfien dwar l-għażliet speċifiċi magħmula fl-għażla tal-prodotti tal-ikel. Il-Bulgarija, l-Irlanda, Malta u l-Portugall inkludew ishma ogħla mill-medja ta’ frott u ħxejjex. Prodotti li fihom il-lamtu, inklużi dqiq, ħobż, patata u ross, ammontaw għal aktar minn nofs l-ikel fil-Finlandja, fil-Latvja, f’Malta u fir-Rumanija. Fil-Belġju, fi Franza, fi Spanja u fis-Slovenja, il-prodotti tal-ħalib kienu jifformaw sehem mill-kompożizzjoni ġenerali tal-ikel ogħla mill-medja tal-UE. Ikel ta’ konvenjenza jew ikel li ma setax jiġi kklassifikat kien jifforma bejn wieħed u ieħor 10 % bħala medja iżda kien jinkludi l-basket kollu tal-ikel fis-Slovakkja u 40 % tal-ikel ipprovdut fl-Ungerija. Is-Slovakkja pprovdiet soppa sħuna, pastiċċerija u xarba ħafifa sħuna, li kklassifikat fil-kategorija residwa. M’hemm l-ebda ċifra għal Ċipru peress li ma tax appoġġ għall-ikel fl-2021; fl-aħħar konsenja tiegħu ta’ appoġġ għall-ikel, fl-2018, inkluda prodotti li fil-biċċa l-kbira fihom il-lamtu (45 %), segwiti mill-frott u l-ħxejjex (27 %) u mill-prodotti tal-annimali (14 %) u tal-ħalib (14 %) sa ċertu punt.

Illustrazzjoni 2.Kompożizzjoni tal-appoġġ għall-ikel fl-2021 – skont l-Istat Membru

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Il-kompożizzjoni speċifika tal-appoġġ għall-ikel ma turi l-ebda tibdil kbir maż-żmien. 2014-2016 biss juru kompożizzjonijiet kemxejn differenti tat-tipi ta’ appoġġ għall-ikel ipprovduti, possibbilment minħabba t-taħlita kemxejn differenti ta’ Stati Membri li offrew appoġġ f’dawk is-snin.

Illustrazzjoni 3.Kompożizzjoni tal-appoġġ għall-ikel ipprovdut (bħala sehem mill-appoġġ totali)

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-ikel ingħata fil-forma ta’ pakketti tal-ikel jew direttament bħala ikel. Is-Slovakkja qassmet biss l-ikliet fl-2021, u Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall u s-Slovenja qassmu biss pakketti tal-ikel. L-Istati Membri l-oħrajn qassmu t-tnejn. L-Illustrazzjoni 4 turi li x-xejra fil-konsenja tal-pakketti tal-ikel maż-żmien stabbilizzat mill-2019; fl-2021, kien hemm total ta’ 91,1 miljun pakkett tal-ikel u 77,7 miljun ikla.

Illustrazzjoni 4.Xejra fl-għadd ta’ pakketti tal-ikel u ta’ ikliet imqassmin maż-żmien

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Ir-rieżami vvaluta wkoll ix-xejra fl-għadd ta’ pakketti u ikliet imqassmin għal kull persuna maż-żmien. L-għadd globali ta’ pakketti għal kull persuna naqas b’mod kostanti mill-2015, minn madwar 10 bħala medja għal ftit aktar minn sitta fl-2021. B’kuntrast għal dan, l-għadd ta’ ikliet imqassmin għal kull persuna żdied, minn ftit aktar minn tnejn bħala medja għal kull persuna fl-2014 għal ftit inqas minn sitta fl-2021. L-ammont ta’ ikel imqassam lil kull persuna fil-piż żdied b’mod sostanzjali minn 18,9-il kg fl-2014 għal 30,0 kg fl-2021.

Illustrazzjoni 5.Żvilupp ta’ ikel imqassam lil kull persuna – 2014-2021, diversi indikaturi

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

OP I – Assistenza materjali bażika

L-Istati Membri rrapportaw għadd relattivament stabbli ta’ riċevituri ta’ assistenza materjali bażika bejn l-2018 u l-2021 (ara t-Tabella 4). Ir-Rumanija kienet responsabbli għal aktar minn nofs ir-riċevituri finali kollha li rċevew assistenza materjali bażika fl-UE, u pprovdiet erba’ kunsinni ta’ pakketti ta’ kitts tal-iġjene lir-riċevituri finali fl-2020-2021. Fl-2021, il-FEAD appoġġa wkoll ix-xiri ta’ materjali għall-iskejjel, billi għamel il-vawċers elettroniċi disponibbli għall-ġenituri ta’ tfal żvantaġġati eliġibbli. Dawn setgħu jużaw dawn il-vawċers biex jixtru provvisti essenzjali għall-iskejjel u ħwejjeġ għat-tfal tagħhom.

Tabella 4.Għadd ta’ persuni li rċevew assistenza materjali bażika (f’eluf)

MS

2018

2019

2020

2021

% tal-EU

AT

45

44

44

42

2 %

CY

1

1

1

1

0 %

CZ

72

34

58

51

2 %

EL

239

189

266

275

13 %

HR

24

83

0

15

1 %

HU

26

57

128

150

7 %

IE

41

40

51

45

2 %

IT

-

5

25

29

1 %

LT

197

192

183

195

9 %

LU

13

13

13

13

1 %

LV

17

70

69

81

4 %

RO**

-

-

1 122

1 188

57 %

SK

110

97

-

-

0 %

EU

785

824

1 960

2 084

100 %

** Iċ-ċifri għar-Rumanija mhumiex ibbażati fuq ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni iżda fuq kjarifiki addizzjonali pprovduti mill-awtorità maniġerjali lill-Kummissjoni minħabba inkonsistenza li se tiġi solvuta mill-2022 ’il quddiem.

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-assistenza materjali bażika ngħatat biss lit-tfal f’Ċipru, fl-Ungerija u fl-Irlanda, u t-tfal kienu wkoll parti kbira mir-riċevituri fl-Awstrija (84 %). B’mod ġenerali, l-assistenza materjali bażika ma kinitx immirata lejn persuni ta’ aktar minn 65 sena, għalkemm fil-Latvja (31 %) u fil-Kroazja (19 %), dan il-grupp ġie appoġġat aktar mill-medja tal-UE (10 %).

In-nisa rrappreżentaw sehem ogħla mill-medja tar-riċevituri tal-assistenza materjali fil-Latvja (57 %), fl-Irlanda (58 %) u fl-Awstrija (63 %); f’Ċipru, kienu l-uniċi li rċevew assistenza materjali bażika (bniet taħt il-15-il sena).

L-għadd ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni milħuq fl-Awstrija, f’Ċipru, fiċ-Ċekja, fl-Italja u fil-Lussemburgu kien ogħla mill-medja tal-UE. L-assistenza materjali bażika fil-Litwanja, fil-Latvja u fir-Rumanija laħqet ishma komparattivament ogħla ta’ persuni b’diżabilità milli fi Stati Membri oħrajn.

L-assistenza materjali bażika kienet speċifikament immirata lejn persuni mingħajr dar fl-Italja (94 %); il-pajjiż iffoka fuq persuni fi stat ta’ privazzjoni materjali severa, il-biċċa l-kbira minnhom irġiel mingħajr dar ta’ oriġini barranija. L-Italja rrapportat li l-maġġoranza (72 %) ta’ dawk li rċevew assistenza materjali bażika fl-2021 ibbenefikaw ukoll minn għajnuna alimentari (żieda minn 46 % fl-2020). Il-pajjiż fittex mhux biss li jwieġeb immedjatament għall-ħtiġijiet primarji ta’ dawk li jgħixu f’faqar estrem, iżda wkoll li jelimina progressivament l-istat ta’ privazzjoni severa. Dan juri kif il-programm Taljan tal-FEAD appoġġa lir-riċevituri b’mod aktar komprensiv mill-bidu tal-pandemija b’reazzjoni għal domanda dejjem akbar għal għajnuna assoċjata mas-sitwazzjonijiet aktar diffiċli kkawżati mill-pandemija.

Tabella 5.Karatteristiċi personali ta’ persuni li rċevew assistenza materjali bażika fl-2021

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Il-kategoriji ta’ riċevituri ta’ assistenza materjali bażika matul il-pandemija tqabblu wkoll ma’ dawk ta’ qabel l-2020 (ara t-Tabella 6). Id-differenzi huma akbar minn dawk fl-appoġġ għall-ikel, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell aggregat tal-UE. L-assistenza materjali bażika pprovduta matul il-pandemija laħqet sehem aktar baxx ta’ nisa minn qabel l-2020 (tnaqqis ta’ 15-il punt perċentwali) u aktar persuni b’diżabilità (żieda ta’ disa’ punti perċentwali). Fil-Latvja, l-assistenza materjali bażika pprovduta mill-FEAD laħqet ishma ħafna aktar baxxi ta’ tfal fost il-popolazzjoni totali ta’ riċevituri (tnaqqis ta’ 32 punt perċentwali) fl-2020-2021 meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel il-pandemija. Ir-rapport tal-Latvja jispjega dan billi jindika l-ħtiġijiet akbar ta’ persuni akbar fl-età matul il-pandemija kif ukoll il-bidliet leġiżlattivi nazzjonali u l-opportunitajiet speċifiċi ta’ appoġġ nazzjonali li ffukaw fuq il-familji. Dan naqqas il-ħtieġa li l-FEAD jiffoka fuq dawn il-gruppi. Dan jista’ jidher ukoll fiż-żieda ġenerali żgħira fl-għadd assolut ta’ tfal milħuqa b’assistenza materjali bażika. L-Ungerija tirrapporta li l-assistenza materjali bażika tagħha laħqet sehem aktar baxx ta’ migranti fost il-popolazzjoni totali (-24 punt perċentwali) iżda ma spjegatx dan it-tnaqqis.

F’Ċipru, is-sehem tan-nisa li rċivew assistenza materjali bażika żdied drastikament matul il-pandemija. Dan żdied minn 57 % qabel il-pandemija għal 100 % matul il-pandemija (żieda ta’ 43 punt perċentwali) peress li n-nisa biss irċevew assistenza f’dan il-perjodu. Madankollu, din il-bidla mhijiex relatata mal-pandemija iżda r-riżultat ta’ simplifikazzjoni tal-appoġġ materjali għat-trabi tat-twelid, li kien immirat speċifikament lejn l-ommijiet mill-2020.

Tabella 6.Bidla fil-gruppi fil-mira milħuqa b’assistenza materjali bejn l-2014-2019 u l-2020-2021

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022 13 .

Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri juru xejra li qiegħda tiżdied fil-valur monetarju tal-assistenza materjali bażika pprovduta fl-ambitu tal-FEAD sal-2020. Filwaqt li din ix-xejra kienet diġà bdiet qabel l-2020, tista’ tiġi osservata żieda sinifikanti fil-valur tal-materjal mill-bidu tal-pandemija fl-2020. Ir-Rumanija tispikka l-aktar minħabba li bdiet l-operazzjonijiet tal-FEAD għal darba oħra dik is-sena. Anke jekk ir-Rumanija tiġi eskluża, l-Illustrazzjoni 6 xorta turi xejra pożittiva sostnuta sal-2020, li tilħaq EUR 34,9 miljun ta’ materjal bażiku pprovdut. Tnaqqis żgħir fil-valur totali huwa rrapportat għall-2021, prinċipalment ikkawżat mir-Rumanija u mill-Italja, iżda fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-valur baqa’ stabbli jew żdied. Fl-2021, ġew ipprovduti valuri sostanzjali ta’ assistenza materjali fl-Awstrija (EUR 4,2 miljun), fil-Greċja (EUR 7,9 miljun), fl-Ungerija (EUR 5,7 miljun) u fir-Rumanija (EUR 8,4 miljun). L-Italja ma tagħtix spjegazzjoni ċara għat-tnaqqis fil-valur tal-oġġetti kkonsenjati fl-2021 meta mqabbel mal-2020. Madankollu, il-pajjiż isemmi li s-sitwazzjoni nbidlet wara l-pandemija tal-COVID-19, u dan għamilha neċessarja għall-korpi ta’ implimentazzjoni li jirriorganizzaw parzjalment il-ħidma tagħhom fid-distribuzzjoni tal-assistenza materjali.

Illustrazzjoni 6.Valur monetarju totali tal-assistenza materjali bażika pprovduta (valur f’miljun ta’ Euro)

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, id-distribuzzjoni tal-valur tal-materjal bażiku pprovdut fost gruppi speċifiċi fil-mira varjat. Jekk l-2015 ma titqiesx, bejn terz u żewġ terzi tal-valur tal-materjal bażiku ġie allokat lit-tfal, b’sehem dejjem akbar tal-valur globali allokat lill-persuni mingħajr dar f’dawn l-aħħar snin. Sakemm tlestiet din il-kitba, ir-Rumanija għadha ma kklassifikatx il-valur tagħha tal-materjal ipprovdut fl-2021 mill-grupp fil-mira; dan huwa l-24 % li mhuwiex ikklassifikat fl-Illustrazzjoni 7.

Illustrazzjoni 7.Sehem tal-valur totali tal-assistenza materjali bażika skont il-grupp fil-mira

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Il-valur relattiv tal-materjal bażiku pprovdut lill-gruppi fil-mira fl-2021 huwa analizzat ulterjorment mill-Istat Membru. Dan jagħti għarfien dwar il-modi differenti kif il-pajjiżi għażlu t-tip ta’ assistenza materjali bażika. Il-valur tal-assistenza materjali bażika kien kważi allokat bis-sħiħ għat-tfal fl-Awstrija 14 , f’Ċipru, fl-Ungerija u fl-Irlanda 15 u b’mod konsiderevoli fil-Kroazja (35 %) u fiċ-Ċekja (41 %). Fiċ-Ċekja, 22 % tal-valur tal-assistenza materjali bażika ġie allokat lil persuni mingħajr dar, u kważi l-valur sħiħ tal-materjal ġie allokat għal dan il-grupp fl-Italja (94 %).

Distribuzzjoni tal-valur tal-assistenza materjali bażika fost gruppi fil-mira speċifiċi (2021)

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Il-valur tal-assistenza materjali bażika għal kull riċevitur wera xejra li qiegħda tiżdied ftit sal-2020, u laħaq EUR 35,42. Fl-2021, il-valur medju għal kull riċevitur naqas b’mod sinifikanti għal EUR 16,73 (jew EUR 29,55 jekk ir-Rumanija tiġi eskluża). Il-valur aktar baxx għar-Rumanija huwa spjegat mill-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kostijiet tagħha kienu parti minn programm ta’ appoġġ ta’ sentejn irreġistrat fl-2020.

Il-valur tal-appoġġ materjali bażiku għal kull persuna mingħajr dar varja drastikament matul is-snin, l-aktar minħabba għadd aktar baxx ta’ persuni mingħajr dar milħuqa, b’mod partikolari fl-2020. Fl-2020, ġie rrapportat valur medju ta’ aktar minn EUR 277 għal kull persuna mingħajr dar minħabba l-valur komparattivament għoli u l-għadd limitat ta’ persuni rrapportati mill-Italja (EUR 323 għal kull persuna mingħajr dar fl-2020 kontra EUR 98 fl-2021). Ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni tal-Italja ma jispjegax din id-differenza.

Illustrazzjoni 8.Xejra fil-valur tal-assistenza materjali bażika għal kull riċevitur maż-żmien

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

OP I – Miżuri ta’ akkumpanjament

F’konformità mar-Regolament dwar il-FEAD, l-Istati Membri li implimentaw il-programmi OP I fl-2021 ipprovdew ukoll miżuri ta’ akkumpanjament. Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot sfida sinifikanti għat-twettiq ta’ dawn il-miżuri ta’ akkumpanjament, u l-implimentazzjoni tagħhom ġeneralment kienet irregolari bejn l-Istati Membri.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri komplew jimplementaw taħlita ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u kienu biss ftit dawk li għażlu li jiffokaw fuq attività waħda biss jew fuq żewġ attivitajiet.

Il-miżuri ta’ akkumpanjament implimentati fl-2021 kienu jinkludu:

·pariri dwar il-preparazzjoni u l-ħżin tal-ikel (BE, BG, CZ, ES, FI, FR, HR, LT, LV, MT, PL, PT u SK);

·attivitajiet edukattivi jew informazzjoni biex jiġu promossi n-nutrizzjoni u stil ta’ ħajja sani, eż. workshops tat-tisjir (BE, BG, CZ, EL, ES, FI, FR, HR, IT, LT, LU, LV, PT, PL, RO, SI u SK);

·pariri dwar kif titnaqqas il-ħela tal-ikel (BG, CZ, ES, FI, LU, LV, PL u PT);

·pariri dwar l-iġjene personali (BE, BG, EL, HR, HU, LV, RO u SK);

·riferiment għal servizzi rilevanti (eż. soċjali/amministrattivi) (BE, BG, CZ, EE, FI, FR, IE, IT, LU, LV, PT u SK);

·taħriġ u workshops, speċjalment sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-edukazzjoni jew fis-suq tax-xogħol (BG, CY, CZ, EL, FI, FR, IE, IT, LT, LV, MT, RO u SI);

·attivitajiet edukattivi u taħriġ/programmi tal-ħiliet (EL, FR, LV, MT, PL, RO u SI);

·iffaċilitar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa (BG, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LV u RO);

·appoġġ psikoloġiku u terapewtiku (CZ, EL, FI, FR, HU, IT, LT, LV, PL, RO u SI);

·pariri dwar il-ġestjoni ta’ baġit ta’ unità domestika (BG, CZ, EL, FR, HR, IE, IT, LT, LV, MT, PL, PT u SK);

·pariri speċifiċi dwar iż-żamma jew it-tisħiħ tar-rabtiet familjari/komunitarji, inkluż ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għajnuna għall-ġenituri, għajnuna għall-kura fid-dar (BG, CY, FR, IE, LT, LV u PL);

·attivitajiet soċjali u ta’ divertiment (CZ, FI, FR, LV, LU, MT, PL u SI);

·għoti ta’ servizzi legali (CZ, FR, IT, LT, PL u RO); u

attivitajiet oħrajn ta’ akkumpanjament (AT, BE, BG, CY, CZ, EE, ES, FI, FR, IE, EL, IT, LU, MT, PL, PT, RO u SI), li prinċipalment kienu jinkludu servizzi ta’ appoġġ personali, kura għall-adulti, trasport soċjali, miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni jew għall-kenn, l-appoġġ għall-aċċess għad-drittijiet u l-appoġġ għall-iskejjel.

OP II – Inklużjoni soċjali

Erba’ Stati Membri (DE, DK, NL u SE) użaw il-FEAD biex jilħqu l-objettivi tal-inklużjoni soċjali. Kull wieħed minn dawn l-Istati Membri għandu tipi speċifiċi ta’ azzjoni li huma mfassla għal gruppi fil-mira speċifiċi. Dan huwa differenti mill-approċċ aktar standardizzat meħud għal azzjoni dwar l-appoġġ għall-ikel jew l-assistenza materjali bażika u huwa l-aktar viżibbli fl-indikaturi stabbiliti u fl-attivitajiet imwettqa. Din it-taqsima turi li l-erba’ programmi ta’ inklużjoni soċjali kollha ffaċċjaw sfidi biex jintlaħqu l-gruppi fil-mira speċifiċi fl-2021, minħabba restrizzjonijiet persistenti tal-COVID-19. Minħabba n-natura aktar speċifika u mfassla apposta tagħhom, dawn il-programmi ma bidlux sostanzjalment l-approċċ u l-gruppi fil-mira tagħhom. B’riżultat ta’ dan, kien hemm inqas riċevituri fl-2021 milli fis-snin preċedenti.

L-għadd ta’ riċevituri huwa ferm aktar baxx milli fil-programmi l-oħrajn tat-tip tal-FEAD, li hija karatteristika ta’ disinn intenzjonata. It-Tabella 7 turi tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ riċevituri fl-2021 meta mqabbel mal-2020, b’mod partikolari fil-Ġermanja. Dan huwa dovut għal għadd ħafna aktar baxx ta’ proġetti li kellhom ikomplu fl-2021 u fl-2022. Minħabba restrizzjonijiet baġitarji, ftit biss mill-proġetti setgħu jiġu estiżi lil hinn mill-2020. Fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni tagħha, il-Ġermanja tindika wkoll ir-restrizzjonijiet persistenti tal-COVID-19 bħala fattur fit-tnaqqis. Meta jiġu interpretati ċ-ċifri, fl-2021 jingħaddew biss il-persuni li użaw is-servizz konsultattiv ta’ proġett għall-ewwel darba, filwaqt li ħafna persuni oħrajn komplew jiġu appoġġati.

Fil-Ġermanja, fl-Iżvezja u fin-Netherlands, l-għadd aktar baxx ta’ riċevituri kien relatat ukoll mar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 minħabba li l-laqgħat fiżiċi spiss ma kinux possibbli; fin-Netherlands, l-appoġġ spiss seħħ fil-libreriji, li ngħalqu għall-ewwel 5 xhur tal-2021.

Tabella 7.Għadd ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali

Stat Membru

2018

2019

2020

2021

% tal-EU

DE

37 062

27 742

28 168

16 787

94 %

DK

454

757

277

570

3 %

NL

769

579

366

93

1 %

SE

414

658

1 175

441

2 %

EU

38 699

29 736

29 986

17 891

100 %

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

It-Tabella 8 turi d-diversi gruppi fil-mira li rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali fl-erba’ Stati Membri. It-totali tal-kolonni jistgħu jammontaw għal aktar minn 100 % minħabba li individwu wieħed seta’ ġie allokat għal diversi kategoriji. In-Netherlands komplew jiffokaw biss fuq persuni ta’ aktar minn 65 sena u fil-biċċa l-kbira laħqu lin-nisa (85 %). Il-migranti, il-persuni bi sfond barrani jew il-minoranzi kienu fost il-gruppi ewlenin ta’ individwi li rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali fit-tliet pajjiżi l-oħrajn. Id-Danimarka u l-Iżvezja ffukaw kważi biss fuq persuni mingħajr dar.

Tabella 8.Karatteristiċi personali ta’ persuni li rċevew appoġġ għall-inklużjoni soċjali fl-2021

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-ishma tar-riċevituri tal-appoġġ għall-inklużjoni soċjali tqabblu ma’ dawk ta’ qabel l-2020 (ara t-Tabella 9). Bħall-appoġġ għall-ikel, il-bidliet fil-gruppi fil-mira huma relattivament limitati fil-livell aggregat. Sehem ogħla ta’ persuni mingħajr dar jista’ jiġi osservat matul il-perjodu tal-pandemija (żieda ta’ 14-il punt perċentwali), l-aktar minħabba n-numri assoluti ogħla f’dan il-grupp fil-mira fl-Iżvezja u fid-Danimarka. Il-programmi f’dawn iż-żewġ pajjiżi ffukaw biss fuq dan il-grupp fil-mira. B’riżultat ta’ dan, is-sehem tar-riċevituri fil-livell nazzjonali mhuwiex affettwat (100 % u 97 % rispettivament), iżda huwa affettwat fil-livell tal-UE, fejn żieda fin-numri assoluti hija riflessa wkoll fis-sehem relattiv tal-popolazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, is-sehem tal-migranti fost ir-riċevituri totali fl-Iżvezja żdied ukoll; il-pajjiż irrapporta li, b’mod partikolari fl-2021, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni rritornaw lejn l-Iżvezja iżda spiss iffaċċjaw sitwazzjoni aktar prekarja minn qabel minħabba l-pandemija.

Tabella 9.Bidla fil-gruppi fil-mira milħuqa bl-OP II bejn l-2014-2019 (qabel il-pandemija) u l-2020-2021 (f’punti perċentwali)

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

Rieżami tal-approċċ għall-inklużjoni soċjali meħud mill-Ġermanja, mid-Danimarka, min-Netherlands u mill-Iżvezja jgħin biex jiġu ċċarati l-għażliet ta’ programmazzjoni rispettivi tagħhom. Għall-kuntrarju tal-appoġġ għall-ikel u għall-assistenza materjali bażika, il-programmi ta’ inklużjoni soċjali tal-FEAD ma jsegwux l-implimentazzjoni abbażi ta’ indikaturi komuni. Minflok, il-pajjiżi jistgħu jistabbilixxu indikaturi huma stess, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu mmirati lejn it-tipi speċifiċi ta’ azzjoni ppjanati. L-għażliet għall-programmi differenti huma rieżaminati f’aktar dettall hawn taħt.

ŸIl-Ġermanja tiffoka l-programm tagħha biex tilħaq liċ-ċittadini tal-UE li jkunu għadhom kif waslu u lit-tfal tagħhom, u tgħinhom jaċċessaw l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, kif ukoll lill-persuni mingħajr dar, filwaqt li ttejjeb l-aċċess tagħhom għal miżuri ta’ konsulenza u ta’ appoġġ. Il-Ġermanja kienet diġà qabżet il-mira tagħha li tagħti pariri lil 18 044 immigrant fl-ewwel sena tal-programm. Dan in-numru żdied ulterjorment fis-snin sussegwenti għal total kumulattiv ta’ aktar minn 108 000 immigrant. Din hija qabża kbira fil-mira għall-għadd ta’ immigranti adulti mogħtija l-pariri. Il-miri l-oħrajn tal-produzzjoni tagħha ntlaħqu aktar reċentement. Pereżempju, il-mira għall-immigranti bi tfal fil-kindergarten intlaħqet fl-2020, filwaqt li l-mira tagħha għall-persuni mingħajr dar li jingħataw il-pariri ntlaħqet fl-2018 u l-għadd kompla jiżdied minn dak iż-żmien għal total kumulattiv ta’ aktar minn 35 000.

ŸFid-Danimarka, l-appoġġ tal-FEAD jiffoka fuq persuni mingħajr dar. Dawn huma mmirati b’appoġġ ta’ sensibilizzazzjoni li jipprovdi akkomodazzjoni temporanja, faċilitajiet ta’ ħżin kif ukoll attivitajiet u programmi soċjali li jippromwovu l-impjegabbiltà. Id-Danimarka laħqet il-mira tagħha ta’ 1 400 individwu fl-2018, u sal-2021, total ta’ 3 016-il individwu kienu rċevew appoġġ.

ŸIn-Netherlands jużaw l-appoġġ għall-inklużjoni soċjali mill-FEAD biex jappoġġaw lill-anzjani b’introjtu nett baxx biex jipprevjenu u jeliminaw l-esklużjoni soċjali. Dan isir permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni li jsiru prinċipalment f’libreriji lokali fl-akbar erba’ bliet, fejn jiġu organizzati attivitajiet u programmi soċjali. Il-programm għadu qiegħed jagħmel progress lejn il-mira tiegħu li jappoġġa 5 000 individwu; kien laħaq 3 299 individwu sa tmiem l-2021. Ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni jispeċifika li l-programm għażel li jagħti prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità; fl-2020 u fl-2021, ġew appoġġati inqas riċevituri milli kien mistenni minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Dawn ir-restrizzjonijiet kellhom impatt kbir fuq l-appoġġ tan-Netherlands minħabba l-enfasi esklużiva tiegħu fuq il-persuni anzjani. Dan il-grupp kien partikolarment vulnerabbli għall-COVID-19 u għalhekk huwa konsiderevolment aktar diffiċli li jintlaħaq matul il-pandemija.

ŸFl-Iżvezja, il-FEAD jappoġġa individwi soċjalment vulnerabbli (persuni mingħajr dar jew dawk f’riskju ta’ li jispiċċaw mingħajr dar, migranti, persuni bi sfond barrani, minoranzi u nisa) li mhumiex ekonomikament attivi u li ilhom jgħixu fl-Iżvezja għal inqas minn 3 xhur. Il-kriterju dwar ir-residenza jiżgura li l-FEAD jindirizza grupp fil-mira li mhuwiex kopert mill-Att dwar is-Servizzi Soċjali. Il-programm għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni bażika dwar is-soċjetà Żvediża li hija ffukata fuq il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-grupp fil-mira, kif ukoll informazzjoni mmirata dwar kwistjonijiet tas-saħħa. Ma ġiet stabbilita l-ebda mira tal-output biex jiġi rieżaminat il-progress minbarra l-indikaturi komuni.

L-Illustrazzjoni 9 tiġbor fil-qosor il-progress lejn il-miri tal-indikaturi tal-output. Il-miri kollha fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fin-Netherlands intlaħqu sa tmiem l-2021.

Illustrazzjoni 9.Progress dwar il-miri tal-output – OP II inklużjoni Soċjali

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-erba’ programmi kollha jistabbilixxu miri tar-riżultati bbażati fuq objettivi speċifiċi, li huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 9. Il-miri kollha tar-riżultati ntlaħqu b’mod komdu, spiss diġà fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni. Dan iqajjem xi mistoqsijiet dwar il-livell ta’ ambizzjoni tad-diversi miri.

ŸFil-Ġermanja, l-erba’ indikaturi tar-riżultati kollha jilħqu l-miri tagħhom b’mod konsistenti. Is-sehem ta’ immigranti appoġġati li aċċessaw il-konsulenza kien ta’ madwar 90 % u saħansitra tjieb fl-2021. Għat-tliet indikaturi l-oħrajn, l-implimentazzjoni rriżultat f’riżultati stabbli jew li qegħdin jitjiebu, ferm ogħla minn dak li ġie stabbilit.

ŸFid-Danimarka, is-sehem tal-utenti li qegħdin jużaw ukoll servizzi oħrajn żdied sostanzjalment mill-bidu tas-snin ta’ implimentazzjoni sal-livell attwali tiegħu ta’ 89 % tal-utenti fil-mira. Ir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni jippreżenta dan bħala eżempju tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni b’suċċess tal-proġetti li għadhom għaddejjin, mingħajr ma jiddeskrivi fatturi speċifiċi ta’ suċċess.

ŸFin-Netherlands, il-miri kollha tar-riżultati ntlaħqu b’mod komdu, għalkemm l-għadd ta’ parteċipanti (outputs) għadu lura. L-ishma tal-parteċipanti li jibqgħu f’kuntatt mal-fornitur ta’ appoġġ, għandhom networks soċjali aktar b’saħħithom, tejbu l-ħiliet u rċevew tipi oħrajn ta’ appoġġ, huma ferm ogħla mill-mira prattikament f’kull sena ta’ implimentazzjoni.

ŸFl-aħħar nett, fl-Iżvezja, il-mira stabbilita għall-għadd ta’ parteċipanti li tejbu s-saħħa u l-iġjene tagħhom diġà ġiet issodisfata fl-2017, it-tieni sena tar-rapportar tal-progress fl-implimentazzjoni.

Illustrazzjoni 10.Progress dwar il-miri tar-riżultati – OP II inklużjoni Soċjali

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

L-iżvilupp tal-kost totali għal kull individwu milħuq mill-appoġġ għall-inklużjoni soċjali ġie vvalutat ukoll (ara l-Illustrazzjoni 10). Peress li l-valuri rrapportati fi snin individwali jistgħu jvarjaw b’mod sostanzjali, u xi drabi ċerti kostijiet huma relatati mal-parteċipazzjoni fi snin differenti, l-analiżi hija ristretta għall-kostijiet unitarji kumulattivi. Hekk kif il-programmi jimxu ’l quddiem, l-ogħla livelli (jew il-livelli minimi) ikkawżati mid-differenzi fl-għadd ta’ individwi jew ta’ kostijiet irrapportati jsiru inqas probabbli minħabba li dawn jiġu assorbiti mit-totali ġenerali. Dan ir-rieżami juri kostijiet unitarji komparabbli fi tlieta mill-erba’ programmi ta’ inklużjoni soċjali. Il-Ġermanja rrapportat kostijiet unitarji ferm aktar baxxi (EUR 360) meta mqabbla ma’ dawk fl-Iżvezja (EUR 1 776), fin-Netherlands (EUR 1 336) u fid-Danimarka (EUR 1 182). Dawn id-differenzi jistgħu jiġu spjegati bl-aħjar mod mil-livelli differenti ta’ intensità tal-appoġġ. Iċ-ċifri jenfasizzaw ukoll xejra ġenerali li qiegħda tiżdied fil-kostijiet għal kull individwu f’dawn it-tliet pajjiżi tal-aħħar. Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni ma jipprovdux spjegazzjonijiet konsistenti għal din ix-xejra.

Illustrazzjoni 11.Kost annwali mġarrab/imħallas għal kull individwu milħuq – tqabbil skont l-Istat Membru – OP II Inklużjoni soċjali

Sors: Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021, aġġornati sal-15 ta’ Diċembru 2022.

2.3 Prinċipji ġenerali

L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEAD jidentifika għadd ta’ prinċipji trażversali li l-programmi kollha tal-FEAD iridu jaderixxu magħhom. L-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw dwar kif jitqiesu dawn il-prinċipji. L-aktar rilevanti huma diskussi f’aktar dettall hawn taħt.

Hemm żewġ modi ewlenin li bihom l-Istati Membri rrapportaw kif l-attivitajiet jissupplimentaw l-istrumenti ta’ koeżjoni eżistenti tal-UE u l-azzjoni nazzjonali biex jindirizzaw il-privazzjoni materjali u jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kollha filwaqt li jevitaw finanzjament doppju. Xi Stati Membri pprovdew xi rapportar minimu dwar il-prevenzjoni ta’ duplikazzjonijiet. Pereżempju, il-Latvja tirrapporta li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jeħtieġ li jiffirmaw dikjarazzjoni li mhux se jfittxu appoġġ minn fondi differenti tal-UE għall-istess attività. Oħrajn, bħall-Portugall, jibbażaw fuq sistemi ta’ informazzjoni u monitoraġġ unifikati biex jipprevjenu l-finanzjament doppju.

It-tieni grupp ta’ Stati Membri rrapporta fid-dettall dwar kif il-programmi tagħhom jibbenefikaw minn sinerġiji possibbli bejn il-fondi. Il-koordinazzjoni bejn l-FSE u l-FEAD hija organizzata permezz ta’ rabtiet istituzzjonali bejn l-awtoritajiet maniġerjali responsabbli, bħall-parteċipazzjoni fil-kumitat ta’ monitoraġġ ta’ fond wieħed jew l-ieħor. Lil hinn mill-arranġamenti formali, l-awtoritajiet maniġerjali jirrapportaw ukoll inizjattivi ta’ komunikazzjoni attiva biex jiżguraw li l-benefiċjarji, ir-riċevituri u s-sħab tal-gvern ikunu konxji tal-attivitajiet imwettqa.

Għadd ta’ proġetti speċifiċi fittxew li jikkapitalizzaw fuq sinerġiji possibbli bejn il-fondi. Kemm il-Finlandja kif ukoll il-Litwanja jsemmu għadd ta’ proġetti tal-FSE mfassla bħala miżuri anċillari biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali ta’ dawk li jirċievu wkoll assistenza tal-FEAD, li jappoġġaw organizzazzjonijiet sħab simili fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ segwitu. Fil-Polonja, il-linji gwida tal-awtorità maniġerjali jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji jagħtu lir-riċevituri tal-għajnuna alimentari informazzjoni dwar kif jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ rilevanti tal-FSE, u jgħinuhom jirreġistraw għal dawn il-miżuri.

L-Istati Membri kollha rrapportaw li l-prinċipji ta’ trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel u l-prevenzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni b’mod aktar wiesa’ (Artikolu 5(11)) huma indirizzati fil-programmi tal-FEAD tagħhom. Dan, pereżempju, huwa viżibbli fil-kriterji għall-għażla tal-organizzazzjonijiet u l-proġetti sħab. L-istrateġiji ta’ sensibilizzazzjoni adottati mill-organizzazzjonijiet sħab biex jimplimentaw il-proġetti huma bbażati fuq dawn il-prinċipji. Id-data miġbura fis-sistemi ta’ monitoraġġ tagħmilha possibbli li jiġu rieżaminati l-prattiki kontinwi; l-Irlanda rrapportat kif id-demografija, inkluż id-diżaggregazzjoni tal-ġeneru, tiġi eżaminata matul ir-rapportar trimestrali mill-organizzazzjonijiet sħab lokali u matul iż-żjarat fuq il-post fis-siti ta’ distribuzzjoni.

Fir-rigward tal-kriterji tal-għażla għall-prodotti tal-ikel, l-Istati Membri jenfasizzaw li huma jaderixxu ma’ kriterji oġġettivi li jqisu r-rwol tal-prodotti fl-iżgurar ta’ dieta bilanċjata 16 . Il-Belġju jirreferi għall-kontribut ta’ esperti pprovdut fl-għażla tal-prodotti tal-ikel, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tar-riċevituri, kif ukoll il-kwalità nutrizzjonali, il-ħajja tal-ħżin u l-indiċi gliċemiku. Il-Bulgarija tirreferi għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin mill-Ministeru tas-Saħħa dwar kif tiġi ggarantita dieta bilanċjata. Spanja tiddikjara li l-fokus primarju tagħha meta tagħżel l-ikel bażiku huwa li tissodisfa kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-persuni żvantaġġati billi tipprovdi nutrijenti bażiċi (proteini, karboidrati, xaħmijiet, fibra, vitamini u minerali) bl-akbar varjetà possibbli, u li tnaqqas in-nuqqasijiet nutrizzjonali. Il-Finlandja tadotta prinċipji simili, billi ssegwi linji gwida mill-Bord Konsultattiv tagħha dwar in-Nutrizzjoni tal-Istat. Fil-Kroazja, l-ikel imqassam irid isegwi standards stretti ta’ kwalità, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-agrikoltura u l-ikel, u jiġi prodott u pproċessat b’mod sostenibbli. Malta użat parti mill-programm ta’ appoġġ għall-ikel tal-FEAD biex tniedi kampanja ħalli tqassam frott, ħxejjex u ħalib lit-tfal tal-iskola. Il-kampanja kellha l-għan li tgħin biex tinħoloq kultura ta’ drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli fit-tfal żgħar. Fis-Slovenja, l-ikel intgħażel fuq il-bażi ta’ proposti minn organizzazzjonijiet sħab magħżula, inkluż ikel bażiku (bħall-ħalib, l-għaġin u r-ross). Dan ġie ssupplimentat ulterjorment b’donazzjoni jew b’xiri tal-ikel mill-organizzazzjonijiet sħab, biex jinħoloq pakkett bilanċjat u b’saħħtu ta’ prodotti tal-ikel. Bħall-pajjiżi msemmija hawn fuq, is-Slovakkja ssegwi wkoll it-talbiet tal-organizzazzjonijiet sħab, filwaqt li tqis il-kummenti mill-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika dwar il-ħtieġa ta’ konformità mal-kwoti nutrizzjonali rakkomandati stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Slovakka.

It-tnaqqis tal-ħela tal-ikel bħala prinċipju ta’ gwida tqajjem ukoll minn għadd ta’ Stati Membri. Tali azzjoni hija relatata mal-Għan 12.3 tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, li għandu l-għan li jnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel għal kull persuna sal-2030, u mal-inizjattivi tal-UE biex titnaqqas il-ħela tal-ikel, bħall-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt 17 . L-Istati Membri kollha msemmija hawn fuq diġà jqisu l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet sħab, li tippermettilhom jipprovdu provvisti ta’ prodotti tal-ikel li jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-riċevituri. Il-prodotti tal-ikel magħżula jinbidlu regolarment biex jirriflettu l-ħtiġijiet li qegħdin jiżviluppaw jew l-esperjenza prattika, li kollha jgħinu biex titnaqqas il-ħela possibbli tal-ikel. Għadd ta’ Stati Membri ħadu miżuri addizzjonali. Fil-Finlandja, is-sikurezza tal-ikel hija ta’ tħassib kbir, u l-pajjiż iqis it-trasport tal-oġġetti tal-ikel magħżula, il-kapaċità limitata ta’ ħżin tal-organizzazzjonijiet sħab, u l-ħajja tal-ħżin tal-prodotti. Għal din ir-raġuni, il-Finlandja ma toffrix prodotti friski jew prodotti li jirrikjedu trasport u ħżin fi friġġ. Is-Slovakkja tagħżel ukoll intenzjonalment prodotti li huma faċli biex jinħażnu, ma jirrikjedux kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ħżin u li għandhom ħajja tal-ħżin twila biżżejjed. L-Irlanda għandha approċċ interessanti ħafna għall-ħela tal-ikel permezz tas-sħubija tagħha ma’ FoodCloud, negozju soċjali mingħajr skop ta’ qligħ stabbilit biex jindirizza l-ħela tal-ikel. FoodCloud jgħaqqad lin-negozji b’volumi kbar ta’ ikel żejjed ma’ organizzazzjonijiet tal-karità f’komunitajiet madwar il-pajjiż. Dan jiżgura varjetà ta’ prodotti tal-ikel żejda ta’ kwalità għar-riċevituri finali. In-negozji li jagħtu l-ikel jibbenifikaw billi jnaqqsu l-kostijiet tar-rimi tal-iskart tagħhom u jagħtu kontribut sinifikanti u prattiku lis-soċjetà.

L-attenzjoni għall-klima u għall-ambjent hija aspett trażversali importanti ieħor li l-Istati Membri rrapportaw dwaru meta għażlu l-assistenza materjali bażika. L-Awstrija tirrapporta li ngħatat attenzjoni biex jinstabu oġġetti ta’ kwalità dejjiema, u b’hekk żdied l-użu ta’ prodotti riċiklati; mill-2020, pereżempju, il-basktijiet li jintlibsu fuq id-dahar u l-basktijiet tal-iskola kollha pprovduti ġew prodotti b’tessuti magħmulin minn fliexken tal-PET riċiklati. Iċ-Ċekja tispeċifika wkoll li l-għażla tagħha ta’ prodotti hija bbażata fuq il-prinċipju li dawn ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u l-programm jippromwovi r-riċiklaġġ. Dan isir, pereżempju, billi tintgħażel karta tat-toilet magħmula minn materjal riċiklat 100 %. Bl-istess mod, ir-Rumanija tenfasizza l-attenzjoni tagħha għar-rekwiżiti tal-imballaġġ tal-prodotti tal-iġjene mqassmin fil-proġetti bażiċi tagħha ta’ assistenza materjali. It-tikkettar ta’ dawn il-prodotti jrid ikun fih informazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali u r-riċiklaġġ tal-imballaġġ. Ir-Rumanija tagħti wkoll attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tar-riżorsi naturali billi tuża mill-ġdid il-pellits tal-injam li fuqhom jiġu fornuti l-pakketti tal-ikel, u tnaqqas il-konsum tal-karta billi tikkomunika dwar il-proġetti permezz tal-email.



3.KONKLUŻJONIJIET

Fl-2021, il-FEAD kompla jiġi affettwat ħafna mill-konsegwenzi tal-COVID-19. L-Istati Membri kellhom jikkunsidraw mill-ġdid il-prijoritajiet tal-programm FEAD, il-gruppi fil-mira, l-operazzjonijiet, u t-tipi ta’ appoġġ, filwaqt li jiżguraw l-appoġġ kontinwu ta’ gruppi vulnerabbli. Il-baġit addizzjonali li sar disponibbli permezz ta’ inizjattivi ta’ REACT-EU appoġġa ulterjorment inizjattivi mfassla biex jindirizzaw il-livelli ogħla ta’ prekarjetà madwar l-UE kkawżati mill-COVID-19. Dan ippermetta lill-programmi eżistenti tal-FEAD joffru aktar appoġġ għall-ikel u assistenza materjali bażika lill-gruppi fil-mira tiegħu, filwaqt li pprovda appoġġ kruċjali lil persuni li diġà jinsabu f’sitwazzjonijiet prekarji. Għalhekk, il-FEAD wera li huwa strument importanti biex jappoġġa l-ambizzjonijiet tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Dan kien ukoll mod flessibbli ta’ kif jintnefaq il-baġit addizzjonali li sar disponibbli b’REACT-EU.

Fl-2021, in-nefqa annwali ddikjarata kienet konsiderevolment ogħla mis-snin preċedenti, u dan ta spinta lir-rata ġenerali ta’ implimentazzjoni. Minn EUR 525,2 miljun iddikjarati fl-2020, ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-2021 iddikjaraw total ta’ EUR 703,9 miljun fl-2021. Dan it-titjib fl-implimentazzjoni kien meħtieġ minħabba r-rata ta’ implimentazzjoni totali ta’ 63 % (EUR 3,1 biljun) fi tmiem l-2021. B’sentejn ta’ implimentazzjoni li jifdal, se jkunu meħtieġa rati ogħla ta’ implimentazzjoni fis-sena li ġejja biex jiġi evitat id-diżimpenn. Sa tmiem l-2021, kien ġie rrapportat total kumulattiv ta’ EUR 4,7 biljun (94 % tal-baġit allokat) bħala baġits approvati, u EUR 3,6 biljun (jew 72 % tal-baġit allokat) kienu saru jew tħallsu mill-benefiċjarji.

L-għadd stmat ta’ riċevituri tal-appoġġ għall-ikel (15-il miljun) u tal-assistenza materjali bażika (2,1 miljuni) baqa’ relattivament stabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-ammont ta’ ikel f’tunnellati żdied b’mod kostanti mill-2019 għal kważi 450 000 tunnellata ta’ ikel fl-2021. Il-valur monetarju ġenerali tal-assistenza materjali bażika segwa wkoll xejra li qiegħda tiżdied u laħaq EUR 34,9 miljun ta’ materjal bażiku pprovdut. Ma ġiet osservata l-ebda bidla kbira fit-tipi ta’ riċevituri qabel u matul il-pandemija, ħlief f’għadd żgħir ta’ pajjiżi. Madankollu, dan ma jfissirx li l-programmi komplew joperaw bl-istess mod bħal qabel il-COVID-19; fil-fatt, il-programmi rrapportaw li jaġġustaw ir-riċevituri fil-mira tagħhom biex iwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi matul il-pandemija. Dan mhux dejjem jidher fit-tqabbil minħabba li f’xi każijiet, l-ambitu ġie ddefinit mill-ġdid fl-istess tip ta’ kategorija. Pereżempju, l-appoġġ ġie estiż biex ikopri r-riċevituri eżistenti, bħat-tfal, l-anzjani u l-migranti.

Fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom, l-Istati Membri jirrapportaw li s-sensibilizzazzjoni potenzjali tal-FEAD kompliet tiġi affettwata mill-kwistjonijiet ta’ kapaċità tal-organizzazzjonijiet sħab u mill-isfidi loġistiċi (il-konsenji domestiċi, il-mobilizzazzjoni tal-voluntiera, l-identifikazzjoni tar-riċevituri) prinċipalment relatati mal-pandemija tal-COVID-19, diġà msemmija fl-2020. L-organizzazzjonijiet benefiċjarji lokali sabu modi kif jittrattaw ir-restrizzjonijiet fis-seħħ u rnexxielhom ikomplu jappoġġaw għadd simili ta’ riċevituri bħal fl-2020. Fl-inizjattivi ta’ inklużjoni soċjali (fil-programmi OP II tal-Ġermanja, tad-Danimarka, tan-Netherlands u tal-Iżvezja), l-impatt tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 inħass b’mod aktar akut, b’mod partikolari minħabba li l-faċilitajiet użati għal sensibilizzazzjoni (libreriji, ċentri komunitarji, eċċ.) spiss iffaċċjaw għeluq obbligatorju matul il-lockdowns. Id-distribuzzjoni tal-ikel u l-assistenza materjali ffaċċjaw ukoll l-isfidi loġistiċi tagħhom stess, iżda dawn eventwalment ġew solvuti biex jgħinu fir-rispons għad-domanda kontinwa għall-appoġġ u biex jinżammu livelli ta’ konsenja simili għas-sena ta’ qabel tal-pandemija. Minħabba l-għadd stabbli ta’ riċevituri matul il-lockdowns tal-2021 tal-COVID-19, jista’ jiġi konkluż li dawn l-isfidi ġew ikkumpensati mid-domanda akbar ikkawżata mill-pandemija.

L-aħħar sentejn tal-implimentazzjoni tal-FEAD se jkollhom l-isfidi tagħhom. B’aktar pressjoni biex jitlestew il-proġetti u biex tiġi ddikjarata n-nefqa rilevanti kollha, l-implimentazzjoni tal-FEAD x’aktarx li tiġi affettwata minn inċertezzi dwar restrizzjonijiet potenzjali fuq is-saħħa, flussi ta’ migrazzjoni kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u sfidi esterni oħrajn.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1). Ir-Regolament ġie emendat f’Awwissu 2018, permezz ta’ reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1537946431022&uri=CELEX:02014R0223-20180802 ). Ir-Regolament (UE) 2020/559 jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieġbu għat-tifqigħa tal-COVID-19 u jintroduċi miżuri sabiex jiġi żgurat li l-persuni l-aktar fil-bżonn ikunu jistgħu jkomplu jirċievu assistenza skont il-FEAD f’ambjent sikur. Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2021/177 jippermetti lill-Istati Membri jużaw fondi addizzjonali magħmulin disponibbli għall-irkupru ta’ wara l-COVID-19 taħt l-inizjattiva REACT-EU fl-2021 u fl-2022.

(2)

 L-Artikolu 13(9) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 jistabbilixxi l-kontenut tar-rapporti annwali u finali ta’ implimentazzjoni, inkluż il-lista tal-indikaturi komuni.

(3)

 Dawn il-valuri jirreferu għall-EU-27 għas-snin kollha u jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Eurostat ( ILC_PEP S01 ). Id-data nieqsa għall-Kroazja fl-2008 u fl-2009 ġiet estrapolata abbażi tal-valur irrapportat għall-2010.

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea (2021), Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( SWD(2021) 46 final ) .

(5)

Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013.

(6)

 Iċ-ċifri jirrappreżentaw is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-OPs għall-2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021, kif irrapportata sat-12 ta’ Novembru 2022 fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni. Ir-rapporti u d-data kollha jinġabru fis-Sistema għall-Ġestjoni tal-Fondi fl-Unjoni Ewropea – SFC2014 ( https://ec.europa.eu/sfc/en/2014/fund/fead ). L-SFC2014 hija regolata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 463/2014 tal-5 ta’ Mejju 2014.

(7)

Permezz ta’ “nefqa approvata” nirreferu għal dak li r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni jsejħu “L-ammont totali tan-nefqa pubblika eliġibbli approvata fid-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-operazzjonijiet” (indikatur tal-input komuni 1 kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2014 (ĠU L 337, 25.11.2014, p. 46)).

(8)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32020R0559

(9)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32021R0177

(10)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/HIS/?uri=uriserv:OJ.L_.2022.109.01.0001.01.ENG

(11)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/HIS/?uri=uriserv:OJ.L_.2022.115.01.0038.01.ENG

(12)

Fiċ-ċifri formali tagħha ppreżentati fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni, ir-Rumanija ma għadditx lir-riċevituri li diġà kellhom appoġġ għall-ikel fis-snin preċedenti, u dan huwa inkonsistenti mar-rapportar ta’ pajjiżi oħrajn. L-awtorità maniġerjali pprovdiet ċifri riveduti ladarba din l-inkonsistenza ġiet identifikata.

(13)

Ma ġiet irrapportata l-ebda data għar-Rumanija u għas-Slovakkja minħabba li ma kellhom l-ebda riċevitur li jista’ jitqabbel. Ir-Rumanija ma rrapportatx riċevituri qabel l-2020, u s-Slovakkja ma rrapportatx riċevituri ta’ assistenza materjali bażika mill-2020.

(14)

L-appoġġ tal-FEAD Awstrijak kien immirat esklużivament lejn studenti fl-iskejjel. Xi wħud minnhom kienu diġà qabżu l-limitu ta’ età għat-tfal.

(15)

L-Irlanda rrapportat valur ogħla ta’ materjal bażiku kkonsenjat lit-tfal mill-valur totali tal-materjal bażiku kkonsenjat, li jirrappreżenta 105 % fiċ-ċifra. Ma tingħata l-ebda spjegazzjoni għal dan fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni.

(16)

L-Artikolu 5(13) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn ( ĠU L 72 , 12.3.2014, p. 1).

(17)

Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020) 381 final).