European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2560

15.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2560

tal-24 ta’ Novembru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda għall-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) għall-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolamenti (UE) 2021/1232 (3) u (UE) 2024/1307 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

L-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(5)

Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LØKKE RASMUSSEN


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1232/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L, 2024/1307, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1307/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Għalhekk l-Anness XI tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5haa (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 611/2013) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE:

“5hab.

32021 R 1232: Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41), kif emendat bi:

—

32024 R 1307: Ir-Regolament (UE) 2024/1307 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L, 2024/1307, 14.5.2024).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, it-termini ‘Stat(i) Membru/i’ u ‘awtoritajiet superviżorji’ għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom, rispettivament.

(b)

Fl-Artikolu 2, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

il-paragrafu 2, il-punt (a), għandu jinqara ‘“pornografija tat-tfal” li jinftiehem bħala: (i) kwalunkwe materjal li viżwalment juri tfal involuti f’imġiba sesswalment espliċita reali jew simulata; (ii) kwalunkwe rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta’ tfal għal skopijiet primarjament sesswali; (iii) kwalunkwe materjal li juri viżwalment kwalunkwe persuna li tidher li hija tifel jew tifla involuta f’imġiba sesswalment espliċita reali jew simulata jew kwalunkwe rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta’ kwalunkwe persuni li jidhru li huma tfal, għal skopijiet primarjament sesswali; jew (iv) immaġnijiet realistiċi ta’ tfal involuti f’imġiba sesswalment espliċita jew immaġnijiet realistiċi tal-organi sesswali ta’ tfal, għal skopijiet primarjament sesswali.’

(ii)

il-paragrafu 2, il-punt (b) għandu jinqara ‘“prestazzjoni pornografika” li tinftiehem bħala wirja diretta mmirata lejn udjenza, inkluż permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ta’: (i) tfal involuti f’imġiba sesswalment espliċita reali jew simulata; jew (ii) organi sesswali ta’ tfal għal skopijiet primarjament sesswali.’

(iii)

fil-paragrafu 3, ir-referenza għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/93/UE, għandha tinftiehem li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(c)

Fl-Artikolu 3:

(i)

fil-paragrafu 1, il-punt (g)(vii), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘sat-3 ta’ Frar 2022, u sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena’ għandu jinqara ‘sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ [din id-Deċiżjoni]’;

(ii)

fil-paragrafu 1, il-punt (g)(vii) il-kliem ‘jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, għal fornituri rreġistrati fl-Istati tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Kummissjoni’;

(iii)

fil-paragrafu 1, il-punt (h)(v), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, ir-referenza għad-Direttiva 2011/93/UE, għandha tinftiehem li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(d)

Fl-Artikolu 7:

(i)

fil-paragrafu 1, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘Sat-3 ta’ Settembru 2021’ għandu jsir ‘Mhux aktar tard minn xahrejn minn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ [din id-Deċiżjoni]’;

(ii)

fil-paragrafu 1 il-kliem ‘jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, għal fornituri rreġistrati fl-Istati tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Kummissjoni’.

(e)

Meta tirċievi informazzjoni mill-fornituri skont dan ir-Regolament, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tissottometti l-informazzjoni lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed. L-informazzjoni li tingħata mill-fornituri li jinsabu fl-Istati tal-EFTA skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

It-testi tar-Regolamenti (UE) 2021/1232 u (UE) 2024/1307 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1), jew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 275/2021 tal-24 ta’ Settembru 2021 (3), skont liema data tkun l-iżjed tard.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1232/oj.

(2)   ĠU L, 2024/1307, 14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1307/oj.

(*1)  [Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]

(3)   ĠU L, 2024/479, 22.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/479/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2560/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)