Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Strument Ewropew tal-Viċinat – Regolament (UE) Nru 232/2014 – Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 – Programm ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali għar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed – Kuntratt pubbliku – Direttiva 2014/24/UE – Għoti dirett – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Eżekuzzjoni tardiva tas-servizz – Assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali – Korrezzjonijiet finanzjarji – Proporzjonalità – Motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-korrezzjoni finanzjarja”

Fil-Kawża C‑186/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

Institut po ribni resursi Varna

vs

Rakovoditel na Natsionalnia organ po Savmestna operativna programa za transgranichno satrudnichestvo “Chernomorski basein 2014-2020” i Direktor na direktsia “Upravlenie na teritorialnoto satrudnichestvo”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina, D. Drambozova u C. Ehrbar, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(m) tal-Artikolu 31(3), tal-Artikoli 52 sa 56 u 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat‑18 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU 2014, L 244, p. 12), tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6), tal-Artikolu 33, tal-Artikolu 36(1), tal-Artikolu 61 u tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1), tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Direttur tal-Istitut po ribni resursi Varna (l-Istitut tar-Riżorsi tas-Sajd, Varna, iktar ’il quddiem l-“Istitut” jew il-“benefiċjarju”) u r-Rakovoditel na Natsionalnia organ po Savmestna Operativna programa za transgranichno satrudnichestvo “Chernomorski baseyn 2014–2020” i direktor na direktsia “Upravlenie na teritorialnoto satrudnichestvo” (il-Kap tal-Awtorità Nazzjonali responsabbli mill-Programm Operattiv Konġunt ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali “Baċċin tal-Baħar l-Iswed 2014–2020” u direttur tad-direttorat “Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Territorjali ” (iktar’ il quddiem l-“awtorità nazzjonali”) dwar deċiżjoni li biha dik l-awtorità imponiet korrezzjonijiet finanzjarji minħabba, minn naħa, nuqqas ta’ trasparenza fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni tardiva ta’ kuntratt fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ proġett iffinanzjat mill-Programm Operattiv Konġunt ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali “Baċċin tal-Baħar Iswed” 2014–2020”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 2988/95

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi:

“1.      Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2.      Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

3.      Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4.      Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.”

4        L-Artikolu 4(2) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b'mod skorrett,

–        bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[...]

4.      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

5        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[...]”

 Ir-Regolament Nru 1303/2013

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 1303/2013, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(36)      ‘irregolarità’ tfisser kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-[‘Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi ESI)], li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014

7        Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU 2014, L 77, p. 9), stabbilixxa, fil-premessi 9 u 14:

“(9)      Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi promossa u ffaċilitata kooperazzjoni bejn -Unjoni [Ewropea] u sħabha u pajjiżi parteċipanti oħrajn, għall-benefiċċju komuni tagħhom partikolarment permezz tal-aħjar koordinazzjoni u l-koordinazzjoni l-aktar effettiva tar-riżorsi pprovduti u l-ġbir ta' kontribuzzjonijiet minn strumenti interni u esterni tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-kooperazzjoni transkonfinali u proġetti ta’ kooperazzjoni reġjonali, proġetti infrastrutturali ta' interess għall-Unjoni li jinvolvu lill-pajjiżi ġirien, u oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni.

[...]

(14)      L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-[Istrument Ewropew tal-Viċinat (iktar ’il quddiem l-‘ENI’)], strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Programmazzjoni u allokazzjoni indikattiva ta’ fondi għal programmi indikattivi għall-pajjiż jew għal għadd ta’ pajjiżi”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“Meta jkun meħtieġ li jiġu implimentati b'mod aktar effettiv miżuri għall-benefiċċju komuni tal-Unjoni u l-pajjiżi sħab, f’oqsma bħall-kooperazzjoni transnazzjonali u l-interkonnessjonijiet, il-finanzjament skont dan ir-Regolament jista’ jinġabar flimkien mal-finanzjament taħt Regolamenti rilevanti oħra tal-Unjoni. F’dik l-eventwalità, il-Kummissjoni [Ewropew] għandha tiddeċiedi dwar liema sett uniku ta’ regoli għandu japplika għall-implimentazzjoni.”

9        L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Programmazzjoni u allokazzjoni ta’ fondi għall-kooperazzjoni transkonfinali”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-programmi operattivi konġunti għandhom jiġu kofinanzjati mill-[Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)]. L-ammont globali tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU 2013, L 347, p. 259, rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 20)]. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-użu ta' dik il-kontribuzzjoni.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014

10      Il-premessa 8 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU 2014, L 77, p. 95, rettifika fil-ĠU 2015, L 319, p. 21), kien jistabbilixxi:

“L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan għandu jinkiseb permezz ta; koerenza u komplementarjetà bejn l-Istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-Istrumenti u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi aktar ir-rinfurzar reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-Istrumenti, u, fejn ikun adatt, l-użu ta l-istrumenti finanzjarji li għandhom effett ta’ lieva.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014

11      L-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 jistabbilixxi:

“Billi l-programmi normalment jiġu implimentati taħt ġestjoni kondiviża, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1),] u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 [tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1)], kif ukoll ir-Regolament [Nru 2988/95].” Il-Kummissjoni għandha tiżgura li matul l-implimentazzjoni tal-programmi l-fondi tal-Unjoni jintużaw skont ir-regoli applikabbli.”

12      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(m)      ‘irregolaritajiet’ tfisser kull ksur ta’ ftehim ta’ finanzjament, kuntratt jew ta’ liġi applikabbli b'riżultat ta’ att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-programm, li għandu, jew se jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi nefqa mhux iġġustifikata tiġi addebitata lill-baġit tal-Unjoni”

13      L-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, intitolat “Awtoritajiet nazzjonali u r-responsabbiltajiet tal-pajjiżi parteċipanti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-awtorità nazzjonali li tkun inħatret skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(6) fost oħrajn:

(a)      tkun responsabbli għat-twaqqif u l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fil-livell nazzjonali;

[...]

3.      Il-pajjiżi parteċipanti jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu irregolaritajiet, inklużi frodi u l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu, flimkien ma’ kwalunkwe imgħax skont l-Artikolu 74 fit-territorji tagħhom. Huma jinnotifikaw dawn l-irregolaritajiet mingħajr dewmien lill-Awtorità Maniġerjali u lill-Kummissjoni u jżommuhom informati bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali relatati.

14      It-Titolu VII tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni jinkludi l-Kapitolu 4 li fih tinsab it-Taqsima 1, intitolata “Akkwisti”, li tinkludi l-Artikolu 52, intitolat “Regoli applikabbli”, li jipprovdi:

“1.      Jekk l-implimentazzjoni ta’ proġett teħtieġ li benefiċjarju jagħmel akkwisti ta’ oġġetti, xogħlijiet jew servizzi, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)      meta l-benefiċjarju jkun awtorità kontraenti jew entità kontraenti skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri ta’ akkwist, jista’ japplika liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati b’konnessjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mar-regoli tal-paragrafu 2;

[...]

2.      Fil-każijiet l-oħra kollha jkun hemm konformità mal-obbligi li ġejjin:

(a)      il-kuntratt jingħata lill-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus, jew kif xieraq, lill-offerta li toffri l-aktar prezz baxx, filwaqt li jiġi evitat kull kunflitt ta' interess;

(b)      għal kuntratti b’valur ta’ aktar minn EUR 60 000 , japplikaw ukoll ir-regoli li ġejjin:

[...]

3.      Fil-każijiet kollha, japplikaw ir-regoli tan-nazzjonalità u l-oriġini stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament [Nru 236/2014].”

15      L-Artikolu 71 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Awtorità Maniġerjali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Awtorità Maniġerjali l-ewwel nett tkun responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u biex issegwi l-irkupri. Fil-każ ta' irregolarità sistematika, l-Awtorità Maniġerjali testendi l-investigazzjoni tagħha biex tkopri l-operazzjonijiet kollha potenzjalment affettwati.

L-Awtorità Maniġerjali tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’rabta ma’ irregolaritajiet individwali jew sistematiċi li jkunu nstabu fil-proġetti, fl-assistenza teknika jew fil-programm. Il-korrezzjonijiet finanzjarji jikkonsistu f'kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew ta’ parti minnha għal proġett jew għal assistenza teknika. L-Awtorità Maniġerjali tqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju u tapplika korrezzjoni finanzjarja proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu rreġistrati fil-kontijiet annwali mill-Awtorità Maniġerjali għas-sena ta’ kontabbiltà li fiha tiġi deċiża l-kanċellazzjoni.”

16      L-Artikolu 74 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Responsabbiltajiet finanzjarji u rkupri”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Awtorità Maniġerjali tkun responsabbli biex issegwi l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu.”

 Id-Direttiva 2014/24/UE

17      Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68),), tinkludi l-Artikolu 72, intitolat “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, li jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.      Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)      fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti inizjali tal-akkwist fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivokabbli, li jistgħu jinkludi klawżoli ta’ reviżjoni ta’ prezzijiet, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikjaraw il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura ta’ modifiki jew għażliet possibbli kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jintużaw. Ma għandhomx jipprovdu għal modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;

(b)      għal xogħlijiet, servizzi jew provvisti addizzjonali mill-kuntrattur oriġinali li saru meħtieġa u li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali fejn bidla fil-kuntrattur:

[...]

(c)      fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

[...]

(ii)      il-modifika ma tibdilx in-natura ġenerali tal-kuntratt;

(iii)      kwalunkwe żieda fil-prezz mhijiex ogħla minn 50 % tal-valur tal-kuntratt oriġinali jew tal-ftehim qafas. [...]

[...]

2.      Barra minn hekk, u mingħajr l-ebda ħtieġa li jiġi vverifikat jekk il-kondizzjonijiet stipulati taħt il-punti (a) sa (d) tal-paragrafi 4 humiex sodisfatti, il-kuntratti jistgħu ugwalment jiġu mmodifikati mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva fejn il-valur tal-modifika ikun anqas miż-żewġ valuri li ġejjin:

(i)      il-limiti stipulati fl-Artikolu 4; u

(ii)      10 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ servizz u ta’ provvista u taħt il-15 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ xogħlijiet.

Madanakollu, il-modifika ma tistax tibdel in-natura ġenerali tal-kuntratt jew ftehim qafas. [...]

4.      Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)      il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

[...]”

 Ir-Regolament Nru 2018/1046

18      L-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046, intitolat “Prestazzjoni u prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, u b’hekk għandhom jiġu implimentati b’osservanza lejn il-prinċipji li ġejjin:

(a)      il-prinċipju tal-ekonomija li jirrikjedi li r-riżorsi użati mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha għandhom ikunu disponibbli fi żmien debitu, fi kwantità u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz;

(b)      il-prinċipju tal-effiċjenza li jikkonċerna l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati, l-attivitajiet imwettqa u l-ksib tal-objettivi;

(c)      il-prinċipju tal-effikaċja li jikkonċerna kemm intlaħqu l-objettivi fil-mira permezz tal-attivitajiet imwettqa.”

19      L-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontroll intern tal-implimentazzjoni tal-baġit”, kien jipprovdi, fil-punt 1 tiegħu:

“Skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, il-baġit għandu jiġi implimentat f’konformità mal-kontroll intern effettiv u effiċjenti adatt għal kull metodu ta’ implimentazzjoni, u skont ir-regoli speċifiċi għas-settur.”

20      L-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inkluż dawk leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

[...]

(c)      jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

[...]

L-Istati Membri għandhom jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn previst fir-regoli speċifiċi għas-setturi jew f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali.

[...]”

 Id-dritt Bulgaru

 Iż-ZUSEFSU

21      L-Artikolu 70 taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża, DV Nru 101 tat‑22 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZUSEFSU”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-appoġġ finanzjarju mir-riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt ġestjoni kondiviża jista’ jitneħħa kompletament jew parzjalment billi ssir korrezzjoni finanzjarja għar-raġunijiet li ġejjin:

[...]

3.      għal ksur tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 33, tal-Artikolu 36(1) u tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/1046;

[...]

5.      l-ebda reġistru tal-awditjar u/jew reġistrazzjoni analitika tan-nefqa ma jkun disponibbli għall-proġett jew parti minnu fis-sistema kontabilistika miżmuma mill-benefiċjarju;

[...]

9.      minħabba irregolarità li tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ għażla ta’ offerent rebbieħ skont il-Kapitolu Erbgħa, li tirriżulta minn att jew ommissjoni tal-benefiċjarju, li għandu jew jista’ jkollu bħala effett li jippreġudika l-Fondi Strutturali f’ġesjoni kondiviża.”

22      L-Artikolu 73 taż-ZUSEFSU jistabbilixxi li:

“(1)      Il-korrezzjoni finanzjarja għandha tiġi ddeterminata, fir-rigward tal-bażi u tal-ammont tagħha, permezz ta’ deċiżjoni motivata tal-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni li jkun approva il-proġett.”

(2)      Qabel ma tadotta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jingħata l-opportunità li jippreżenta, fi żmien raġonevoli, li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, l-oġġezzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar il-bażi u l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja u, fejn xieraq, jinkludi il-provi.

(3)      Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2; din għandha tkun motivata u teżamina l-provi li l-benefiċjarju jkun ressaq u l-oġġezzjonijiet li jkun qajjem.”

 Iż-ZOP

23      L-Artikolu 121(1) taż-Zakon za obshtestveni porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) (DV Nru 13 tas‑16 ta’ Frar 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZOP”), jipprovdi:

“(1) [...] L-awtoritajiet kontraenti għandhom iżommu fajl għal kull kuntratt sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà tad-dokumenti (reġistru ta’ awditu) tal-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha tagħhom, kif ukoll tal-azzjonijiet tal-kummissjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u dan irrispettivament minn jekk il-kuntratti jingħatawx b’mezzi elettroniċi jew le.

(2) [...] Il-fajl għandu jkun fih id-deċiżjonijiet, l-opinjonijiet, id-dokumenti u d-dokumenti addizzjonali kollha, spjegazzjonijiet, stediniet, minuti, rapporti finali tal-kumitat [ta’ għoti ta’ kuntratt], offerti jew talbiet għal parteċipazzjoni, provi tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 44, paragrafi 3 sa 5, deskrizzjoni tar-raġunijiet li għalihom, fil-kuntest ta’ sottomissjoni elettronika, jintużaw mezzi ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti li ma humiex elettroniċi. Meta jkun twettaq kontroll [mill-Agentsia po obshtestvenite porachki (l-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku)], għandhom jiġu mehmuża l-opinjoni tal-aġenzija u r-raġunijiet tal-entità kontraenti li għalihom hija ma segwietx ir-rakkomandazzjonijiet u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 237a u 237b, ir-rapporti dwar ix-xogħol tal-osservaturi u l-verifika minn qabel tal-legalità. Il-fajl għandu jkun fih il-kuntratt jew il-ftehim qafas kif ukoll id-dokumenti kollha relatati mal-eżekuzzjoni tagħhom u mal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni.

(3)      L-awtoritajiet kontraenti għandhom iżommu l-informazzjoni dwar il-kuntratti meta japplikaw l-eċċezzjonijiet għal-liġi.”

24      Iz-ZOP fih dispożizzjonijiet addizzjonali li fosthom hemm il-paragrafu 3, li jipprovdi:

“(3)      Din il-liġi tittrasponi r-rekwiżiti ta’:

1.      id Direttiva [2014/24] ;

[...]”

25      In-Naredba za posochvane na nerednosti, predstavlyavashti osnovaniya za izvarshvane na finansovi korektsii, i protsentnite pokazateli za opredelyane razmera na finansovite korektsii po reda na Zakona za upravlenie na sredstva ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie Evropeyskite strukturni i investizionni fondove (id-Digriet dwar l-Identifikazzjoni tal-Irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-Applikazzjoni ta’ Korrezzjonijiet Finanzjarji u l-Perċentwali Applikabbli sabiex jiġi ddeterminat l-Ammont tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji fil-Kuntest tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Ewropej f#Ġestjoni Kondiviża) (DV Nru 27 tal‑31 ta’ Marzu 2017), iktar ’il quddiem in-“Naredba”), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Dan id-digriet jindika:

1.      il-każijiet ta’ irregolarità li tikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ għażla ta’ kuntrattur skont il-Kapitolu IV tal-Att dwar il-Ġestjoni taż-[ZUSEFSU], li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni tal-benefiċjarju, li għandhom, jew li jista’ jkollhom, l-effett li jippreġudikaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u li jikkostitwixxu raġunijiet għal korrezzjoni finanzjarja skont il-punt 9 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU;

2.      l-ammonti minimi u massimi tal-perċentwali ta’ korrezzjoni finanzjarja stabbiliti għall-irregolaritajiet skont il-punti 1, 3 sa 7 u 9 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU.

[...]”

26      L-Artikolu  2 tan-Naredba jipprevedi:

“(1)      L-irregolaritajiet skont il-punt 9 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU kif ukoll il-perċentwali ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikabbli għal dawn l-irregolaritajiet huma indikati fl-Anness Nru 1.

[...]

(3)      Il-perċentwali ta’ korrezzjoni finanzjarja applikabbli għall-irregolaritajiet skont il-punti 1, 3 sa 7 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU huma indikati fl-Anness Nru 2.

(4)      Il-metodu differenzjali huwa applikat għad-determinazzjoni tal-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji għall-irregolaritajiet skont il-punti 2, 8 u 10 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU.”

27      In-Naredba fih dispożizzjonijiet addizzjonali li huma fformulati b’mod partikolari kif ġej:

“(1)      In-Naredba japplika wkoll:

[...]

2.      għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea li fihom tipparteċipa r-Repubblika tal-Bulgarija għall-perjodu 2014–2020 ([...], il-programm ta’ kooperazzjoni INTERREG V-A Rumanija – Bulgarija, [...], programm operazzjonali konġunt għall-kooperazzjoni transfruntiera taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat Baċċin tal-Baħar l-Iswed 2014–2020”).”

28      L-Anness Nu 1 tan-Naredba, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, jinkludi tabella li tipprevedi, fil-punt 16 tagħha, li “t-traċċabbiltà dokumentarja insuffiċjenti (reġistru tal-awditu) għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku”, deskritta bħala li hija kkostitwita mid-“dokumenti meħtieġa [miż-ZOP] fil-fajl tal-kuntratti pubbliċi [li] huma insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-għoti tal-kuntratt, li jwassal għal nuqqas ta’ trasparenza”, iwassal għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ “25 %”.

29      L-Anness Nru 2 tan-Naredba, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(3) ta’ dan tal-aħħar, jinkludi tabella, li l-punt 2 tagħha jindika li l-“[k]sur tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 33, 36 (1) u 61 tar-Regolament [2018/1046]” iwassal għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ “100 %” u li, “[s]kont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, korrezzjoni finanzjarja tista’ titnaqqas għal 25, 10 jew 5 % meta n-natura u l-gravità tal-ksur individwali jew sistemiku ma jiġġustifikawx ammont ogħla”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      Il-Programm Operattiv Konġunt ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali “Baċir tal-Baħar l-Iswed 2014–2020” jirċievi finanzjament mill-ENI, il-FEŻR u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

31      Dan il-programm operattiv konġunt jiffinanzja l-proġett “Promozzjoni tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fil-qasam tal-monitoraġġ u tal-immudellar tal-ambjent għall-evalwazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u mhux tas-sajd” (iktar ’il quddiem il-“proġett Timmod”), li għandu bħala sieħeb l-Istitut. Dan tal-aħħar ikkonkluda, minn naħa, kuntratt ta’ kofinanzjament mal-Ministeru għall-Iżvilupp, għat-Tagħmir u għall-Amministrazzjoni tar-Rumanija u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ kofinanzjament, iffirmat fis‑26 ta’ Jannar 2021 mal-awtorità nazzjonali. Il-punt 1 tal-paragrafu 2 tal-klawżoli addizzjonali ta’ dan il-kuntratt tal-aħħar kien jirriproduċi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “irregolarità”, li tinsab fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014.

32      Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-proġett Timmod, l-Istitut ta kuntratt pubbliku għal servizz ta’ valur ta’ madwar 10 500 lev Bulgaru (BGN) mingħajr VAT (madwar EUR 5 000) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizz”). Dan il-kuntratt ingħata lil Mezhdunaroden Chernomorski klub EOOD (iktar ’il quddiem il-“kuntrattur”). Skont l-Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ servizz, il-kuntrattur intrabat li jipproduċi u li jipprovdi film video fit-termini stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Mejju 2022. L-Artikolu 5 tal-imsemmi kuntratt kien jistipula li kellu jsir proċess verbal ta’ riċezzjoni finali sabiex tiġi attestata l-eżekuzzjoni tajba tal-istess kuntratt. L-Artikolu 6 tal-kuntratt ta’ servizz kien jipprevedi klawżola penali b’tali mod li, fil-każ ta’ nuqqas illegali ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, il-kuntrattur kien obbligat iħallas lill-awtorità kontraenti, jiġifieri l-Istitut, penali ta’ 0.1 % għal kull jum ta’ dewmien, mingħajr ma din il-penali ma tkun tista’ taqbeż 20 % tal-valur tal-imsemmi kuntratt.

33      Wara kontroll amministrattiv, l-awtorità nazzjonali identifikat żewġ irregolaritajiet fl-għoti u fl-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt, li wassalha sabiex tadotta, fil‑5 ta’ Settembru 2023, deċiżjoni li timponi żewġ korrezzjonijiet finanzjarji fuq l-Istitut (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

34      Fl-ewwel lok, l-awtorità nazzjonali kkonstatat li t-traċċabbiltà dokumentarja (reġistru tal-awditu) tal-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett l-għoti tal-kuntratt ta’ servizz kienet insuffiċjenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel irregolarità”). Fil-fatt, filwaqt li d-dokumenti tal-kuntratt kienu jeżiġu li kull offerent jipproduċi l-prova tal-esperjenza tiegħu billi jipprovdi lista li tinkludi mill-inqas kuntratt eżegwit matul it-tliet snin qabel id-data tas-sottomissjoni tal-offerta li tkun marbuta mal-produzzjoni ta’ films video (b’indikazzjoni tal-ammonti, id-dati u d-destinatarji tas-servizzi mwettqa matul dawn l-aħħar tliet snin), l-awtorità nazzjonali enfasizzat li l-kuntrattur ma kienx ipproduċa l-prova li tippermetti li tiġi konkluża l-konformità tal-applikazzjoni tagħha ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ selezzjoni. Din l-awtorità għalhekk qieset li l-kuntrattur ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt, li kien jivvizzja l-għoti tal-kuntratt ta’ servizz b’nuqqas ta’ trasparenza u kien jikkostitwixxi ksur tal-punti 2 u 4 tal-Artikolu 2(1), kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 112(1) taż-ZOP. Skont l-imsemmija awtorità, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kien jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 16 tal-Anness 1 tan-Naredba li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1) ta’ dan tal-aħħar, li fir-rigward tagħha l-istess awtorità applikat, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-infiq eliġibbli għall-finanzjamenti tal-Unjoni.

35      Fit-tieni lok, l-awtorità nazzjonali kkonstatat li l-proċess verbal li jistabbilixxi r-riċezzjoni finali tal-film video kien ġie redatt fid‑9 ta’ Mejju 2022, jiġifieri b’dewmien ta’ tmint ijiem meta mqabbel mad-data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni indikata fl-Artikolu 2 tal-kuntratt ta’ servizz. Fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan il-proċess verbal dwar l-imputabbiltà ta’ dan id-dewmien, din l-awtorità qieset li dan kien jikkostitwixxi ksur kuntrattwali u li l-Istitut kellu jimplimenta l-klawżola penali prevista fl-Artikolu 6 ta’ dan il-kuntratt. Peress li naqas milli japplika din il-klawżola, l-Istitut għalhekk sostna spejjeż li ma humiex konformi mal-baġit previst u kiser il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, li kellu jiġi osservat skont l-Artikolu 1(1)(5) tal-kuntratt ta’ kofinanzjament iffirmat, fis‑26 ta’ Jannar 2021, bejn l-Istitut u din l-awtorità. Għaldaqstant, l-imsemmija awtorità kkonkludiet li dan il-ksur kien jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-punt 2 tal-Anness Nru 2 tan-Naredba, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(3) ta’ dan tal-aħħar, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 70(1) taż-ZUSEFSU (iktar ’il quddiem it-“tieni irregolarità”), li għaliha hija applikat korrezzjoni finanzjarja, ikkalkolata skont il-metodu differenzjali previst mill-kuntratt ta’ servizz u li tammonta għal BGN 84 (madwar EUR 40) fuq l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

36      L-Istitut jikkontesta d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Din il-qorti għandha dubji ta’ ħames tipi.

37      L-ewwel nett, hija tistaqsi dwar il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha billi tistaqsi jekk huwiex applikabbli r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jew iż-ZOP, li hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24, peress li dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet jinkludu tali dispożizzjonijiet.

38      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “irregolarità”, li jinsab f’termini analogi iżda mhux identiċi, minn naħa, fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014. Filwaqt li d-deċiżjoni kontenzjuża tirreferi għall-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa wkoll possibbli li tiġi applikata t-tieni waħda li tinsab fil-kuntratt ta’ kofinanzjament, iffirmat fis‑26 ta’ Jannar 2021, mill-Istitut mal-awtorità nazzjonali. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar jekk dewmien ta’ tmint ijiem fl-eżekuzzjoni tas-servizz dovut abbażi tal-kuntratt ta’ servizz jistax jikkostitwixxi “ksur ta’ liġi nazzjonali”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li s-servizz effettivament ġie pprovdut mill-kuntrattur lill-Istitut, li dan tal-aħħar ittrażmettih lill-mexxej tal-proġett Timmod fir-Rumanija u li l-film video mwettaq jintuża mill-programm.

39      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-osservanza, mill-awtorità nazzjonali, tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha “dritt għal amministrazzjoni tajba”. Qabelxejn, mill-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li din l-awtorità kkonstatat irregolarità mwettqa mill-Istitut billi sempliċement invokat il-ksur tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, mingħajr ma esponiet b’mod iktar konkret il-fatti li jikkostitwixxu dan il-ksur u lanqas ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi ksur ippreġudika kull wieħed mill-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effettività stabbiliti f’din id-dispożizzjoni kif ukoll l-effett tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni. Sussegwentement, l-imsemmija awtorità ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija eżaminat l-elementi li jikkostitwixxu tali irregolarità fid-dawl tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, u mhux fid-dawl ta’ dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014. Fl-aħħar nett, l-istess awtorità lanqas ma esponiet il-kunsiderazzjonijiet preċiżi li fid-dawl tagħhom hija applikat ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % użata għall-kalkolu tas-“sanzjoni” li tikkorrispondi għall-ewwel irregolarità.

40      Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li la mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95, la mir-Regolament Nru 232/2014, la mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 u lanqas mir-Regolament 2018/1046 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddelegaw lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jistabbilixxu l-livell tas-sanzjonijiet applikabbli għall-irregolaritajiet ikkonstatati fl-implimentazzjoni tal-proġetti li jaqgħu taħt l-ENI. Fl-assenza ta’ tali delega lill-Istati Membri, din il-qorti għandha dubju li Stat Membru jista’ jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-livell tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq il-benefiċjarji ta’ tali proġetti.

41      Fl-aħħar, il-ħames nett, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar il-proporzjonalità taż-żewġ “sanzjonijiet” imposti, fid-dawl tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046 kif ukoll tas-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229), u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N & N (C‑384/17, EU:C:2018:810). B’mod iktar partikolari, sabiex tiddetermina l-ammont tas-sanzjonijiet, l-awtorità nazzjonali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li hija la kienet ikkontestat l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz, u lanqas l-għoti tal-film video lill-mexxej tal-proġett Timmod u, min-naħa l-oħra, l-assenza li dan tal-aħħar ikkummenta dwar l-eżekuzzjoni difettuża jew barra mit-termini indikati fil-kuntratt ta’ servizz.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      Fid-dawl tal-premessa 12 u tat-Taqsima I, intitolata ‘Akkwisti’ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [Nru 897/2014], hija permissibbli prassi ta’ awtorità nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, fil-proċess tal-verifika, jiġu imposti rekwiżiti fuq il-benefiċjarju sabiex dan tal-aħħar jipproduċi provi tal-abbiltà tal-kuntrattur li jonora l-kuntratt pubbliku, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod konkret mal-Artikolu 121 [tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi)], filwaqt li l-awtorità nazzjonali ma tapplikax ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi previsti f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni?

2)      Hija permissibbli prassi ta’ awtorità nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, minkejja li teżisti definizzjoni legali [tal-kunċett ta’] ‘irregolarità’ fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, applikabbli għall-Programm operattiv konġunt għal kooperazzjoni transkonfinali permezz ta’ strument Ewropew tal-viċinat “Baċin tal-Baħar l-Iswed 2014-2020”, [bħala l-ENI] li hija wkoll id-dispożizzjoni indikata għad-definizzjoni [tal-kunċett ta’] ‘irregolarità’ fil-kuntratt konkluż bejn l-awtorità kontraenti u l-imsieħeb, l-awtorità nazzjonali, sabiex tivverifika l-eżistenza [tal-kunċett ta’] ‘irregolarità’ fil-kuntratt pubbliku mal-entità rikorrenti, konkluż għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt bejn l-awtorità ta’ ġestjoni u l-benefiċjarju (l-entità), tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni legali tal-kunċett legali ‘irregolarità’ li tinsab fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1303/2013] minflok ma tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-kunċett legali ta’ ‘irregolarità’ previsti fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014?

Fil-każ li r-risposta għal din id-domanda tkun fis-sens li tali prassi hija permissibbli, kif għandu jiġi interpretat fil-kunċett ta’ ‘irregolarità’ fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 u, b’mod konkret, għandu jitqies bħala ksur tad-dritt nazzjonali l-fatt li l-eżekuzzjoni titwettaq b’dewmien ta’ 8 ijiem fil-provvista tas-servizzi previsti fil-kuntratt dwar il-‘Ħolqien ta’ film fuq video fil-proġett [Timmod]’, f’sitwazzjoni fejn, wara li l-kuntrattur wettaq il-kunsinna lill-benefiċjarju, dan tal-aħħar għadda din il-kunsinna lill-imsieħeb ewlieni fir-Rumanija u l-prodott finali, jiġifieri l-film fuq video, jintuża mill-programm, jiġifieri, fi kliem ieħor, id-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dak li ġie miftiehem fil-kuntratt bejn il-benefiċjarju u l-kuntrattur jikkostitwixxi ksur ta’ natura tali li jista’ jiġi kklassifikat, skont il-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, bħala ksur tad-dritt nazzjonali u għalhekk l-ispejjeż sostnuti għall-ħlas skont il-kuntratt mill-benefiċjarju lill-kuntrattur, mingħajr ma l-benefiċjarju żamm, mis-somma mħallsa minnu, is-somma ta’ BGN 84 (BGN 10 500 x 0.1 % = BGN 10.5 għal kull jum x 8 ijiem = BGN 84), jikkostitwixxu nefqa mhux iġġustifikata għall-baġit tal-Unjoni?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija permissibbli l-prassi ta’ awtorità nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponi sanzjonijiet għall-irregolarità mwettqa mill-benefiċjarju: (1) tiġi indikata biss ir-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura, f’dan il-każ l-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 897/2014], mingħajr ma jiġi indikat kif twettaq b’mod konkret il-ksur ta’ din ir-regola, mingħajr ma jiġi indikat kif il-ksur imur kontra kull wieħed mill-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, u mingħajr ma jiġi indikat kif il-ksur ta’ dawn il-prinċipji jikkostitwixxi preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni; (2) ma jiġux ippreżentati r-raġunijiet għaliex l-awtorità nazzjonali ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li jikkostitwixxu irregolarità fis-sens tad-definizzjoni legali ta’ dan il-kunċett mogħtija fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, minflok dik mogħtija fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 applikabbli, u (3) l-awtorità nazzjonali ma tagħtix raġunijiet konkreti dwar il-perċentwali applikata għas-sanzjoni, jiġifieri 25 % tal-ammont tal-kuntratt?

4) Fid-dawl tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 897/2014], sabiex jiġu rregolati fil-livell nazzjonali s-sanzjoni amministrattiva, in-natura u l-portata tagħha, kif ukoll it-tip u l-gravità tal-irregolarità li għaliha tapplika din is-sanzjoni, huwa meħtieġ li dawn l-elementi jiġu stabbiliti minn qabel fid-dritt tal-Unjoni u l-Istati Membri huma meħtieġa, meta jirregolaw il-miżuri u s-sanzjonijiet fid-dritt nazzjonali tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni jew jindikaw l-att tal-Unjoni li jipprevedi l-imsemmija elementi? L-Artikolu 31(3), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddelega lill-Istati Membri l-kompetenza li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-livell tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq il-benefiċjarji ta’ proġetti taħt il-programmi tal-istrument Ewropew tal-viċinat?

5) Fid-dawl [tat-tielet subparagrafu] tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046, li jipprovdi li ‘[l]-Istati Membri għandhom jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn previst fir-regoli speċifiċi għas-setturi jew f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali’, huwa permissibbli livell ta’ sanzjonijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri sanzjoni fl-ammont ta’ BGN 84 (minħabba li dan l-ammont ma nżammx, fir-rigward ta’ dewmien ta’ 8 ijiem fl-eżekuzzjoni, mill-ammont li l-benefiċjarju ħallas lill-kuntrattur mal-kunsinna) u sanzjoni fl-ammont ta’ 25 % minn BGN 10 500, jiġifieri mill-valur tal-fondi eliġibbli taħt il-kuntratt konkluż bejn il-benefiċjarju u l-kuntrattur (minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba konformement mar-rekwiżiti tal-Artikoli 33, 36(1) u 61 tar-Regolament 2018/1046?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

43      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punt 32).

44      F’dan ir-rigward, il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti rreferiet għalihom meta ressqet id-domandi tagħha u kemm jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26, u tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punt 33).

45      F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, essenzjalment, il-legalità ta’ deċiżjoni adottata mill-awtorità nazzjonali u li timponi żewġ korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarju ta’ proġett iffinanzjat mill-programm operattiv komuni ta’ kooperazzjoni transkonfinali “Baċir tal-Baħar l-Iswed 2014–2020” skont l-ENI, minħabba irregolaritajiet ikkonstatati minn din l-awtorità fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz u l-eżekuzzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, minkejja li permezz tal-ewwel domanda tagħha magħmula, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-premessa 12 u għat-Taqsima 1, intitolata “Akkwisti”, tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VII, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Proġetti”, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, għandu jitqies li din il-qorti tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar ir-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti li huma esposti fl-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 tipprevedi li, fil-kuntest ta’ kontroll li jirrigwarda proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, l-awtorità inkarigata minn dan il-kontroll tista’ teżiġi li l-benefiċjarju ta’ dan il-proġett jipprovdi l-prova tal-kompetenza u tal-esperjenza tal-offerent rebbieħ li lilu jkun ta kuntratt pubbliku għal servizz.

47      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 52(1) a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 jirriżulta li meta l-benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ sussidju konkluż fil-kuntest ta’ programm operattiv konġunt ikun awtorità kontraenti, huwa jista’ japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali adottati flimkien mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 52.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 52(2)(b) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jelenka sett ta’ regoli li għandhom jiġu osservati għall-kuntratti b’valur ta’ iktar minn EUR 60 000. Madankollu, f’dan il-każ, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli peress li l-kuntratt ta’ servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu valur ta’ BGN 10 500 (madwar EUR 5 000).

49      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(2)(a) tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni jeżiġi biss li, fil-każijiet minbarra dawk imsemmija fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu 52, il-kuntratt jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew, skont il-każ, lill-offerta li tippreżenta l-iktar prezz baxx, filwaqt li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi.

50      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 52(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 sempliċement jirreferi għar-regoli ta’ nazzjonalità u ta’ oriġini ddefiniti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 236/2014.

51      Minn dan isegwi li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni ta’ natura li tipprekludi li awtorità responsabbli mill-kontroll ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI tkun tista’ teżiġi mingħand il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett il-prova tal-kompetenza u tal-esperjenza tal-offerent rebbieħ, kif jeżiġi ż-ZOP, li tittrasponi d-Direttiva 2014/24.

52      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, kif enfasizzaw il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, iż-ZOP japplika għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssussidjati minn fondi Ewropej, indipendentement mill-valur tal-kuntratti.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punti 44 u 45).

53      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 tipprevedi li, fil-kuntest ta’ kontroll li jirrigwarda proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, l-awtorità responsabbli minn dan il-kontroll tista’ teżiġi li l-benefiċjarju ta’ dan il-proġett jipprovdi l-prova tal-kompetenza u tal-esperjenza tal-offerent rebbieħ li lilu tat kuntratt pubbliku għal servizz.

 Fuq it-tieni domanda

54      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 (m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 u l-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jikkostitwixxu irregolaritajiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, l-eżekuzzjoni tardiva ta’ provvista ta’ servizz meta mqabbla mad-data prevista f’kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti, benefiċjarja ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, u offerent rebbieħ magħżul fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali ta’ natura kuntrattwali minn dan il-benefiċjarju b’reazzjoni għal din l-eżekuzzjoni tardiva.

55      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “irregolarità” applikabbli huwiex dak li huwa ddefinit fl-Artikolu 2 (m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 jew dak li jinsab fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, qabel, fit-tieni lok, ma jiġi eżaminat jekk dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali b’reazzjoni għal dan id-dewmien humiex aġir li jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett.

56      Fl-ewwel lok, sabiex jiġi ddeterminat il-kunċett ta’ “irregolarità” applikabbli, għandu jsir riferiment għall-kuntest li fih jaqgħu d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

57      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 232/2014 jipprevedi li l-finanzjament mogħti bis-saħħa tiegħu jista’ jinġabar flimkien ma’ finanzjament taħt regolamenti rilevanti oħra tal-Unjoni, f’liema każ il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar is-sett uniku ta’ regoli li għandhom jiġu applikati għall-implimentazzjoni.

58      L-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-programmi operattivi konġunti għandhom jiġu kofinanzjati mill-FEŻR u li l-imsemmi regolament japplika għall-użu tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR.

59      Minn dan jirriżulta li, meta programm operattiv konġunt ikun is-suġġett ta’ kofinanzjament mill-FEŻR, l-istandards ta’ referenza huma dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 232/2014 kif ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014. Minn dan isegwi li, f’tali każ, il-kunċett ta’ “irregolarità”, li jinsab fl-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, huwa applikabbli.

60      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-għan muri mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessi 9 u 14 tar-Regolament Nru 232/2014, fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 236/2014 u fil-premessa 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, intiż li jalloka r-riżorsi tal-Unjoni bl-iktar mod effikaċi possibbli, filwaqt li jiżgura koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna kif ukoll billi joħloq sinerġiji bejn l-ENI, strumenti oħra tal-Unjoni u l-politiki l-oħra tal-Unjoni.

61      Fi kwalunkwe każ, peress li r-Regolament Nru 1303/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 jagħmlu parti mill-istess mekkaniżmu intiż li jiżgura ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni kif ukoll li jippreżerva l-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar, il-kunċett ta’ “irregolarità” jeħtieġ interpretazzjoni uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 34 u 37).

62      F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kienet obbligata tevalwa l-irregolaritajiet li hija kienet sabet waqt kontroll li jirrigwarda proġett iffinanzjat mill-Programm Operattiv Konġunt ta’ Kooperazzjoni transkonfinali “Baċir tal-Baħar l-Iswed 2014–2020” skont l-ENI, fid-dawl tal-kunċett ta’ “irregolarità” li jinsab fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżekuzzjoni tardiva ta’ provvista ta’ servizz u l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali b’reazzjoni għal dan id-dewmien jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, għandu jitfakkar li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-ksur ta’ ftehim ta’ finanzjament, ta’ kuntratt jew tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-programm li għandu jew ikollu bħala effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni permezz tal-imputazzjoni lilu ta’ nefqa indebita. L-eżistenza ta’ tali irregolarità tippreżumi għalhekk li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri ksur tad-dritt applikabbli, att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku fl-oriġini ta’ dan il-ksur u dannu, attwali jew potenzjali, ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑175/23, EU:C:2024:853, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-ewwel u t-tielet kundizzjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ.

65      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, li tirrigwarda l-ksur ta’ ftehim ta’ finanzjament, ta’ kuntratt jew tal-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-formulazzjoni hija partikolarment wiesgħa sal-punt li din l-espressjoni tista’ tkopri kemm l-eżekuzzjoni tardiva ta’ servizz dovut fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kif ukoll l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali b’reazzjoni għal dan id-dewmien.

66      F’dan l-aħħar rigward, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità nazzjonali qieset li l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-klawżola penali inkluża fil-kuntratt ta’ servizz kienet tinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 1 tal-kuntratt ta’ kofinanzjament, iffirmat fis‑26 ta’ Jannar 2021 ma’ din l-awtorità, li kien jistabbilixxi l-obbligu li jiġi osservat dan il-prinċipju, sa fejn il-benefiċjarju kien ta kundizzjonijiet iktar favorevoli lill-kuntrattur sabiex jeżegwixxi s-servizz minn dawk li kienu nftehmu f’dan il-kuntratt.

67      Issa, peress li l-prinċipju ta’ effikaċja, li huwa wieħed mill-komponenti tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, jeżiġi li l-għanijiet imfittxija jintlaħqu permezz tal-attivitajiet imwettqa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-klawżola penali setgħetx tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-proġett. Hija għandha twettaq tali verifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-kawża prinċipali, bħal, b’mod partikolari, id-dewmien żgħir li bih saret il-provvista tal-film video u l-possibbiltà għall-partijiet, prevista fil-kuntratt ta’ servizz, li jestendu t-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt abbażi ta’ ftehim reċiproku, u dan sad-data limitu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ kofinanzjament. B’dan il-mod, ma jistax jiġi eskluż li l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-klawżola penali tikkostitwixxi ksur ta’ ftehim ta’ finanzjament, ta’ kuntratt jew tal-leġiżlazzjoni applikabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014.

68      It-tielet kundizzjoni teħtieġ li l-ksur tal-ftehim ta’ finanzjament, ta’ kuntratt jew tal-leġiżlazzjoni applikabbli minn operatur ekonomiku “li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett” li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jiġi addebitat lil dan tal-aħħar nefqa mhux iġġustifikata. F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, b’mod partikolari mill-espressjoni “jista’ jkollu, l-effett”, jirriżulta li, jekk l-irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma teħtieġx il-prova ta’ effett finanzjarju preċiż fuq il-baġit tal-Unjoni, ksur tar-regoli applikabbli jikkostitwixxi “irregolarità” sakemm il-possibbiltà li dan in-nuqqas kellu effett fuq il-baġit tal-Fond ikkonċernat ma tistax tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑75/23, EU:C:2024:853, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi li kull ksur ta’ ftehim ta’ finanzjament, ta’ kuntratt jew tal-leġiżlazzjoni minn operatur ekonomiku jitqies li jippreġudika awtomatikament il-baġit tal-Unjoni jew li dejjem jista’ jippreġudika dan il-baġit, indipendentement mill-effetti ta’ tali ksur fuq dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑75/23, EU:C:2024:853, punt 27).

69      F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżekuzzjoni tardiva tal-provvista ta’ servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhiex jew setgħetx ikollha effett fuq il-baġit tal-Fond ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jiġi eskluż li tali aġir kellu effett fuq il-baġit tal-Unjoni peress li din l-eżekuzzjoni tardiva ċaħħdet lill-benefiċjarju mill-użu tal-film video mid-data ta’ skadenza prevista kuntrattwalment, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

70      Fir-rigward tal-assenza ta’ implimentazzjoni, mill-benefiċjarju, ta’ klawżola penali għal dewmien fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ma jistax jiġi eskluż li tali aġir kellu effett finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan l-aġir jimplikax emenda tal-kuntratt pubbliku meta mqabbel mal-kundizzjonijiet inizjali indikati fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod mhux konformi mal-Artikolu 72(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2014/24, sal-punt li dan l-aġir jibdel in-natura globali tal-kuntratt. Jekk dan kien il-każ, il-possibbiltà li l-imsemmi aġir kellu effett fuq il-baġit tal-Fond ikkonċernat ma tistax tiġi eskluża.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jikkostitwixxu irregolaritajiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, l-eżekuzzjoni tardiva ta’ provvista ta’ servizz meta mqabbla mad-data prevista f’kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti, benefiċjarja ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, u offerent rebbieħ magħżul fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali natura kuntrattwali minn dan il-benefiċjarju b’reazzjoni għal din l-eżekuzzjoni tardiva.

 Fuq it-tielet domanda

72      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 41 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn awtorità responsabbli mill-kontroll ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett, minħabba irregolaritajiet, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, imwettqa minn dan il-benefiċjarju u li jikkonsistu fi ksur tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, mingħajr ma ġew prodotti elementi li jikkonkretizzaw il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u mingħajr ma ngħatat motivazzjoni preċiża li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tikkorrispondi għal rata ta’ 25 % tal-valur tal-kuntratt.

73      Preliminarjament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli, li tista’ twassalha, jekk ikun il-każ, sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula.

74      F’dan il-każ, minkejja li l-qorti tar-rinviju ssemmi fit-tielet domanda tagħha l-Artikolu 41 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma hijiex indirizzata lill-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Madankollu, meta Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplikaw fil-kuntest tal-proċedura mmexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2025, Obshtina Veliko Tarnovo et Obshtina Belovo, C‑471/23 u C‑477/23, EU:C:2025:155, punt 73).

76      Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tifhem ir-raġunijiet wara l-miżura individwali li tikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi b’hekk il-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li t-tielet domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda l-punt dwar jekk il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni minn awtorità responsabbli mill-kontroll ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett, minħabba irregolaritajiet, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, imwettqa minn dan il-benefiċjarju u li jikkonsistu fil-ksur tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, mingħajr ma jiġu prodotti elementi li jikkonkretizzaw il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u mingħajr ma tingħata motivazzjoni preċiża li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tikkorrispondi għal rata ta’ 25 % tal-valur tal-kuntratt.

78      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-effett tar-riferiment, fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, pjuttost milli għall-istess kunċett, kif imsemmi fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, dawn iż-żewġ kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, b’tali mod li dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jċaħħad lill-benefiċjarju mill-possibbiltà li jifhem ir-raġunijiet sottostanti għall-korrezzjonijiet finanzjarji imposti minn din id-deċiżjoni.

79      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tirreferi għall-ksur tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, mingħajr ma tipproduċi elementi li jikkonkretizzaw dan il-ksur, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk fir-rigward tat-tieni irregolarità, dwar l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-klawżola penali li tinsab fil-kuntratt ta’ servizz.

80      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata skont l-Artikolu 73 taż-ZUSEFSU, li jipprevedi li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għandha titwettaq permezz ta’ deċiżjoni motivata, fi tmiem proċedura li tippermetti lill-benefiċjarju jippreżenta l-oġġezzjonijiet bil-miktub tiegħu dwar il-bażi u l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja prevista kif ukoll li jippreżenta provi insostenn tal-oġġezzjonijiet tiegħu. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jżid li, f’din id-deċiżjoni, il-provi li l-benefiċjarju pproduċa u l-oġġezzjonijiet li huwa qajjem għandhom jiġu eżaminati.

81      F’dan il-kuntest, minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa konkretament jekk id-deċiżjoni kontenzjuża hijiex suffiċjentement motivata, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva li fi tmiemha din id-deċiżjoni ġiet adottata, il-benefiċjarju qajjem oġġezzjonijiet u pproduċa provi intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza tat-tieni irregolarità, b’tali mod li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tidher suffiċjentement preċiża u konkreta sabiex tippermetti lill-benefiċjarju jifhem ir-raġunijiet tal-korrezzjoni li tikkawżalu preġudizzju. Barra minn hekk, minn din id-deċiżjoni, li ġiet annessa mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, jirriżulta li l-awtorità nazzjonali qieset li din l-irregolarità kienet inħolqot mill-estensjoni illegali tat-terminu għar-riċezzjoni tal-video mill-benefiċjarju, b’tali mod li r-riżultati mistennija mill-kuntratt ma kinux intlaħqu u li, permezz tal-azzjoni tiegħu, il-benefiċjarju kiser globalment il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

82      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ rata ta’ 25 % minħabba l-ewwel irregolarità, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jibbażaw ruħhom fuq skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa, meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont tal-infiq irregolari imputat lill-Fondi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑175/23, EU:C:2024:853, punti 28 sa 34)

83      Xorta jibqa’ l-fatt li d-determinazzjoni konkreta tal-ammont tal-korrezzjoni li għandha tiġi applikata teżiġi madankollu li l-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-użu tal-Fondi tal-Unjoni jwettqu eżami individwalizzat u ddettaljat, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw l-irregolarità kkonstatata u li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ikbar jew iktar baxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Wrocław-Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 49). Dan l-eżami għandu jsir mill-qorti tar-rinviju.

84      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn awtorità responsabbli mill-kontroll ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-ENI, ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett, minħabba irregolaritajiet, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, imwettqa minn dan il-benefiċjarju u li jikkonsistu fil-ksur tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/1046, mingħajr ma ġew prodotti elementi li jikkonkretizzaw il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u mingħajr ma ngħatat motivazzjoni preċiża li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tikkorrispondi għal rata ta’ 25 % tal-valur tal-kuntratt.

 Fuq ir-raba’ domanda

85      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95, moqri flimkien mal-Artikolu 31(3) u mal-Artikolu 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet li tista’ tiġi applikata għall-benefiċjarji ta’ proġetti ffinanzjati mill-ENI.

86      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li korrezzjonijiet finanzjarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu sanzjonijiet amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95. Skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ebda sanzjoni amministrattiva ma tista’ tiġi imposta sakemm ma tkunx ġiet stabbilita minn att tal-Unjoni qabel l-irregolarità. It-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet telenka, min-naħa tagħha, l-irregolaritajiet intenzjonali jew ikkawżati minn negliġenza li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet amministrattivi.

87      Madankollu, kif previst fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, miżura amministrattiva ma għandhiex titqies bħala sanzjoni.

88      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li korrezzjoni finanzjarja, sa fejn hija intiża għall-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament, ma tikkostitwixxix “sanzjoni amministrattiva” li teżiġi bażi legali ċara u mhux ambigwa, distinta mir-Regolament Nru 2988/95, iżda tikkostitwixxi “miżura amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li permezz tagħha jinsiltu l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ dan il-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma humiex issodisfatti. L-obbligu ta’ ħlas lura tal-vantaġġ indebitu għalhekk ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mil-liġi u ma huwiex suġġett għall-prinċipju li l-ksur u s-sanzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati minn qabel mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, FranceAgriMer, C‑670/11, EU:C:2012:807, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, bħalma għamlu l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, li l-korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq il-benefiċjarju ġew adottati abbażi b’mod partikolari tal-Artikoli 70 u 73 taż-ZUSEFSU kif ukoll tal-punt 2 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari tan-Naredba, li huma wkoll dispożizzjonijiet relatati mhux ma’ sanzjonijiet jew ma’ multi amministrattivi iżda ma’ korrezzjonijiet finanzjarji.

90      Madankollu, sabiex tingħata risposta bl-iktar mod komplet għad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk Stat Membru jistax, abbażi tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, jadotta miżuri intiżi li japplikaw korrezzjonijiet finanzjarji għal benefiċjarji ta’ proġetti li jaqgħu taħt programm iffinanzjat mill-ENI, għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 2988/95 sempliċement jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet bl-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ddeċidiet li huwa għalhekk abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, jiġifieri, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ dispożizzjonijiet settorjali, li għandu jsir irkupru ta’ fondi użati ħażin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk “korrezzjoni finanzjarja” tistax tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 31(3) u tal-Artikolu 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014.

92      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li l-pajjiżi parteċipanti għandhom jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet u jipproċedu għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament fit-territorju tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 74 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi regoli dwar ir-“[r]esponsabbiltajiet finanzjarji u Rkupri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 71(1) tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni jafda “l-ewwel nett” lill-awtorità ta’ ġestjoni r-responsabbiltà li tipprevjeni u tinvestiga l-irregolaritajiet, li twettaq il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fir-rigward tal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li ġew identifikati fil-proġetti kif ukoll li tibda l-proċeduri ta’ rkupru neċessarji. Din l-awtorità għandha tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa mill-irregolaritajiet individwali jew sistematiċi identifikati fil-proġetti, filwaqt li tqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet kif ukoll it-telf finanzjarju li jirriżulta minnhom. L-imsemmija awtorità għandha tapplika korrezzjoni finanzjarja proporzjonata.

93      Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali jimplikaw li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, minn naħa, regoli dwar il-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u tat-telf finanzjarju kif ukoll, min-naħa l-oħra, korrezzjonijiet finanzjarji proporzjonati, u dan b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑175/23, EU:C:2024:853, punti 30 sa 34).

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 74 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, regoli dwar il-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet, tat-telf finanzjarju kif ukoll tal-korrezzjonijiet finanzjarji proporzjonati li jistgħu jiġu applikati għall-benefiċjarji ta’ proġetti ffinanzjati mill-ENI.

 Fuq il-ħames domanda

95      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bħal fir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa, fil-ħames domanda tagħha, li d-deċiżjoni kontenzjuża timponi sanzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95. Issa, għar-raġunijiet invokati fil-punti 88 sa 92 ta’ din is-sentenza, il-korrezzjonijiet finanzjarji li din id-deċiżjoni tinkludi ma humiex sanzjonijiet, iżda miżuri amministrattivi, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

96      F’dan il-kuntest, għalkemm, fil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jimponu “penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn previst fir-regoli speċifiċi għas-setturi jew f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali”, din id-dispożizzjoni madankollu ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula. Min-naħa l-oħra, peress li din il-qorti tistaqsi fir-rigward tal-proporzjonalità tal-korrezzjonijiet finanzjarji imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jsir riferiment għall-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li, meta l-Istati Membri jwettqu kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit, huma għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha li huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk li jippermettu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet u tal-frodi.

97      Minn dan isegwi li għandu jinftiehem li, permezz tal-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-impożizzjoni, minn naħa, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ rata fissa intiża li tikkoreġi irregolarità li tirriżulta minn insuffiċjenza fit-traċċabbiltà dokumentarja kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ metodu differenzjali u intiża li tikkoreġi irregolaritajiet li jirriżultaw mid-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ servizz u mill-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali.

98      F’dan ir-rigward, dan il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) għandu jinqara flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 897/2014, li jipprevedi li l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fir-rigward tal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jkunu ġew identifikati fil-proġetti, fl-assistenza teknika jew fil-programm. Din l-awtorità għandha tqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet, kif ukoll it-telf finanzjarju li jirriżulta, u għandha “tapplika korrezzjoni finanzjarja proporzjonata” li tikkonsisti fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew parti minnha għal proġett jew assistenza teknika.

99      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli għall-Istati Membri li jibbażaw ruħhom fuq skala ta’ rati ta’ korrezzjoni b’rata fissa meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont tal-infiq irregolari imputat lill-Fondi tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-ammont finali tal-korrezzjoni li għandha tiġi applikata jiġi ddeterminat wara eżami individwalizzat u ddettaljat, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari kollha relatati man-natura u mal-gravità tal-irregolarità kkonstatata li għandha tiġi kkoreġuta, kif ukoll tat-telf finanzjarju li jirriżulta minnha għall-Fond tal-Unjoni kkonċernat, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ tali rata tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħala prinċipju, l-ammont ta’ korrezzjoni finanzjarja ma għandux jiġi ddeterminat, b’mod awtomatiku, abbażi biss ta’ skala ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa stabbilita minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Svishtov, C‑75/23, EU:C:2024:853, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, permezz tal-Artikoli 70 u 73 ZUSEFSU, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tan-Naredba li jirreferi għalih l-Artikolu 2(3) tal-Anness Nru 2 ta’ din tal-aħħar, il-leġiżlatur Bulgaru ried jaġġusta r-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja “skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, korrezzjoni finanzjarja tista’ titnaqqas għal 25, 10 jew 5 % meta n-natura u l-gravità tal-ksur individwali jew sistemiku ma jiġġustifikawx ammont ogħla”. Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ispejjeż eliġibbli skont il-kuntratt ta’ servizz ġietx imposta wara eżami individwalizzat u ddettaljat, li jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari kollha tal-irregolarità kkonstatata mill-awtorità nazzjonali fid-deċiżjoni kontenzjuża.

101    B’hekk, fir-rigward tal-ewwel irregolarità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 %, applikata minħabba insuffiċjenza fit-traċċabbiltà dokumentarja, hijiex proporzjonata fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari kollha li jikkaratterizzaw din l-irregolarità.

102    Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni irregolarità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-korrezzjoni finanzjarja, ikkalkolata skont il-metodu differenzjali u applikata minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, hijiex proporzjonata fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari kollha li jikkaratterizzaw din l-irregolarità.

103    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-impożizzjoni, minn naħa, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ rata fissa intiża li tikkoreġi irregolarità li tirriżulta minn insuffiċjenza fit-traċċabbiltà dokumentarja kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ metodu differenzjali u intiża li tikkoreġi irregolaritajiet li jirriżultaw mid-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ provvista ta’ servizz u mill-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali.

 Fuq l-ispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 52 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat‑18 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE tipprevedi li, fil-kuntest ta’ kontroll li jirrigwarda proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), l-awtorità responsabbli minn dan il-kontroll tista’ teżiġi li l-benefiċjarju ta’ dan il-proġett jipprovdi l-prova tal-kompetenza u tal-esperjenza tal-offerent rebbieħ li lilu tat kuntratt pubbliku għal servizz.

2)      L-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjono Nru 897/2014:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jistgħu jikkostitwixxu irregolaritajiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, l-eżekuzzjoni tardiva ta’ provvista ta’ servizz meta mqabbla mad-data prevista f’kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti, benefiċjarja ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, u offerent rebbieħ magħżul fi tmiem proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali ta’ natura kuntrattwali minn dan il-benefiċjarju b’reazzjoni għal din l-eżekuzzjoni tardiva.

3)      Il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn awtorità responsabbli mill-kontroll ta’ proġett iffinanzjat minn programm operattiv konġunt taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, ta’ deċiżjoni li timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarju ta’ dan il-proġett, minħabba irregolaritajiet, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, imwettqa minn dan il-benefiċjarju u li jikkonsistu fil-ksur tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 mingħajr ma ġew prodotti elementi li jikkonkretizzaw il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u mingħajr ma ngħatat motivazzjoni preċiża li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li tikkorrispondi għal rata ta’ 25 % tal-valur tal-kuntratt.

4)      L-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 74 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni Nru 897/2014

5)      għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

6)      huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, regoli dwar il-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet, tat-telf finanzjarju kif ukoll tal-korrezzjonijiet finanzjarji proporzjonati li jistgħu jiġu applikati għall-benefiċjarji ta’ proġetti ffinanzjati mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat.

7)      Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament 2018/1046, moqri flimkien mal-prinċipju tal-proporzjonalità,

8)      għandu jiġi interpretat fis-sens li:

9)      ma jipprekludix l-impożizzjoni, minn naħa, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ rata fissa intiża li tikkoreġi irregolarità li tirriżulta minn insuffiċjenza fit-traċċabbiltà dokumentarja kif ukoll, min-naħa l-oħra, ta’ korrezzjoni finanzjarja kkalkolata permezz ta’ metodu differenzjali u intiża li tikkoreġi irregolaritajiet li jirriżultaw mid-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ provvista ta’ servizz u mill-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ klawżola penali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.