|
5.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/33 |
P9_TA(2021)0426
Il-politiki soċjali u tal-impjieg taż-żona tal-euro għall-2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar il-politiki soċjali u tal-impjieg taż-żona tal-euro għall-2021 (2021/2062(INI))
(2022/C 184/02)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021 bit-titlu “Il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna” (COM(2021)0500), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-Kummissjoni għall-2021: Rapport omnibus skont l-Artikolu 126(3) (COM(2021)0529), |
|
— |
wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-Rebbiegħa 2021 ippubblikat mill-Kummissjoni fit-12 ta' Mejju 2021 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-OECD Economic Outlook, Vol. 2021 Ħarġa 1: verżjoni preliminari (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Impenn Soċjali ta' Porto, iffirmat mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill, mill-President tal-Parlament u mir-rappreżentanti tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Porto tat-8 ta' Mejju 2021, approvata mill-Kunsill Ewropew (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 (COM(2020)0575), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2021 tal-Kummissjoni kif adottat mill-Kunsill fid-9 ta' Marzu 2021 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titlu “Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2020)0014), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titlu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (8) (ir-Regolament RRF), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sħubija u governanza f'diversi livelli fil-programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konferenza annwali dwar is-Semestru Ewropew tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li saret fil-31 ta' Mejju 2021 (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' Frar 2021 bit-titlu “L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X'jaħdem u x'ma jaħdimx?” (11), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u s-Sħab Soċjali Ewropej tal-2016 bit-titlu “Bidu ġdid għad-djalogu soċjali”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tat-23 ta' Marzu 2021 bit-titlu “COVID-19: Implications for employment and working life” (12), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Eurofound ta' April 2021 bit-titlu “Living, working and COVID-19: Mental health and trust decline in EU” (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 10/2021 bit-titlu “L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni” (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-2021 dwar il-kura fit-tul, imħejji mill-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 09/2018 bit-titlu “Sħubiji Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati” (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem, Olivier De Shutter, wara ż-żjara tiegħu fl-istituzzjonijiet tal-UE bejn il-25 ta' Novembru 2020 u d-29 ta' Jannar 2021 (17), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0274/2021), |
|
A. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha u x'aktarx se jkompli jkollha impatt sinifikanti iżda sproporzjonat fuq Stati Membri, gruppi soċjali, setturi u reġjuni differenti, u qed twassal għal żieda fil-livelli tal-faqar fl-UE; billi dawk l-aktar vulnerabbli ntlaqtu l-agħar; billi l-kriżi kellha effett devastanti fuq gruppi vulnerabbli differenti u ħolqot sfida bla preċedent għall-ħaddiema li jieħdu ħsieb l-anzjani; billi n-nisa, meta mqabbla mal-irġiel, kif ukoll iż-żgħażagħ, il-ħaddiema bi ftit kwalifiki, il-migranti, il-persuni b'diżabilità, dawk minn sfond żvantaġġat, l-anzjani, u l-persuni b'kuntratti temporanji jew f'forom oħra ta' impjieg mhux standard, iżda anke dawk li jaħdmu għal rashom, ġew affettwati b'mod sproporzjonat; billi xi kumpaniji ntlaqtu severament, partikolarment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-mikrointrapriżi; |
|
B. |
billi skont it-Tbassir Ekonomiku Ewropew tar-Rebbiegħa 2021 (18) tal-Kummissjoni, l-ekonomija tal-UE se tikber b'4,2 % fl-2021 u b'4,4 % fl-2022; billi r-rata tal-qgħad fl-UE hija mbassra li tkun 7,6 % fl-2021 u 7 % fl-2022; billi dawn ir-rati għadhom ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi; |
|
C. |
billi l-pandemija tal-coronavirus irrappreżentat xokk ta' proporzjonijiet storiċi għall-ekonomiji tal-Ewropa, u kkawżat tnaqqis ekonomiku ta' 6,1 % fl-2020; billi n-negozji u l-konsumaturi adattaw ruħhom biex jaffrontaw aħjar il-miżuri ta' konteniment, iżda xi setturi – bħat-turiżmu u s-servizzi personalizzati – għadhom qed ibatu; |
|
D. |
billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u t-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu lill-anzjani milli jaħdmu volontarjament wara l-età tal-pensjoni standard huma importanti għat-tixjiħ attiv u għal solidarjetà akbar fost il-ġenerazzjonijiet; |
|
E. |
billi ż-żieda fl-inugwaljanzi fis-soċjetajiet Ewropej matul il-kriżi tal-COVID-19 aċċelerat xejriet soċjali perikolużi, li jistgħu joħolqu klima ta' diviżjoni, stress u diżillużjoni li twassal biex il-membri kollha tas-soċjetà, mhux biss dawk fil-bżonn, isofru tnaqqis fil-livell tal-benessri tagħhom; billi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi huwa prerekwiżit kruċjali għall-iżgurar ta' sostenibbiltà u benessri għal kulħadd, minħabba l-impatt negattiv tagħhom fuq il-prestazzjoni ġenerali tas-soċjetajiet fl-indikaturi ewlenin tal-benessri bħas-saħħa mentali u fiżika, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll fuq il-paċi u s-sigurtà soċjali; billi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali qegħdin taħt pressjoni kbira biex itaffu l-impatt soċjali tal-kriżi u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal kulħadd kif ukoll aċċess għal servizzi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-akkomodazzjoni; |
|
F. |
billi fis-Summit Soċjali ta' Porto tas-7 u t-8 ta' Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) bħala element fundamentali tal-irkupru, u fid-dikjarazzjoni ta' Porto ssottolinjaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali u tal-UE; |
|
G. |
billi ż-żgħażagħ esperjenzaw l-akbar tnaqqis fl-impjiegi (19), kif ukoll telf ta' opportunitajiet minħabba nuqqas ta' possibbiltajiet ta' taħriġ jew apprendistati; billi, f'xi Stati Membri, il-ħaddiema f'kundizzjonijiet ta' impjieg prekarji kienu partikolarment esposti għat-telf ta' impjiegi minħabba l-pandemija u sofrew nuqqas ta' protezzjoni soċjali; billi hemm bżonn aktar investiment f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) affordabbli, aċċessibbli, inklużivi u ta' kwalità għolja sabiex kulħadd ikollu l-kompetenzi u l-kwalifiki xierqa, inklużi dawk meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; billi waħda mill-prijoritajiet ewlenin hija li tiġi evitata “ġenerazzjoni mitlufa” oħra ta' żgħażagħ; billi l-politiki li jżidu l-inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet jaffettwaw is-sostenibbiltà tas-sistema ta' protezzjoni soċjali tagħna kif ukoll id-demokraziji tagħna; |
|
H. |
billi d-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol tikkostitwixxi opportunità li għandna nħaddnu l-benefiċċji tagħha filwaqt li niżguraw li t-telexogħol u l-flessibbiltà fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema; |
|
I. |
billi skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar li jistgħu jiġu attivati fi kriżi u li jippermettu l-aġġustament strutturali tal-ekonomiji u r-riżorsi umani se jkunu kruċjali; billi l-involviment qawwi tas-sħab soċjali jimpedixxi kwalunkwe esklużjoni mhux mistennija fir-rigward tal-eliġibbiltà; billi dawn l-iskemi ta' żamma tal-impjiegi komplew itaffu l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, u fi Frar 2021 kienu jkopru madwar 5,6 % tal-ħaddiema – meta mqabbel ma' madwar 5 % f'Ottubru 2020 – b'risposta għall-aħħar miżuri ta' lockdown (20); |
|
J. |
billi l-pandemija wriet b'mod ċar l-importanza tal-kura integrata, b'enfasi fuq l-għoti ta' servizzi ta' kwalità tul iċ-ċiklu tal-ħajja u b'attenzjoni speċjali għall-kura tat-tfal, il-persuni b'diżabilità, il-persuni vulnerabbli u l-anzjani; billi matul il-lockdowns, il-biċċa l-kbira tax-xogħol mhux imħallas sar min-nisa, minkejja li l-irġiel qasmu x-xogħol tad-dar aktar minn qabel (21) (in-nisa ddedikaw 18,4 siegħa fil-ġimgħa għat-tisjir u x-xogħol tad-dar, meta mqabbel ma' 12,1-il siegħa għall-irġiel, filwaqt li qabel il-pandemija, in-nisa kienu jqattgħu 15,8-il siegħa u l-irġiel 6,8 sigħat fuq dawn il-kompiti); billi n-nuqqas ta' persunal fis-setturi tas-saħħa u tal-kura, li xi Stati Membri kienu diġà qed jiffaċċjaw qabel il-pandemija (22), minħabba nuqqas ta' investimenti u/jew nuqqas ta' antiċipazzjoni tat-tibdil demografiku, seta' ġie aggravat mill-kriżi, anke minħabba l-pressjoni enormi tax-xogħol u l-istress mentali li rriżulta mill-pandemija (23); billi s-sħab soċjali fis-servizzi soċjali u tas-saħħa qed jitolbu titjib fl-għoti tal-kura soċjali u tas-saħħa biex jiġu żgurati r-reżiljenza u t-tħejjija (24); |
|
K. |
billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) indikat li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma ħax inkunsiderazzjoni b'mod adegwat l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-QEA rrakkomandat lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta jekk il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jindirizzawx l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi n-Next Generation EU jindirizza t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u jaffettwa primarjament is-setturi u l-professjonijiet li huma ddominati mill-irġiel; |
|
L. |
billi, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-RRF, ir-Regolament relattiv jistabbilixxi l-objettiv ġenerali tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jtejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kapaċità għall-aġġustament u l-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri, itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EPSR u għall-konverġenza soċjali 'l fuq, jirrestawra u jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u jrawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; |
|
M. |
billi sfidi globali bħad-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jkomplu jippersistu irrispettivament mill-kriżi tal-COVID-19 u jirrikjedu tranżizzjoni ġusta sabiex ħadd ma jitħalla jibqa' lura; billi skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), it-tibdil fil-klima, it-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità qed jaċċeleraw b'mod esponenzjali; billi l-konsegwenzi tal-kriżi tal-klima u l-avvenimenti estremi tat-temp qed jinħassu b'mod aktar intensiv u aktar frekwenti minn qabel miċ-ċittadini u l-ħaddiema fl-UE; billi l-miri tad-dekarbonizzazzjoni għall-2030 żdiedu biex in-newtralità tal-karbonju tintlaħaq sal-2050; billi ż-żieda fl-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament tirrikjedi trasformazzjoni profonda tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol Ewropej u nazzjonali; |
|
N. |
billi l-objettiv speċifiku tal-RRF huwa li tagħti appoġġ lill-Istati Membri biex jgħinhom jilħqu l-objettivi intermedji u l-miri tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza nazzjonali tagħhom (NRRPs); billi dan ifisser li kwalunkwe azzjoni stabbilita fil-pjanijiet (inklużi investimenti diġitali u ekoloġiċi) kif ukoll ir-riformi maqbula jridu jikkontribwixxu għall-prinċipji tal-EPSR, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u għall-konverġenza soċjali 'l fuq; billi l-azzjonijiet li ma jikkontribwixxux għal dawn l-objettivi soċjali mhumiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF; |
|
O. |
billi skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet nazzjonali jridu jkunu konsistenti mal-isfidi u l-prijoritajiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif ukoll ma' dawk identifikati fl-aktar rakkomandazzjoni reċenti tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; |
|
P. |
billi r-riformi soċjalment sostenibbli huma dawk ibbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali, id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sistema ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja għal kulħadd, impjieg ta' kwalità u t-tkabbir sostenibbli – mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jagħti s-setgħa lill-gruppi vulnerabbli, isaħħaħ il-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għal kulħadd; |
|
Q. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 aċċelerat it-tranżizzjoni diġitali tal-ekonomiji Ewropej u nazzjonali u l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' kif naħdmu; billi d-diġitalizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jridu jkunu ta' benefiċċju għall-ħaddiema u għas-soċjetà billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja, jiżguraw bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, joħolqu opportunitajiet ta' impjieg aħjar, u jikkontribwixxu għall-konverġenza soċjoekonomika; |
|
1. |
Ifakkar li, skont it-Trattati, l-Unjoni għandha taħdem favur l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta' tkabbir ekonomiku ekwilibrat u stabbiltà fil-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq ferm kompetittiva li timmira lejn l-impjieg sħiħ, ambjent u kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa, il-progress soċjali, livell għoli ta' protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent, il-promozzjoni tal-progress xjentifiku u teknoloġiku, il-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanzi, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-konverġenza soċjali 'l fuq, il-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tal-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabilità; jinsisti li dawn l-għanijiet iridu jkunu l-prijoritajiet ġenerali għall-istrateġija ta' tkabbir sostenibbli fit-tul tal-UE f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, l-EPSR u l-Patt Ekoloġiku, u jirfdu l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-Semestru Ewropew ikun allinjat ma' dawn l-għanijiet u l-istrateġiji, u b'hekk is-Semestru Ewropew isir għodda verament komprensiva; |
|
2. |
Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal offrut mill-klawżola liberatorja ġenerali, mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid u min-Next Generation EU biex jappoġġjaw lill-kumpaniji li jkunu f'diffikultà u li jkollhom nuqqas ta' likwidità, partikolarment billi jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, iħarsu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fl-UE u jakkumpanjaw lill-intrapriżi u l-ħaddiema fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; |
|
3. |
Jenfasizza li l-politika ekonomika ma tistax tiġi analizzata biss minn perspettiva purament makroekonomika ffukata fuq l-indikaturi tradizzjonali tat-tkabbir, id-dejn, id-defiċit u r-rata tal-impjiegi u għandha tindirizza l-għeruq tal-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fit-tul; jinsisti li s-Semestru Ewropew irid ikun ibbażat fuq approċċ integrat li jagħti l-istess importanza lill-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jemmen li l-politiki dwar il-klima jridu wkoll jingħataw rwol prominenti; jappella biex is-Semestru Ewropew jiżgura koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jara li lkoll jimxu fl-istess direzzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u aktar diġitali, fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura, u jippromwovi t-tibdil strutturali għall-progress soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-benessri; jenfasizza l-importanza li wieħed iżomm f'moħħu l-effetti tal-politiki ekonomiċi sabiex jiġu evitati konsegwenzi soċjali negattivi, kif ukoll impatti negattivi għall-koeżjoni soċjali, inkluż fuq ħafna gruppi vulnerabbli, u għalhekk għad-demokraziji tagħna u għall-proġett Ewropew; |
|
4. |
Jilqa' l-impenn tal-mexxejja tal-UE għall-implimentazzjoni tal-EPSR u għat-tliet miri ewlenin il-ġodda tal-UE li jridu jintlaħqu sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rigoruża u f'waqtha tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-EPSR, b'passi u kisbiet konkreti, u tiżgura li kull proposta tagħti riżultati u tilħaq l-għan tagħha; jitlob indikaturi li jkopru r-riskji soċjali li jirriżultaw mill-effetti tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-impjiegi u s-saħħa, kif ukoll dawk li t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tista' ġġib magħha għaċ-ċittadini u l-ħaddiema; jinnota li l-monitoraġġ tal-SDGs u t-tabella ta' valutazzjoni soċjali l-ġdida jippermettu monitoraġġ aktar komprensiv ta' dawn ir-riskji iżda ma jipprovdux miri ċari biex jitkejjel l-impatt tal-azzjoni tal-UE; jappoġġja aġenda ambizzjuża ta' rkupru ekonomiku u soċjali b'saħħtu, sostenibbli u inklużiv u ta' modernizzazzjoni li timxi id f'id mat-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew, sabiex in-nies kollha jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u jgħixu b'mod dinjituż; jistieden lill-Istati Membri jiffissaw miri nazzjonali ambizzjużi li, b'kont meħud tal-pożizzjoni inizjali ta' kull pajjiż, jikkostitwixxu kontribut adegwat biex jintlaħqu l-miri Ewropej; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni tislet tagħlimiet minn din il-kriżi u taħdem fuq l-implimentazzjoni ta' arkitettura ta' governanza sostenibbli aħjar fl-UE bbażata fuq is-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u l-integrazzjoni, id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, inkluża sistema edukattiva pubblika, universali u ta' kwalità għolja, impjiegi ta' kwalità u tkabbir sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tieħu d-deċiżjoni li tiddiżattiva l-klawżola liberatorja ġenerali, tikkunsidra mhux biss valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija bbażata fuq kriterji kwantitattivi, iżda wkoll waħda li tirrifletti b'mod xieraq l-inugwaljanzi sottostanti, kif ukoll is-sitwazzjoni fl-oqsma tal-impjiegi, soċjali u tas-saħħa tal-Istati Membri affettwati; jemmen li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE preferibbilment għandu jsir qabel id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali; |
|
6. |
Ifakkar li ċerti deċiżjonijiet politiċi u miżuri fiskali li ttieħdu wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 setgħu wasslu biex is-sistemi soċjali u tas-saħħa f'xi Stati Membri ma kinux imħejjija tajjeb biżżejjed biex jiffaċċjaw il-pandemija; jisħaq fuq il-bżonn ta' kriterji addizzjonali, speċjalment dawk li jqisu l-ħtieġa ta' investiment pubbliku, soċjali u ambjentali sostenibbli, l-attività ekonomika tas-settur pubbliku u privat, u l-progress soċjali lejn l-implimentazzjoni tal-EPSR fl-Istati Membri; jemmen li, biex jiġi kkonsolidat irkupru sostenibbli, jista' ma jkunx biżżejjed li sempliċement jintlaħqu l-livelli ta' attività ekonomika ta' qabel il-kriżi; jenfasizza li l-istrumenti attwali jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jingħelbu r-riskji ta' staġnar ekonomiku, taż-żieda fl-inugwaljanzi u tad-diverġenza soċjali u territorjali; |
|
7. |
Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat il-benessri ta' kulħadd fl-UE, u partikolarment il-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni; ifakkar li l-President tal-Kummissjoni impenjat ruħha li tqiegħed is-sostenibbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-benessri taċ-ċittadini fil-qalba tal-istrateġija ekonomika tal-UE (25); jemmen li dan hu essenzjali biex jiġi żgurat li l-Ewropa jibqa' jkollha l-aktar sistemi ta' protezzjoni soċjali avvanzati fid-dinja, issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima u tkun ċentru vibranti tal-innovazzjoni u tal-intraprenditorija kompetittiva; ifakkar li l-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u territorjali bejn u fi ħdan l-Istati Membri kibru f'dawn l-aħħar għaxar snin; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-iżbilanċi soċjali u ambjentali fl-analiżi tagħha fil-qafas tas-Semestru; jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw fir-rieżami tar-regoli fiskali tal-UE sabiex jitrawwem investiment soċjali sostenibbli li jsaħħaħ it-tkabbir filwaqt li jinżammu finanzi pubbliċi sostenibbli u sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti; |
|
8. |
Itenni l-importanza tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri; jieħu nota tal-komunikat tal-G20 tad-9 u l-10 ta' Lulju 2021 u l-impenn tal-G20 favur taxxa minima globali effettiva kif stabbilit fid-dikjarazzjoni “dwar soluzzjoni fuq żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija” maħruġa mill-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) fl-1 ta' Lulju 2021; jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni dwar kif il-ftehim internazzjonali jista' jiġi traspost fid-dritt tal-UE sabiex tiġi evitata l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u tiġi żgurata ġustizzja mal-klassi medja u l-persuni li jaħdmu fl-UE; |
|
9. |
Jirrikonoxxi li l-aċċess għas-servizzi essenzjali, bħalma huma l-ilma u l-enerġija, huwa kruċjali biex jiġu żgurati l-inklużjoni soċjali u standards sanitarji bażiċi; jappella għal miżuri ta' appoġġ biex jiġi żgurat aċċess inklużiv u affordabbli għas-servizzi essenzjali fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-EPSR; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħorġu bi proposti speċifiċi sabiex jindirizzaw b'mod adegwat il-problema tal-prekarjetà enerġetika fil-kuntest tal-objettivi tagħna b'rabta mal-Patt Ekoloġiku u jwettqu valutazzjoni tas-swieq tal-enerġija sabiex jevitaw l-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kompetittività tal-SMEs u fuq il-familji; |
|
10. |
Jenfasizza li sistemi ta' tassazzjoni tax-xogħol imfassla tajjeb huma essenzjali biex jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji u l-mard kif ukoll għall-ħlas tal-pensjonijiet tal-irtirar; jemmen li s-sistemi tat-taxxa għandhom ikkunu mfassla b'tali mod li jnaqqsu l-inugwaljanzi, jippromwovu l-ġustizzja u jipproteġu lill-familji, u għandhom ikunu bbilanċjati sabiex is-sistemi jsiru aktar ġusti u aktar effiċjenti; jisħaq li d-dħul pubbliku jista' jintuża biex jiffinanzja prijoritajiet ewlenin u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi fiskali tal-Istati Membri, jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul, inkluż billi jsaħħaħ il-kopertura u l-adegwatezza tas-sistemi tas-saħħa u ta' protezzjoni soċjali għal kulħadd, u jiżgura l-finanzjament tagħhom fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri reali biex jiġġieldu l-evitar u l-frodi tat-taxxa bħala mezz importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri; |
|
11. |
Jenfasizza l-importanza li jsir titjib fl-integrazzjoni tal-objettivi soċjali, il-progress soċjali, il-benessri u s-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE, speċjalment fl-ippjanar baġitarju tal-UE, u b'hekk tiġi żgurata l-koerenza tal-infiq u l-investimenti pubbliċi mal-objettivi soċjali u ambjentali u jiġu identifikati l-impatti soċjali potenzjali tal-għażliet baġitarji; jistieden lill-Kummissjoni tintegra s-sostenibbiltà u l-benessri fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), u tagħti prominenza lill-impatt soċjali tal-miżuri tal-politika tal-UE fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha; jenfasizza l-importanza li l-qafas komprensiv u integrat tal-proċess tas-Semestru Ewropew jissaħħaħ, billi tingħata attenzjoni speċjali għall-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati tas-soċjetà; |
|
12. |
Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 kixfet lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali u xeħtet dawl fuq l-importanza li titrawwem reżiljenza akbar, pereżempju billi jittejbu l-adegwatezza u l-kopertura tal-iskemi ta' introjtu u tal-pensjonijiet minimi u jittaffew il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà; |
|
13. |
Jinsab imħasseb dwar id-dejn eċċessiv li rriżulta mill-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tiegħu, u jisħaq li n-nies u l-SMEs għandhom ikunu protetti milli jinqabdu f'dejn eċċessiv; jappella għal aktar titjib fis-servizzi ta' konsulenza dwar id-dejn u l-protezzjoni mid-dejn u biex titqajjem kuxjenza finanzjarja; jemmen li, fir-rigward tas-self improduttiv imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2021, huma l-SMEs, il-ħaddiema u l-familji Ewropej li għandhom jiġu appoġġjati; jinnota li l-RRF toffri l-opportunità li tappoġġja l-irkupru permezz ta' investiment u riformi addizzjonali f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li jiġu adottati għodod ta' politika biex jindirizzaw kif il-familji bi dħul baxx li qed jitħabtu biex iħallsu l-kontijiet u jlaħħqu mal-ħajja jistgħu jegħlbu l-effetti tal-pandemija u jevitaw li jispiċċaw f'nassa tal-faqar; |
Qafas Ewropew ta' governanza 2022 għas-sostenibbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-benessri taċ-ċittadini
|
14. |
Jemmen li, fil-kuntest tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iż-żieda eċċessiva tal-livelli tad-dejn pubbliku u r-riforma li ġejja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-proċess tas-Semestru, il-proposta tal-Parlament għall-adozzjoni ta' patt dwar il-benessri u l-progress soċjali sostenibbli li jagħmel il-miri soċjali u sostenibbli obbligatorji sabiex jintlaħqu l-SDGs tan-NU, saret aktar rilevanti minn qatt qabel; jinnota li, f'dan ir-rigward, l-SDG 8 dwar it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u x-xogħol deċenti wera li huwa fattur li jixpruna l-Aġenda 2030 sħiħa tan-NU; |
|
15. |
Jemmen li tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv jeħtieġ li jiżgura politika fiskali sostenibbli fuq terminu medju, u li l-politiki ekonomiċi u soċjali tal-UE jaħdmu lejn irkupru fit-tul li jagħmel l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna aktar sostenibbli, inklużivi, reżiljenti u ppreparati aħjar għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-EPSR se tgħin biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali fil-politiki kollha tal-Unjoni u tiżgura rkupru inklużiv; |
|
16. |
Jenfasizza li governanza ekonomika u soċjali akbar fost l-Istati Membri, b'mod partikolari billi nimxu lejn konverġenza akbar tar-regoli tat-taxxa, tkun forza li tixpruna l-irkupru; |
|
17. |
Jaqbel mal-mexxejja Ewropej, fir-rigward tal-governanza ekonomika u soċjali tal-UE, dwar il-ħtieġa ta' valutazzjoni regolari tal-progress lejn il-miri ewlenin tal-2030 u konverġenza 'l fuq fl-ogħla livell politiku (26); jemmen li, fi ħdan proċess ta' rieżami tal-governanza, il-ministri tax-xogħol u l-politiki soċjali u l-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi għandhom ikunu involuti b'mod ugwali, sabiex jingħata valur ugwali lill-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi fil-qafas tal-mekkaniżmu tas-Semestru Ewropew; jaqbel mal-Kunsill li l-implimentazzjoni tal-EPSR se ssaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi, u li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali dejjem kienu fil-qalba ta' ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; jemmen li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali trid tiġġedded bħala parti mill-qafas ta' koordinazzjoni tal-politika tas-Semestru Ewropew, sabiex il-progress f'dawn il-kwistjonijiet jiġi segwit u biex it-tabella ta' valutazzjoni tiġi adattata għas-sitwazzjoni post-pandemika, kif ukoll tiġi allinjata mal-proċess tal-RRF; |
|
18. |
Jenfasizza li orjentazzjoni politika u l-approċċ ta' governanza li għandhom l-għan li jpoġġu lin-nies u l-benessri tagħhom fiċ-ċentru tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma vitali għall-futur tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta komprensiva għal dan il-għan li tagħti dettalji dwar sensiela ta' objettivi soċjali, ekoloġiċi u ekonomiċi speċifiċi li għandhom jirriflettu l-impenji rilevanti tal-UE, kemm internazzjonali kif ukoll interni, inklużi dawk li jirriżultaw mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar Ewropa soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (27), l-SDGs tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi, l-objettiv tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tintlaħaq in-newtralità tal-gassijiet serra sal-2050 u l-miri intermedji relatati, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, l-EPSR, u l-impenn biex jiġi eliminat il-faqar fl-Ewropa sal-2050 permezz ta' liġi kontra l-faqar; |
|
19. |
Jemmen li huwa meħtieġ li jingħata segwitu għad-dikjarazzjoni tal-2016 dwar bidu ġdid għad-djalogu soċjali u li jiġu riveduti l-modi kif jiġi żgurat l-involviment tas-sħab soċjali fil-governanza tas-Semestru Ewropew, li s'issa ma kinux adegwati, u b'hekk l-objettivi tar-riforma jiġu kondiviżi mal-ħaddiema u n-negozji u b'hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom; |
|
20. |
Jilqa' l-proposta konġunta tas-sħab soċjali Ewropej għal sett alternattiv ta' indikaturi biex jitkejjel il-progress fir-rigward tal-politiki ekonomiċi, soċjali, ambjentali u dwar il-klima, li jissupplimenta l-PDG bħala kejl tal-benessri għal tkabbir inklużiv u sostenibbli; jemmen li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali trid tinkludi indikaturi addizzjonali li jirriflettu bis-sħiħ ix-xejriet u l-kawżi tal-inugwaljanza; jenfasizza l-importanza li f'dan il-proċess jitqiesu l-interessi tal-aktar membri vulnerabbli u emarġinati tas-soċjetà tagħna; jenfasizza li s-sħab soċjali jeħtiġilhom ikunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għat-tnedija ta' azzjoni strateġika maħsuba għall-irkupru; jemmen li kwalunkwe azzjoni meħuda f'dan ir-rigward m'għandhiex tinterferixxi mal-awtonomija tas-sħab soċjali; |
|
21. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jitkejjel l-impatt soċjali tad-degradazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima; jitlob li d-dritt għas-saħħa u għal ambjent tajjeb għas-saħħa jkun salvagwardjat fil-livell tal-UE, peress li dan id-dritt huwa essenzjali biex jiġi żgurat it-twettiq tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn, bħall-ikel, il-kenn u x-xogħol u biex tinkiseb tranżizzjoni inklużiva; |
Mill-protezzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi, diġitali u ta' kwalità: il-ħtieġa ta' aġenda soċjali Ewropea ambizzjuża
|
22. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li t-trade unions ikollhom aċċess għall-post tax-xogħol u għall-ħaddiema nfushom, inkluż fejn ix-xogħol isir b'mod diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li l-ħaddiema kollha, inklużi dawk fl-ekonomija diġitali, ikollhom id-dritt għal negozjar kollettiv u li jieħdu azzjoni kollettiva; |
|
23. |
Jaqbel mal-mexxejja Ewropej li, hekk kif il-qgħad u l-inugwaljanzi qed jiżdiedu minħabba l-pandemija, huwa importanti li r-riżorsi jiġu diretti fejn huma l-aktar meħtieġa biex jissaħħu l-ekonomiji tagħna u biex niffukaw l-isforzi tal-politika tagħna fuq l-aċċess ugwali għal servizzi ta' kwalità sabiex intejbu l-opportunitajiet indaqs, fuq it-titjib u l-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, fuq l-intraprenditorija, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u fuq it-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni; jenfasizza li r-riżorsi straordinarji disponibbli biex jappoġġjaw l-irkupru tal-Ewropa huma opportunità li ma tistax tintilef; |
|
24. |
Jenfasizza l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-suq tax-xogħol Ewropew u t-telf bla preċedent ta' impjiegi li segwewha, speċjalment fis-setturi strateġiċi, kif ukoll iż-żieda assoċjata fil-faqar u fid-diverġenzi fl-istandards tal-għajxien, li jaffettwaw partikolarment liż-żgħażagħ, lin-nisa u lill-ħaddiema f'pożizzjonijiet bi ftit kwalifiki u f'impjiegi prekarji; |
|
25. |
Jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma pproġettati li jilħqu l-livell ta' produzzjoni trimestrali tagħhom ta' qabel il-kriżi sa tmiem l-2022; jenfasizza li biex l-irkupru jkun sostenibbli, huwa essenzjali li jinħolqu wkoll impjiegi ta' kwalità għal ħaddiema b'ħiliet medji u baxxi u għan-nisa u ż-żgħażagħ b'mod partikolari, filwaqt li jkunu mqassma b'mod ekwu madwar l-Ewropa biex jiġu evitati l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni, peress li ġie ppruvat li dawn huma essenzjali għar-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna; jemmen li s-sħab soċjali għandhom rwol kruċjali billi jantiċipaw l-iżvilupp tas-swieq tax-xogħol u jiżguraw tranżizzjonijiet bla xkiel għall-ħaddiema affettwati minn bidla strutturali; jemmen li t-tisħiħ tal-istrutturi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha huwa essenzjali biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità u sostenibbli; |
|
26. |
Jenfasizza li l-edukazzjoni ta' kwalità u forza tax-xogħol edukata sew, flimkien ma' impenn għar-riċerka u l-innovazzjoni, huma prerekwiżit għall-irkupru sostenibbli u l-koeżjoni soċjali; jirrimarka li l-ħaddiema b'ħiliet medji u baxxi jeħtieġ li jingħataw il-possibbiltà li jiksbu ħiliet ġodda u jtejbu l-ħiliet tagħhom; jinsisti li l-investiment sostenibbli fl-apprendistati ta' kwalità, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ tal-impjegati jridu jkunu prijorità; jirrimarka li rkupru ekonomiku inklużiv se jirrikjedi investiment pubbliku u privat sostenibbli biex jiġi żgurat l-aċċess għat-taħriġ għall-persuni qiegħda u dawk bi ftit kwalifiki, sabiex jiksbu ħiliet bażiċi ċċertifikati, ħiliet professjonali u kompetenzi ewlenin li jwasslu għal kwalifiki u tranżizzjonijiet tal-karriera; jenfasizza l-importanza, f'dan il-kuntest, li jissaħħu l-programmi edukattivi tal-UE, li t-taħriġ u l-edukazzjoni jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tas-soċjetà u tal-ekonomija, u li jiġu appoġġjati l-impjegati u l-għalliema, kif ukoll l-importanza tal-investimenti fl-infrastruttura diġitali, ekoloġika u soċjali; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-UE dwar il-ħiliet għal kulħadd hija kritika biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex jinvestu f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali affordabbli, aċċessibbli, inklużiv u ta' kwalità għolja, isaħħu l-miżuri ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, inklużi l-ħiliet diġitali u trasferibbli, u jippromwovu l-apprendiment tul il-ħajja bil-ħsieb li jħejju l-ħaddiema għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; jenfasizza li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki huwa essenzjali biex jingħelbu n-nuqqas ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; |
|
27. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew ta' xogħol ta' valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza fil-pagi u ta' mekkaniżmi tal-infurzar; jilqa' l-fatt li din il-proposta tintroduċi miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi; iħeġġeġ l-adozzjoni rapida ta' dawn il-miżuri sabiex jiġu evitati aktar inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-intraprenditorija fost in-nisa u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jiżblukkaw, b'urġenza, in-negozjati fil-Kunsill dwar id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; |
|
28. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-ħaddiema fl-UE jkunu protetti b'pagi minimi adegwati definiti mil-liġi jew minn ftehimiet kollettivi, f'konformità mat-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li jkollhom livell ta' għajxien deċenti kull fejn jaħdmu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE, li għandha l-għan li żżid il-kopertura tan-negozjar kollettiv, tiġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu u żżid il-konverġenza soċjali 'l fuq; |
|
29. |
Iqis li huwa neċessarju li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi ta' ġestjoni tal-prestazzjoni għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jivvalutaw l-impatt tal-programmi tagħhom tas-suq tax-xogħol u jesploraw modi ta' titjib; jistieden lill-Istati Membri jgħammru s-as-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom b'soluzzjonijiet teknoloġiċi biex ikunu jistgħu jissimplifikaw b'mod iktar effiċjenti l-ingaġġ ta' dawk li qed ifittxu impjieg u jivvalutaw u jqabblu aħjar il-ħiliet tagħhom; |
|
30. |
Ifakkar lill-Istati Membri li l-għajxien indipendenti, is-servizzi soċjali u tal-impjiegi ta' kwalità, il-protezzjoni soċjali adegwata u ekonomija soċjali msaħħa huma indispensabbli għall-għajxien deċenti għall-persuni kollha b'diżabbiltà, kif enfasizzat fl-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà; |
|
31. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw sistema speċifika biex jimmonitorjaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fis-setturi kollha, inklużi dawk maħluqa permezz tal-investiment pubbliku, li għandhom ukoll jinkludu taqsima ddedikata dwar l-impjiegi ekoloġiċi u diġitali u jqisu l-perspettiva tal-ġeneru u tan-nondiskriminazzjoni, u jaqblu dwar sistema ta' kondizzjonalitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ekoloġiċi għall-kumpaniji li jfittxu li jaċċessaw fondi pubbliċi tal-UE; jappella għal monitoraġġ mill-qrib tal-miżuri attivi ta' sensibilizzazzjoni biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali għal dawk l-aktar 'il bogħod minn impjiegi ta' kwalità fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-aċċess għall-fondi pubbliċi tal-UE għandu jkun bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ftehimiet kollettivi; |
|
32. |
Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri biex jirrimedjaw in-nuqqas ta' aċċess għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, b'mod partikolari billi jsegwu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (28); jilqa', għal darb'oħra, l-adozzjoni tal-imsemmija rakkomandazzjoni bħala l-ewwel pass, u l-impenn tal-Kummissjoni li tikkonsolida s-sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-Ewropa, iżda jenfasizza l-ħtieġa li l-aċċess universali għall-protezzjoni soċjali jsir realtà, speċjalment fiċ-ċirkostanzi diffiċli ta' bħalissa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas regolatorju tal-UE mmirat lejn it-tisħiħ u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, drittijiet u aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi u l-ħaddiema mhux standard; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-qafas tagħha għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' kooperattivi u intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li min-natura stess tagħhom jagħmlu enfasi akbar fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema; |
|
34. |
Jisħaq li jekk l-UE trid tmexxi rkupru globali sostenibbli u inklużiv, timmodernizza l-ekonomiji tagħha u tiżgura impjiegi ta' kwalità fil-proċess, iridu jinħolqu miljuni ta' impjiegi b'paga tajba, inkluż għal ħaddiema b'ħiliet medji u baxxi, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq u opportunitajiet indaqs għal kulħadd sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jikkontribwixxi għall-proġett komuni Ewropew; jinsisti li jinħtieġ aktar investiment fl-infrastruttura ekoloġika, diġitali u soċjali, fis-servizzi pubbliċi, fis-servizzi edukattivi u soċjali, u fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji mingħajr karbonju, filwaqt li titqies in-natura partikolari tal-mikrointrapriżi u l-SMEs, li huma atturi ewlenin fin-nisġa ekonomika Ewropea, sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tagħhom, filwaqt li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament pubbliku u privat u jiġu żgurati investimenti sostenibbli u li jiffavorixxi t-tkabbir; jitlob li jissaħħu d-dimensjonijiet soċjali u sostenibbli tal-istrateġija industrijali, b'enfasi partikolari fuq l-impjiegi ta' kwalità u l-ktajjen tal-valur strateġiċi fl-UE; |
|
35. |
Jinsab imħasseb dwar l-impatt soċjali serju tal-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li kull żagħżugħ Ewropew ikollu aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, mhux l-inqas fil-kuntest tal-istrument ta' rkupru Next Generation EU, biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-programmi Ewropej bħal Erasmus+, u biex jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jtejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza, barra min hekk, li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati l-ġdid jista' jiġi mmobilizzat b'reazzjoni għall-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, iressqu malajr talbiet lill-Kummissjoni għal fondi biex jappoġġjaw lill-ħaddiema Ewropej li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-COVID-19 fit-taħriġ mill-ġdid, il-kwalifikazzjoni mill-ġdid u r-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; |
|
36. |
Jenfasizza l-importanza tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol intra-UE u jenfasizza li l-moviment liberu tal-ħaddiema jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni fl-Unjoni u joħloq opportunitajiet ta' xogħol; jenfasizza, barra minn hekk, li l-mobbiltà tax-xogħol trid timxi id f'id ma' regoli ġusti u komuni bbażati fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-eżodu tal-imħuħ f'ċerti reġjuni u setturi, u tappoġġja lill-ħaddiema mobbli billi tiżgura mobbiltà ġusta u ssaħħaħ il-portabbiltà tad-drittijiet u tal-intitolamenti; jappella lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sabiex jiffaċilitaw mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta ambizzjuża għal Pass tas-Sigurtà Soċjali diġitali tal-UE; |
|
37. |
Jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komuni tal-UE lejn is-saħħa, inkluż fuq il-post tax-xogħol; jitlob li tinħoloq Unjoni Ewropea tas-Saħħa li għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, l-awtonomija strateġika u l-kooperazzjoni, u tiżgura li l-kunsiderazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika jitpoġġew fil-qalba tal-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-UE, kif stabbilit fit-Trattati, inkluż li jkun hemm valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt tas-saħħa għall-politiki rilevanti kollha; jilqa' l-mira ambizzjuża li ma jkun hemm l-ebda mewta relatata max-xogħol fil-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; itenni l-ħtieġa tal-inklużjoni tas-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (29), u li l-prodotti mediċinali perikolużi jiġu inklużi fl-Anness 1 tad-Direttiva biex il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jiġu protetti aħjar; |
|
38. |
Ifakkar li l-prinċipju 15 tal-EPSR jistabbilixxi li l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom meta jirtiraw għandhom id-dritt għal pensjoni li tiżgura dħul adegwat u li kull min hu anzjan għandu d-dritt għal riżorsi li jiżgurawlu għajxien dinjituż; |
Sinerġiji bejn is-Semestru u l-NRRPs
|
39. |
Jissottolinja li s-CSRs li jikkontribwixxu għall-objettivi soċjali stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF iridu jitqiesu fl-NRRPs, u li għall-NRRPs, is-CSRs għandhom jiġu interpretati b'mod li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi soċjali tar-Regolament, inkluża l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jinsisti li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-NRRPs jeħtiġilhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-SDGs tan-NU, biex tiġi implimentata l-istrateġija ta' tkabbir tagħna kif stipulata fil-Patt Ekoloġiku, u biex jitwettqu l-prinċipji tal-EPSR; ifakkar li ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew għall-2021 ġie temporanjament adattat biex jippermetti t-tnedija tal-RRF; jitlob li l-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża fid-dimensjoni soċjali u tiżgura l-koerenza bejn is-CSRs u l-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament dwar l-RRF; |
|
40. |
Ifakkar li skont ir-Regolament dwar l-RRF, ir-riformi u l-investimenti “għandhom iwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u stabbli [u] għall-inklużjoni u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati”; |
|
41. |
Jenfasizza li wieħed mill-objettivi tar-Regolament dwar l-RRF huwa li jrawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja; jenfasizza li r-riformi tax-xogħol inklużi fl-NRRPs għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-impjiegi ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-riformi tax-xogħol fl-NRRPs fir-rigward ta' din il-kwistjoni speċifika; ifakkar li l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha u jeħtiġilha tirrispetta l-awtonomija tagħhom; iwissi li l-Kummissjoni m'għandha bl-ebda mod tinterferixxi fil-proċessi ta' djalogu soċjali nazzjonali mwettqa fil-qafas tar-riformi tal-NRRPs; |
|
42. |
Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-indikaturi soċjali mit-tabella ta' valutazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari dawk relatati max-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti u l-mobbiltà ġusta, fl-indikaturi komuni li għandhom jintużaw fl-RRF għar-rappurtar dwar il-progress u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-NRRPs, kif ukoll fil-metodoloġija għall-intraċċar soċjali, inkluż għall-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jisħaq li l-Parlament se janalizza mill-qrib l-att delegat li l-Kummissjoni se tressaq dwar din il-kwistjoni, biex jaċċerta ruħu li l-indikaturi soċjali, it-tabella ta' valutazzjoni u l-metodoloġija soċjali jikkonformaw mal-objettivi, u biex jivverifika li m'hemmx oġġezzjonijiet xi jsiru; |
|
43. |
Jinsisti li d-djalogu soċjali huwa kruċjali biex jiġu żgurati riformi u investimenti effiċjenti, b'mod partikolari fis-setturi li se jinbidlu profondament mit-tranżizzjonijiet; jissottolinja li l-involviment adegwat tal-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-NRRPs, bħall-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili, se jkun deċiżiv għas-suċċess tagħhom; |
|
44. |
Jirrimarka li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi integrata fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-NRRPs, u li r-rapportar u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ma jistgħux jitħalltu mat-traċċar soċjali u mal-investimenti soċjali; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistħoqqilha l-metodoloġija ta' integrazzjoni tagħha stess fil-qafas tal-RRF, u jfakkar li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi żviluppa metodoloġija xierqa; jenfasizza li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-investiment f'infrastruttura tal-indukrar robusta huwa wkoll essenzjali sabiex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, biex jinbnew soċjetajiet reżiljenti, jiġu miġġielda l-kundizzjonijiet prekarji f'setturi ddominati min-nisa, tingħata spinta lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, jiġu prevenuti l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u biex ikun hemm avvanz fil-PDG, peress li dan jippermetti lil għadd akbar ta' nisa jkollhom xogħol imħallas. |
|
45. |
Jitlob il-ħolqien ta' strateġija Ewropea dwar il-kura, inkluża dimensjoni b'saħħitha tal-ġeneru, li għandha tieħu approċċ olistiku u tul il-ħajja għall-kura filwaqt li tipprevedi miżuri u azzjonijiet speċifiċi kemm għal dawk li jindukraw b'mod formali kif ukoll informali kif ukoll għal xogħol ta' kura bla ħlas; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif l-aħjar jiġu appoġġjati l-gruppi tas-soċjetà bi ħtiġijiet partikolari ta' kura u dwar kif il-perjodi li jitqattgħu fuq ir-responsabbiltajiet tal-kura jistgħu jiġu inkorporati fl-iskemi tal-pensjonijiet, bil-ħsieb li titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel; jirrimarka li skont il-Eurofound, fl-aħħar deċennju s-sehem tal-ħaddiema tal-kura fit-tul żdied b'terz – b'kuntrast qawwi mal-pagi konsistentement baxxi li jirċievu; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema fil-qasam tal-kura jirċievu paga deċenti, peress li l-pagi fis-servizzi tal-kura fit-tul u f'servizzi soċjali oħrajn attwalment huma 21 % taħt il-medja (30); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fid-dawl tar-Rapport dwar il-Kura fit-Tul tal-2021, jimplimentaw riformi li “jindirizzaw l-objettivi komuni li tiġi żgurata kura fit-tul ta' kwalità tajba, aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd, imwettqa b'mod finanzjarjament sostenibbli”; jitlob li jkun hemm politiki effettivi dwar is-suq tax-xogħol attiv u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata biex jiġu ssalvagwardjati aktar il-ħajjiet privati u tal-familja tan-nies, inkluż permezz tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata (31), kif ukoll bi proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-għoti tal-kura; |
|
46. |
Jenfasizza li investiment akbar fis-saħħa u l-kura soċjali inklużi l-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ tal-ħaddiema huwa essenzjali biex jitjiebu r-reklutaġġ u ż-żamma tal-impjiegi, u biex jiġu żgurati livelli adegwati ta' persunal u servizzi orjentati lejn il-ħtiġijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li ammont sinifikanti ta' investiment fl-NRRPs ikun iddedikat għat-titjib tal-kura tas-saħħa, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli tal-persunal, għall-ħtiġijiet ta' taħriġ u ż-żieda fis-servizzi ewlenin, għall-konsolidazzjoni tal-forniment tal-kura bażika, u għall-appoġġ għall-kura fit-tul u servizzi soċjali pubbliċi oħrajn; jinsisti li d-dgħufijiet identifikati fit-testijiet tal-istress tas-settur tas-saħħa u dak soċjali li għandhom jiġu indirizzati permezz tal-NRRPs, il-programm tal-UE li jmiss għas-saħħa (EU4Health) u s-CSRs dwar dawn is-setturi; |
|
47. |
Jisħaq li d-diskrepanza fl-investiment għal akkomodazzjoni affordabbli tammonta għal EUR 57 biljun fis-sena; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed akkomodazzjoni soċjali adegwata u affordabbli suffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet ta' akkomodazzjoni tal-popolazzjoni u jnaqqsu l-piż eċċessiv tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dan l-objettiv fis-CSRs; jitlob, f'dan ir-rigward, riforma tal-qafas ta' konverġenza ekonomika sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-investimenti pubbliċi ekoloġiċi u soċjali meħtieġa, inklużi dawk relatati mal-iżvilupp u t-titjib ta' akkomodazzjoni soċjali, pubblika u affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jenfasizza li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija waħda mill-aktar forom estremi ta' esklużjoni soċjali; jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar u l-għan aħħari tagħha li ttemm il-problema tal-persuni mingħajr dar sal-2030; jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali ambizzjużi, b'finanzjament nazzjonali u tal-UE adegwat, ibbażati fuq il-prinċipju tal-akkomodazzjoni l-ewwel, jippromwovu l-prevenzjoni tal-problema tal-persuni mingħajr dar u jipprovdu aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, sikura u affordabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva kontra l-faqar; |
|
48. |
Ifakkar li r-Regolament dwar l-RRF jipprevedi li l-integrazzjoni tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-NRRPs għandha tiġi salvagwardjata, li hija spjegata kif xieraq mill-inugwaljanzi li qed jiżdiedu f'diversi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi partikolari fuq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-NRRPs għal dan il-għan, bl-għajnuna tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza rilevanti fl-Istati Membri; |
|
49. |
Jenfasizza li t-trasformazzjonijiet u l-investimenti diġitali u ekoloġiċi għandhom jiġu vvalutati wkoll minn perspettiva soċjali sabiex ma jitħalliex li jinqerdu l-impjiegi, li s-suq tax-xogħol jiġi mfixkel, jew li l-impjiegi jiġu polarizzati minħabba l-qerda tal-impjiegi li jirrikjedu ħiliet medji, u biex jiġi żgurat li l-proċessi tad-diġitalizzazzjoni u tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-kumpaniji ma jintużawx bħala pretest għal strateġiji li jippermetti li jiġu impjegati inqas ħaddiema u li jitnaqqsu l-ispejjeż; |
|
50. |
Jisħaq li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin għal min iħaddem u għat-trade unions sabiex jiġu stabbiliti pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom jagħmlu lill-Istati Membri aktar reżiljenti fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; |
|
51. |
Jitlob li s-superviżjoni tas-Semestru tinkludi l-monitoraġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema u li d-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment dawk tal-ħaddiema staġonali, jiġu rispettati; |
o
o o
|
52. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) https://ec.europa.eu/info/publications/european-economic-forecast-spring-2021_en
(2) https://www.oecd-ilibrary.org/sites/edfbca02-en/index.html?itemId=/content/publication/edfbca02-en
(3) https://www.2021portugal.eu/en/porto-social-summit/porto-social-commitment
(4) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
(5) Testi adottati, P9_TA(2021)0288.
(6) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&furtherNews=yes&newsId=9834
(7) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.
(8) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(9) https://cor.europa.eu/en/engage/studies/Documents/Partnership_2021.pdf
(10) https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/european-semester-annual-conference-2021
(11) https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/eesc-2021-00693-00-00-res-tra-mt.docx
(12) https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2021/covid-19-implications-for-employment-and-working-life
(13) https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2021/living-working-and-covid-19-update-april-2021
(14) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_10/SR_Gender_mainstreaming_MT.pdf
(15) https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8396
(16) https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_09/SR_PPP_MT.pdf
(17) https://undocs.org/A/HRC/47/36/Add.1
(18) https://ec.europa.eu/info/publications/european-economic-forecast-spring-2021_en
(19) https://www.eurofound.europa.eu/nb/publications/report/2021/covid-19-implications-for-employment-and-working-life
(20) https://www.ecb.europa.eu/pub/economic-bulletin/html/eb202103.mt.html
(21) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/unpaid-care-and-housework
(22) https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/22189434-395d-11eb-b27b-01aa75ed71a1/language-en
(23) https://www.fes.de/en/politik-fuer-europa/on-the-corona-frontline
(24) https://www.epsu.org/sites/default/files/article/files/Position%20of%20EPSU%20on%20lessons%20learnt_final.pdf
(25) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_19_6770?utm_campaign=58ca6a2173a6a3222e01b7f2&utm_content=5df9bbf40f09e4000147a897&utm_medium=smarpshare&utm_source=generic
(26) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
(27) Testi adottati, P9_TA(2020)0371.
(28) ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1.
(29) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.
(30) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/unpaid-care-and-housework