SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kriterji strutturali u funzjonali – Eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi – Awtorità pubblika indipendenti regolatorja u/jew ta’ superviżjoni tal-awdituri statutorji – Modalitajiet ta’ organizzazzjoni interna – Setgħa li jinbdew proċeduri ex officio – Setgħa ta’ sanzjoni – Deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju – Assenza ta’ kwalità ta’ ‘terz’ fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors ġudizzjarju – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑368/23 [Fautromb] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-formation restreinte du Haut conseil du commissariat aux comptes (France) (il-Kunsill Għoli tal-Kummissarjat tal-Awdituri Statutorji, Kompożizzjoni Ristretta, (Franza)), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
Haut Conseil du commissariat aux comptes,
vs
MO,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ April 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MO, minn H. Carrasco, F. Molinié u M. Nguyen Chanh, avocats, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u M. Guiresse, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn A. De Brouwer u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Gariazzo, G. Goddin, M. Mataija u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), moqri flimkien mad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU 2006, L 157, p. 87), kif emendata bid-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 158, p. 196) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/43”), kif ukoll mar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU 2014, L 158, p. 77, rettifika fil-ĠU 2014, L 170, p. 66). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Haut Conseil du commissariat aux comptes (il-Kunsill Għoli tal-Kummissarjat tal-Awdituri Statutorji (Franza, iktar ’il quddiem il-“H3C”) u MO, awditur statutorju, minħabba l-eżerċizzju konġunt min-naħa tiegħu tal-attività ta’ awditjar tal-kontijiet u ta’ ċerti attivitajiet kummerċjali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2006/43/KE
|
3 |
Il-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
4 |
L-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, taħt it-titolu “Sistemi ta’ investigazzjonijiet u ta’ pieni” kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi ta’ investigazzjonijiet u ta’ pieni sabiex jiskopru, jikkorreġu u jipprevjenu l-eżekuzzjoni mhux adegwata tal-verifika statutorja tal-kontijiet.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 30a(1) tal-imsemmija direttiva, taħt it-titolu “Dritt ta’ riproduzzjoni”: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa li jieħdu u/jew jimponu għall-inqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin […] […]” |
|
6 |
L-Artikolu 32(1) u (4) tal-istess direttiva kien jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema effettiva ta’ sorveljanza pubblika għall-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7, u għandhom jinnominaw awtorità kompetenti responsabbli minn tali sorveljanza. […] 4. L-awtorità kompetenti għandu jkollha r-responsabbiltà finali fuq is-sorveljanza ta’:
|
Id‑Direttiva 2006/123
|
7 |
L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti. Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:
|
Id‑dritt Franċiż
Code de commerce
|
8 |
L-Artikolu L. 822‑10 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi: “Il-funzjonijiet tal-awditur statutorju huma inkompatibbli: […] 3° Ma’ kwalunkwe attività kummerċjali, kemm jekk hija mwettqa direttament jew permezz ta’ intermedjarju.” |
|
9 |
L-Artikolu L. 824‑1 ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi b’mod partikolari li kull ksur tal-kundizzjonijiet legali ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ awditur statutorju kien jikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari. |
|
10 |
Il-kompożizzjoni ristretta, tal-H3C, ġiet stabbilita mill-Artikolu L. 821‑2, II, tal-imsemmi kodiċi, u abbażi tiegħu hija kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar is-sanzjonijiet tal-awdituri statutorji minħabba n-nuqqasijiet dixxiplinari li kienu jwettqu. |
|
11 |
Fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-H3C, il-membri tal-kompożizzjoni ristretta tal-H3C kienu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 2017-55, tal‑20 ta’ Jannar 2017, dwar l-istatus ġenerali tal-awtoritajiet amministrattivi indipendenti u tal-awtoritajiet pubbliċi indipendenti (JORF tal‑21 ta’ Jannar 2017, test no 2). Minn dan jirriżulta b’mod partikolari li l-mandat tagħhom kien irrevokabbli u li kienu suġġetti għal regoli ta’ etika li jipprevedu diversi inkompatibbiltajiet u li jimponulhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’dinjità, korrettezza u integrità, li jwaqqfu immedjatament kull kunflitt ta’ interessi, kif ukoll li ma jirċevux jew jitolbu struzzjonijiet minn ebda awtorità fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom. |
|
12 |
L-Artikolu L. 824-13 tal-Kodiċi tal-Kummerċ kien jistabbilixxi: “Id-deċiżjoni tal-[H3C] għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tagħha. Jekk ikun il-każ, din għandha tiġi ppubblikata wkoll fil-pubblikazzjonijiet, gazzetti jew media indikati mill-[H3C], f’format ta’ pubblikazzjoni proporzjonat għan-nuqqas jew għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għas-sanzjoni imposta. L-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-persuni ssanzjonati. […]” |
|
13 |
L-Artikolu L. 824‑14 ta’ dan il-kodiċi kien jipprevedi: “Il-persuna ssanzjonata jew il-President tal-[H3C] wara ftehim tal-kulleġġ [tal-H3C] jista’ jippreżenta rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).” |
Il‑Kodiċi tal‑Ġustizzja Amministrattiva
|
14 |
L-Artikolu L311-4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva, kif emendat bl-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 2021‑1382 tal‑25 ta’ Ottubru 2021 (JORF tas‑26 ta’ Ottubru 2021, test Nru. 2), kien jipprovdi: “Il-Conseil d’État għandu jieħu konjizzjoni, fl-ewwel u fl-aħħar istanza, ta’ rikorsi ta’ ġurisdizzjoni sħiħa assenjati lilu skont: […] 4° l-Artikolu L. 824‑14 tal-Kodiċi tal-Kummerċ; […]” |
Id‑Digriet Nru 2023‑1142
|
15 |
L-ordonnance no 2023-1142, du 6 décembre 2023, relative à la publication et à la certification d’informations en matière de durabilité et aux obligations environnementales, sociales et de gouvernement d’entreprise des sociétés commerciales (id-digriet Nru 2023‑1142 tas‑6 ta’ Diċembru 2023, dwar il-pubblikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-obbligi ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-kumpanniji kummerċjali) (JORF tas‑7 ta’ Diċembru 2023, Test Nru 19) jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar is-sostituzzjoni tal-H3C mill-Haute autorité de l’audit (l-Awtorità Għolja tal-Awditjar (Franza)). |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
16 |
MO ilu, mis-sena 1967, inkluż fir-Reġistru tal-Awdituri u fil-lista tal-awdituri statutorji. |
|
17 |
MO għandu, direttament jew indirettament, permezz ta’ Fiducial International SA, 99.9 % tal-kapital ta’ Fiducial SC, li tagħha huwa l-amministratur. Din tal-aħħar hija l-kumpannija omm tal-grupp multidixxiplinari Fiducial, imwaqqaf minn MO fl‑1970 u li tipproponi offerta globali ta’ servizzi lill-impriżi. |
|
18 |
Fi ħdan dan il-grupp, Fidexpertise SA, kumpannija fiduċjarja nazzjonali ta’ perizja tal-kontabbiltà li MO għandu, direttament jew indirettament, 98.69 % tal-kapital tagħha, u li tagħha huwa l-president tal-Bord tad-Diretturi kif ukoll id-Direttur Ġenerali, teżerċita, flimkien mas-sussidjarji tagħha, l-attività ta’ perizja tal-kontabbiltà. Fidaudit SA, kumpannija fiduċjarja nazzjonali ta’ awditu li MO għandu, direttament jew indirettament, 98 % tal-kapital tagħha, u li tagħha huwa wkoll il-president tal-Bord tad-Diretturi kif ukoll id-Direttur Ġenerali, teżerċita flimkien mas-sussidjarji tagħha, l-attività ta’ awditur statutorju. |
|
19 |
Barra minn hekk, l-imsemmi grupp Fiducial joffri, f’oqsma bħalma huma s-sigurtà, bejgħ ta’ provvisti u ta’ għamara tal-uffiċċju, il-provvista ta’ servizzi informatiċi, il-proprjetà immobbli u l-ġestjoni ta’ soċjetajiet irregolati mid-dritt ċivili ta’ investiment immobiljari jew fis-settur bankarju, diversi servizzi oħra lill-impriżi permezz tas-sussidjarji ta’ Fiducial SC. L-istess grupp jopera, ukoll, stazzjoni tar-radju nazzjonali u media tal-komunikazzjoni reġjonali. |
|
20 |
Fit‑3 ta’ Jannar 2022, il-Presidenta tal-H3C informat lir-relatur ġenerali tal-H3C b’sensiela ta’ fatti kkritikati lil MO, ta’ attivitajiet kummerċjali inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ awditur statutarju. |
|
21 |
Wara investigazzjoni mwettqa mir-relatur ġenerali tal-H3C fir-rigward tal-osservanza, minn MO, tal-obbligi relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ awditur statutarju, il-kompożizzjoni tal-H3C li tiddeċiedi fuq il-każijiet individwali, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2022, iddeċidiet li tibda proċedura ta’ sanzjoni kontra MO. |
|
22 |
Skont l-ilment deċiż minn din il-kompożizzjoni, huwa ġie akkużat li kiser, sa mit‑3 ta’ Jannar 2016, l-Artikolu L. 822‑10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, minħabba li eżerċita, direttament jew indirettament, permezz ta’ Fiducial SC u Fiducial International, attivitajiet kummerċjali li ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur” u, għaldaqstant, inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ awditur statutorju. |
|
23 |
Fit‑3 ta’ Jannar 2023, ir-relatur ġenerali tal-H3C bagħat lill-President tal-kompożizzjoni ristretta tal-H3C kopja tal-komunikazzjoni ta’ dawn l-ilment, flimkien ma’ kopja tar-rapport ta’ investigazzjoni u tal-fajl tal-investigazzjoni, u sussegwentement bagħatlu r-rapport finali tiegħu fid‑19 ta’ Jannar 2023. |
|
24 |
Waqt il-laqgħa tat‑13 ta’ April 2023, li għaliha ssejjaħ MO, ir-relatur ġenerali tal-H3C talab li MO jitħassar mil-lista tal-awdituri statutorji, kif ukoll li tiġi imposta fuqu sanzjoni pekunjarja u li tiġi ordnata l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’ġurnal ekonomiku jew finanzjarju bi spejjeż tal-parti kkonċernata. |
|
25 |
Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinari li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/43 u tar-Regolament Nru 537/2014. |
|
26 |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tenfasizza li hija għandha n-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, hija tirrileva li hija ġiet stabbilita mill-Artikolu L. 821‑2, II, tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li abbażi tiegħu hija kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi s-sanzjonijiet li għalihom kienu suġġetti b’mod partikolari l-awdituri statutarji minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi u nuqqasijiet dixxiplinari li huma kienu jwettqu. |
|
28 |
Fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-kulleġġ tal-H3C, il-membri li jiffurmaw kompożizzjoni ristretta tal-H3C għandhom mandat irrevokabbli. Barra minn hekk, huma suġġetti għal regoli ta’ etika li jipprevedu diversi inkompatibbiltajiet, li jimponulhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’dinjità, korrettezza u integrità, li jwaqqfu immedjatament kull kunflitt ta’ interessi kif ukoll li ma jirċevux jew jitolbu struzzjonijiet minn ebda awtorità fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom. |
|
29 |
Fir-rigward tal-proċedura ta’ sanzjoni kontra awditur statutorju, l-organu tar-rinviju jippreċiża li ma jistax jibda proċeduri ex officio, peress li l-proċedura tista’ tinbeda biss wara r-riferiment tar-relatur ġenerali tal-H3C. Dan tal-aħħar huwa inkarigat li jwettaq investigazzjoni li fi tmiemha, wara li jkun sema’ lill-persuna kkonċernata, huwa jibgħat rapport lill-H3C. Il-Kulleġġ tal-H3C għandu jiddelibera mingħajr il-preżenza tal-membri tal-organu tar-rinviju u għandu jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, dwar l-ilmenti jew l-ilmenti li jiġu kkomunikati mir-relatur ġenerali tal-H3C lill-persuna kkonċernata, u għaldaqstant tkun adita il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C. |
|
30 |
Wara li semgħet, matul is-seduta pubblika, lill-persuna kkonċernata li għandha l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li titlob ir-rikuża ta’ wieħed mill-membri ta’ din il-kompożizzjoni ristretta adita, din tal-aħħar tiddelibera mingħajr il-preżenza ta’ din il-persuna u tar-relatur ġenerali tal-H3C, u mbagħad tagħti deċiżjoni motivata. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tista’ b’mod partikolari timponi sanzjonijiet. |
|
32 |
Id-deċiżjonijiet tal-kompożizzjoni ristretta tal-H3C jistgħu jiġu kkontestati mill-persuna ssanzjonata jew mill-President tal-H3C, bl-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-H3C, fil-kuntest ta’ rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
34 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C ma hijiex “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. B’mod partikolari, huwa jsostni li d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti ma hijiex ser tkun deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Barra minn hekk, skont dan il-gvern, il-H3C jaqdi funzjonijiet regolatorji, ta’ superviżjoni settorjali u ta’ sanzjoni, li huwa jista’ jeżerċita ex officio, li jikkonferma n-natura amministrattiva tal-funzjonijiet tiegħu. Tali konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-modalitajiet ta’ organizzazzjoni interna tal-H3C, iddettati, b’mod partikolari, mir-rekwiżiti kostituzzjonali Franċiżi. |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tevalwa jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, bħal, fost l-oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, ta’ liġijiet kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lil din tal-aħħar biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk organu jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali. F’dan ir-rigward, organu nazzjonali jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta huwa jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li, fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk organu nazzjonali, li lilu l-liġi tikkonferixxi funzjonijiet ta’ natura differenti, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li tiġi vverifikata n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jaqdi fil-kuntest legali speċifiku li fih huwa jintalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li din il-verifika hija ta’ importanza partikolari fil-preżenza ta’ awtoritajiet amministrattivi li l-indipendenza tagħhom hija konsegwenza diretta tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jagħtihom kompetenzi ta’ superviżjoni settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq. Għalkemm dawn l-awtoritajiet jistgħu jissodisfaw il-kriterji mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-attività ta’ kontroll settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq hija, essenzjalment, ta’ natura amministrattiva, sa fejn din timplika l-eżerċizzju ta’ kompetenzi li ma humiex relatati ma’ dawk attribwiti lill-qrati (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 45). |
|
40 |
Għaldaqstant, filwaqt li l-oriġini legali tiegħu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni minnu tad-dispożizzjonijiet legali u l-indipendenza tiegħu ma jkunux fid-dubju, organu nazzjonali jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari biss jekk, fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemu, huwa jaqdi funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 46). |
|
41 |
Barra minn hekk, jikkostitwixxu indizji li l-organu inkwistjoni jaqdi funzjonijiet mhux ġudizzjarji iżda amministrattivi s-setgħa li jressaq proċeduri ex officio kif ukoll is-setgħa li jimponi, ukoll ex officio, sanzjonijiet fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 48). |
|
42 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet ta’ organu, għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni wkoll ir-rwol u l-pożizzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Għalhekk, għandha tiġi kklassifikata bħala “amministrattiva” l-attività tal-organi regolatorji li ma għandhomx il-funzjoni li jikkontrollaw il-legalità ta’ deċiżjoni, iżda li jiddeċiedu, għall-ewwel darba, dwar l-ilmenti u li d-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal rimedju ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punti 50 u 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-kunċett ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, jista’, essenzjalment, jindika biss awtorità li għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li tkun adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li deċiżjoni hija simili għal deċiżjoni ta’ tip amministrattiv peress li ma jistax ikollha attributi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Anesco et, C‑462/19, EU:C:2020:715, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu eżaminati, f’dan il-każ, in-natura u l-funzjoni tal-H3C fis-sistema ta’ superviżjoni pubblika tal-awdituri statutorji, prevista mid-Direttiva 2006/43. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema effettiva ta’ superviżjoni pubblika tal-awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-awditu u għandhom jaħtru awtorità kompetenti responsabbli għal din is-superviżjoni. |
|
47 |
Skont l-Artikolu 32(4) tal-imsemmija direttiva, din l-awtorità tassumi r-responsabbiltà finali għas-superviżjoni tal-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-awditu, għall-adozzjoni tal-istandards dwar l-etika professjonali u l-kontroll intern tal-kwalità tal-kumpanniji tal-awditu u tal-attivitajiet tal-awditu, tat-taħriġ kontinwu, tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità kif ukoll tas-sistemi investigattivi u tas-sistemi amministrattivi f’kuntest dixxiplinari. |
|
48 |
Is-superviżjoni pubblika hija eżerċitata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ddefiniti fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43 bħala l-awtoritajiet jew l-organi maħtura mil-liġi li għandhom bħala funzjoni r-regolamentazzjoni u/jew is-superviżjoni tal-awdituri statutorji u tal-kumpanniji tal-awditu. |
|
49 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi effettivi ta’ investigazzjonijiet u ta’ sanzjonijiet sabiex tiġi skoperta, ikkoreġuta u evitata l-eżekuzzjoni inadegwata tal-awditu statutorju tal-kontijiet u li, skont l-Artikolu 30a(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jieħdu u/jew jimponu tal-inqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi elenkati fiha. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kompetenzi ta’ superviżjoni u ta’ sanzjoni li hija għandha skont id-dritt tal-Unjoni, awtorità kompetenti maħtura minn Stat Membru skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2006/43, taqdi, bħala prinċipju, funzjonijiet ta’ natura amministrattiva. |
|
51 |
Madankollu, minkejja n-natura amministrattiva li għandhom, bħala prinċipju, il-funzjonijiet ta’ tali awtorità, għandu jiġi ddeterminat, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, jekk din għandhiex titqies, fil-kuntest speċifiku tal-funzjonijiet li hija taqdi fil-kuntest tal-kawża prinċipali, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-H3C għandu l-possibbiltà li jiddeċiedi ex officio. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-proċedura dixxiplinari nbdiet mingħajr ma qabel kien tressaq ilment quddiem il-H3C. |
|
53 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu L. 824-14 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, id-deċiżjoni ta’ sanzjoni fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż quddiem il-Conseil d’État. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta tali rikors jiġi ppreżentat, il-H3C ikollu l-istatus ta’ konvenut. Issa, tali parteċipazzjoni tal-H3C fi proċedura għat-tressiq ta’ kawża, li tikkontesta d-deċiżjoni tiegħu stess, tikkostitwixxi indizju tal-fatt li, meta huwa jadotta tali deċiżjoni, il-H3C ma jkollux il-kwalità ta’ terz, fis-sens imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, kif enfasizza l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jiddeċiedi, fl-ewwel u fl-aħħar istanza, dwar ir-rikorsi ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kontra tali deċiżjoni ta’ sanzjoni, skont l-Artikolu L-311‑4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva u l-Artikolu L. 824‑14 tal-Kodiċi tal-Kummerċ. Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Franċiż, dan il-fatt jimplika li l-imsemmija deċiżjoni ta’ sanzjoni ma hijiex meqjusa li għandha l-awtorità ta’ res judicata. |
|
56 |
Ċertament, kif sostna MO, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, minn kompożizzjoni speċifika tal-H3C, jiġifieri l-kompożizzjoni ristretta tiegħu. F’dan ir-rigward, MO jallega, essenzjalment, li l-azzjoni ta’ din tal-aħħar għandha tiġi sseparata minn dik tal-H3C fir-rigward kemm tal-bidu tal-proċeduri kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta’ din il-kompożizzjoni ristretta quddiem il-Conseil d’État fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati quddiemu. |
|
57 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-H3C għandu jitqies, fil-kuntest tal-proċeduri li taw lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bħala awtorità ta’ superviżjoni meħuda fl-intier tagħha, anki meta din taġixxi permezz ta’ unitajiet differenti tal-istruttura organika tagħha. |
|
58 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2006/43 tirreferi biss għall-“awtoritajiet kompetenti”, mingħajr ma tistabbilixxi distinzjoni bejn dawn l-awtoritajiet u l-komponenti differenti tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li, fid-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ tali awtorità, Stat Membru jkun iddeċieda li jistabbilixxi proċedura interna li tinvolvi l-intervent suċċessiv ta’ diversi komponenti ta’ din l-awtorità, sabiex jissepara l-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni u ta’ istruttorja minn dik tal-għoti tas-sanzjoni, ma jistax iwassal sabiex jitqies li d-deċiżjoni meħuda mill-imsemmija awtorità, skont din il-proċedura interna, ma hijiex ta’ natura amministrattiva. |
|
59 |
B’mod partikolari, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-organizzazzjoni interna tal-H3C tippermetti li jitqies li l-kompożizzjoni ristretta tiegħu għandha l-kwalità ta’ “terz” fir-rigward tal-H3C innifsu, fis-sens imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. |
|
60 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mid-dritt nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-Artikolu L.824‑13 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jirreferi espliċitament għad-deċiżjoni tal-kompożizzjoni ristretta tal-H3C fil-qasam dixxiplinari bħala li tikkostitwixxi “deċiżjoni tal-[H3C] ” u mhux deċiżjoni ta’ din il-kompożizzjoni. |
|
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C, fil-kuntest normattiv partikolari li fih hija mitluba tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, taqdi funzjonijiet ta’ natura mhux ġudizzjarja, iżda amministrattiva. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minnha hija inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-kompożizzjoni ristretta tal-Haut Conseil du commissariat aux comptes (France) (il-Kunsill Għoli tal-Kummissarjat tal-Awdituri Statutorji (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2023, hija inammissibbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.