|
17.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 230/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1048
tal-15 ta’ Lulju 2020
li tippermetti lill-Awstrija tawtorizza l-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali
(notifikata bid-dokument C(2020) 4724)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fih sustanzi attivi li għandhom profil tas-saħħa ambjentali jew tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali aktar favorevoli. Il-prodotti li fihom dawn is-sustanzi attivi jistgħu għalhekk jiġu awtorizzati bi proċedura simplifikata. In-nitroġenu huwa inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 soġġett għar-restrizzjoni li jintuża fi kwantitajiet limitati f’kontenituri pronti għall-użu. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, in-nitroġenu huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18, insettiċidi (2). Il-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu kif approvat huma awtorizzati f’diversi Stati Membri inkluż l-Awstrija u huma fornuti f’ċilindri tal-gass (3). |
|
(3) |
In-nitroġenu jista’ wkoll jiġi ġġenerat in-situ mill-arja ambjentali. In-nitroġenu ġġenerat in-situ bħalissa mhuwiex approvat għall-użu fl-Unjoni u la mhuwa elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u lanqas mhuwa mdaħħal fil-lista ta’ sustanzi attivi inklużi fil-programm ta’ rieżami tas-sustanzi attivi eżistenti fil-prodotti bijoċidali fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (4). |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fis-26 ta’ Ġunju 2019 l-Awstrija ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deroga mill-Artikolu 19(1)(a) ta’ dak ir-Regolament li fiha titlob li titħalla tawtorizza l-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ mill-arja ambjentali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali (“l-applikazzjoni”). F’ittra tat-3 ta’ Settembru 2019, l-Awstrija pprovdiet aktar informazzjoni dwar l-użu tan-nitroġenu ġġenerat in-situ mill-mużewijiet u dwar in-nuqqas ta’ alternattivi xierqa. |
|
(5) |
Il-wirt kulturali jista’ jiġi ddanneġġat minn firxa wiesgħa ta’ organiżmi ta’ ħsara, mill-insetti sal-mikroorganiżmi. Il-preżenza ta’ dawk l-organiżmi mhux biss tista’ twassal għat-telf tal-oġġett kulturali nnifsu, iżda toħloq ukoll ir-riskju li dawk l-organiżmi ta’ ħsara jinfirxu għal oġġetti oħra fil-qrib. Mingħajr trattament xieraq, l-oġġetti jistgħu jiġu ddanneġġati b’mod irrimedjabbli, u b’hekk il-wirt kulturali jitpoġġa f’riskju serju. |
|
(6) |
In-nitroġenu ġġenerat in-situ jintuża biex tinħoloq atmosfera kkontrollata b’konċentrazzjoni baxxa ħafna ta’ ossiġenu (anossija) f’tined jew fi kmamar għat-trattament issiġillati b’mod permanenti jew temporanju għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-oġġetti ta’ wirt kulturali. In-nitroġenu jiġi sseparat mill-arja ambjentali u jiġi ppumpjat fit-tinda jew fil-kamra għat-trattament, fejn il-kontenut tan-nitroġenu fl-atmosfera jiżdied għal bejn wieħed u ieħor 99 % u b’hekk l-ossiġenu jiġi eżawrit kważi kompletament. L-umdità tan-nitroġenu li jiġi ppumpjat fiż-żona għat-trattament tiġi ffissata skont x’jirrikjedi l-oġġett li jrid jiġi ttrattat. L-organiżmi ta’ ħsara ma jistgħux jibqgħu ħajjin fil-kundizzjonijiet maħluqa fit-tinda jew fil-kamra għat-trattament. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija, l-użu tan-nitroġenu ġġenerat in-situ jidher li huwa l-unika teknika effettiva għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara li tista’ tintuża għat-tipi kollha ta’ materjali u ta’ kombinamenti ta’ materjali preżenti fil-kollezzjonijiet tal-mużewijiet u fil-wirjiet u fis-siti ta’ wirt kulturali mingħajr ma ssirilhom ħsara u hija effettiva kontra l-organiżmi ta’ ħsara magħrufa kollha li jaffettwaw l-oġġetti ta’ wirt kulturali fl-istadji kollha ta’ żvilupp. |
|
(8) |
Il-metodu tal-anossija jew ta’ atmosfera mmodifikata jew ikkontrollata huwa elenkat fl-istandard EN 16790:2016 “Konservazzjoni tal-wirt kulturali - Ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara (IPM) għall-protezzjoni tal-wirt kulturali” u f’dan l-istandard in-nitroġenu huwa deskritt bħala “l-aktar użat” biex tinħoloq anossija. |
|
(9) |
Huma disponibbli tekniki oħrajn għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara, bħal pereżempju t-trattament b’temperatura baxxa, it-trattament bis-sħana, it-trattament bl-arja sħuna bl-umdità kkontrollata. Barra minn hekk, jistgħu jintużaw sustanzi bijoċidali oħra. Madankollu, skont l-Awstrija, kull waħda minn dawn it-tekniki għandha limitazzjonijiet f’termini ta’ ħsara li tista’ sseħħ f’ċerti materjali matul it-trattament u għalhekk, l-ebda waħda minnhom ma tista’ tintuża waħedha għat-trattament tat-tipi kollha ta’ materjali u ta’ kombinamenti ta’ materjali. |
|
(10) |
Skont l-informazzjoni mressqa mill-Awstrija, il-proċessi termali, jiġifieri t-trattamenti bl-iffriżar jew bis-sħana, mhumiex xierqa għat-trattament ta’ varjetà ta’ oġġetti, fosthom il-pitturi, l-oġġetti polikromi marbuta bix-xema’, biż-żejt jew bil-proteini, l-oġġetti mwaħħla bil-kolla, l-oġġetti tal-ġilda jew tal-parċmina, il-materjal fotografiku, l-oġġetti tal-injam ġodda mhux trattati, l-oġġetti rrestawrati mill-ġdid, l-oġġetti taħt tensjoni. Barra minn hekk, minħabba il-konduttività termali u l-espansjoni termali differenti tal-materjali differenti, l-istress mekkaniku kkawżat bid-dilatazzjoni jista’ jipperikola l-oġġetti fraġli magħmula minn materjali mħallta. |
|
(11) |
L-applikazzjoni turi li l-użu tal-prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi oħra disponibbli fis-suq fl-Awstrija jista’ jimmodifika l-oġġetti b’mod kimiku u jista’ jagħmel ħsara lill-oġġetti, skont is-sensittività tal-materjali. |
|
(12) |
Fl-istess ħin, fil-kuntest ta’ IPM għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, il-mużewijiet għandhom l-intenzjoni li jitbiegħdu mill-użu ta’ sustanzi attivi aktar perikolużi. |
|
(13) |
Skont l-informazzjoni fl-applikazzjoni, l-użu tan-nitroġenu fiċ-ċilindri mhuwiex alternattiva xierqa għall-mużewijiet u għas-siti ta’ wirt kulturali minħabba li għandu żvantaġġi prattiċi. Il-kwantitajiet limitati fiċ-ċilindri jirrikjedu trasport frekwenti u faċilità ta’ ħżin separata. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni fl-applikazzjoni, il-punt ta’ tagħbija tal-art f’xi mużewijiet storiċi jista’ jinqabeż minħabba l-piż tal-għadd ta’ ċilindri meħtieġ. |
|
(14) |
Jekk il-mużewijiet u s-siti ta’ wirt kulturali jintalbu biex jużaw diversi tekniki biex jikkontrollaw l-organiżmi ta’ ħsara — kull waħda minnhom adatta għal materjali u oġġetti speċifiċi - minflok jużaw teknika waħda li tkun diġà intużat u li tkun adatta għall-materjali kollha, il-mużewijiet u s-siti ta’ wirt kulturali jistgħu jġarrbu kostijiet addizzjonali u tkun aktar ikkumplikata għal dawk l-utenti biex jilħqu l-objettiv li jitbiegħdu mill-użu ta’ sustanzi attivi aktar perikolużi fl-IPM tagħhom. |
|
(15) |
Fl-2019, saru diskussjonijiet relatati ma’ deroga possibbli skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għan-nitroġenu ġġenerat in-situ f’bosta laqgħat (5) tal-grupp ta’ esperti tal-Awtoritajiet Kompetenti għall-Prodotti Bijoċidali tal-Kummissjoni. |
|
(16) |
Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-applikazzjoni, li ppermettiet lill-partijiet ikkonċernati kollha jipprovdu l-fehmiet tagħhom. Il-maġġoranza l-kbira tal-1487 kumment li waslu kienu favur tad-deroga. Bosta kontributuri ddeskrivew l-iżvantaġġi tat-tekniki alternattivi disponibbli: it-trattamenti termali jistgħu jagħmlu ħsara lil ċerti materjali; l-użu ta’ sustanzi attivi oħrajn iħallu residwi tossiċi fuq l-artefatti li progressivament jiġu rilaxxati fl-ambjent; l-użu tan-nitroġenu fiċ-ċilindri ma jippermettix li tiġi kkontrollata l-umdità relattiva fiż-żona għat-trattament, u dan huwa meħtieġ għat-trattament ta’ xi materjali. |
|
(17) |
Żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali li jirrappreżentaw il-mużewijiet u s-siti ta’ wirt kulturali - il-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet u l-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u għas-Siti — esprimew l-intenzjoni tagħhom biex iressqu applikazzjoni għall-inklużjoni tan-nitroġenu ġġenerat in-situ fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u dan jista’ jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw il-prodotti li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ mingħajr il-ħtieġa għal deroga f’konformità mal-Artikolu 55(3) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, it-twettiq tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni bħal din, l-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I u l-ksib tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodott jeħtieġu ż-żmien. |
|
(18) |
L-applikazzjoni u l-informazzjoni ulterjuri mressqa mill-Awstrija juru li bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli fl-Awstrija, minħabba li t-tekniki alternattivi kollha disponibbli bħalissa għandhom xi żvantaġġi jew minħabba li mhumiex adattati għat-trattament tal-materjali kollha jew għandhom xi żvantaġġi prattiċi. |
|
(19) |
Abbażi ta’ dawk l-argumenti kollha huwa xieraq li wieħed jikkonkludi li n-nitroġenu ġġenerat in-situ huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fl-Awstrija u li ma hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Awstrija titħalla tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali. |
|
(20) |
L-inklużjoni possibbli tan-nitroġenu ġġenerat in-situ fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u l-awtorizzazzjoni sussegwenti mill-Istati Membri tal-prodotti li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ jeħtieġu ż-żmien. Għalhekk huwa xieraq li tkun permessa deroga għal perjodu ta’ żmien li jippermetti t-tlestija tal-proċeduri sottostanti, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Awstrija tista’ tawtorizza t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali li jikkonsistu min-nitroġenu ġġenerat in-situ għall-protezzjoni tal-wirt kulturali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/89/KE tat-30 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi n-nitroġenu bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (ĠU L 199, 31.7.2009, p. 19).
(3) Lista ta’ prodotti awtorizzati disponibbli fuq https://echa.europa.eu/mt/information-on-chemicals/biocidal-products
(4) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).
(5) It-83, l-84, il-85 u s-86 laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni tar-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li saru f’Mejju 2019, f’Lulju 2019, f’Settembru 2019 u f’Novembru 2019, rispettivament. Il-minuti tal-laqgħat huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/health/biocides/events_en#anchor0