Brussell, 19.2.2025

COM(2025) 51 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG








Sistema ta’ Twissija Bikrija 7-12/2024


1.Tabella tal-konsum proviżorju fil-31/12/2024

Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-2024 għall-FAEG fil-31 ta’ Diċembru 2024 u d-dettalji jinsabu fit-tabella ta’ hawn taħt.

Il-livell ta’ implimentazzjoni jitqabbel mal-approprjazzjonijiet korrispondenti inklużi fil-baġit tal-2024.    

2.Kummenti dwar ir-riżerva għall-agrikoltura tal-2024

Fl-2024, ir-riżerva għall-agrikoltura ammontat għal EUR 832 miljun, inkluż riport ta’ EUR 315,5 miljun mill-Baġit tal-2023. Ġew adottati ħames miżuri, li jammontaw għal EUR 295 miljun 1 . Għat-tielet u r-raba’ miżuri, l-ebda ammont ma ġie ddikjarat mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja 2024, u l-aħħar (il-ħames) miżura ġiet adottata fi tmiem is-sena finanzjarja. B’riżultat ta’ dan, dawn il-miżuri, li jammontaw għal EUR 196,7 miljun, se jiġu esklużivament iffinazjati taħt ir-riżerva għall-agrikoltura tal-2025.

Fil-Baġit tal-2024 ġew iddikjarati pagamenti b’total ta’ EUR 465,5 miljun. L-approprjazzjonijiet ta’ EUR 366,5 miljun li fadal, se jiġu riportati għall-Baġit tal-2025.

3.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2024

L-implimentazzjoni finali tat-tipi ta’ interventi settorjali taħt il-pjanijiet tal-PAK (08 02 02) hija inqas minn dik ibbaġitjata (-18,6 punt %) iżda tjiebet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sena finanzjarja preċedenti (-78,7 punt % fi tmiem l-2023).

Is-sottoimplimentazzjoni settorjali tirrifletti fost l-oħrajn il-bżonn ta’ żmien għall-Istati Membri biex jadattaw għall-politika fis-seħħ mill-2023, għall-akkumulazzjoni ta’ kriżijiet fl-aħħar snin, kif ukoll għax-xejriet tad-domanda li qed jinbidlu (fis-swieq interni u esterni).

Għall-kuntrarju, in-Nefqa relatata mas-suq barra mill-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (08 02 03) hija ogħla minn dik ibbaġitjata (15,1 punt %), u tikkumpensa fil-biċċa l-kbira s-sottoimplimentazzjoni taħt il-pjanijiet tal-PAK.

Minkejja li s-sena 2024 kienet l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-interventi ġodda ta’ pagamenti diretti taħt il-pjanijiet tal-PAK, dawn l-iskemi juru implimentazzjoni eċċellenti, qrib ħafna tal-ammont ibbaġitjat (99,6 punt perċentwali tal-approprjazzjonijiet ibbaġitjati u d-dħul assenjat).

In-nefqa proviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2024, inkluż l-azzjonijiet stmati u implimentati bis-sħiħ b’ġestjoni diretta mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2024, twassal għal sovraeżekuzzjoni ta’ EUR 291,2 miljun (0,7 %) meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvotati tal-baġit. Meta jitqies id-dħul assenjat disponibbli ta’ EUR 896,5 miljun kif ukoll ir-riport ta’ EUR 315,5 miljun għar-riżerva għall-agrikoltura, is-sottoimplimentazzjoni totali tal-FAEG tammonta għal EUR 920,9 miljun.

Dan is-surplus ġenerali tal-FAEG jinkludi EUR 366,5 miljun mir-riżerva għall-agrikoltura, li f’konformità mal-Artikolu 16(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116 se jiġi riportat għar-riżerva għall-agrikoltura tal-2025.

Is-surplus li fadal ta’ EUR 554,4 miljun jissarraf fi dħul addizzjonali assenjat lill-FAEG (C4) li għandu jiġi riportat mill-2024 għall-2025, u b’hekk jonqos l-ammont ta’ approprjazzjonijiet meħtieġa fil-Baġit tal-2025.

(1)

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2820 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli milquta minn diżastri naturali fil-Greċja u fis-Slovenja, (ĠU L, 2023/2820, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2820/oj  ); 

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/453 tal-5 ta’ Frar 2024 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tal-pollam fl-Italja (ĠU L, 2024/453, 6.2.2024,
ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/453/oj );

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1995 tad-19 ta’ Lulju 2024 dwar miżura eċċezzjonali temporanja ta’ distillazzjoni ta’ kriżi biex jiġi indirizzat id-disturb fis-suq fis-settur tal-inbid fil-Portugall fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2024/2025, (ĠU L, 2024/1995, 22.7.2024,

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1995/oj );

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2030 tat-23 ta’ Lulju 2024 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u għas-settur tal-inbid affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi fl-Awstrija, fiċ-Ċekja u fil-Polonja, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L, 2024/2030, 24.7.2024,

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2030/oj );

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2675 tal-10 ta’ Ottubru 2024 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Italja u fir-Rumanija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L, 2024/2675, 10.10.2024,

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2675/oj).