1.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 230/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Mejju 2007

li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ Nru: COMP/M.4404 – UNIVERSAL/BMG MUSIC PUBLISHING)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2160)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2007/595/KE)

Fit-22.5.2007 l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta’ amalgamazzjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhix kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq is-sit internet tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI

(1)

Il-każ jikkonċerna konċentrazzjoni proposta skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament tal-Konċentrazzjoni”), li permezz tiegħu l-Universal Music Group Inc. (“Universal”, l-Istati Uniti), propjetà tal-grupp Vivendi S.A. (“Vivendi”, Franza) takkwista, fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll sħiħ ta’ l-impriża BMG Music Publishing Group (“BMG”, il-Ġermanja et al.) li attwalment tagħmel parti mill-Bertelsmann group, permezz tax-xiri ta’ ishma u assi.

(2)

Il-Universal hija sussidjarja tal-Vivendi li hija kumpanija internazzjonali tal-midja. L-attivitajiet tagħha madwar id-dinja jinkludu r-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-mużika. Il-Universal hija attiva fil-pubblikazzjoni tal-mużika permezz tal-Universal Music Publishing Group (“UMPG”).

(3)

Il-BMG hija parti mill-Bertelsmann group (“Bertelsmann”) li hija kumpanija internazzjonali tal-medja. Il-BMG tinkludi l-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-Bertelsmann madwar id-dinja.

(4)

L-investigazzjoni tas-suq żvelat li fis-suq tad-drittijiet online fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Polonja, u fir-Renju Unit kif ukoll fuq livell wiesa' madwar iż-ŻEE l-konċentrazzjoni, f'termini ta’ dubji serji, tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva permezz ta’ effetti unilaterali. Madanakollu l-impenji proposti mill-partijiet huma opportuni għat-tneħħija tat-tħassib fir-rigward tal-komunikazzjoni.

(1)   Is-Swieq rilevanti tal-Prodotti

(5)

Il-pubblikazzjoni tal-mużika hija l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ l-awturi (minn issa 'l quddiem, it-terminu “awturi” ser jintuża biex ikopri kemm librettisti (test) u kompożituri (mużika)). Ġeneralment, l-awturi jittrasferixxu d-drittijiet fuq ix-xogħol tagħhom (“id-drittijiet tal-pubblikazzjoni”) lil pubblikaturi tal-mużika u mingħand dawn ta’ l-aħħar jirċievu pagamenti bil-quddiem u sehem mir-royalties iġġenerati mill-użu kummerċjali tax-xogħol tagħhom.

(6)

Il-pubblikaturi tal-mużika jisfruttaw id-drittijiet li jirċievu mill-awturi billi jagħtu liċenzji lill-utenti tad-dritt. L-utenti jħallsu r-royalties għall-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet mużikali. Skond it-tipi speċifiċi ta’ drittijiet, il-liċenzji jingħataw lill-utenti tad-drittijiet direttament mill-pubblikaturi jew mingħand collecting societies.

(7)

L-investigazzjoni tas-suq sabiex jiġu definiti s-swieq rilevanti tal-prodotti kkonfermat li fir-rigward ta’ l-użu tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni jeħtieġ li ssir differenza bejn kategoriji differenti ta’ drittijiet, jiġifieri, drittijiet mekkaniċi, drittijiet ta’ esibizzjoni, drittijiet ta’ sinkronizzazzjoni, drittijiet ta’ l-istampar u drittijiet online. Dawn il-kategoriji ta’ drittijiet japplikaw fuq suriet differenti ta’ l-użu tal-mużika, eż. huma meħtieġa drittijiet mekkaniċi sabiex jiġu rreġistrati s-CDs; jeħtieġ li jiġu akkwsitati d-drittijiet ta’ l-esibizzjoni jekk il-mużika tindaqq fuq ir-radju jew f'barijiet; id-drittijiet ta’ sinkronizzazzjoni huma meħtieġa jekk il-miżika ser tintuża f'films; id-drittijiet ta’ l-istampar jippermettu lill-utent sabiex jipproduċi libretti mużikali; u drittijiet online huma meħtieġa sabex tinbiegħ il-mużika permezz ta’ l-internet u tat-telefonija mobbli. Għalhekk dawn il-kategoriji ta’ drittijiet jikkostitwixxu swieq separati.

(8)

Fir-rigward ta’ l-għoti ta’ servizzi ta’ pubblikazzjoni ta’ mużika lill-awturi, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermant li ma saret l-ebda distinzjoni ulterjuri billi normalment l-awturi ma jużawx pubblikaturi differenti għall-kategoriji ta’ drittijiet.

(2)   Is-Swieq Ġeografiċi Rilevanti

(9)

L-investigazzjoni tas-suq uriet li l-iskop ġeografiku fir-rigward tas-suq għall-għoti ta’ servizzi ta’ pubblikazzjoni lill-awturi, u s-swieq għall-użu tad-drittijiet ta’ esibizzjoni, mekkaniċi, ta’ sinkronizzazzjoni, ta’ stampar u drittijiet online jidhru li huma nazzjonali. X'aktarx li fil-ġejjieni ser jiżviluppa suq madwar iż-ŻEE fir-rigward tad-drittijiet online. L-iskop ġeografiku eżatt tas-swieq rilevanti tal-prodotti jista' jitħalla miftuħ ladarba l-konklużjonijiet ta’ l-analiżi huma l-istess, irrispettivament mid-dimensjoni ġeografika tas-swieq.

(3)   Is-Swieq effettwati u l-analiżi tal-kompetizzjoni

(10)

Il-konċentrazzjoni notifikata teffettwa s-suq ta’ l-għoti ta’ servizzi tal-pubblikazzjoni ta’ mużika lill-awturi, u s-swieq għall-użu tad-drittijiet ta’ eżibizzjoni, mekkaniċi, ta’ sinkronizzazzjoni, ta’ l-istampar u tad-drittijiet online fiż-ŻEE kif ukoll fuq livell wiesa' iż-ŻEE. L-investigazzjoni tas-suq uriet li l-konċentrazzjoni ma twassalx għal tħassib dwar il-kompetizzjoni fi kwalunkwe suq effettwat ħlief f'dawk tad-drittijiet online.

(11)

Fis-swieq għall-għoti ta’ servizzi ta’ pubblikazzjoni ta’ mużika lill-awturi l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-awturi ser jibqa' jkollhom għadd suffiċjenti ta’ alternattivi għall-entità amalgamata. Għalhekk l-amalgamazzjoni ma toħloqx tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni fi kwalunkwe suq effettwat għas-servizzi ta’ pubblikazzjoni ta’ mużika lill-awturi.

(12)

B'rabta ma’ l-użu tad-drittijiet tal-pubblikazzjoni tal-mużika l-investigazzjoni tas-suq uriet li x'aktarx l-amalgamazzjoni m'hix ser toħloq tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-swieq għad-drittijiet mekkaniċi, ta’ l-esibizzjoni, tas-sinkronizzazzjoni u ta’ l-istampar. F'dawk is-swieq, fejn il-collecting societies għandhom rwol predominanti (id-drittijiet mekkaniċi u ta’ l-esibizzjoni), l-amalgamazzjoni mhix ser tħalli effett sinifikanti ladarba l-collecting socieities jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-prezz u jagħtu liċenzji lill-utenti fuq bażi non-diskriminatorja. Fis-swieq fejn il-pubblikaturi jamministraw id-drittijiet mingħajr l-involviment tal-collecting societies (id-drittijiet ta’ sinkronizzazzjoni u ta’ l-istampar) l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li wara l-amalgamazzjoni l-klijenti ser jibqa' jkollhom alternattivi suffiċjenti għall-entità amalgamata. Għalhekk, x'aktarx li wara l-amalgamazzjoni l-Universal ma tkunx tista' tgħolli l-prezzijiet għad-drittijiet ta’ esibizzjoni, mekkaniċi, ta’ sinkronizzazzjoni u ta’ l-istampar.

(13)

Fis-suq tad-drittijiet online, ftit ta’ żmien ilu l-pubblikaturi bdew jirtiraw id-drittijiet rispettivi tagħhom għal repertorji Anglo-Amerikani mis-sistema tradizzjonali ta’ collecting societies. Huma bdew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom lil collecting societies partikolari li jaġixxu ta’ aġenti għall-pubblikatur individwali – li hija possibbiltà li ġiet affermata mill-ġdid permezz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li nħarġet fl-2005.

(14)

L-investigazzjoni tas-suq uriet li wara l-irtirar, is-setgħa li jiġi stabbilit prezz għaddiet minn idejn il-collecting societies f'idejn il-pubblikaturi. F'dawn iċ-ċirkostanzi ġodda, wara l-amalgamazzjoni l-Universal ser tkun tista' teżerċita kontroll fuq perċentwali għoli ta’ titoli kemm permezz tad-drittijiet (b'mod sħiħ jew bi propjetà parzjali) tax-xogħol ta’ l-awturi jew permezz tad-drittijiet fir-reġistrazzjonijiet individwali. Fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Polonja u fir-Renju Unit kif ukoll fuq livell wiesa' madwar iż-ŻEE, il-Universal tikkontrolla saħansitra l-50 % jew iżjed taċ-chart hits u b'hekk issir prodott obbligatorju għas-servizzi kollha ta’ mużika online jew mobbli filwaqt li permezz ta’ l-amalgamazzjoni l-possibbiltajiet li dawn jevitaw lill-Universal jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

(15)

Għalhekk il-Kummissjoni kellha tħassib li l-amalgamazzjoni tagħti l-possibbiltà u l-inċentiv biex il-Universal tgħolli l-prezzijiet għad-drittijiet online tar-repertorju Anglo-Amerikan.

Konklużjoni

(16)

Għalhekk tista' tintlaħaq il-konklużjoni li l-konċentrazzjoni proposta fis-sura notifikata tagħha x'aktarx twassal għal tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq tad-drittijiet online fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Polonja, u fir-Renju Unit kif ukoll fil-livell wiesa' madwar iż-ŻEE.

(4)   Impenji mogħtija mill-Partijiet

(17)

Sabiex jitneħħa t-tħassib tal-Kummissjoni, il-Universal impenjat ruħha li tneħħi għadd ta’ katalogi importanti li jkopru d-drittijiet Anglo-Amerikani u kuntratti ma’ l-awturi. Dawn il-katalogi jinkludu l-attivitajiet taż-ŻEE b'rabta ma’ Zomba UK, 19 Music, 19 Songs, BBC music publishing, Rondor UK kif ukoll liċenzja taż-ŻEE għall-katalgu ta’ Zomba US. Dawn il-katalogi jinkludu ħafna titoli bestsellers u diversi awturi ta’ suċċess bħal The Kaiser Chiefs, Justin Timberlake u R. Kelly. Għalkemm it-tħassib huwa biss relatat mad-drittijiet online, għal raġunijiet ta’ vijabbiltà l-impenji għandhom ikopru d-drittijiet kollha (jiġifieri anke d-drittijiet mekkaniċi, ta’ esibizzjoni, ta’ sinkronizzazzjoni u ta’ l-istampar).

(5)   Valutazzjoni ta’ l-Impenji li tressqu

(18)

Il-partijiet tejbu b'mod sinifikanti l-pakkett ta’ rimedji u rrispondew darbtejn għar-riżultati ta’ żewġ testijiet tas-suq. Fid-dawl tal-kwalità tal-katalogi li ġew proposti finalment, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji jneħħu t-tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni.

(19)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li, abbażi ta’ l-impenji mressqa mill-Partijiet, il-konċentrazzjoni proposta m'hix ser twassal għal tfixkil sinifikanti tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu fis-suq tad-drittijiet online. Għalhekk, il-konċentrazzjoni proposta kellha tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikoli 8(2), 10(2) tar-Regolament ta’ l-Inkorporazzjoni ta’ l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(1)   ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1