02018D1789 — MT — 17.12.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1789

tad-19 ta' Novembru 2018

b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab

(ĠU L 293 20.11.2018, p. 24)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/2142 tas-17 ta' Diċembru 2020

  L 430

25

18.12.2020




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1789

tad-19 ta' Novembru 2018

b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab



Artikolu 1

1.  

Bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-Istati Membri tal-LAS fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-PtA u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar (ITI), l-Unjoni ser tindirizza l-objettivi li ġejjin:

— 
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu is-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
— 
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizzaw l-istess sfidi;
— 
jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;
— 
jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.
2.  

Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa, permezz ta' din id-Deċiżjoni, azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

— 
kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti);
— 
identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi);
— 
miżuri oħra relatati mal-kontroll tal-armi ħfief, inkluż il-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, il-kontroll tal-provvisti relatati u s-sigurtà;
— 
id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR);
— 
l-għoti ta' informazzjoni rilevanti għal SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW.
3.  
Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.  
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2.  
L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Small Arms Survey (“SAS”), irrappreżentat mill-Graduate Institute of International and Development Studies, bl-għajnuna tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u b'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal- LAS.
3.  
L-SAS, bl-għajnuna tal-Interpol u d-WCO għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-SAS.

Artikolu 3

1.  
L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun EUR 2 858 550 .
2.  
L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-SAS. Il-ftehim għandu jistipula li l-SAS għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, b'mod xieraq skont id-daqs tagħha.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.  
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-SAS. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.  
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M1

2.  
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 30 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3).

▼B




ANNESS

Ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (2018–2020)

1.   Kuntest u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ mill-PESK

Dan il-proġett ser jibni fuq l-isforzi preċedenti mwettqa mill-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u l-Unjoni biex jiġu assistiti l-Istati Membri tal-LAS fil-ġlieda kontra l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) illeċiti fir-reġjun Għarbi. Il-qerda tal-armi ħfief illeċiti fir-reġjun Għarbi hija kruċjali biex jitnaqqsu l-forom kollha ta' vjolenza u jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) – kemm fir-reġjun Għarbi kif ukoll fir-reġjuni ġirien, inkluż l-Ewropa.

B'mod aktar speċifiku, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Il-qafas normattiv għall-proġett jinkludi wkoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-mira 16.4. Skont il-preferenzi tal-Istat Membru tal-LAS ospitanti, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jistgħu wkoll iservu ta' punti ta' riferiment għall-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-proġett (kontroll tal-esportazzjoni/importazzjoni, prevenzjoni tad-devjazzjoni, eċċ.).

2.   Objettivi u sostenibbiltà fit-tul tal-proġett

L-għan sottostanti tal-proġett huwa li b'mod sostenibbli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-LAS li jimplimentaw il-PtA u l-ITI, inkluż għall-fini li jiġu miġġielda l-armi ħfief illeċiti u t-terroriżmu, skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proġett għandu l-objettivi ewlenin li ġejjin:

(a) 

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu s-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt;

(b) 

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizza l-istess sfidi;

(c) 

jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d) 

jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.

Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri tal-LAS jindikaw li huma jfittxu l-assistenza u l-appoġġ f'oqsma speċifiċi, b'attenzjoni prevalenti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali biex jiġu miġġielda l-flussi tal-armi illeċiti (ara t-taqsima 3 għal aktar dettalji). Il-komponenti kollha tal-proġett, inkluż dawk relatati mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-evalwazzjoni ta' wara l-implimentazzjoni, fil-fatt huma mfassla biex jiżguraw li l-proġett jipprovdi kapaċità sostenibbli lill-benefiċjarji maħsuba tiegħu, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-gvern fi Stati Membri tal-LAS, kif ukoll is-Segretarjat tal-LAS (id-Dipartiment ta' Kontroll tal-Armi u d-Diżarm).

3.   Deskrizzjoni tal-azzjoni

Il-proġett tal-Unjoni biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' SALW fl-Istati Membri tal-LAS (2018–2020) huwa mfassal biex jirrispondi għall-ħtiġijiet li l-Istati Membri tal-LAS esprimew fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:

Qasam 1:

Kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti)

1.1.

Liċenzjar u kontroll tal-esportazzjoni/l-importazzjoni/it-transitu (valutazzjoni tar-riskju, eċċ.)

1.2.

Prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' SALW lil destinatarji mhux awtorizzati

1.3.

Identifikazzjoni ta' SALW u l-partijiet tagħhom matul l-ispezzjoni ta' oġġetti u merkanzija ttrasportati (metodi ta' spezzjoni, tekniki u tagħmir, eċċ.)

Qasam 2:

Identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi)

2.1.

Kontroll fuq il-fruntieri fl-art, fl-ajru u dawk marittimi, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija

2.2.

Immarkar, żamma ta' rekords u traċċar

2.3.

Tekniki u metodi addizzjonali għall-investigazzjoni u l-ispezzjoni tal-armi (użu ta' informazzjoni ballistika, identifikazzjoni/interruzzjoni ta' rotot u metodi ta' traffikar, eċċ.)

Qasam 3:

Miżuri oħra ta' kontroll tal-armi ħfief

3.1.

Ġestjoni u sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet

Qasam 4:

Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR)

4.1.

Skambju tal-għarfien espert, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tad-DDR

4.2.

Assistenza fit-tfassil tal-programmi DDR nazzjonali

4.3.

Forom oħra ta' appoġġ lill-Istati Membri tal-LAS matul il-fażi ta' wara l-konflitt

Ta' min jinnota li dan il-komponent, filwaqt li ntalab minn xi Stati Membri tal-LAS, irċieva inqas interess ġenerali mill-oqsma l-oħra elenkati f'din it-taqsima. Għal din ir-raġuni, dan il-proġett mhux ser jiffoka fuqu.

Qasam 5:

Għoti ta' informazzjoni rilevanti għas-SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW żgħir:

5.1.

Evalwazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri tal-LAS; pariri dwar emendi u reviżjonijiet possibbli.

5.2.

Traduzzjoni għall-Għarbi ta' riċerka rilevanti, studji ppubblikati u dokumenti oħra

Sabiex jindirizza l-ħtiġijiet ta' hawn fuq, il-proġett ser jinkludi l-elementi li ġejjin:

1. 

Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr

2. 

Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali

3. 

Missjonijiet ta' valutazzjoni

4. 

Taħriġ fil-pajjiż stess

5. 

Assistenza leġislattiva

6. 

Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

7. 

Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr

8. 

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett (inkluż awditjar finanzjarju)

3.1.   Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr

3.1.1.

Objettiv: Sensibilizzazzjoni dwar il-proġett, jiġi stabbilit kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS u jibdew jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi (valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet) (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.1.2.

Attivitajiet: Laqgħa ta' tnedija ta' ġimgħa fil-Kajr, li tkopri l-aspetti kollha tal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 5), immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll il-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

3.1.3.

Riżultati tal-azzjoni: stabbiliment ta' kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS; identifikazzjoni ta' ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

3.2.   Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali

3.2.1.

Objettiv: Fil-livell subreġjonali, l-Istati Membri tal-LAS jitħallew jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin u jidentifikaw il-prijoritajiet ta' implimentazzjoni f'oqsma relatati mal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.2.2.

Attivitajiet: Sessjonijiet ta' ħidma ta' ġimgħa li jsiru, bejn wieħed u ieħor f'nofs il-proġett, fi tliet subreġjuni differenti (tentattivament: il-Magreb, is-Saħel Għarbi u l-Afrika tal-Lvant; il-Maxreq; il-Peniżola Għarbija u l-Iraq) (total ta' tliet ġimgħat). L-Istati Membri tal-LAS li jipparteċipaw f'kull waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma jkunu determinati fil-laqgħa ta' tnedija tal-Kajr (punt 3.1) jew ftit wara.

3.2.3.

Riżultati tal-azzjoni: skambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin f'oqsma relatati mal-proġett; identifikazzjoni ta' prijoritajiet ta' implimentazzjoni; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tas-sessjoni ta' ħidma.

3.3.   Missjonijiet ta' valutazzjoni

3.3.1.

Objettiv: Jiġu aċċertati ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi u jitħejjew it-taħriġ u l-assistenza ta' segwitu fil-pajjiż stess (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.3.2.

Attivitajiet: Żjarat fuq il-post fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza.

3.3.3.

Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' missjonijiet ta' valutazzjoni; produzzjoni ta' rapport qasir għal kull missjoni, li jkun kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS ospitanti, bil-għan li jiddetermina l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu (identifikazzjoni ta' politiki u miżuri eżistenti, lakuni normattivi jew oħrajn, u ostakli biex jiġu indirizzati tali lakuni).

3.4.   Taħriġ fil-pajjiż stess

3.4.1.

Objettiv: Tinbena kapaċità sostenibbli għall-kontroll ta' armi ħfief fl-Istat Membru ospitanti tal-LAS skont l-interessi u l-ħtiġijiet ta' dak l-Istat (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.4.2.

Attivitajiet

Sessjonijiet ta' taħriġ fil-pajjiż stess għall-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza. Is-sessjonijiet ta' taħriġ jistgħu jibbenefikaw minnhom it-22 Stat Membru tal-LAS (ġimgħa għal kull Stat) kollha kemm huma jew għadd iżgħar ta' Stati Membri tal-LAS (żjarat multipli f'dawk l-Istati, pereżempju ġimagħtejn ta' taħriġ għal 11-il Stat Membru tal-LAS).

Kull sessjoni ta' taħriġ ta' ġimgħa ser tinvolvi: (a) jum ta' ftuħ li jintroduċi uffiċjali għolja tal-gvern għall-aspetti kollha tal-proġett li huma ta' rilevanza/interess għall-Istat Membru tal-LAS; (b) taħriġ ta' jumejn għall-maniġers l-aktar esposti (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS); (c) taħriġ prattiku ta' jumejn għall-persunal fuq il-post (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS).

F'każ ta' żjarat multipli, il-proġett ifittex li jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali billi jespandi u jsaħħaħ it-taħriġ ipprovdut matul l-ewwel żjara, speċjalment fl-oqsma identifikati mill-Istat Membru tal-LAS ospitanti bħala prijoritajiet ewlenin.

3.4.3.

Riżultati tal-azzjoni: L-impatt tas-sessjonijiet ta' taħriġ ikun ivvalutat sabiex jiġi ddeterminat sa fejn intlaħqu objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-proġett.

3.5.   Assistenza leġislattiva

3.5.1.

Objettiv: Tiġi vvalutata l-leġislazzjoni relatata mal-armi ħfief fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu tali assistenza; jiġu identifikati l-emendi u r-reviżjonijiet leġislattivi possibbli (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.5.2.

Attivitajiet: riċerka dokumentattiva u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS; żjara fuq il-post (ġimgħa); u rapport ta' segwitu u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS.

3.5.3.

Riżultati tal-azzjoni: Produzzjoni ta' rapport qasir, kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS, li jidentifika emendi u reviżjonijiet leġislattivi possibbli.

3.6.   Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

3.6.1.

Objettiv: Jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-LAS għal informazzjoni indipendenti u affidabbli bl-Għarbi dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata (qasam prijoritarju 5).

3.6.2.

Attivitajiet: Traduzzjoni għall-Għarbi ta' pubblikazzjonijiet u dokumenti ewlenin (rapporti ppubblikati, linji gwida dwar l-aħjar prattiki, eċċ.). Eżempji jistgħu jinkludu il-Gwida ta' Small Arms Survey għall-Proċess tan-NU dwar l-Armi Ħfief u l-Matriċi tas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-kumulu tal-Ħażniet (PSSM) tiegħu.

3.6.3.

Riżultati tal-azzjoni: Riżultati speċifiċi jistgħu jinkludi t-traduzzjoni ta' kotba, rapporti u dokumenti ta' tagħrif importanti, kif ukoll il-produzzjoni ta' podcasts u blog posts bl-Għarbi. Din l-azzjoni tkun tirriżulta f'żieda sinifikanti fid-disponibbiltà ta' informazzjoni indipendenti u affidabbli bil-lingwa Għarbija dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata.

3.7.   Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr

3.7.1.

Objettiv: Evalwazzjoni tal-proġett u l-pjan għal kooperazzjoni futura (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.7.2.

Attivitajiet: Laqgħa ta' jumejn fil-Kajr fi tmiem il-proġett, immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS u l-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

3.7.3.

Riżultati tal-azzjoni: Diskussjoni u evalwazzjoni tal-proġett; elaborazzjoni ta' pjanijiet għal kooperazzjoni futura dwar il-kontroll ta' armi ħfief; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

3.8.   Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett

3.8.1.

Objettiv: Jiġi żgurat li l-proġett ikun issodisfa l-objettivi sostantivi tiegħu, u li l-infiq tal-proġett ikun sar skont il-baġit maqbul.

3.8.2.

Attivitajiet: Sabiex jitkejlu l-impatti tad-diversi komponenti tal-proġett, il-proġett ser jinkludi kemm mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ kif ukoll wieħed estern. Il-mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ ser jitmexxa mill-ispeċjalist fil-ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati (RBM) residenti, bl-appoġġ tal-persunal tal-proġett. L-evalwazzjoni esterna ser tinvolvi r-reklutaġġ ta' tim estern ta' evalwazzjoni li ser jivvjaġġa lejn il-Kajr għal-laqgħa ta' jumejn fi tmiem il-proġett, stati parteċipanti magħżula tal-Istati Membri tal-LAS (sa 8) u l-kwartieri tal-implimentaturi ewlenin tal-proġett Small Arms Survey, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Il-proġett ser jinkludi wkoll awditu finanzjarju skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni.

3.8.3.

Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' valutazzjoni tal-impatti tal-proġett; tlestija tal-awditu finanzjarju.

4.   Implimentazzjoni ta' aġenziji u sħubiji

Is-Small Arms Survey (“SAS”), ċentru ta' riċerka li jinsab fil-Graduate Institute of International and Development Studies f'Ġinevra, l-Iżvizzera, ser ikun l-aġenzija ta' implimentazzjoni ewlenija. Fl-implimentazzjoni tal-proġett, L-SAS ser jibbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq il-kontributi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). L-Interpol ser ikollha r-responsabbiltà prinċipali għall-oqsma prijoritarji 2.2 u 2.3 (tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi), id-WCO għall-oqsma prijoritarji 1 u 2.1 (kontrolli internazzjonali tat-trasferimenti, inkluż kontrolli fuq il-fruntieri).

Skont il-ħtieġa, L-SAS jissottokuntratta lil organizzazzjonijiet oħra biex jassistu b'komponenti oħrajn tal-proġett (possibbilment ukoll il-komponent dwar il-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet). Skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' Stati Membri tal-LAS parteċipanti, organizzazzjonijiet oħra, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ċerti aġenziji speċjalizzati tal-LAS, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġett.

L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jikkoordinaw ukoll mal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi li jaħdmu fl-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll kwalunkwe programm tal-Unjoni bi preżenza hemmhekk, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-qafas tal-proġett jikkomplementaw u jibnu fuq inizjattivi eżistenti.

L-SAS u s-sħab ta' implimentazzjoni tiegħu ser jieħdu wkoll miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett skont il-linji gwida tal-Unjoni.

5.   Tul ta' żmien

Il-proġett huwa previst li jdum 24 xahar. Skont l-interess tal-Istati Membri tal-LAS u l-finanzjament disponibbli, l-estensjoni tal-proġett lil hinn mill-perijodu inizjali ta' sentejn tkun tippermetti t-tkomplija u l-konsolidazzjoni tal-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet imwettqa fil-fażi inizjali tal-proġett. Pereżempju, it-taħriġ ipprovdut lil Stat Membri tal-LAS partikolari fil-fażi inizjali jista' jiġi ripetut, estiż u ttestjat, bl-involviment ta' firxa usa' ta' persunal, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà. L-Istati Membri tal-LAS li ma jirċevux it-taħriġ jew l-assistenza leġislattiva kollha li jkunu fittxew fl-ewwel fażi tal-proġett jistgħu jirċevuhom fit-tieni waħda. L-Istati Membri tal-LAS li identifikaw ħtiġijiet jew prijoritajiet ġodda fir-rigward tal-kontroll tal-armi abbażi, pereżempju, tal-kapaċitajiet miksuba fl-ewwel fażi tal-proġett, jistgħu jirċievu assistenza f'dawn l-oqsma fit-tieni fażi.