European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2239

9.4.2025

Statuti tal-E-RIHS ERIC

Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għax-Xjenza Patrimonjali

(C/2025/2239)

Werrej

PREAMBOLU 4
KAPITOLU 1 4
ELEMENTI ESSENZJALI 4
Artikolu 1 4
Isem u sede 4
Artikolu 2 4
Kompiti u attivitajiet 4
Artikolu 3 5
Durata 5
Artikolu 4 5
Stralċ 5
Artikolu 5 5
Responsabbiltà u assigurazzjoni 5
Artikolu 6 5
Politika dwar l-Aċċess 5
Artikolu 7 6
Politika dwar l-Evalwazzjoni Xjentifika 6
Artikolu 8 6
Politika dwar id-Disseminazzjoni 6
Artikolu 9 6
Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali 6
Artikolu 10 6
Politika dwar l-Impjiegi 6
Artikolu 11 7
Politika dwar l-akkwist 7
KAPITOLU 2 7
SĦUBIJA 7
Artikolu 12 7
Sħubija u entità rappreżentanti 7
Artikolu 13 8
Kundizzjonijiet biex wieħed isir membru jew osservatur 8
Artikolu 14 8
Irtirar u terminazzjoni ta’ sħubija jew ta’ status ta’ osservatur 8
KAPITOLU 3 9
DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-MEMBRI U L-OSSERVATURI 9
Artikolu 15 9
Membri 9
Artikolu 16 10
Osservaturi u osservaturi permanenti 10
KAPITOLU 4 10
GOVERNANZA U ĠESTJONI 10
Artikolu 17 10
Struttura ta’ governanza 10
Artikolu 18 10
Assemblea Ġenerali 10
Artikolu 19 11
Direttur Ġenerali u Ċentru Ċentrali 11
Artikolu 20 12
Kumitat tan-Nodi Nazzjonali 12
Artikolu 21 12
Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika 12
KAPITOLU 5 13
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI 13
Artikolu 22 13
Prinċipji baġitarji, kontijiet u awditjar 13
Artikolu 23 13
Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa 13
KAPITOLU 6 13
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 13
Artikolu 24 13
Politika dwar id-Data 13
Artikolu 25 14
Lingwa ta’ Ħidma 14
Artikolu 26 14
Rapportar lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pubbliku 14
Artikolu 27 14
Liġi applikabbli 14
Artikolu 28 14
Tilwim 14
Artikolu 29 15
Aġġornamenti u disponibbiltà tal-istatuti 15
ANNESS I – LISTA TA’ MEMBRI, OSSERVATURI PERMANENTI, OSSERVATURI U L-ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI TAGĦHOM 16
ANNESS II – FINANZI 17
ANNESS III – DEFINIZZJONIJIET 18

Statuti tal-E-RIHS ERIC

PREAMBOLU

Ir-Repubblika Franċiża

Ir-Repubblika Taljana

Ir-Renju tan-Netherlands

Ir-Renju ta’ Spanja

L-Ungerija

Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Ir-Repubblika ta’ Malta

Ir-Repubblika tal-Polonja

Ir-Repubblika tas-Slovenja

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Ir-Rumanija

Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“membri”

BILLI l-membri huma konvinti li x-Xjenza Patrimonjali twieġeb għal sfidi globali urġenti li għandhom impatt fuq ix-xjenza u s-soċjetà Ewropea permezz ta’ fehim u konservazzjoni aħjar tal-patrimonju.

BILLI l-membri huma konvinti li x-Xjenza Patrimonjali tikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u l-benesseri taċ-ċittadini permezz ta’ studji dwar il-passat tagħna.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impatt tal-kontribut tax-Xjenza Patrimonjali għall-industriji kulturali permezz ta’ riċerka dwar il-ġestjoni tal-patrimonju u l-konservazzjoni tal-patrimonju.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-prattika tax-Xjenza Patrimonjali twassal għal innovazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal oqsma u industriji xjentifiċi oħra u li x-Xjenza Patrimonjali tibbenefika mill-innovazzjoni f’oqsma oħra.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-potenzjal ta’ teknoloġiji diġitali biex tiġi ffaċilitata r-riċerka u mħaffa l-kollaborazzjoni.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kollaborazzjoni hija essenzjali biex jitrawwem l-iskambju tal-għarfien u l-għarfien espert, biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tat-teknoloġija, u biex tiġi evitata duplikazzjoni tal-investimenti u frammentazzjoni tal-isforzi fir-riċerka.

FILWAQT LI JAGĦRFU li x-Xjenza Patrimonjali hija relatata bl-istess mod ma’ kollezzjonijiet tal-istorja kulturali u naturali, patrimonju arkitettoniku u monumenti, siti arkeoloġiċi u ġeoloġiċi.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li kultura ta’ transdixxiplinarjetà, skambju u kooperazzjoni li tassoċja riċerkaturi mix-xjenzi ambjentali, l-arti, ix-xjenzi umanistiċi, ix-xjenzi soċjali u diġitali fuq livell ugwali se tipproduċi riżultati eċċellenti.

FILWAQT LI JAGĦRFU l-legat ta’ bosta proġetti ta’ riċerka Ewropej u r-rwol ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-istrutturar ta’ komunità Ewropea tax-Xjenza Patrimonjali.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza assoluta tal-involviment u l-kontribut miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr tal-Proprjetà Kulturali (ICCROM, International Centre for the Study of the Preservation and Restoration of Cultural Property).

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li din il-kooperazzjoni tkompli fi struttura permanenti li tista’ ssaħħaħ l-integrazzjoni u l-koeżjoni tal-komunitajiet tax-Xjenza Patrimonjali u l-pożizzjoni prinċipali tal-Ewropa f’dan il-qasam.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

ELEMENTI ESSENZJALI

Artikolu 1

Isem u sede

1.   L-Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għax-Xjenza Patrimonjali hija stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC, European Research Infrastructure Consortium) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 (1), bl-isem u minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“E-RIHS ERIC”.

2.   L-E-RIHS ERIC huwa infrastruttura ta’ riċerka distribwita magħmula minn Nodi Nazzjonali tal-E-RIHS.

3.   L-E-RIHS ERIC għandu s-sede statutorja tiegħu f’Firenze, l-Italja.

Artikolu 2

Kompiti u attivitajiet

1.   Il-kompitu prinċipali tal-E-RIHS ERIC huwa li jistabbilixxi u jopera l-infrastruttura ta’ riċerka u li jikkoordina l-iżvilupp strateġiku u finanzjarju tagħha.

2.   Fit-twettiq tal-kompitu prinċipali tiegħu u f’konformità mad-dispożizzjoni ta’ dawn l-Istatuti, l-E-RIHS ERIC iwettaq jew jikkoordina l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

jippermetti u jikkoordina komunità ta’ Nodi Nazzjonali, li tinkludi l-istabbiliment u l-monitoraġġ ta’ proċeduri ta’ mmaniġġjar tal-kwalità għan-Nodi Nazzjonali u l-faċilitajiet sħab;

(b)

jipprovdi punt ta’ aċċess integrat ċentrali għall-faċilitajiet sħab u r-riżorsi tagħhom abbażi ta‘ eċċellenza xjentifika, inkluż l-iżvilupp kontinwu u l-aċċess miftuħ għal riżorsi xjentifiċi materjali u diġitali;

(c)

jappoġġa l-avvanz tal-fehim xjentifiku tal-Patrimonju u b’dan il-mod jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tiegħu;

(d)

jippromwovi x-Xjenza Patrimonjali, u b’mod partikolari l-approċċ transdixxiplinarju tagħha għal kwistjonijiet ta’ riċerka relatati mal-istorja, l-interpretazzjoni, id-dijanjożi, l-apprezzament u l-preservazzjoni tal-Patrimonju;

(e)

jippromwovi kultura ta’ kollaborazzjoni transdixxiplinarja u tranżnazzjonali permezz ta’ appoġġ għar-riċerkaturi fl-iżvilupp ta’ għarfien espert xjentifiku u teknoloġiku komprensiv, avvanzat, inkluż it-taħriġ;

(f)

irawwem l-innovazzjoni fil-proċess xjentifiku u esploratorju, is-servizzi, u l-livelli ta’ ġestjoni fix-Xjenza Patrimonjali, filwaqt li jenfasizza l-interoperabbiltà teknoloġika u l-konverġenza tal-metodi permezz tad-definizzjoni tal-aħjar prattiki.

3.   Barra minn hekk, l-E-RIHS ERIC jista’ jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

jiffaċilita l-mobbiltà tar-riċerkaturi u tipi oħra ta’ Utenti;

(b)

jidentifika proġetti Ewropej ta’ interess fix-Xjenza Patrimonjali u opportunitajiet ta’ finanzjament relatati, u jiggwida s-sħab interessati fl-applikazzjonijiet tagħhom;

(c)

jistabbilixxi sħubijiet internazzjonali ma’ organizzazzjonijiet Ewropej u mhux Ewropej oħra fix-Xjenza Patrimonjali u oqsma relatati;

(d)

iwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jissodisfa l-għanijiet u l-objettivi tiegħu.

4.   L-E-RIHS ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet kollha tiegħu b’mod etiku u trasparenti u għandu jevita kunflitti ta’ interess organizzattivi jew personali potenzjali.

5.   L-E-RIHS ERIC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-E-RIHS ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti prinċipali tiegħu, u ma jipperikolawx il-kisba tagħhom. Kwalunkwe introjtu ġġenerat minn dawn l-attivitajiet ekonomiċi għandu jintuża mill-E-RIHS ERIC biex itejjeb u jsaħħaħ l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 3

Durata

L-E-RIHS ERIC għandu jeżisti għal perjodu indefinit.

Artikolu 4

Stralċ

1.   L-istralċ tal-E-RIHS ERIC għandu jiġi deċiż u jinbeda mill-Assemblea Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 18(6) ta’ dawn l-Istatuti.

2.   Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ stralċ tal-E-RIHS ERIC, l-E-RIHS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.   Mingħajr dewmien żejjed wara l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem wara dan l-għeluq, l-E-RIHS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

4.   L-E-RIHS ERIC ma għandux jibqa’ jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Responsabbiltà u assigurazzjoni

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.   Il-membri mhumiex responsabbli b’mod konġunt għad-djun tal-E-RIHS ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-E-RIHS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali rispettiva tagħhom, kif speċifikat fl-Anness II.

3.   L-E-RIHS ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-operat tiegħu.

Artikolu 6

Politika dwar l-Aċċess

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jipprovdi aċċess effettiv għall-għarfien espert u l-kompetenzi ta’ komunità ta’ Xjentisti Patrimonjali minn faċilitajiet sħab kif ukoll għal sistema integrata ta’ pjattaformi li jinkludu kollezzjonijiet ta’ arkivji ta’ kampjuni u data fiżika, għodod diġitali online u riżorsi ta’ riċerka diġitali, faċilitajiet fissi fuq skala kbira u fuq skala medja u strumentazzjoni mobbli għal kejl mhux invażiv u investigazzjoni tal-assi tal-patrimonju kulturali li jinkludu, iżda mhux ristretti għal, oġġetti u siti.

2.   Għandu jingħata aċċess lill-Utenti li jwettqu riċerka dwar ix-Xjenza Patrimonjali, abbażi ta’ eċċellenza xjentifika. F’każijiet speċjali, jista’ jiġi pprovdut ukoll aċċess lill-Utenti li jwettqu Riċerka Proprjetarja dwar ix-Xjenza Patrimonjali kif huma dettaljati fir-regolament rigward il-politika dwar l-aċċess tal-E-RIHS ERIC.

3.   Il-politika dwar l-aċċess tal-E-RIHS ERIC għandha tkun l-oġġett ta’ dokument ta’ regolament speċifiku, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-Karta Ewropea għall-Aċċess għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka, u soġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 7

Politika dwar l-Evalwazzjoni Xjentifika

1.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu jevalwa kull sena l-attivitajiet xjentifiċi, tekniċi u ġenerali tal-E-RIHS ERIC u taħt it-tikketta tal-E-RIHS ERIC. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ rapport u għandha tintbagħat lill-Assemblea Ġenerali.

2.   Il-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali għandu jassisti lill-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika fit-twettiq tal-evalwazzjoni xjentifika billi jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-attivitajiet xjentifiċi tan-Nodi Nazzjonali, filwaqt li jikkunsidra l-ħtiġijiet ta’ aċċess tal-E-RIHS ERIC, l-istandards ta’ kwalità tas-servizzi u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-E-RIHS ERIC.

3.   L-istandards ta’ kwalità tas-servizzi tal-E-RIHS ERIC u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta’ dokument ta’ regolament speċifiku, li għandu jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 8

Politika dwar id-Disseminazzjoni

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jirrikjedi li l-Utenti tiegħu jiżguraw aċċess miftuħ għar-riżultati u l-pubblikazzjonijiet tar-riċerka u jħeġġiġhom jagħmlu d-data tagħhom disponibbli fuq ir-repożitorju tal-E-RIHS u repożitorji oħra dment li jkunu jikkonformaw mal-prinċipji ta’ Traċċabbiltà, Aċċessibbiltà, Interoperabbiltà u Riutilizzabbiltà fi żmien raġonevoli.

2.   L-E-RIHS ERIC għandu juża l-mezzi l-aktar estensivi għall-udjenzi fil-mira tiegħu, inklużi s-sit web, il-bullettin, il-media soċjali u networks professjonali diġitali oħra, il-komunikazzjonijiet f’konferenzi, wirjiet, artikli, rapporti u dokumentarji fil-media stampata, tax-xandir u online.

3.   L-E-RIHS ERIC għandu jirrikjedi li l-Utenti tiegħu jirrikonoxxu l-użu tal-E-RIHS ERIC.

Artikolu 9

Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

1.   “Proprjetà intellettwali” għandha tfisser proprjetà, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967.

2.   Id-data prodotta jew żviluppata taħt it-tikketta tal-E-RIHS ERIC, kif ukoll id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali marbuta magħha, għandhom jappartjenu għall-entità jew il-persuna li tkun iġġenerathom.

3.   L-użu tad-data li tirriżulta mir-riċerka mwettqa taħt it-tikketta tal-E-RIHS ERIC għandu jingħata lill-E-RIHS ERIC u lill-komunità xjentifika mis-sid tad-data, f’konformità mal-kundizzjonijiet definiti mill-Assemblea Ġenerali fil-Politika dwar il-Ġestjoni tad-Data tal-E-RIHS.

Artikolu 10

Politika dwar l-Impjiegi

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jkun impjegatur b’“opportunitajiet indaqs. Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjiegi għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji. Il-ħatriet għandhom isiru abbażi ta” proċess ta’ għażla kompetittiv.

2.   L-E-RIHS ERIC għandu jiżgura li l-persunal tiegħu ma jkunx preġudikat minħabba l-interessi finanzjarji, kuntrattwali, organizzattivi, jew interessi oħra tiegħu li jkunu relatati max-xogħol tiegħu, u ma jikseb l-ebda vantaġġ kompetittiv inġust fuq partijiet oħra minħabba t-twettiq ta’ xogħlu.

3.   Il-kuntratti tal-impjiegi għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih ikun impjegat il-persunal.

4.   L-E-RIHS ERIC għandu jirreklama l-pożizzjonijiet miftuħa u l-postijiet tax-xogħol vakanti tiegħu fil-livell internazzjonali.

5.   Id-Direttur Ġenerali għandu jistabbilixxi regolamenti u regoli li jirregolaw l-aspetti kollha tal-impjiegi fiċ-Ċentru Ċentrali li jiggarantixxu li l-benesseri tal-persunal, il-konformità mal-liġi lokali, u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni jiġu ssodisfati. Dawk ir-regoli u regolamenti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 11

Politika dwar l-akkwist

1.   Il-politika dwar l-akkwist tal-E-RIHS ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u kompetizzjoni.

2.   Ir-regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura u adottati mill-Assemblea Ġenerali.

KAPITOLU 2

SĦUBIJA

Artikolu 12

Sħubija u entità rappreżentanti

1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri jew osservaturi tal-E-RIHS ERIC:

(a)

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(b)

il-pajjiżi assoċjati, kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009;

(c)

il-pajjiżi terzi, kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, għajr il-pajjiżi assoċjati;

(d)

l-organizzazzjonijiet intergovernattivi.

2.   Il-kundizzjonijiet biex wieħed isir membru jew osservatur huma stabbiliti fl-Artikolu 13.

3.   Is-sħubija fl-E-RIHS ERIC għandha tinkludi mill-inqas Stat Membru u żewġ pajjiżi oħra li huma Stati Membri jew inkella pajjiżi assoċjati.

4.   L-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom b’mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fl-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddetermina kwalunkwe modifika tad-drittijiet tal-vot li hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-E-RIHS ERIC dejjem jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit.

5.   Kwalunkwe membru jew osservatur imsemmi fil-paragrafu 1(a) sa (c) jista’ jiġi rrappreżentat minn entità pubblika jew privata waħda jew aktar b’missjoni ta’ servizz pubbliku, tal-għażla proprja tiegħu u maħtur f’konformità mar-regoli u l-proċeduri proprji tiegħu. L-organizzazzjonijiet intergovernattivi msemmija fil-paragrafu 1(d) jirrappreżentaw lilhom infushom.

6.   Kull membru jew osservatur għandu jinforma lill-Assemblea Ġenerali bi kwalunkwe bidla fl-entitajiet rappreżentanti tiegħu, bid-drittijiet u l-obbligi speċifiċi li jkunu ġew iddelegati lilu jew bi kwalunkwe bidla rilevanti oħra.

7.   Il-membri u l-osservaturi tal-E-RIHS ERIC, inklużi l-osservaturi permanenti kif speċifikat fl-Artikolu 13(5), flimkien mal-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness I. L-Anness I għandu jinżamm aġġornat mid-Direttur Ġenerali.

Artikolu 13

Kundizzjonijiet biex wieħed isir membru jew osservatur

1.   L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) li jkunu lesti li jsiru membri tal-E-RIHS ERIC għandhom jissottomettu applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Dik l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-entità se tikkontribwixxi għall-objettivi u l-attivitajiet tal-E-RIHS ERIC deskritti fl-Artikolu 2, u kif se tissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 15.

2.   L-ammissjoni tal-entitajiet bħala membri ġodda għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali, skont ir-regoli dwar il-votazzjoni deskritti fl-Artikolu 18(6) u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-parir tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika.

3.   L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) li jkunu lesti li jipparteċipaw fl-E-RIHS ERIC iżda li jkunu għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jissieħbu bħala membri, jistgħu japplikaw għal status ta’ osservatur. Dawn l-entitajiet għandhom jissottomettu applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Dik l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-applikant se jikkontribwixxi għall-objettivi u l-attivitajiet tal-E-RIHS ERIC deskritti fl-Artikolu 2, u kif se jissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 16. Dawn l-entitajiet għandhom jiġu ammessi bħala osservaturi għal tliet snin. L-osservaturi jistgħu japplikaw darba għall-estensjoni tal-istatus ta’ osservatur għall-istess durata.

4.   L-ammissjoni jew l-ammissjoni mill-ġdid tal-osservaturi għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali, skont ir-regoli dwar il-votazzjoni deskritti fl-Artikolu 18(6) u skont il-parir tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika.

5.   Osservatur li jipprevedi parteċipazzjoni dejjiema iżda li ma jkunx fil-pożizzjoni li jsir membru jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jingħata l-istatus ta’ osservatur permanenti abbażi tal-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali, f’konformità mar-regoli dwar il-votazzjoni deskritti fl-Artikolu 18(6).

6.   Membri jew osservaturi ġodda, inklużi osservaturi permanenti, ammessi fl-E-RIHS ERIC fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-E-RIHS ERIC, għandhom jiġu assimilati mal-Entitajiet Fundaturi.

Artikolu 14

Irtirar u terminazzjoni ta’ sħubija jew ta’ status ta’ osservatur

1.   L-ebda membru jew osservatur permanenti ma jista’ jirtira mill-E-RIHS ERIC fl-ewwel ħames snin mill-istabbiliment tiegħu. Wara dan il-punt, membru jew osservatur permanenti jista’ jirtira fi tmiem sena finanzjarja, wara li jkun bagħat talba lill-Assemblea Ġenerali 12-il xahar qabel l-irtirar.

2.   L-osservaturi, minbarra l-osservaturi permanenti, jistgħu jirtiraw fi tmiem sena finanzjarja, wara talba li tkun ġiet sottomessa lill-Assemblea Ġenerali sitt xhur qabel l-irtirar.

3.   Il-membri u l-osservaturi għandhom jissodisfaw l-obbligi finanzjarji u obbligi oħra qabel ma l-irtirar tagħhom ikun jista’ jsir effettiv.

4.   L-Assemblea Ġenerali tista’ tittermina s-sħubija jew l-istatus ta’ osservatur jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-membru jew l-osservatur ikun kiser b’mod serju wieħed jew aktar mill-obbligi tiegħu skont dawn l-Istatuti;

(b)

il-membru jew l-osservatur ikun naqas milli jirrettifika dan il-ksur fi żmien sitt xhur wara li jkun irċieva avviż tal-ksur bil-miktub. Il-membru jew osservatur imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkollu d-dritt li jispjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Assemblea Ġenerali, qabel ma l-Assemblea Ġenerali tieħu kwalunkwe deċiżjoni rigward il-kwistjoni.

5.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddefinixxi x’jikkostitwixxi ksur serju ta’ obbligu fir-regoli ta’ proċedura.

6.   Minkejja l-Artikolu 14(1), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 14(3), il-membri u l-osservaturi li huma pajjiżi assoċjati, pajjiżi terzi għajr pajjiżi assoċjati, jew organizzazzjonijiet intergovernattivi, jistgħu jirtiraw mill-E-RIHS ERIC wara bidliet fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 li jkunu jaffettwaw materjalment id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-E-RIHS ERIC.

Dawn il-bidliet jitqiesu materjali fejn ikunu jimplikaw tariffi miżjuda (inklużi kontribuzzjonijiet annwali jew kostijiet tad-dekummissjonar), jemendaw l-azzjonijiet bi dritt tal-vot, jimponu rekwiżiti li jmorru kontra l-liġijiet applikabbli skont l-Artikolu 27 ta’ dawn l-Istatuti, ineħħu d-dritt li jkunu rappreżentati fl-Assemblea Ġenerali jew f’kumitati oħra, jew ibiddlu d-drittijiet tagħhom relatati mar-rappreżentanza jew l-użu tal-infrastruttura.

Il-kundizzjonijiet u l-effetti tal-irtirar mill-E-RIHS ERIC, għandhom jiġu deċiżi f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-membru jew l-osservatur affettwat għandu jipprovdi avviż lill-Assemblea Ġenerali fi żmien sitt xhur mill-bidla rilevanti fir-Regolamenti tal-UE dwar l-ERIC, bid-dettalji tad-data li fiha dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ.

KAPITOLU 3

DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-MEMBRI U L-OSSERVATURI

Artikolu 15

Membri

1.   Id-drittijiet ta’ kull membru għandhom jinkludu:

(a)

id-dritt li jattendi l-Assemblea Ġenerali b’vot wieħed;

(b)

id-dritt li l-faċilitajiet sħab tiegħu li jkunu affiljati man-Nodu Nazzjonali tiegħu jużaw it-tikketta “E-RIHS ERIC” għall-attivitajiet tagħhom, inkluż għal konferenzi u avvenimenti u taħriġ;

(c)

id-dritt li l-faċilitajiet sħab tiegħu li jkunu affiljati man-Nodu Nazzjonali tiegħu jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi Ewropej u internazzjonali permezz tal-E-RIHS ERIC;

(d)

id-dritt li l-komunità għar-riċerka tiegħu tipparteċipa fl-attivitajiet tal-E-RIHS ERIC.

2.   Kull membru għandu:

(a)

jistabbilixxi Nodu Nazzjonali tal-E-RIHS ERIC u jippromwovi l-integrazzjoni tal-komunità tax-Xjenza Patrimonjali tiegħu taħt il-koordinazzjoni tiegħu;

(b)

jaħtar rappreżentanti f’konformità mal-Artikolu 18(2);

(c)

jaħtar Koordinatur Nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(d)

jikkontribwixxi finanzjarjament fi flus għall-E-RIHS ERIC, f’konformità mal-Anness II;

(e)

jipprovdi kontribuzzjonijiet in natura, inkluż aċċess għal infrastrutturi xjentifiċi f’konformità mal-Artikolu 6;

(f)

jabbozza katalogu ta’ servizzi pprovduti fl-E-RIHS ERIC mill-faċilitajiet sħab li jkunu affiljati man-Nodu Nazzjonali tiegħu lill-komunità u jżommuh eżawrjenti u aġġornat;

(g)

jippromwovi l-adozzjoni ta’ standards rilevanti fin-network tiegħu, f’konformità mal-politika dwar il-kwalità tal-E-RIHS ERIC;

(h)

jippromwovi l-użu tas-servizzi fost ir-riċerkaturi fil-pajjiż membru u jiġbor il-feedback u r-rekwiżiti tal-Utenti.

3.   L-organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jitolbu li jiġu eżentati minn xi obbligi stabbiliti fl-Artikolu 15(2). Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu elenkati u ġġustifikati fl-applikazzjoni deskritta fl-Artikolu 13 u approvati bħala parti mill-ammissjoni ta’ organizzazzjoni intergovernattiva bħala membru mill-Assemblea Ġenerali skont ir-regoli dwar il-votazzjoni deskritti fl-Artikolu 18(6).

Artikolu 16

Osservaturi u osservaturi permanenti

1.   Id-drittijiet tal-osservaturi għandhom jinkludu:

(a)

id-dritt li jattendu għall-Assemblea Ġenerali mingħajr vot;

(b)

id-dritt li l-komunità għar-riċerka tagħhom tipparteċipa f’attivitajiet approvati mill-Assemblea Ġenerali.

2.   Kull osservatur għandu:

(a)

jaħtar rappreżentanti f’konformità mal-Artikolu 18(2);

(b)

jikkontribwixxi finanzjarjament fi flus għall-E-RIHS ERIC f‘konformità mal-Anness II;

(c)

jippromwovi l-adozzjoni ta’ standards rilevanti fin-network tiegħu, f’konformità mal-politika dwar il-kwalità tal-E-RIHS ERIC;

(d)

jagħmel ħiltu biex isir membru tal-E-RIHS ERIC.

3.   L-organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jitolbu li jiġu eżentati minn xi obbligi stabbiliti fl-Artikolu 16(2). Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu elenkati u ġġustifikati fl-applikazzjoni deskritta fl-Artikolu 13 u approvati bħala parti mill-ammissjoni ta’ organizzazzjoni intergovernattiva bħala osservatur mill-Assemblea Ġenerali skont ir-regoli dwar il-votazzjoni deskritti fl-Artikolu 18(6).

4.   L-osservaturi permanenti għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-membri kif previst fl-Artikolu 15, ħlief id-dritt tal-vot fl-Assemblea Ġenerali.

KAPITOLU 4

GOVERNANZA U ĠESTJONI

Artikolu 17

Struttura ta’ governanza

L-istruttura ta’ governanza tal-E-RIHS ERIC għandha tinkludi:

(a)

l-Assemblea Ġenerali;

(b)

id-Direttur Ġenerali, assistit miċ-Ċentru Ċentrali;

(c)

il-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali;

(d)

il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika.

Artikolu 18

Assemblea Ġenerali

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp ta’ tmexxija tal-E-RIHS ERIC u għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri u l-osservaturi.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed u għandu jinnomina sa żewġ rappreżentanti. L-osservaturi ma għandu jkollhom l-ebda vot u għandhom jinnominaw sa żewġ rappreżentanti. Ir-rappreżentanti kemm tal-membri kif ukoll tal-osservaturi jistgħu jiġu assistiti minn sa żewġ esperti.

3.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u għandha tkun responsabbli għad-direzzjoni u s-superviżjoni ġenerali tal-E-RIHS ERIC.

4.   Fuq il-punti kollha, l-Assemblea Ġenerali għandha timpenja ruħha bis-sħiħ biex tikseb il-kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, l-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kwistjonijiet f’konformità mas-sistema ta’ votazzjoni kif definita fil-paragrafi 5 sa 7.

5.   Id-deċiżjoni li ġejja għandha tirrikjedi l-unanimità tal-voti mitfugħa mill-membri:

(a)

l-istabbiliment u l-bidla tal-kontribuzzjoni annwali tal-membri u l-osservaturi;

(b)

l-emenda tal-Istatuti tal-E-RIHS ERIC.

6.   Id-deċiżjonijiet li ġejjin għandhom jirrikjedu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa:

(a)

il-ħatra, it-tiġdid, is-sospensjoni jew it-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali u d-Deputati;

(b)

il-ħatra, it-tiġdid, is-sospensjoni jew it-tkeċċija tal-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika u kwalunkwe korp konsultattiv addizzjonali, mhux irregolat minn dawn l-Istatuti;

(c)

il-ħolqien jew it-tneħħija ta’ korpi ta’ governanza jew ta’ ġestjoni mhux elenkati fl-Artikolu 17;

(d)

l-approvazzjoni tal-ammissjoni ta’ membri u osservaturi ġodda, l-għoti tal-istatus ta’ osservatur permanenti, u t-terminazzjoni ta’ sħubija jew status ta’ osservatur;

(e)

l-approvazzjoni tar-rapport annwali tal-attività;

(f)

l-approvazzjoni tal-istrateġija xjentifika;

(g)

l-istralċ tal-E-RIHS ERIC;

(h)

l-approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet baġitarji u finanzjarji inkluż il-baġit annwali, il-qafas għall-kontribuzzjonijiet in natura, il-pjan ta’ attività ta’ 5 snin u l-pjan finanzjarju, is-salarju tad-Direttur, u kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma’ bidla fil-mudell ta’ negozju jew fil-politika finanzjarja.

7.   Kwalunkwe kwistjoni oħra mhux definita bħala li tirrikjedi maġġoranza ta’ żewġ terzi jew unanimità għandha tiġi deċiża b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa.

8.   L-Assemblea Ġenerali għandha teleġġi President u Viċi President minn fost ir-rappreżentanti tal-membri b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa. Il-President u l-Viċi President għandhom jiġu eletti għal mandat ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded darba. Il-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali għandhom jissejħu mill-President. Il-President u l-Viċi President ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot addizzjonali.

9.   Laqgħa straordinarja tal-Assemblea Ġenerali tista’ tintalab minn tal-inqas nofs il-membri.

10.   Għandu jkun meħtieġ kworum ta’ żewġ terzi tal-membri biex laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tkun valida. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, it-tieni laqgħa għandha tissejjaħ mill-aktar fis possibbli wara li ssir stedina ġdida bl-istess aġenda. Fit-tieni laqgħa, il-kworum jiġi meqjus li ntlaħaq jekk nofs il-membri jkunu preżenti.

11.   L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta regoli dwar il-preżenza remota u talterna r-rappreżentanti fir-regoli ta’ proċedura.

Artikolu 19

Direttur Ġenerali u Ċentru Ċentrali

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha taħtar id-Direttur Ġenerali tal-E-RIHS ERIC f’konformità mal-Artikolu 18(6) u proċedura ta’ reklutaġġ adottata mill-Assemblea Ġenerali. Il-mandat għad-Direttur Ġenerali għandu jkun sa ħames snin, li jista’ jiġġedded darba.

2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-E-RIHS ERIC.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu jelabora l-pjan strateġiku tal-E-RIHS ERIC li għandu jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali, f’kollaborazzjoni mal-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali.

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Assemblea Ġenerali.

5.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għas-sottomissjoni tar-rapport annwali tal-attività lill-Assemblea Ġenerali. Ir-rapport għandu jiġi abbozzat b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat tan-Nodi u tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika.

6.   Id-Direttur Ġenerali jista’ jitlob il-preżenza ta’ Deputat wieħed jew aktar għall-Assemblea Ġenerali.

7.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni taċ-Ċentru Ċentrali tal-E-RIHS ERIC. Iċ-Ċentru Ċentrali għandu jassisti lid-Direttur Ġenerali u lill-korpi l-oħra msemmija fl-Artikolu 17.

8.   Il-lista ta’ attivitajiet taċ-Ċentru Ċentrali għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2 u l-Artikolu 27 għar-rekwiżiti legali applikabbli għall-operat ta’ ERIC. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu l-bażi għal operazzjoni effiċjenti u koordinata tal-infrastruttura distribwita.

9.   Id-Direttur Ġenerali u ċ-Ċentru Ċentrali għandhom jibqgħu imparzjali fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 20

Kumitat tan-Nodi Nazzjonali

1.   Il-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali jikkostitwixxi l-korp xjentifiku tal-E-RIHS ERIC u għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi ta’ kull Nodu Nazzjonali.

2.   Kull pajjiż għandu jaħtar Koordinatur Nazzjonali wieħed skont ir-regoli proprji tiegħu, li jirrappreżenta l-entitajiet kollha involuti fin-Nodu Nazzjonali.

3.   Il-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali għandu jkollu l-kompitu li:

(a)

jiżgura l-konsistenza, il-koerenza u l-istabbiltà tal-attivitajiet tan-Nodi Nazzjonali;

(b)

jissorvelja u jimmonitorja l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politiki dwar l-E-RIHS ERIC fin-network;

(c)

jirrappreżenta lill-komunitajiet tal-Utenti b’mod effiċjenti, billi jaggrega s-suġġerimenti, il-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom fil-livell tal-E-RIHS ERIC;

(d)

jagħmel proposti biex itejjeb l-infrastrutturi, il-proċeduri u l-prattiki tan-Nodi Nazzjonali biex jevita diskrepanzi fil-kwalità jew l-effiċjenza bejn il-faċilitajiet tal-membri tal-E-RIHS ERIC;

(e)

jikkontribwixxi għall-istrateġija xjentifika tal-E-RIHS ERIC;

(f)

iħejji l-offerta ta’ servizzi tal-E-RIHS ERIC kull sena;

(g)

jirrapporta n-natura u l-valur tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali in natura u jikkomunikahom lid-Direttur Ġenerali;

(h)

jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali permezz tar-rapport lid-Direttur Ġenerali.

4.   Il-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali għandu jelabora r-regoli ta’ proċedura proprji tiegħu li għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali.

5.   L-organizzazzjonijiet intergovernattivi li jipprovdu aċċess għandhom jipparteċipaw fil-Kumitat tan-Nodi Nazzjonali.

Artikolu 21

Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika

1.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu joffri pariri fuq talba jew fuq inizjattiva proprja tiegħu lill-Assemblea Ġenerali dwar l-attivitajiet u l-politiki ġenerali tal-E-RIHS ERIC.

2.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu joffri pariri dwar l-Istrateġija Xjentifika li għandha tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali.

3.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu jevalwa kull sena l-attivitajiet xjentifiċi, tekniċi u ġenerali tal-E-RIHS ERIC u l-attivitajiet taħt it-tikketta tal-E-RIHS ERIC skont l-Artikolu 7(1).

4.   Il-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika jinħatru mill-Assemblea Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 18(6) għal terminu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. L-għadd ta’ membri tiegħu għandu jiġi deċiż mill-Assemblea Ġenerali.

5.   Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu jinkludi esperti u partijiet ikkonċernati distinti mid-dixxiplini differenti li jiġu applikati għax-Xjenza Patrimonjali. Il-membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandhom jevitaw kunflitti ta’ interess organizzattivi jew personali potenzjali.

6.   Il-President tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandu jiġi elett minn fost il-membri tiegħu. Ir-regoli ta’ proċedura u l-kompożizzjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku u tal-Etika għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 22

Prinċipji baġitarji, kontijiet u awditjar

1.   Is-sena finanzjarja tal-E-RIHS ERIC għandha tibda fl-1 ta’ Jannar u tintemm fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

2.   Il-kontijiet tal-E-RIHS ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

3.   L-E-RIHS ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi tal-pajjiż fejn huwa għandu s-sede statutorja tiegħu fir-rigward tat-tħejjija, il-preżentazzjoni, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 23

Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa

1.   L-eżenzjonijiet mill-VAT ibbażati fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, għandhom jiġu applikati għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi mill-E-RIHS ERIC li jkunu għall-użu uffiċjali u esklużiv tal-E-RIHS ERIC, dment li dan ix-xiri jkun sar biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-E-RIHS ERIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu. L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.

2.   L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bbażati fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2020/262/UE, għandhom ikunu limitati għal xiri mill-E-RHIS ERIC li jkun għall-użu uffiċjali u esklużiv mill-E-RIHS ERIC, dment li dan ix-xiri jkun sar biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-E-RIHS ERIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu u li x-xiri jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.

3.   Ix-xiri minn membri tal-persunal ma għandux ikun kopert mill-eżenzjonijiet.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Politika dwar id-Data

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jippromwovi l-prinċipji ta’ Sors Miftuħ, Aċċess Miftuħ, u FAIR (Traċċabbiltà, Aċċessibbiltà, Interoperabbiltà u Riutilizzabbiltà).

2.   L-E-RIHS ERIC għandu jipprovdi gwida lill-Utenti biex jiżgura li r-riċerka mwettqa bl-użu ta’ materjal magħmul aċċessibbli permezz tal-E-RIHS ERIC titwettaq f’qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-data u l-privatezza tal-individwi.

3.   L-E-RIHS ERIC għandu jiżgura li l-Utenti jaqblu mat-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess, u li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa ta’ sigurtà fir-rigward tal-ħżin u t-trattament tad-data.

4.   L-E-RIHS ERIC għandu jiżgura li l-fornituri tad-data, l-awturi u l-logo tal-E-RIHS jiġu rikonoxxuti b’mod xieraq.

Artikolu 25

Lingwa ta’ Ħidma

Il-lingwa ta’ ħidma tal-E-RIHS ERIC hija l-Ingliż.

Artikolu 26

Rapportar lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pubbliku

1.   L-E-RIHS ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi, b’mod partikolari, l-aspetti xjentifiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali u jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-E-RIHS ERIC għandu jinforma lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tipperikola serjament il-kisba ta’ kompiti tal-E-RIHS ERIC jew li tfixkel lill-E-RIHS ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 27

Liġi applikabbli

Il-funzjonament intern tal-E-RIHS ERIC għandu jkun irregolat:

(a)

bid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 723/2009 u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6(1)(a) u 11(1) tar-Regolament.

(b)

bil-liġi tal-Istat fejn l-E-RIHS ERIC ikollu s-sede statutorja tiegħu fil-każ ta’ kwistjonijiet li mhumiex, jew li huma biss parzjalment, regolati mill-atti msemmija f’(a).

(c)

b’dawn l-Istatuti u r-regoli ta’ proċedura tagħhom.

Artikolu 28

Tilwim

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-membri fir-rigward tal-E-RIHS ERIC, bejn il-membri u l-E-RIHS ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni hija parti għaliha.

2.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġuriżdizzjoni għandha tapplika għal tilwim bejn l-E-RIHS ERIC u partijiet terzi. F’każijiet mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-liġi tal-Istat fejn l-E-RIHS ERIC ikollu s-sede statutorja tiegħu għandha tiddetermina l-ġuriżdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ dan it-tilwim.

Artikolu 29

Aġġornamenti u disponibbiltà tal-istatuti

1.   L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-E-RIHS ERIC u fis-sede statutorja.

2.   Kwalunkwe emenda tal-Istatuti għandha tkun indikata b’mod ċar b’nota li tispeċifika jekk l-emenda tikkonċernax element essenzjali jew mhux essenzjali tal-Istatuti f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, u l-proċedura segwita għall-adozzjoni tagħha.


ANNESS I

LISTA TA’ MEMBRI, OSSERVATURI PERMANENTI, OSSERVATURI U L-ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI TAGĦHOM

Membri

Entità rappreżentanti

Ir-Repubblika Franċiża

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka

Ir-Repubblika Taljana

Il-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka

Ir-Renju tan-Netherlands

L-Aġenzija tal-Patrimonju Kulturali tan-Netherlands

Ir-Renju ta’ Spanja

Il-Ministeru tax-Xjenza, l-Innovazzjoni u l-Universitajiet

Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Il-Viċi Ministeru tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Politika Diġitali

L-Ungerija

L-Uffiċċju Nazzjonali għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni

Ir-Repubblika ta’ Malta

Il-Ministeru għall-Patrimonju Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali

Ir-Repubblika tal-Polonja

Il-Ministeru tax-Xjenza u l-Edukazzjoni Ogħla

Ir-Repubblika tas-Slovenja

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni Għolja, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Id-Dipartiment għax-Xjenza, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Ir-Rumanija

Il-Ministeru tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u d-Diġitalizzazzjoni

Il-membri jirrikonoxxu l-intenzjoni tal-organizzazzjoni intergovernattiva taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr tal-Proprjetà Kulturali (ICCROM) li ssir osservatur permanenti.


ANNESS II

FINANZI

Ara d-dokument ta’ sostenn separat, li jiddefinixxi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri u l-osservaturi, disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-E-RIHS ERIC.


ANNESS III

DEFINIZZJONIJIET

F’dawn l-Istatuti t-termini kapitalizzati li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira pprovduta kif ġej:

—

Pjattaforma tal-Aċċess: kull waħda mill-erba’ pjattaformi tal-aċċess interdixxiplinari mmaniġġjati ċentralment b’tipi distinti ta’ aċċess u servizzi pprovduti (E-RIHS ARCHLAB, E-RIHS DigiLab, E-RIHS FIXLAB, E-RIHS MOLAB) lil partijiet ikkonċernati differenti, inkluż iżda mhux limitat għall-komunità xjentifika tal-E-RIHS,

—

Tikketta tal-E-RIHS: is-sett ta’ valuri ewlenin jaffettwa l-attivitajiet kollha tal-E-RIHS ERIC u huma żgurati mill-istandards ta’kwalità tal-E-RIHS ERIC, li kollettivament jirrappreżentaw it-tikketta tal-E-RIHS ERIC,

—

Entitajiet Fundaturi: entitajiet li applikaw għall-istabbiliment ta’ ERIC u li huma rikonoxxuti bħala membri, osservaturi permanenti, jew osservaturi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-ERIC, qabel il-laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali.

—

Xjenza Patrimonjali: il-qasam interdixxiplinari tal-istudju xjentifiku tal-patrimonju. Ix-Xjenza Patrimonjali hija bbażata fuq diversi xjenzi umanistiċi, xjenzi u dixxiplini tal-inġinerija. Din tiffoka fuq it-tisħiħ tal-fehim, il-kura u l-użu sostenibbli tal-patrimonju sabiex tkun tista’ tarrikkixxi l-ħajja tan-nies, kemm illum kif ukoll fil-futur. Ix-Xjenza Patrimonjali hija terminu ġeneriku li jinkludi l-forom kollha ta’ inkjesta xjentifika dwar ix-xogħlijiet umani u x-xogħlijiet ikkombinati tan-natura u l-bnedmin, ta’ valur għan-nies,

—

Nodu Nazzjonali: Il-komunitajiet xjentifiċi ta’ kull Pajjiż involut fl-E-RIHS jikkostitwixxu n-Nodu Nazzjonali, bil-Koordinatur Nazzjonali proprju tiegħu,

—

Riċerka Pubblika: riċerka b’riżultati (speċjalment pubblikazzjonijiet) disponibbli pubblikament,

—

Riċerka Proprjetarja: hija definita bħala dik li għaliha l-Utenti jitolbu l-kunfidenzjalità tal-proposta, tad-data, u tar-riżultati għal ċertu perjodu.

—

Utenti: Individwi, timijiet u istituzzjonijiet mill-akkademja, in-negozju, l-industrija, u s-servizzi pubbliċi, li jużaw il-faċilitajiet, ir-riżorsi u s-servizzi ta’ infrastruttura tar-riċerka biex iwettqu riċerka billi jinvolvu ruħhom fit-tfassil jew il-ħolqien ta’ għarfien, prodotti, proċessi, metodi u sistemi ġodda u biex irawmu l-innovazzjoni fl-oqsma tagħhom.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2239/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)