|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3930 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Ungerija
(C/2026/3930)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (4). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Ungerija. Huwa vvaluta l-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Ungerija tal-pjan għall-RRP. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Ungerija. Ivvaluta wkoll il-progress li għamlet l-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ungerija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Ungerija għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati fl-20 ta' Mejju 2026 (5). Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività, il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-gvern, u l-prezzijiet tad-djar jippersistu, u l-politiki komplew jaggravaw dawk il-vulnerabbiltajiet. L-inflazzjoni u t-tkabbir fil-kostijiet ta' unità lavorattiva kienu fost l-ogħla fl-UE minkejja l-istaġnar fl-attività ekonomika. Il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-kostijiet huma mistennija li jonqsu biss gradwalment, filwaqt li jibqgħu ħafna ogħla milli fiż-żona tal-euro u fl-UE. Id-defiċit tal-gvern ġie elevat f'dawn l-aħħar snin u huwa mbassar li jibqa' ogħla minn 5 % tal-PDG fl-2027. Il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-gvern u l-kostijiet tas-servizz tad-dejn għadhom għoljin, għalkemm il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG żdied biss marġinalment bis-saħħa tat-tkabbir nominali għoli tal-PDG fil-kuntest ta' inflazzjoni li għadha għolja. Il-banek għadhom iżommu skoperturi sovrani kbar, li parzjalment jirriflettu l-inċentivi tat-taxxa. Il-prezzijiet tad-djar komplew jiżdiedu b'mod qawwi u r-riskji ta' sopravalutazzjoni żdiedu. Il-kont kurrenti baqa' f'surplus, iżda d-dipendenza għolja tal-Ungerija fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija tagħmilha vulnerabbli għal prezzijiet tal-enerġija ogħla u aktar volatili. Il-politiki ma tejbux u aggravaw xi wħud mill-vulnerabbiltajiet. Is-sussidji mhux immirati li jżidu mal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-isfidi fiskali komposti saħansitra żdiedu, filwaqt li s-self issussidjat estensiv mill-gvern jagħmel pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi u jillimita l-effettività tal-politika monetarja. Meta wieħed iħares 'il quddiem, jekk dawn il-politiki jingħelbu b'mod effettiv, jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. |
|
(7) |
Fit-18 ta' Frar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Ungerija (6). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 4,3 % fl-2025, 4,0 % fl-2026, 3,9 % fl-2027, u 3,7 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 9,1 % fl-2025, 13,5 % fl-2026, 17,9 % fl-2027, u 22,2 % fl-2028. Għas-snin 2025-2026, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv kif rakkomandat mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE tat-18 ta' Frar 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Ungerija (7). Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni effettiva tat-3 ta' Ġunju 2026 (8), il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Ungerija qed tinżamm sospiża. |
|
(8) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (9) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Ungerija, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Ungerija tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (10). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Ungerija tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew tkabbar id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b'mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(9) |
Mid-data tal-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, l-Ungerija ma ppreżentatx ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta. L-Ungerija lanqas ma ppreżentat ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, li altrimenti jiġi integrat fir-Rapport ta' Progress Annwali. |
|
(10) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,5 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 4,4 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 1,8 % fl-2026 u 2,1 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 3,2 % fl-2026 u 3,1 % fl-2027. |
|
(11) |
Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija naqas minn 5,1 % tal-PDG fl-2024 għal 4,7 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment nefqa aktar baxxa fuq l-imgħax u tnaqqis fl-investiment pubbliku. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 6,2 % tal-PDG fl-2026 u defiċit ta' 5,8 % tal-PDG fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment miżuri mmirati lejn l-unitajiet domestiċi, inkluż l-introduzzjoni gradwali ulterjuri tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu personali għall-ommijiet, iż-żieda fl-allowance tat-taxxa tal-familja, il-pensjoni tal-14-il xahar, l-appoġġ għall-akkomodazzjoni u bonus għall-impjegati militari u tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll nuqqasijiet fin-nefqa. |
|
(12) |
Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'0,4 % tal-PDG fl-2025. Huwa projettat li tkun espansjonarja, b'1,7 % tal-PDG, fl-2026, u ġeneralment newtrali fl-2027. |
|
(13) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (13), id-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija żdied minn 73,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 74,6 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment nefqa għolja fuq l-imgħax u tkabbir nominali tal-PDG aktar baxx. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 75,1 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 76,8 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fl-2026 u fl-2027 tirrifletti prinċipalment in-nefqa għolja fuq l-imgħax u d-defiċit primarju, li huma mtaffija minn apprezzament qawwi tal-munita fl-2026. |
|
(14) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (14), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fl-Ungerija ammontat għal 1,8 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija projettata għal 2,1 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 1,1 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (15). |
|
(15) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, l-Ungerija adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (16), jiġifieri tnaqqis mhux immirat fid-dazji tas-sisa għad-diżil u l-petrol ta' 19 HUF għal kull litru, bid-data ta' skadenza fl-1 ta' Mejju 2026. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' din il-miżura huwa projettat li jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2026. (17) Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk din il-miżura kellha tibqa' fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tagħha jammonta għal 0,1 % tal-PDG fl-2026. |
|
(16) |
Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Ungerija kibret bi 8,1 % fl-2025 u bi 11,2 % b'mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,5 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, u tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,8 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża. |
|
(17) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Ungerija hija projettata li tikber b'9,7 % fl-2026 u b'22,0 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir projettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 2,3 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv projettata tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 3,0 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Filwaqt li titqies il-flessibbiltà għal infiq ogħla fid-difiża previst mill-klawżola liberatorja nazzjonali, meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, id-devjazzjoni kumulattiva projettata tan-nefqa netta tibqa' ta' 1,9 % tal-PDG. |
|
(18) |
Xi prattiki jfixklu l-funzjonament tas-suq finanzjarju u tas-suq bl-imnut u jistgħu jillimitaw ukoll l-effettività tal-politika monetarja. Filwaqt li l-limiti massimi fuq ir-rati ta' depożitu bankarju u ta' self korporattiv tneħħew gradwalment fl-2024, il-gvern żamm ir-rata tal-imgħax tas-self ipotekarju fil-livell tal-konsumatur iffriżata fil-livell tagħhom ta' Ottubru 2021. Biex tingħata spinta lid-domanda domestika, hemm użu mifrux ta' self issussidjat immirat b'mod wiesa' lejn l-unitajiet domestiċi u l-korporazzjonijiet. Il-proporzjon ta' self issussidjat għadu għoli meta mqabbel mal-livelli ta' qabel il-COVID-19, li jwassal għal allokazzjoni kapitali subottimali billi jiġu ffinanzjati proġetti b'redditi baxxi u gwadanji limitati fil-produttività. Fl-2025 il-gvern illimita d-differenza bejn il-prezz tax-xiri bl-imnut u l-prezz tal-bejgħ ta' firxa wiesgħa ta' prodotti tal-ikel u prodotti industrijali mhux durabbli. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-fjuwil tal-magni ġew limitati f'Marzu 2026. |
|
(19) |
Il-qafas fiskali nazzjonali joffri biss inċentivi limitati għas-sostenibbiltà fiskali. L-“istat ta' periklu” fis-seħħ mill-2020 sal-14 ta' Mejju 2026 neħħa r-rekwiżit li jiġi ppubblikat pjan baġitarju pluriennali li illimita l-kapaċità tal-qafas fiskali li jiżgura orjentazzjoni u responsabbiltà fuq terminu medju. Il-prattika tal-adozzjoni bikrija tal-baġit u r-reviżjonijiet frekwenti jnaqqsu l-kredibbiltà tal-miri. Ir-regola tad-dejn nazzjonali li tirrikjedi li l-gvern jiżgura li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jitnaqqas kull sena ma ntlaħqitx fl-2024 jew fl-2025 u fi żminijiet tajbin għandha t-tendenza li jkollha impatt proċikliku li jaggrava l-iżbilanċi. Il-mandat u l-kapaċitajiet operazzjonali tal-Kunsill Fiskali Ungeriż għadhom limitati. Barra minn hekk, l-istrutturi tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi maħluqa mill-gvern, bħal trusts ta' interess pubbliku jdgħajfu s-sorveljanza baġitarja peress li jidhru li joperaw mingħajr mekkaniżmi ta' kontroll effettivi. Filwaqt li l-Ungerija wettqet rieżamijiet tal-infiq fl-2023-2024, ir-riżultati ma ġewx ippubblikati jew riflessi fl-ippjanar baġitarju. |
|
(20) |
B'popolazzjoni li qed tixjieħ, l-Ungerija qed tiffaċċa waħda mill-akbar żidiet fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala sehem tal-PDG fl-UE bejn l-2025 u l-2070 (4,1 pp). Dan huwa mistenni li jkun ta' piż fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Skont l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Kummissjoni, ir-riskji tal-Ungerija għas-sostenibbiltà fiskali huma ġeneralment għoljin kemm fuq terminu medju kif ukoll fit-tul. Barra minn hekk, it-tnaqqis gradwali fl-adegwatezza tal-pensjonijiet għal dawk b'introjtu baxx u ż-żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet għal individwi b'introjtu għoli wessgħu l-inugwaljanzi fost il-pensjonanti. Barra minn hekk, ġie introdott benefiċċju tal-pensjoni ta' 14-il xahar li huwa mistenni li jgħolli l-livelli medji tal-pensjonijiet, iżda mhuwiex immirat, se jkompli jkollu impatt fuq l-inugwaljanzi u se jżid mal-pressjonijiet ta' nfiq previsti li huma ta' piż fuq is-sostenibbiltà fiskali fit-tul. |
|
(21) |
L-involviment sistematiku sinifikanti u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(22) |
L-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) fl-Ungerija, għadha taħt il-medja tal-UE, kemm f-termini ta' għażla ta' proġetti u ta' pagamenti. Huwa importanti li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. L-Ungerija diġà qiegħda tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, l-Ungerija għadha qed tiffaċċa sfidi, inkluż dawk relatati ma' nuqqasijiet fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll, proċeduri ta' akkwist pubbliku kumplessi u restrittivi żżejjed, u l-adozzjoni baxxa ta' skemi ta' finanzjament mhux marbut mal-kostijiet fil-FEŻR. Kwistjonijiet oħra huma n-nuqqas ta' ppjanar u koordinazzjoni prevedibbli tas-sejħiet f'diversi programmi u ta' riżervi ta' proġetti maturi, kooperazzjoni territorjali u mekkaniżmi ta' sħubija dgħajfa, kapaċità professjonali u finanzjarja insuffiċjenti fil-livell sottonazzjonali, użu limitat tal-evalwazzjonijiet, u arranġamenti amministrattivi u legali żejda bħar-regoli li jirregolaw l-investimenti pubbliċi (l-Att LXIX tal-2023) jew is-sistema ta' investimenti ta' importanza kbira għall-ekonomija nazzjonali. Hemm ukoll lok għall-Ungerija biex tiżgura s-sostenibbiltà ta' proġetti ewlenin tal-politika pubblika appoġġati mill-FSE+, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-politika. Fl-istess ħin, l-Ungerija teħtieġ li tħaffef l-implimentazzjoni tal-JTF peress li r-riżorsi huma dovuti għall-iżborż sa tmiem l-2026. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Ungerija fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (18), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(23) |
Il-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant tal-Ungerija qed jiffaċċaw sfidi addizzjonali li jxekklu l-prospetti tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali peress li l-isfidi strutturali eżistenti huma aggravati. L-impatt mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jżid il-pressjonijiet tas-sigurtà, ifixkel l-attivitajiet ekonomiċi transfruntieri u jnaqqas l-attraenza tal-investiment. |
|
(24) |
L-Ungerija qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mal-ambjent tan-negozju, il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, l-akkwist pubbliku, il-qafas kontra l-korruzzjoni, l-aċċess għall-finanzi, l-innovazzjoni, it-tassazzjoni, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi, is-sussidji għall-fjuwils fossili, l-ibbilanċjar tan-network tal-elettriku, il-ġestjoni tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari, it-trasport, l-edukazzjoni, il-livelli tal-ħiliet u l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, l-assistenza soċjali, id-djalogu soċjali, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. |
|
(25) |
L-ambjent dgħajjef tan-negozju huwa ostaklu kbir għat-tkabbir tal-produttività. Skont l-indikaturi tal-kompetittività, l-Ungerija kienet fost dawk bl-agħar prestazzjoni fl-UE fl-2025. Id-dinamika tan-negozju hija baxxa peress li regolamenti stretti jżommu lura l-ħolqien ta' negozji. Prevalenza għolja ta' skemi ta' sussidju żżomm ditti inqas produttivi fis-suq. Ir-regolamentazzjoni tas-Suq tal-Prodotti hija waħda mill-aktar stretti fost il-pajjiżi tal-UE tal-OECD, b'mod partikolari fis-subkategoriji dwar id-distorsjoni kkawżata mill-involviment tal-Istat. In-nuqqas ta' trattament ugwali tal-kumpaniji jillimita l-kompetizzjoni. L-istruttura tas-suq hija kkonċentrata u ftit ditti biss jikkompetu fi swieq speċifiċi. Diversi servizzi huma fdati lil ditti tal-Istat jew privati li joperaw mingħajr kompetizzjoni. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut, b'mod partikolari, jopera f'ambjent tan-negozju instabbli. Il-bejjiegħa bl-imnut huma affettwati wkoll minn interventi amministrattivi, bħal limiti massimi fuq il-prezzijiet bl-imnut, limiti fuq il-marġnijiet tal-bejgħ, projbizzjoni tal-bejgħ ta' prodotti tal-ikel 48 siegħa qabel id-data ta' skadenza tagħhom u rapportar obbligatorju online tal-prezzijiet. Il-miżuri ta' politika u t-taxxi għoljin inaqqsu l-kompetittività tal-bejjiegħa bl-imnut. L-Istat huwa attiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali u jeskludi atturi privati billi jixtri jew jiffaċilita x-xiri ta' diversi kumpaniji kbar. Intużaw diversi interventi mill-Istat biex jisfurzaw lis-sidien — fil-biċċa l-kbira barranin — ibigħu d-ditti tagħhom, u b'hekk jiffaċilitaw il-ħolqien ta' promoturi nazzjonali pubbliċi jew konnessi mal-gvern. Id-ditti huma mġiegħla joperaw b'telf minħabba taxxa supplimentari fuq l-estrazzjoni minerarja, taxxa fuq il-kwota tas-CO2, limiti massimi fuq il-prezz u l-marġni fir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-imnut u l-esportazzjoni ta' materjali tal-kostruzzjoni. Dawn mhumiex konsistenti mar-regoli tas-suq uniku. In-negozji qed jiffaċċaw dejjem aktar problemi bil-pagamenti tard. Id-diskrepanzi fil-pagamenti minn negozju għal negozju u mis-settur pubbliku huma kemm fuq iż-żieda kif ukoll fuq il-medja tal-UE. Il-preżenza dejjem akbar ta' fondi ta' ekwità privata toħloq sfidi ġodda. Din l-istruttura tal-kumpaniji tintuża, b'mod partikolari, minn individwi b'rabtiet mal-gvern peress li tiżgura l-anonimità. Il-fondi ta' ekwità privata żdiedu b'mod sinifikanti fl-għadd u fid-daqs f'dawn l-aħħar snin. Il-fondi ta' ekwità privata qed jinvestu dejjem aktar f'kumpaniji li jirbħu akkwisti pubbliċi u li jiżguraw konċessjonijiet ta' valur għoli, u għandhom preżenza qawwija fi tranżazzjonijiet kummerċjali mal-Istat. L-ambjent dgħajjef tan-negozju kkontribwixxa għall-erożjoni tal-kompetittività u jżomm lura l-investimenti, u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal inflazzjoni ogħla u rkupru ekonomiku bil-mod kif muri mill-analiżi fil-fond dwar l-Ungerija skont il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku. |
|
(26) |
In-negozji għadhom qed jiffaċċaw ambjent regolatorju volatili u imprevedibbli ħafna, ikkaratterizzat minn emendi frekwenti, użu estensiv ta' miżuri ta' emerġenza u żmien limitat ta' tħejjija għal bidliet regolatorji ekonomikament sinifikanti. Id-dipendenza sostnuta fuq ir-regolamentazzjoni bbażata fuq id-digrieti taħt ir-reġim ta' emerġenza tillimita l-iskrutinju parlamentari u tikkontribwixxi għall-inċertezza tal-konformità u r-riskju regolatorju elevat għan-negozji. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-applikazzjoni ta' għodod ta' regolamentazzjoni aħjar għadhom limitati fil-prattika. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-liġijiet primarji bejn l-2021 u l-2024 kien fost dawk l-aktar baxxi fl-UE. Il-konsultazzjoni mhijiex meħtieġa fil-fażijiet bikrija tat-tfassil tar-regoli u l-evalwazzjoni ex post, filwaqt li b'mandat legali, ma titwettaqx b'mod sistematiku. Għadhom jitressqu abbozzi ta' liġijiet importanti minn membri individwali tal-Parlament, li jeżentawhom formalment minn rekwiżiti standard ta' konsultazzjoni u ta' valutazzjoni tal-impatt. Ma hemm l-ebda korp ta' sorveljanza indipendenti responsabbli biex jiżgura l-kwalità tal-analiżi tal-impatt regolatorju jew il-firxa tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Anke meta titwettaq konsultazzjoni, il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati mhux neċessarjament iwassal għal aġġustamenti sostantivi. |
|
(27) |
Is-suq tal-akkwist jibqa' vulnerabbli għal prattiki antikompetittivi u riskji ta' korruzzjoni. L-għadd ta' deċiżjonijiet ta' rieżami tal-akkwist pubbliku meta mqabbel mas-sejħiet għall-kompetizzjoni huwa fost l-ogħla fl-UE. L-indipendenza perċepita tal-Bord tal-Arbitraġġ tal-Akkwist Pubbliku għadha baxxa fost in-negozji. Il-fatturi strutturali jkomplu jfixklu l-kompetizzjoni effettiva fil-proċeduri tal-akkwist, b'mod partikolari fis-setturi tal-infrastruttura, tad-difiża u tal-akkwist ċentralizzat. Konċentrazzjoni għolja tas-suq, inkluż fost kumpaniji bl-istess struttura ta' sjieda, għadha ta' tħassib persistenti. Il-kumpaniji affiljati ma' atturi ekonomiċi politikament konnessi huma ferm aktar probabbli li jirbħu kuntratti ta' akkwist pubbliku, inkluż f'offerti ffinanzjati mill-UE. L-użu estensiv ta' ftehimiet qafas jista' jkompli jillimita l-kompetizzjoni billi jillokkja ċerti ditti u jsaħħaħ il-konċentrazzjoni tas-suq, bi trasparenza limitata fil-proċeduri ta' call-off tat-tieni stadju. Filwaqt li t-trasparenza tas-sistema tal-akkwist pubbliku hija ġeneralment tajba, fil-prattika għad hemm tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza ta' ċerta data dwar l-akkwist pubbliku u l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta' interess. |
|
(27) |
Il-korruzzjoni għadha qasam ta' tħassib serju peress li d-dgħufijiet sistemiċi tal-qafas kontra l-korruzzjoni għadhom jippersistu. Il-perċezzjoni ta' korruzzjoni mifruxa għadha għolja ħafna, u qed tkompli titqies dejjem aktar bħala ostaklu għan-negozji. Filwaqt li ttieħdu xi passi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni b'mod ġenerali, il-korruzzjoni fil-livelli għolja għadha problema u l-qafas kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li jissaħħaħ aktar. Is-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi għadha ma tissodisfax ir-rwol tagħha, ir-regoli dwar il-kunflitt ta' interess għadhom frammentati u s-superviżjoni tagħhom hija nieqsa mill-effettività. Bl-istess mod, il-limitazzjonijiet ta' wara l-impjieg applikabbli għal uffiċjali tal-gvern ta' livell għoli huma inadegwati u infurzati b'mod ineffettiv. Il-proliferazzjoni ta' tipi ġodda ta' strutturi ta' ġestjoni tal-flus pubbliċi – b'mod partikolari fondazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi ta' interess pubbliku u fondi ta' ekwità privata – hija nieqsa mit-trasparenza u toħloq riskji ta' korruzzjoni. Dan huwa akkumpanjat minn limitazzjonijiet dejjem akbar għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika u livell dejjem agħar ta' libertà tal-media li jillimitaw ukoll is-sorveljanza u l-kontroll pubbliċi indipendenti fuq il-gvern u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effettività tal-qafas kontra l-korruzzjoni għalkollox. |
|
(28) |
Is-swieq kapitali bħala mezzi biex jiffinanzjaw negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju innovattivi ħafna huma sottożviluppati fl-Ungerija. Il-politiki tal-gvern, b'mod partikolari permezz tat-tassazzjoni, jiddevjaw it-tfaddil aktar lejn bonds tal-gvern u lejn is-swieq tad-djar milli lejn is-swieq kapitali li jiffinanzjaw investimenti produttivi. Miżuri ta' politika reċenti komplew ifixklu l-iżvilupp tas-swieq kapitali, bħal bonds fit-tul mingħajr taxxa għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fuq it-titoli, preżenza għolja ta' skemi ta' sussidju għall-SMEs u inċentivi tat-taxxa għall-investiment fl-akkomodazzjonijiet. |
|
(29) |
L-infiq pubbliku fir-R&Ż, inkluż fl-universitajiet, huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, u dan iżomm lura l-eċċellenza xjentifika. Ir-riorganizzazzjoni li għaddejja fis-settur tar-riċerka pubblika, flimkien ma' mekkaniżmi ta' evalwazzjoni ambigwi għall-istituti tar-riċerka, jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji għar-riċerkaturi. Ir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju għadhom mhux sfruttati biżżejjed, u l-attivitajiet ta' innovazzjoni għadhom ikkonċentrati fi grupp żgħir ta' ditti bi sjieda barranija, u dan jillimita l-iżvilupp ta' bażi ta' innovazzjoni domestika usa' b'mod partikolari tal-SMEs. Minħabba l-piż amministrattiv kbir u regoli mhux dejjem ċari ta' eliġibbiltà dwar in-nefqa għall-innovazzjoni, ftit kumpaniji biss, prinċipalment kbar, jibbenefikaw mid-diversi sussidji. Ir-reġjuni għandhom diffikultà biex jistabbilixxu oqfsa strateġiċi ta' R&Ż u innovazzjoni biex jagħtu spinta lill-kompetittività reġjonali b'mod effettiv meta jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi u l-vantaġġi kompetittivi tar-reġjun. |
|
(30) |
L-għadd kbir ta' eżenzjonijiet mit-taxxa, inċentivi tat-taxxa u taxxi speċifiċi għas-settur jagħmlu s-sistema tat-taxxa kumplessa. L-użu dejjem akbar ta' taxxi speċifiċi jħalli impatt sproporzjonat fuq ditti akbar, spiss bi sjieda barranija. Dħul minn taxxi speċifiċi għas-settur jammonta għal iktar minn 2 % tal-PDG. Is-setturi l-aktar affettwati jinkludu l-banek, l-enerġija, il-bejgħ bl-imnut, il-materjali tal-kostruzzjoni, l-assigurazzjoni, u t-telekomunikazzjoni. Għadd kbir ta' taxxi żgħar iżidu l-kostijiet tal-konformità, b'mod partikolari għal ditti iżgħar. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol naqas iżda għadu għoli għal dawk bi dħul baxx. L-Ungerija tiddependi fuq it-taxxi fuq il-konsum, li b'mod inerenti jpoġġu piż ogħla fuq dawk b'introjtu baxx. |
|
(31) |
L-Ungerija baqgħet dipendenti ħafna fuq is-sorsi tal-enerġija Russi u l-passi biex tiddiversifika wasslu għal riżultati marġinali. Is-sehem tal-importazzjonijiet mir-Russja żdied fl-2025 għal aktar minn 90 % fil-każ taż-żejt u fil-każ tal-gass, l-Ungerija importat volumi ta' gass Russu ferm ogħla mill-kuntratt fit-tul tagħha ta' 4,5 bcm. Minkejja l-passi meħuda biex tiġi diversifikata l-provvista tal-fjuwil nukleari fil-futur, l-Ungerija ser tibqa' dipendenti fuq il-fjuwil nukleari Russu għar-reatturi eżistenti tagħha sa mill-inqas l-2028. Huwa importanti wkoll li l-Ungerija tiżviluppa pjan nazzjonali komprensiv bi skedi ta' żmien ċari u miżuri regolatorji biex telimina gradwalment bis-sħiħ id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwil nukleari Russu. L-importazzjonijiet tal-enerġija għadhom sostanzjali, u dan jagħmel il-bilanċ estern vulnerabbli għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, li hija sfida identifikata skont il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku. |
|
(32) |
L-Ungerija tirreġistra sussidji rilevanti mdaqqsa għall-fjuwils fossili mingħajr eliminazzjoni gradwali ppjanata qabel l-2030. B'mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili, li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b'mod immirat u lanqas ma jindirizzaw it-tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, jostakolaw l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali, jistgħu jitqiesu bħala prijorità għall-eliminazzjoni gradwali. Fl-Ungerija, is-sussidji għall-fjuwils fossili – bħall-programm ta' tnaqqis tal-kostijiet tal-utilità, tnaqqis fit-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tisħin distrettwali bl-użu tal-gass naturali, u rifużjonijiet tat-taxxa tas-sisa għall-użu agrikolu tad-diżil – huma ekonomikament ineffiċjenti, jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u ma jinċentivawx l-elettrifikazzjoni. L-objettivi moqdija minn dawn is-sussidji għall-fjuwils fossili jistgħu jintlaħqu permezz ta' forom alternattivi ta' appoġġ li ma jiġġenerawx esternalitajiet ambjentali dannużi. |
|
(33) |
L-Ungerija tkompli tiffaċċa żidiet qawwija fil-prezzijiet matul is-sigħat bl-ogħla domanda minħabba flessibbiltà limitata mhux fossili u dipendenza persistenti fuq il-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni marġinali tal-elettriku. Għalhekk, l-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari r-riħ, hija vitali. Madankollu, il-grilja baqgħet taħt pressjoni u teħtieġ investiment sinifikanti peress li l-kjuwijiet tal-konnessjoni jdewmu wkoll l-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-Ungerija għad trid tingħaqad ma' PICASSO u MARI u dan jillimita l-kapaċità tagħha li tintegra bis-sħiħ fis-suq intern tal-elettriku u tibbenefika minn mekkaniżmi ta' bbilanċjar transfruntiera. Ir-rispons min-naħa tad-domanda huwa mxekkel mill-aċċess limitat tal-unitajiet domestiċi għall-ipprezzar dinamiku, il-limiti massimi tal-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi, l-introduzzjoni bil-mod tal-arloġġi intelliġenti u r-rwol marġinali tal-aggregaturi u tal-komunitajiet tal-enerġija. Bħala riżultat ta' kompetizzjoni baxxa bejn il-fornituri, regolamenti u taxxi onerużi fis-settur u tariffi għoljin tat-trażmissjoni tan-network, il-prezzijiet tal-elettriku għall-korporattivi baqgħu ferm ogħla mill-medja tal-UE, u dan xekkel il-kompetittività. |
|
(34) |
L-Ungerija qed tiffaċċa riskji klimatiċi sinifikanti, li jeħtieġu azzjoni biex tittejjeb ir-reżiljenza għall-klima billi jiġu aġġornati l-istrateġija ta' adattament u l-pjan ta' azzjoni relatati, tiġi stabbilita sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, u jiġi żgurat finanzjament adegwat ta' miżuri ta' adattament, anke fid-dawl tal-vulnerabbiltà klimatika mhux uniformi fir-reġjuni kollha. L-iskarsezza tal-ilma hija riskju klimatiku partikolarment sinifikanti, evidenzjat min-nixfiet li esperjenzat f'dawn l-aħħar snin, li wasslu għal telf sinifikanti fis-settur agrikolu. Infrastruttura ekoloġika insuffiċjenti ddgħajjef ir-reżiljenza ġenerali tal-ilma tal-Ungerija, u b'mod partikolari l-kapaċità naturali tagħha għaż-żamma tal-ilma. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni b'suċċess ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma hija mxekkla mil-lakuna fil-ħiliet ekoloġiċi fil-livelli ta' politika u ta' implimentazzjoni. Il-kwalità tal-ilma hija ta' tħassib kbir minħabba t-tniġġis mill-agrikoltura, mill-industrija u mill-insedjamenti umani, flimkien ma' investimenti insuffiċjenti fl-utilitajiet tal-ilma. |
|
(35) |
It-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari tal-Ungerija mhijiex miexja 'l quddiem, u l-produttività tar-riżorsi tagħha hija ferm taħt il-medja tal-UE. B'enfasi insuffiċjenti fuq l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ, ir-rimi fil-landfills jirrappreżenta 53 % tal-iskart muniċipali fl-2024, aktar mid-doppju tal-medja tal-UE (22 % fl-2023). L-allokazzjoni skarsa tar-riżorsi, kompetizzjoni baxxa u l-kapaċitajiet u l-monitoraġġ insuffiċjenti tat-trattament fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart irriżultaw f'rati ta' riċiklaġġ relattivament baxxi u dipendenza żejda fuq ir-rimi fil-miżbliet. |
|
(36) |
Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tibqa' sfida ewlenija fl-Ungerija, peress li s-settur jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal-livelli għoljin ta' emissjonijiet u għall-kwistjonijiet persistenti dwar il-kwalità tal-arja. It-trasport huwa t-tieni l-akbar konsumatur tal-enerġija finali, u jammonta għal 26 % tal-użu totali tal-enerġija tal-pajjiż. L-Ungerija għadha lura fil-kwalità tan-network ferrovjarju, inkluż ir-reżiljenza tagħha għall-klima, u s-sehem tal-merkanzija interna ttrasportata bil-ferrovija naqas aktar milli żdied, u dan idgħajjef l-isforzi biex tinkiseb bidla modali lil hinn mit-trasport bit-triq. Fit-trasport bit-triq, l-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku obbligatorja għadha lura meta mqabbla mal-miri tal-2030 għall-karozzi u għat-trakkijiet, u l-infrastruttura tal-iċċarġjar hija fil-biċċa l-kbira nieqsa. Il-finanzjament u l-ippjanar insuffiċjenti ta' infrastruttura komprensiva tat-trasport pubbliku jfixklu l-iżvilupp ta' żoni inqas żviluppati u periferiċi u l-aċċess ugwali għal servizzi tat-trasport pubbliku ta' kwalità. |
|
(37) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Ungerija jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(38) |
L-inugwaljanzi kbar fl-eżiti edukattivi jillimitaw il-kompetittività u l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-Ungerija. L-isfond soċjoekonomiku għadu jipprevedi b'mod qawwi l-ħiliet bażiċi, it-tluq bikri mill-iskola u l-kisba edukattiva, bit-tfal ta' ġenituri b'livell baxx ta' ħiliet, ir-Rom u l-persuni bi bżonnijiet edukattivi speċjali jew b'diżabilità jiġu affettwati b'mod partikolari. Is-segregazzjoni edukattiva ssaħħaħ dawn l-inugwaljanzi permezz ta' traċċar bikri u tipi multipli ta' skejjel, b'persuni ta' oriġini Rom esposti għall-ogħla livelli ta' segregazzjoni. Il-miżuri eżistenti mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa ta' gruppi żvantaġġati f'edukazzjoni ġenerali ta' kwalità. Il-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jallokaw ħin insuffiċjenti għall-ħiliet bażiċi li huma essenzjali għal aktar tagħlim u adattament għat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. In-nuqqas ta' perkorsi permeabbli ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jxekkel ukoll il-progress lejn l-edukazzjoni ulterjuri. L-awtonomija istituzzjonali limitata tal-iskejjel timpedixxi l-innovazzjoni pedagoġika u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim għadha baxxa. Filwaqt li s-salarji tal-għalliema dan l-aħħar żdiedu, il-motivazzjoni tal-għalliema biex jibqgħu fil-professjoni hija kompromessa minn ammont kbir ta' xogħol u nuqqas ta' appoġġ sistemiku għall-għalliema ġodda. Minkejja d-domanda ekonomika għal forza tax-xogħol gradwata terzjarja, is-sistema ta' appoġġ għall-istudenti mhijiex effettiva biex ittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għall-istudji terzjarji, speċjalment fost dawk minn sfondi żvantaġġati. Filwaqt li l-postijiet ta' studju ffinanzjati pubblikament dan l-aħħar żdiedu, it-tkabbir tagħhom ma jaqbilx bis-sħiħ mal-applikazzjonijiet li qed jiżdiedu għall-edukazzjoni għolja. Ir-reġistrazzjoni fil-programmi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika għadha taħt il-medja tal-UE, u dan jillimita l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-Ungerija f'setturi strateġiċi ewlenin. |
|
(39) |
Ir-rata tal-impjiegi għadha għolja, iżda l-aċċess għall-impjiegi mhuwiex uniformi. Il-persuni b'livell baxx ta' edukazzjoni, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità, u ż-żgħażagħ jiffaċċaw diffikultajiet biex isibu u jżommu impjieg stabbli, flimkien ma' disparitajiet reġjonali sinifikanti fl-eżiti tas-suq tax-xogħol. Minkejja rata tal-qgħad relattivament baxxa, il-qgħad fit-tul qed jiżdied, b'wieħed minn kull tliet persuni qiegħda rreġistrati jibqa' mingħajr impjieg għal 12-il xahar jew aktar. Qafas istituzzjonali frammentat ixekkel il-koordinazzjoni effettiva tal-miżuri li jindirizzaw il-qgħad fit-tul, u jillimita l-appoġġ rilevanti għal dawk l-aktar fil-bżonn. Il-gruppi żvantaġġati ma għandhomx aċċess għal miżuri effettivi ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet, inkluż għall-ħiliet bażiċi u diġitali, u appoġġ mentali, soċjali, tas-saħħa u ta' tiftix ta' impjieg immirat u komprensiv. Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES, Public Employment Service) huwa nieqes mill-persunal u mill-kapaċità li jipprovdi b'mod konsistenti taħriġ ta' kwalità u konsulenza dwar il-karriera lill-persuni qiegħda, mingħajr monitoraġġ u valutazzjoni regolari tas-servizzi. Il-finanzjament nazzjonali sostenibbli għall-PES huwa kruċjali, filwaqt li tingħata prijorità lill-miżuri mmirati lejn l-impjegabbiltà fit-tul. Hemm aktar potenzjal għall-PES biex jikkoordinaw il-korpi differenti responsabbli għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, it-tbassir tal-ħiliet u t-tfassil tat-taħriġ fil-livell nazzjonali u tal-kontea. |
|
(40) |
L-effettività tad-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika għadhom limitati - speċjalment fis-settur pubbliku. Hemm qafas legali għall-forum tripartitiku tas-settur privat, li huwa involut fl-iffissar tal-paga minima, u ġew stabbiliti xi gruppi ta' ħidma dwar suġġetti ewlenin. Madankollu, it-trasparenza tal-metodi ta' ħidma u l-eżiti tagħha tista' tittejjeb, u għandha tintuża għal kooperazzjoni effettiva bejn il-gvern, l-impjegaturi u t-trade unions. Il-kopertura tan-negozjar kollettiv u d-densità tat-trade unions huma fost l-aktar baxxi fl-UE. In-negozjar kollettiv huwa pprojbit fil-kura tas-saħħa u fl-amministrazzjoni pubblika u mxekkel minn bidliet reċenti fl-istatus ta' xi ħaddiema tas-settur pubbliku. Hemm lok għal aktar appoġġ għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali kif ukoll riforma tal-Liġi tax-Xogħol biex tittejjeb l-effettività tad-djalogu soċjali, u miżuri li jappoġġaw id-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur pubbliku. |
|
(41) |
Il-progress fit-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ma kienx uniformi, b'żieda fl-inugwaljanzi madwar il-pajjiż. Ir-rata ta' privazzjoni materjali u soċjali estrema tjiebet, iżda għadha waħda mill-ogħla fl-UE. It-tfal, ir-Rom, il-persuni b'diżabilità u dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni huma partikolarment vulnerabbli. Aktar minn tliet kwarti tat-tfal b'ġenituri b'livell baxx ta' edukazzjoni kienu f'riskju ta' faqar ta' esklużjoni soċjali fl-2025. Iż-żieda fir-rati tal-faqar wasslet biex aktar tfal jidħlu fis-servizzi tal-istat għall-protezzjoni tat-tfal, filwaqt li l-għadd ta' familji tar-rispett mhuwiex biżżejjed u qed jonqos. It-trasferimenti soċjali u s-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa mhumiex effettivi fit-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu. L-adegwatezza tal-benefiċċju tal-introjtu minimu hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE, u ma għandha l-ebda aġġustament perjodiku. L-indiċjar tal-introjtu minimu u tal-benefiċċji soċjali mal-kostijiet tal-għajxien kif ukoll miżuri ta' appoġġ immirati jistgħu jikkontribwixxu biex in-nies joħorġu mill-faqar. Il-limitu ta' tliet xhur fuq il-benefiċċji tal-qgħad jillimita l-iżvilupp tal-ħiliet jew is-sejba ta' impjieg rilevanti u stabbli, u jżid ir-riskju ta' faqar fost dawk li qed ifittxu impjieg. Il-gruppi vulnerabbli, speċjalment fiż-żoni rurali, jiffaċċaw sfidi fl-aċċess għal servizzi essenzjali u soċjali, bħall-indukrar tat-tfal, l-iskejjel, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali u tal-kura fit-tul mill-inqas parzjalment minħabba restrizzjonijiet finanzjarji u awtonomija fiskali mnaqqsa tal-muniċipalitajiet. Is-segregazzjoni residenzjali u edukattiva tar-Rom għadha għolja, b'digrieti reċenti ta' “protezzjoni tal-identità lokali” li jirriskjaw aktar marġinalizzazzjoni. Il-programm iffinanzjat mill-UE mmirat lejn l-aktar 300 muniċipalità żvantaġġata huwa inizjattiva pożittiva, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex isir investiment sostenibbli f'servizzi essenzjali ġenerali (diġitali, tat-trasport, tal-ilma u tal-enerġija) u soċjali (tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kura), inkluż servizzi mmirati lejn it-tfal. |
|
(42) |
L-istennija tal-għomor hija waħda mill-aktar baxxi filwaqt li l-mortalità li tista' tiġi evitata u trattata fl-Ungerija hija fost l-ogħla fl-UE. In-nuqqas persistenti ta' persunal, l-infiq baxx fuq is-saħħa, l-allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi u d-disparitajiet reġjonali jfixklu l-aċċess ugwali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Il-professjoni tal-kura tas-saħħa, inkluż it-tobba, l-infermiera u ħaddiema oħra tal-kura tas-saħħa, għandha attraenza baxxa fost iż-żgħażagħ. Ir-reklutaġġ, iż-żamma u d-distribuzzjoni ġeografika tal-persunal huma sfida. Il-prevenzjoni u l-kura primarja mhumiex żviluppati biżżejjed, u jirċievu finanzjament pubbliku baxx, u dan għandu impatt fuq is-saħħa u l-produttività tal-popolazzjoni. L-għajxien b'saħħtu u indipendenti għall-persuni akbar fl-età, speċjalment fiż-żoni rurali, qed isir dejjem aktar diffiċli minħabba servizzi domestiċi u bbażati fil-komunità sottożviluppati. Il-kostijiet għoljin mill-but jillimitaw l-aċċess għall-gruppi vulnerabbli, filwaqt li n-nuqqas ta' persunal jittrasferixxi l-piżijiet tal-kura fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-familji, u b'hekk inaqqas il-kwalità tal-kura u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. |
|
(43) |
L-unitajiet domestiċi Ungeriżi jeħtieġ li jfaddlu aktar minn 15-il sena ta' introjtu biex jixtru appartament ta' 100 m kwadru, li huwa wieħed mill-ogħla fl-UE u kważi d-doppju tal-medja tal-UE. Il-prezzijiet tad-djar żdiedu b'rata aktar mgħaġġla milli fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE u l-kirjiet żdiedu wkoll drastikament, u qabżu t-tkabbir fil-pagi matul l-aħħar għaxar snin. Iż-żieda fil-kostijiet tal-akkomodazzjoni tpoġġi aktar pressjoni fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi, speċjalment għal dawk f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u l-inkwilini. Aktar tfal qed jitqiegħdu f'akkomodazzjonijiet temporanji minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tal-familji, u l-problema ta' persuni mingħajr dar żdiedet. Fl-istess ħin, l-istokkijiet tal-akkomodazzjoni soċjali tal-muniċipalitajiet, diġà limitati, qed ikomplu jonqsu, u ma hemm l-ebda miżura ta' appoġġ għall-akkomodazzjoni mmirata u ttestjata skont il-mezzi, inkluż il-kiri, għal gruppi b'introjtu baxx. Fin-nuqqas ta' politiki ta' koeżjoni soċjali urbani u rurali effettivi, is-segregazzjoni residenzjali tibqa' kwistjoni. Sussidji għall-akkomodazzjoni ġenerużi u mhux immirati u provvista ristretta tal-akkomodazzjoni kkontribwew għal żidiet fil-prezzijiet tad-djar, u naqqsu l-affordabbiltà, li hija sfida identifikata skont il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku. |
|
(44) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), (4) u (6). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-finanzi pubbliċi. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (3) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (6) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-akkomodazzjoni. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:
|
1. |
Tikkontrolla n-nefqa netta sabiex tirrispetta l-perkors korrettiv irrakkomandat mill-Kunsill fit-18 ta' Frar 2025 minħabba d-devjazzjoni materjali projettata għall-2026 mill-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa netta rakkomandat, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Issegwi koordinazzjoni effettiva u demarkazzjoni ċara tal-politiki makroekonomiċi biex tiżgura s-sostenibbiltà fiskali u esterna. Tneħħi gradwalment il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rati tal-imgħax, u l-miżuri ekwivalenti, biex jitnaqqsu l-effetti distorsivi u tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Issaħħaħ il-qafas baġitarju fuq medda medja ta' żmien. Ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tippreserva l-adegwatezza. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Taċċellera b'mod sinifikanti l-isforzi biex timplimenta l-programmi tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi u tal-flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni. Tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi, tas-sigurtà u tal-preparatezza ċivili uniċi li jaffettwaw lir-reġjuni fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, inkluż il-ħtieġa li jsir investiment f'infrastruttura b'użu doppju. |
|
3. |
Ittejjeb il-qafas regolatorju u ssaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi, b'mod partikolari fil-bejgħ bl-imnut, f'konformità mal-prinċipji tas-Suq Uniku u l-istat tad-dritt. Ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet permezz ta' impenn effettiv ma' partijiet ikkonċernati u valutazzjonijiet tal-impatt regolari. Issaħħaħ il-qafas kontra l-korruzzjoni, inkluż billi ttejjeb l-isforzi ta' prosekuzzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni pubblika. Telimina l-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku. Tistimula l-iżvilupp tas-swieq kapitali billi żżid l-inċentivi fiskali u regolatorji. Issaħħaħ il-qafas tal-innovazzjoni għas-settur pubbliku u n-negozji billi ttejjeb il-prevedibbiltà tal-infiq pubbliku fir-R&Ż u timmira aħjar il-miżuri eżistenti lejn l-SMEs, filwaqt li tqis ukoll il-vantaġġi u l-bżonnijiet kompetittivi reġjonali. Tissimplifika s-sistema tat-taxxa inkluż billi telimina gradwalment it-taxxi distorsivi imposti fuq setturi speċifiċi u żżid il-ġustizzja tagħha. |
|
4. |
Taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija biex telimina gradwalment id-dipendenza fuq is-sorsi Russi u tieħu passi konkreti biex telimina gradwalment is-sussidji tal-fjuwils fossili, b'mod partikolari dawk relatati mad-dazji tas-sisa fuq id-diżil u dawk li jfixklu l-elettrifikazzjoni fis-settur residenzjali. Ittejjeb il-flessibbiltà u l-kompetizzjoni fis-settur tal-elettriku, billi ssaħħaħ is-suq tal-ibbilanċjar, ir-rispons għad-domanda u l-infrastruttura tal-grilja kif ukoll billi żżid l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Ittejjeb ir-reżiljenza tal-ilma u għat-tibdil fil-klima permezz taż-żamma naturali tal-ilma u tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet ekoloġiċi u ttejjeb iċ-ċirkolarità, b'mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tat-trattament tal-iskart. Tippromwovi trasport nadif, inkluż billi taċċellera l-investiment fl-elettrifikazzjoni u t-trasport pubbliku affordabbli. |
|
5. |
Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni u r-rata ta' kisba terzjarja u żżid il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, f'edukazzjoni ġenerali ta' kwalità billi tkompli żżid l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim. |
|
6. |
Iżżid l-aċċess għal miżuri attivi effettivi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi tipprovdi opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid lil gruppi żvantaġġati, u tiżgura djalogu soċjali effettiv. Ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u tal-benefiċċji tal-qgħad, u tiżgura aċċess għal kulħadd għal servizzi essenzjali ġenerali ta' kwalità, b'mod partikolari f'muniċipalitajiet żvantaġġati. Ittejjeb l-aċċess għal kura tas-saħħa u kura fit-tul ta' kwalità, b'mod partikolari servizzi ta' prevenzjoni u ta' kura primarja. Timmira l-miżuri ta' appoġġ fis-settur tal-akkomodazzjoni lejn l-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u żżid l-provvista tal-akkomodazzjoni inkluż l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(3) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5) SWD(2026) 138 final.
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2025 li tapprova l-pjan-fiskali strutturali fuq terminu medju tal-Ungerija (ĠU C/2025/1707, 18.03.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1707/oj).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Ungerija, adottata fit-18 ta' Frar 2025. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Ungerija jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/Hungary_en.
(8) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(9) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19 ta' Marzu 2025, C(2025) 2000 final.
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Ungerija jiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (l-Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3968, 20.08.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3968/oj).
(11) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(12) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali u inkluż in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(13) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(14) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(15) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(16) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(17) Wara d-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-miżura ġiet estiża b'mod indefinit.
(18) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3930/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)