31.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 108/5


Avviż għall-attenzjoni ta' Aliaskhab Alibulatovich Kebekov li żdied mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta’ Al-Qaida, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/532

(2015/C 108/05)

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1) titlob lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u ta' individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, imsemmijin fil-lista mħejjija skont l-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata b'mod regolari mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont l-UNSCR 1267(1999).

Il-lista mħejjija minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi lil:

—

Al-Qaida;

—

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati ma’ Al Qaida; u

—

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi jew huma kkontrollati minnhom, jew b’xi mod iservu ta’ appoġġ lilhom.

L-atti jew l-attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati ma'” Al-Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru minn, jew flimkien ma’ Al-Qaida jew minn kull ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnha jew derivat minnha, taħt isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil xi ħadd minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kull wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta' appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta' kull wieħed minnhom.

2.

Fit-23 ta' Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva ż-żieda ta’ Aliaskhab Alibulatovich Kebekov fil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Al-Qaida

Huwa jista', f'kull waqt, jissottometti talba lill-Ombudsperson tan-NU, flimkien ma' kull dokumentazzjoni ġustifikattiva, sabiex terġa' tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li tinkludihom fil-lista tan-NU msemmija aktar 'il fuq. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations - Office of the Ombudsperson

Room TB-08041D

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 2129632671

Faks +1 2129631300/3778

Posta elettronika: ombudsperson@un.org

Għal aktar informazzjoni ara http://www.un.org/sc/committees/1267/delisting.shtml

3.

Barra mid-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/532 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta' Al-Qaida (3). L-emenda, magħmula skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolment (KE) Nru 881/2002, iżżid lil Aliaskhab Alibulatovich Kebekov fil-lista fl-Anness I ta' dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-individwi u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) milli jagħmel disponibbli fondi u riżorsi ekonomiċi lill-individwi u l-entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikoli 2 u 2a); u

(2)

il-projbizzjoni tal-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari lil kull individwu jew entità kkonċernati, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikolu 3).

4.

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jipprovdi għal proċess ta’ rieżami fejn jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista minn dawk li jkunu elenkati. L-individwi u l-entitajiet miżjudin fl-Anness I permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/532 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex isiru jafu r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba għandha tintbagħat lil:

European Commission

“Restrictive measures”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-individwu kkonċernat għall-possibbiltà li jikkontesta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/532 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba' u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Biex tinżamm l-ordni, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwu inkluż fl-Anness I għall-possibbiltà li jressaq applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jikseb awtorizzazzjoni biex juża' l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet essenzjali jew pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta' dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 86, 31.3.2015, p. 9.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.