18.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/218

tas-7 ta' Mejju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat Nri SA.29786 (ex N 633/09), SA.33296 (11/N), SA.31891 (ex N553/10), N 241/09, N 160/10 u SA.30995 (ex C 25/10) implimentata mill-Irlanda għar-ristrutturar ta' Allied Irish Banks plc u EBS Building Society

(notifikata bid-dokument numru C(2014) 2638)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Allied Irish Banks, plc (“AIB”) u l-EBS Building Society (“EBS”) it-tnejn irċevew għajnuna mill-Istat individwalment, li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fi proċeduri separati. EBS u AIB ingħaqdu flimkien fl-1 ta' Lulju 2011 (“il-Bank”) u l-Kummissjoni vvalutat l-għajnuna mogħtija lill-Bank fi proċedura separata. B'hekk, hemm tliet proċeduri ta' għajnuna mill-Istat relatati ma' AIB, EBS u mal-entità amalgamata, rispettivament.

1.1.   AIB

(2)

Permezz ta' deċiżjoni ddatata t-12 ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni approvat temporanjament (2) injezzjoni ta' kapital ta' EUR 3,5 biljun fl-AIB fil-forma ta' Ishma ta' Preferenza Ġodda fil-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, fuq il-bażi ta' bosta impenji, inkluża s-sottomissjoni ta' pjan ta' ristrutturar fi żmien sitt xhur wara r-rikapitalizzazzjoni.

(3)

Wara din l-injezzjoni ta' kapital inizjali, fit-13 ta' Novembru 2009, l-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew pjan ta' ristrutturar inizjali għal AIB, segwit minn għadd ta' skambji. Fl-4 ta' Mejju 2010, l-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew pjan ta' ristrutturar aġġornat, li għal darba oħra kien segwit minn għadd ta' skambji bejn il-Kummissjoni u l-Irlanda.

(4)

Permezz ta' deċiżjoni ddatata l-21 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni approvat temporanjament (3) injezzjoni ta' kapital ta' salvataġġ ta' EUR 9,8 biljun fil-forma ta' ishma ordinarji, sakemm il-Kummissjoni tapprova pjan ta' ristrutturar rivedut li jieħu f'kunsiderazzjoni l-għajnuna ulterjuri pprovduta lil AIB. L-injezzjoni tal-kapital kienet ippjanata li sseħħ f'żewġ stadji: (i) EUR 3,7 biljun li kellhom jiġu injettati sal-31 ta' Diċembru 2010 u (ii) EUR 6,1 biljun li kellhom jiġu injettati fi Frar 2011 (4).

(5)

Filwaqt li l-ewwel pagament akkont tar-rikapitalizzazzjoni approvata sar mill-Istat Irlandiż fl-aħħar ta' Diċembru 2010, it-tieni injezzjoni li kienet ippjanata li ssir fi Frar 2011 baqgħet qatt ma saret. (5)

1.2.   EBS

(6)

Permezz ta' deċiżjoni ddatata t-2 ta' Ġunju 2010 (6), il-Kummissjoni awtorizzat temporanjament ir-rikapitalizzazzjoni ta' EBS bħala għajnuna ta' emerġenza, sakemm hija stess tapprova pjan ta' ristrutturar. L-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew il-pjan fil-31 ta' Mejju 2010.

(7)

Fil-11 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fir-rigward tal-pjan ta' ristrutturar għal EBS sottomess mill-Irlanda (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) (7), minħabba li l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà ta' dak il-pjan ta' ristrutturar u tal-miżuri ta' għajnuna assoċjati mas-suq intern fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi finanzjarja attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (8) (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”).

(8)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand EBS u żewġ partijiet interessati oħrajn.

(9)

F'Lulju 2011, l-EBS ingħaqdet mal-AIB u saret sussidjarja integrata b'mod sħiħ tal-Bank. B'riżultat ta' dan, l-EBS ma baqgħetx teżisti fuq bażi awtonoma. Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, li kienet relatata mal-EBS bħala entità awtonoma, ġiet iddikjarata nulla u l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tissoktax bil-proċedura.

1.3.   PROĊEDURA KONĠUNTA

(10)

Fil-31 ta' Marzu 2011, il-Ministru Irlandiż għall-Finanzi ħabbar li s-sistema bankarja Irlandiża kellha tiġi organizzata mill-ġdid madwar żewġ banek pilastri, jiġifieri, il-Bank of Ireland (“BoI”) u AIB (9). Huwa ħabbar ukoll li, f'dan il-kuntest, l-EBS kellha tiġi amalgamata ma' AIB sabiex flimkien jikkostitwixxu din it-tieni istituzzjoni pilastru.

(11)

Permezz ta' deċiżjoni ddatata l-15 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni approvat (10) pakkett ta' salvataġġ ikkombinat għall-Bank li jammonta sa EUR 13,1 biljun, sakemm tingħata l-approvazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar għall-Bank, li għandu jieħu f'kunsiderazzjoni l-għajnuna ulterjuri pprovduta.

(12)

Fit-28 ta' Settembru 2012, l-Irlanda nnotifikat pjan ta' ristrutturar għall-Bank. (11)

(13)

Bejn Ottubru 2012 u Marzu 2014, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi skambjaw l-informazzjoni regolarment. Il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni ripetutament u l-Irlanda pprovdiet numru ta' sottomissjonijiet supplimentari (12).

2.   FATTI

2.1.   DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJI

2.1.1.   AIB

(14)

Deskrizzjoni ddettaljata ta' AIB hija pprovduta fit-Taqsima II.1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ewwel rikapitalizzazzjoni tal-Bank tat-12 ta' Mejju 2009 (13). Hawn taħt sejjer jiġi pprovdut sommarju qasir.

(15)

Fis-snin ta' qabel il-kriżi finanzjarja, l-AIB kien grupp li kien jipprovdi servizzi finanzjarji ddiversifikati u li kien joffri firxa sħiħa ta' servizzi bankarji personali u korporattivi. Fl-2008, huwa kellu karta bilanċjali li tiswa EUR 182 biljun. L-AIB kien fil-fatt wieħed mill-akbar żewġ banek fl-Irlanda u kellu ishma fis-suq ta' madwar 35 % tal-kontijiet kurrenti personali, 27 % tal-ipoteki, 46 % tal-kontijiet tat-tfaddil u 41 % tal-kontijiet kurrenti tal-SMEs.

(16)

Qabel din il-kriżi, l-AIB espanda malajr, b'enfasi partikolari fuq self ġdid lis-suq tal-proprjetà fl-Irlanda u dipendenza qawwija fuq il-finanzjament tal-operaturi. Meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja globali, illi laqtet lill-ekonomija Irlandiża u b'mod partikolari lis-suq tal-proprjetà fl-Irlanda b'impatt partikolarment qawwi, il-vulnerabbiltà tal-mudell kummerċjali tal-AIB saret evidenti u l-ħtieġa għal appoġġ mill-Istat kienet inevitabbli.

(17)

F'Lulju 2011, l-AIB ġie amalgamat mal-EBS.

2.1.2.   EBS

(18)

Deskrizzjoni ddettaljata tal-EBS hija pprovduta fit-Taqsima 2.1.2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta' emerġenza għall-EBS/għall-AIB tal-15 ta' Lulju 2011 (14). Fil-premessi li ġejjin se jiġi pprovdut sommarju qasir.

(19)

Fis-snin ta' qabel il-kriżi finanzjarja, l-EBS kienet l-akbar soċjetà tal-bini fl-Irlanda u t-tmien l-akbar istituzzjoni finanzjarja li kienet topera fl-Irlanda b'assi totali ta' EUR 21,5 biljun fl-2009. Is-soċjetajiet tal-bini huma organizzazzjonijiet reċiproċi li ma għandhomx azzjonisti, iżda minflok huma proprjetà tal-membri tagħhom, li huma wkoll il-klijenti tagħhom. L-għan tagħhom huwa li jiġbru d-depożiti u jipprovdu self. Il-profitti jintużaw sabiex ir-rati tal-imgħax jiġu adattati għall-vantaġġ tal-membri, jew inkella jiġu akkumulati bħala riżervi.

(20)

L-EBS kienet toffri prodotti bankarji tradizzjonali għall-konsumaturi lill-membri tagħha (tfaddil u ipoteki) skont il-mira tagħha bħala soċjetà tal-bini. Hija kellha wkoll dipartiment tat-teżor li kien joffri servizzi ta' boutique lil klijenti korporattivi, impriżi professjonali u unjins kreditizji. Mill-2005 'il quddiem, l-EBS espandiet l-attivitajiet tagħha fil-kiri ta' proprjetà kummerċjali, fejn bniet ktieb tas-self sostanzjali f'dak is-segment. L-EBS sofriet mit-tnaqqis fl-attività ekonomika fl-ekonomija Irlandiża b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, mill-kollass tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli kummerċjali. L-aċċess għall-finanzjament iddeterjora b'mod gradwali u l-indebolimenti enormi fuq il-kotba tas-self kummerċjali u ipotekarju tagħha wasslu għal tnaqqis fil-kapital ta' EBS.

(21)

Mill-1 ta' Lulju 2011, l-EBS saret sussidjarja bi proprjetà sħiħa tal-AIB. Hija toffri primarjament servizzi ta' ipoteki u depożiti fis-suq Irlandiż. L-EBS qiegħda tkompli topera taħt l-isem kummerċjali tagħha stess.

2.1.3.   Il-Bank (AIB u EBS amalgamati flimkien)

(22)

Ir-riżultat tal-eżerċizzju PCAR/PLAR (15), imwettaq taħt il-Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Irlanda (“il-Programm”) (16) u mħabbar nhar il-31 ta' Marzu 2011, identifika ħtieġa kapitali ta' EUR 13,3 biljun għall-AIB u ta' EUR 1,5 biljun għall-EBS (għaż-żewġ istituzzjonijiet, il-figura tikkombina l-ekwità komuni (17) u l-kapital kontinġenti (18)).

(23)

Skont it-termini tal-Programm, l-istituzzjonijiet ta' kreditu parteċipanti kellhom iħejju pjanijiet ta' rikapitalizzazzjoni sabiex jikkonformaw mal-kapital addizzjonali speċifikat mill-PCAR/PLAR u l-ammont ta' kapital meħtieġ kellu jkun fis-seħħ sal-aħħar ta' Lulju 2011.

(24)

Fil-31 ta' Marzu 2011, il-Ministru Irlandiż għall-Finanzi ħabbar ir-ristrutturar tas-settur bankarju Irlandiż sħiħ. Ġie deċiż li l-AIB u l-EBS jiġu amalgamati flimkien; il-Bank maħluq ġdid kellu jsir bank pilastru fix-xenarju bankarju Irlandiż irriformat.

(25)

Fis-26 ta' Mejju 2011, il-Ministru, l-AIB u l-EBS iffirmaw ftehim ta' akkwiżizzjoni li jipprevedi l-akkwist tal-EBS mill-AIB (wara l-konverżjoni tagħha f'kumpanija privata u wara li ġew riċevuti l-approvazzjonijiet regolatorji kollha meħtieġa). Skont it-termini ta' dan il-ftehim, l-EBS hija kumpanija sussidjarja bi proprjetà sħiħa u tibbenifika mill-appoġġ sħiħ tal-AIB, waqt li qiegħda tkompli topera taħt l-isem kummerċjali tagħha stess, jiġifieri “EBS”. Il-fużjoni taż-żewġ entitajiet kienet tinvolvi d-demutwalizzazzjoni ta' EBS u l-konverżjoni tagħha f'bank liċenzjat b'mod sħiħ, segwiti mill-akkwiżizzjoni mill-AIB tal-kapital azzjonarju tagħha għal kunsiderazzjoni nominali. Wara l-approvazzjoni tal-kontroll tal-fużjoni fis-27 ta' Ġunju 2011, il-fużjoni ġiet konkluża fl-1 ta' Lulju 2011.

(26)

Mill-15 ta' Lulju 2011, 99,8 % tal-kapital azzjonarju tal-Bank beda jinżamm mill-Istat Irlandiż.

(27)

Il-Bank huwa ppożizzjonat bħala bank li joffri servizzi sħaħ, iffokat primarjament fuq l-Irlanda u li joffri firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi bankarji permezz ta' netwerk ta' distribuzzjoni estensiv. Il-Bank għandu preżenza barranija limitata fil-Gran Brittanja. Fl-aħħar parti tal-2012, AIB beda jorganizza l-istruttura interna tiegħu lejn mudell li jiffoka aktar fuq il-klijenti u li jinkludi s-segmenti ewlenin li ġejjin: Domestic Core Bank, AIB UK u Financial Solutions Group (“FSG”). Ir-rapportar fuq din il-bażi ġdida ta' segmenti beda fl-2013.

(28)

Domestic Core Bank jopera permezz ta' firxa ta' mezzi ta' kunsinna li jikkonsistu f'274 fergħa (19). In-netwerk tal-fergħat jinsab taħt ristrutturar u bħalissa għaddej proċess tal-għeluq ta' għadd ta' fergħat. Il-Bank jipprovdi wkoll servizzi bankarji permezz tal-uffiċċji tal-posta nazzjonali. L-EBS hija ġestita fi ħdan l-istruttura tad-Domestic Core Bank. Dan il-bank għandu l-liċenzja bankarja tiegħu stess u jopera bħala sussidjarju b'marka separata bin-netwerk ta' fergħat tiegħu stess. L-enfasi tiegħu hija fuq in-negozju tal-ipoteki u tad-depożiti.

(29)

AIB UK jopera fil-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta' Fuq. Fil-Gran Brittanja, il-Bank jopera taħt l-isem kummerċjali Allied Irish Bank (GB) u joffri servizz bankarju sħiħ permezz ta' 20 fergħa li joffru servizzi sħaħ, kif ukoll permezz ta' servizzi bankarji fuq l-Internet. Is-swieq ewlenin fil-mira huma l-SMEs. Taħt il-marka Allied Irish Bank (GB) Savings Direct, il-Bank jipprovdi wkoll servizzi ta' depożiti. (20) Fl-Irlanda ta' Fuq, l-AIB UK jopera taħt l-isem kummerċjali First Trust Bank (“FTB”) permezz ta' 32 fergħa. Servizz bankarju sħiħ huwa offrut lil negozji u individwi.

(30)

The Financial Solutions Group twaqqaf fl-2012 sabiex jassisti lill-SMEs u lil klijenti personali li jkunu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex jikkonformaw mal-obbligi tas-self tagħhom, kif ukoll sabiex jesegwixxi l-pjan ta' diżingranaġġ tal-assi tal-Bank.

(31)

Illum il-ġurnata, il-Bank huwa wieħed mit-tliet banek domestiċi kbar fl-Irlanda, flimkien ma' BoI u Permanent TSB (“PTSB”). Fil-31 ta' Diċembru 2013, l-assi totali tal-Bank kienu jammontaw għal EUR 118-il biljun, meta mqabbla mal-assi totali ta' BoI ta' EUR 132 biljun u mal-assi totali ta' PTSB ta' EUR 38 biljun fl-istess data. Il-Bank huwa grupp diversifikat li joffri firxa sħiħa ta' servizzi finanzjarji u bankarji korporattivi u personali b'enfasi fuq is-suq bankarju għall-konsumaturi fl-Irlanda. Il-Bank għandu preżenza partikolarment qawwija fis-segment tal-SMEs.

Tabella 1

Il-Bank — Dejta Finanzjarja Magħżula mill-2013

 

31.12.2013

Assi totali (EUR)

118 bn

Self u ammonti riċevibbli lill-klijenti (EUR)

66 bn

Profitt/telf operattiv qabel id-dispożizzjonijiet (EUR)

0,445 bn

Depożiti tal-klijenti (EUR)

66 bn

Proporzjon self-depożitu (%)

100 %

Assi mwieżna għar-riskju (EUR)

62 bn

Proporzjon ta' Kapital tal-Grad 1 (%)

14,3 %

Membri tal-persunal totali (Ekwivalenti għal Full Time)

11 431

Sors: Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank, Settembru 2012; Rapport Annwali tal-AIB għall-2013

Tabella 2

Il-pożizzjonament tal-Bank fis-swieq tal-SMEs, personali, tal-ipoteki u tat-tfaddil

(%)

 

Ishma mis-suq

Kont kurrenti prinċipali ta' SME

40

Kont kurrenti prinċipali personali

37

Bilanċi pendenti fis-settur tal-ipoteki

31

Is-suq tat-tfaddil (AIB u EBS ikkombinati flimkien)

40

Sors: Sottomissjoni kumplimentarja ta' Marzu 2014; l-ishma mis-suq jappartjenu għal Diċembru 2013.

2.2.   ID-DIFFIKULTAJIET TA' AIB U EBS

(32)

Il-ħtieġa tal-AIB għal għajnuna mill-Istat kienet ir-riżultat tal-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, flimkien mat-tkabbir eċċessiv tal-AIB, id-dipendenza qawwija fuq il-finanzjament tal-operaturi, l-espożizzjoni tiegħu għas-suq tal-proprjetà Irlandiż u l-ġestjoni inadegwata tar-riskji.

(33)

Fis-snin ta' qabel il-kriżi finanzjarja, l-AIB iddeċieda li jżomm il-pass mat-tkabbir bla preċedent fl-ekonomija Irlandiża u fis-settur tal-proprjetà Irlandiż. Fuq bażi assoluta, is-self tal-AIB fis-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni żdied bi 336 % bejn l-2002 u l-2006 u l-esponiment tiegħu għal dan is-settur kiber minn 19 % fl-2002 għal 36 % fl-2008. Fl-insegwiment tal-volum u fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet marbuta mal-finanzjament, il-bank ħa riskji eċċessivi f'termini ta' esponiment (jiġifieri kkonċentra fuq is-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni), iżda wkoll f'termini tat-tipi ta' ipoteki offruti (jiġifieri ipoteki indiċizzati (21)).

(34)

Id-deterjorament tas-suq tal-proprjetà Irlandiż, il-waqgħa sussegwenti fil-prezzijiet tal-proprjetà, kif ukoll it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Irlanda mill-2008, wasslu għal deterjorament sinifikanti fil-kwalità tal-assi tal-AIB u għal indebolimenti konsiderevoli tal-ktieb tas-self tiegħu, tant li spiċċaw naqqsu l-bafer kapitali tal-bank.

(35)

Bil-għan li jiffinanzja l-espansjoni rapida tiegħu, il-bank żied id-dipendenza tiegħu fuq il-finanzjament tal-operaturi minn madwar 35 % fl-2004 għal 42 % fl-2006, filwaqt li l-proporzjon bejn is-self u d-depożiti (“LDR”) żdied minn 101 % fl-2002 għal 157 % fl-2007.

(36)

Wara l-kollass ta' Lehman Brothers Holdings Inc. f'Settembru 2008, it-turbulenza fis-swieq finanzjarji globali llimitat l-aċċess tal-AIB għall-finanzjament (bħal kif ġara fil-każ ta' banek Irlandiżi oħrajn) u affettwat l-abbiltà tiegħu li jkompli jopera b'mod normali. B'hekk, l-Istat intervjena u ħa l-ewwel pass billi pprovda garanziji fuq il-finanzjament. F'ambjent ta' spiża akbar għall-finanzjament (jiġifieri miżati għoljin għall-garanziji u l-prezzijiet tad-depożiti) u rata bażi mnaqqsa b'mod sinifikanti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (22), l-ipoteki indiċizzati tal-bank (madwar 45 % tal-ktieb tas-self ipotekarju tal-AIB fl-2011) irriżultaw f'marġini tal-imgħax nett (net interest margin — “NIM”) sostanzjalment imnaqqas għall-Bank.

(37)

Id-deterjorament materjali tal-pożizzjoni finanzjarja tal-AIB wasslitu sabiex jipparteċipa fil-miżuri ta' appoġġ kollha implimentati mill-Istat Irlandiż sabiex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiż. Minbarra l-garanziji tal-Istat, l-AIB irċieva injezzjonijiet ta' kapital mill-Istat u bbenifika minn trasferimenti ta' assi għall-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Assi (National Asset Management Agency — “NAMA”) (23) sabiex jeżawrixxi l-karta bilanċjali tiegħu.

(38)

Bl-istess mod, il-kriżi finanzjarja ħalliet impatt fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-EBS, b'mod partikolari bħala konsegwenza tat-tnaqqis drastiku fil-valuri tal-proprjetà fl-Irlanda. Qabel din il-kriżi, l-EBS tellgħet ktieb tas-self konsiderevoli fis-segment tas-self ta' proprjetà kummerċjali.

(39)

L-EBS kellha tassorbi indebolimenti kbar fuq il-kotba tas-self ipotekarju u kummerċjali tagħha. L-aċċess tal-EBS għall-finanzjament iddeterjora b'mod gradwali u fl-aħħar mill-aħħar spiċċa sabiex sfaxxa għal kollox. Konsegwentement, minħabba l-pożizzjoni vulnerabbli tagħha, l-EBS kienet sfurzata sabiex tagħmel talbiet fuq il-miżuri ta' appoġġ tal-Istat. L-EBS kienet teħtieġ garanziji fuq il-finanzjament, it-trasferimenti tal-assi lill-NAMA u l-injezzjonijiet ta' kapital.

2.3.   IL-MIŻURI TA' GĦAJNUNA

(40)

Minħabba d-diffikultajiet iffaċċjati mill-AIB u l-EBS, l-Istat kellu jipprovdi appoġġ konsiderevoli lill-AIB u l-EBS individwalment, kif ukoll lill-Bank (l-entità amalgamata).

(41)

Fuq bażi individwali, kemm l-AIB kif ukoll l-EBS ingħataw garanziji fuq l-istrumenti ta' obbligazzjoni taħt l-iskema ta' Appoġġ Finanzjarju lill-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (Credit Institutions Financial Support — “CIFS”) (24) u taħt l-iskema ta' Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli (Eligible Liability Guarantee — “ELG”) (25), rispettivament, kif ukoll miżuri ta' salvataġġ tal-assi li jikkonsistu fit-trasferiment ta' assi ħżiena lill-NAMA.

(42)

Barra minn hekk, l-AIB u l-EBS irċevew appoġġ kapitali ripetut (26).

(43)

Barra minn hekk, l-Istat ta garanziji fuq l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità pprovduta mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda.

(44)

Il-Bank kompla jibbenifika mill-iskema ELG u kien rikapitalizzat f'Lulju 2011 (27) permezz ta' tqegħid ta' ekwità, kontribuzzjoni ta' kapital (28) u noti kapitali kontinġenti.

(45)

Il-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni totali kkombinati tal-Bank (inklużi l-ishma ta' preferenza u l-istrumenti kapitali kontinġenti) jammontaw għal EUR 20,775 biljun. Bħala riżultat tal-injezzjonijiet kapitali differenti, l-Istat Irlandiż, permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Fond ta' Riżerva tal-Pensjonijiet (National Pension Reserve Fund Commission — “NPRFC”), jippossjedi 99,8 % tal-ishma ordinarji tal-Bank.

(46)

L-NPRFC għandha wkoll ishma ta' preferenza li jammontaw għal EUR 3,5 biljun, li oriġinarjament kienu ġew injettati fl-AIB fl-2009 u kienu approvati permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ N 241/09 (29). L-amortizzazzjoni/ix-xiri mill-ġdid ta' dawk l-ishma huma fid-diskrezzjoni tal-Bank. Minn Mejju 2014 (jiġifieri ħames snin wara l-injezzjoni), se tiġi applikata żieda ta' 25 % għal dawk l-ishma u l-amortizzazzjoni se tkun bil-perċentwal ta' 125 % tal-valur nominali.

(47)

It-Tabella 3 tipprovdi sommarju tal-miżuri ta' għajnuna kollha mogħtija lill-AIB, lill-EBS u lill-Bank (l-entità amalgamata).

Tabella 3

Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta' għajnuna mogħtija lill-AIB, lill-EBS u lill-Bank (l-entità amalgamata AIB/EBS)

(l-ammonti approvati u dawk effettivament mogħtija jvarjaw f'xi każijiet)

 

Tip ta' miżura

Ammont

(f'EUR bn)

Rimunerazzjoni

 

Miżuri favur l-AIB (awtonomu)

a

Garanziji taħt l-iskema CIFS

(ammont ta' obbligazzjonijiet garantiti)

sa 133

B'konformità mal-iskema CIFS

b

Garanziji taħt l-iskema ELG

(ammont ta' obbligazzjonijiet garantiti)

sa 62,5

B'konformità mal-iskema ELG

c

Miżura ta' salvataġġ tal-assi — trasferimenti lill-NAMA

20,4

(stima tal-ammont ta' għajnuna = 1,6)  (30)

m.d. — l-iskont medju kien ta' madwar 56 %

d

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' ishma ta' preferenza, Mejju 2009

3,5

8 % p.a. jew ishma ordinarji

e

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' kapital ta' ekwità ġdid, Diċembru 2010

3,7

 

f

Garanzija tal-Istat fuq Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità (“ELA”) sat-tieni kwart tal-2011

[5-15] (*1)

 

 

 

 

 

 

Miżuri favur l-EBS

g

Garanziji taħt l-iskema CIFS

(ammont ta' obbligazzjonijiet garantiti)

sa 14,4

B'konformità mal-iskema CIFS

h

Garanziji taħt l-iskema ELG

(ammont ta' obbligazzjonijiet garantiti)

sa 8,0

B'konformità mal-iskema ELG

i

Miżura ta' salvataġġ tal-assi — trasferimenti lill-NAMA

0,9

(stima tal-ammont ta' għajnuna = 0,1)  (30)

m.d. — l-iskont medju kien ta' madwar 57 %

j

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' Ishma ta' Investiment Speċjali (SIS), Mejju u Diċembru, 2010

0,625

Ir-rimunerazzjoni tista' ssir permezz tal-ħlas ta' dividend jekk ikun hemm biżżejjed riżervi distribwibbli

k

Rikapitalizzazzjoni permezz ta' għotja diretta fil-forma ta' ċedola (promissory note), Diċembru 2010

0,250

Ir-rimunerazzjoni ma ssirx separatament

l

Garanzija tal-Istat fuq ELA

[0-5]

 

 

Miżuri favur il-Bank (l-entità amalgamata)

m

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' ishma ordinarji (“tqegħid”), Lulju 2011

5,0

 

n

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' noti kapitali kontinġenti, Lulju 2011

1,6

Rata tal-imgħax obbligatorja fissa ta' 10 % p.a.

o

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' kontribuzzjoni ta' kapital, Lulju 2011

6,1

Ebda kunsiderazzjoni

 

 

 

 

 

Rikapitalizzazzjoni totali kkombinata (d + e + j + k + m + n + o)

20,775

 

Sors: L-awtoritajiet Irlandiżi u l-pjanijiet ta' ristrutturar għall-AIB u l-EBS u għall-Bank.

2.4.   IL-PJANIJIET TA' RISTRUTTURAR INDIVIDWALI

(48)

F'Novembru 2009, l-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew l-ewwel pjan ta' ristrutturar għal AIB, li stabbilixxa l-ewwel proposti dwar kif AIB għandu jerġa' lura għall-vijabbiltà. F'Mejju 2010, l-Irlanda ssottomettiet verżjoni aġġornata tal-pjan li, fost l-oħrajn, ipprevediet disponimenti ulterjuri (is-sussidjarji tal-AIB fil-Polonja, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti) bil-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kapitali regolatorji u minimi ġodda mħabbra mir-Regolatur Finanzjarju skont il-PCAR f'Marzu 2010.

(49)

Il-pjan ta' ristrutturar ta' EBS, li ġie sottomess fil-31 ta' Mejju 2010, ippreveda ristrutturar intern ta' EBS għall-iżgurar tal-vijabbiltà, flimkien ma' bejgħ malajr lil parti terza. Skont dan il-pjan, l-EBS għandha toħroġ mis-settur tas-self ta' proprjetà kummerċjali u terġa' tiffoka l-attivitajiet tagħha fuq in-negozju tal-ipoteki u t-tfaddil fil-livell tal-konsum. L-EBS għandha tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-finanzjament tal-operaturi (għal perjodu ta' żmien qasir) u minflok tiffoka fuq id-depożiti fil-livell tal-konsumaturi.

2.5.   IL-MIŻURI TA' RISTRUTTURAR IMPLIMENTATI DIĠÀ MILL-BANK (L-AIB U L-EBS AMALGAMATI)

(50)

Il-Bank diġà kien implimenta firxa wiesgħa ta' miżuri ta' ristrutturar qabel issottometta l-verżjoni finali tal-pjan tar-ristrutturar, bil-għan li jilħaq l-għanijiet tal-vijabbiltà fit-tul, il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet. Dawn il-miżuri jikkonsistu f'ċessjonijiet kummerċjali, diżingranaġġ tal-assi, Eżerċizzji ta' Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet (31) u azzjonijiet maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż, kif ġej (32):

—

Ċessjonijiet kummerċjali li ġġeneraw EUR 3,3 biljun ta' Kapital tal-Grad 1:

Sett 10

Il-bejgħ ta' Goodbody Stockbrokers

Nov 10

Il-bejgħ tas-sehem ta' 23,9 % f'M&T Corporation

Frar 11

It-trasferiment tad-depożiti fl-ammont ta' EUR 9 biljun ta' Anglo Irish Banks lil AIB

Apr 11

Il-bejgħ tas-sehem ta' 70,36 % fil-bank Pollakk BZWBK

Apr 11

Il-bejgħ tas-sehem ta' 50,00 % fil-Ġestjoni tal-Assi tal-bank Pollakk BZWBK

Mejju 11

Il-bejgħ ta' mgħax ta' 49,99 % f'BACB (Bulgarian American Credit Bank)

Aww 11

Il-bejgħ tas-Servizzi Finanzjarji Internazzjonali tal-AIB

Aww 11

Il-bejgħ tal-AIB Jersey Trust

Jan 12

L-AIB iħabbar id-deċiżjoni li jtemm l-impriża konġunta ma' Aviva Life Holdings Ireland Ltd

Apr 12

AIB iħabbar id-deċiżjoni li jwaqqaf l-operazzjonijiet fil-Gżira ta' Man u f'Jersey

Apr 12

Il-bejgħ tan-negozju tal-AIB Baltics

Ġun 12

Il-bejgħ tal-AIB Investment Managers

Aww 12

Il-bejgħ tal-imgħaxijiet fil-fondi ta' proprjetà Pollakki

—

Trasferimenti tal-assi ta' EUR 21,3 biljun lill-NAMA;

—

Diżingranaġġ tal-assi ta' EUR 20,5 biljun li jirriżulta minn PLAR 2011 (sħiħ);

—

L-Eżerċizzji ta' Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet/Xiri Lura ta' Dejn imwettqa fl-2009, fl-2010 u fl-2011, rispettivament, ikkontribwixxew EUR 5,4 biljun ta' Kapital tal-Grad 1:

Ġun 09

Xiri lura ta' strumenti Ibridi tal-Grad 1 + kontribuzzjoni kapitali ta' EUR 1,1 biljun

Mar 10

Xiri lura ta' bonds tal-Grad 2 + kontribuzzjoni kapitali ta' EUR 0,4 biljun

Jan 11

Xiri lura ta' bonds tal-Grad 2 + kontribuzzjoni kapitali ta' EUR 1,5 biljun

Lulju 11

Xiri lura ta' bonds tal-Grad 1 u tal-Grad 2 + kontribuzzjoni kapitali ta' EUR 2,1 biljun

Ġun 10– Frar 11

Serje ta' xiri lura ta' bonds tal-Gradi 1 u 2 ta' EBS + kontribuzzjoni kapitali ta' EUR 0,3 biljun

—

Għeluq ta' fergħat (68 fl-Irlanda, 22 stabbiliment tal-EBS, 22 fergħa tal-AIB UK);

—

Programm ta' rtirar kmieni u waqfien volontarju mix-xogħol: tnaqqis ta' +/– 2 877 FTE (33) fil-31 ta' Diċembru 2013, b'aktar irtirar ippjanat;

—

Sostituzzjoni sħiħa tal-Bord u tal-pożizzjonijiet maniġerjali għolja (imqabbla mal-profil ta' qabel Settembru 2008).

—

Enfasi mill-ġdid tan-negozji fuq l-Irlanda, li joffru servizzi bankarji korporattivi u għall-konsumaturi.

2.6.   IL-PJAN TA' RISTRUTTURAR GĦALL-BANK (L-AIB U L-EBS AMALGAMATI)

(51)

Fit-28 ta' Settembru 2012, l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw pjan ta' ristrutturar għall-Bank, li jkopri l-perjodu mill-2012 sal-2015. L-awtoritajiet Irlandiżi emendaw u ssupplimentaw dan il-pjan ripetutament, u l-perjodu tar-ristrutturar eventwalment ġie ffissat sabiex jikkomprendi s-snin mill-2014 sal-2017.

(52)

L-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw xenarju bażi, xenarju bażi alternattiv ibbażat fuq suppożizzjonijiet aktar prudenti u xenarju avvers bil-għan li juru l-abbiltà tal-Bank li jikseb vijabbiltà fit-tul.

(53)

Il-Bank qiegħed jippjana li sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar jerġa' lura bħala istituzzjoni solida, profittabbli u ffinanzjata sewwa bi proporzjonijiet tajbin ta' kapital u b'mudell kummerċjali aktar tradizzjonali. Il-pjan jistabbilixxi strateġija kummerċjali li tippożizzjona lill-Bank bħala bank iżgħar iżda li joffri servizzi sħaħ, li jiffoka primarjament fuq l-Irlanda, kif imqabbel mal-grupp iddiversifikat fuq livell internazzjonali li kien joffri servizzi finanzjarji fi żminijiet ta' qabel il-kriżi. L-istruttura operattiva tal-Bank tiffoka fuq tliet punti — id-Domestic Core Bank, l-AIB UK (in-negozju tar-Renju Unit li jikkomprendi attivitajiet kummerċjali fil-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta' Fuq) u l-Financial Solutions Group, li nħoloq fl-2012.

(54)

L-ixprunaturi ewlenin tal-Bank għar-ritorn tal-vijabbiltà huma:

(a)

l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-Bank f'bank iżgħar bi profil ta' finanzjament imtejjeb, li jkun iffokat primarjament fuq l-Irlanda;

(b)

livelli mtejba ta' profittabbiltà permezz tat-tisħiħ tal-NIM, miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż u imposti mnaqqsa b'mod sinifikanti fuq indeboliment;

(ċ)

bafer kapitali b'saħħtu.

2.6.1.   Il-Każ Bażi

2.6.1.1.   Suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi u projezzjonijiet finanzjarji ewlenin

(55)

Fil-każ bażi, huwa preżunt li l-Prodott Domestiku Gross (“PDG”) fl-Irlanda sejjer jikber bi 2,2 % fl-2014 u jaċċellera fl-2015, fl-2016 u fl-2017 għal 2,8 %, 3,2 % u 3,2 %, rispettivament. Il-PDG fir-Renju Unit mistenni jikber b'1,9 % fl-2014, 2,1 % fl-2015, 2,5 % fl-2016 u 2,5 % fl-2017.

(56)

L-impjiegi mistennija jitjiebu matul il-perjodu tar-ristrutturar, b'rata ta' tkabbir mistennija ta' 0,8 % fl-2014, 1,5 % fl-2015, 2 % fl-2016 u 2 % fl-2017.

(57)

L-akkomodazzjoni u l-kostruzzjoni mistennija jesperjenzaw rikorrenza minn livelli ta' attività batuti ħafna. Huwa mbassar li l-prezzijiet tad-djar sejrin jiżdiedu bi 3 % fl-2014, 3 % fl-2015, 2,5 % fl-2016 u 2,5 % fl-2017.

(58)

Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank jirriżulta fil-projezzjonijiet finanzjarji li ġejjin skont ix-xenarju tal-każ bażi:

Tabella 4

Ir-riżultati finanzjarji u l-projezzjonijiet finanzjarji tal-Bank skont ix-xenarju bażi

Indikaturi finanzjarji ewlenin

2012

Reali

2013

Reali

2014

Pjan

2015

Pjan

2016

Pjan

2017

Pjan

—   Il-Kapital u l-Assi Mwieżna għar-Riskji (“RWAs”)

—

Proporzjon tal-Grad 1 (“CT1”) jew proporzjon ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1 (“CET1”) (%)

15,2 %

14,3 %

[10-20 %]

[10-20 %]

[10-20 %]

[10-20 %]

—

Bafer kapitali (m EUR) vs. 8 % CT1/CET1

5 133

3 934

[0-5 000 ]

[5 000 -10 000 ]

[5 000 -10 000 ]

[5 000 -10 000 ]

—

RWAs (m EUR)

71 417

62 395

[55 000 -65 000 ]

[55 000 -65 000 ]

[55 000 -65 000 ]

[55 000 -65 000 ]

—   Profittabbiltà

—

NIM — minbarra ELG (%)

1,22 %

1,37 %

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

—

Proporzjon spejjeż-dħul

123 %

77 %

[60-70 %]

[50-60 %]

[45-55 %]

[45-55 %]

—

Profitt wara t-taxxa (m EUR)

(3 557 )

(1 597 )

[0-750]

[0-750]

[250-1 250 ]

[250-1 250 ]

—

Redditu fuq l-ekwità (“ROE”) (34)

– 37,0 %

– 21,5 %

[0,5-10 %]

[0,5-10 %]

[5-15 %]

[5-15 %]

—   Finanzjament

—

LDR

115 %

100 %

[95-120 %]

[95-120 %]

[95-120 %]

[95-120 %]

—

Id-dipendenza fuq il-BĊE (% ta' obbligazzjonijiet totali (35))

20 %

12 %

[10-20 %]

[< 10 %]

[< 10 %]

[< 10 %]

—   Oħrajn

—

Self u ħlasijiet bil-quddiem gross lill-klijenti (m EUR)

89 872

82 851

[70 000 -80 000 ]

[65 000 -75 000 ]

[65 000 -75 000 ]

[65 000 -75 000 ]

—

Assi Totali (m EUR)

122 501

117 734

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

—

FTE (numru)

13 429

11 431

[10 000 -15 000 ]

[8 000 -13 000 ]

[8 000 -13 000 ]

[8 000 -13 000 ]

Sors: Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank u s-sottomissjoni kumplimentarja fl-10 ta' Jannar 2014 tar-rapport annwali tal-AIB għall-2013.

2.6.1.2.   L-ixprunaturi ewlenin tar-ritorn tal-Bank għall-vijabbiltà

(i)   bank iżgħar iffokat fuq livell domestiku bi profil ta' finanzjament imtejjeb

(59)

Permezz tad-diżingranaġġ importanti ta' assi mhux ewlenin (36), il-Bank għandu l-għan li jsir istituzzjoni materjalment iżgħar meta mqabbel mal-perjodu ta' qabel il-kriżi finanzjarja. Il-Bank diġà għamel diżingranaġġ importanti permezz taċ-ċessjoni ta' wħud min-negozji tiegħu, id-diżingranaġġ tal-assi u t-trasferiment ta' assi relatati ma' “proprjetà b'riskju għoli” lill-NAMA (EUR 21,3 biljun), li ppermettielu jnaqqas id-daqs tal-karta bilanċjali tiegħu b'mod sinifikanti. L-assi totali tal-Grupp AIB naqsu minn EUR 136,7 biljun fl-aħħar tal-2011 għal EUR 117,7 biljun fil-31 ta' Diċembru 2013 (tnaqqis ta' 14 %) (37).

(60)

Dan il-programm importanti ta' diżingranaġġ/tnaqqis imwettaq mill-Bank, flimkien ma' bażi dejjem tikber ta' depożiti tal-klijenti (mill-2011), ikkontribwixxa għat-titjib tal-profil tal-finanzjament tal-Bank. Il-proporzjon tad-depożiti tal-klijenti fuq is-sors totali ta' fondi (jiġifieri obbligazzjonijiet totali (38)) tjieb minn 49,7 % fl-aħħar tal-2011 għal 61,2 % fl-aħħar tal-2013, filwaqt li l-LDR naqas minn 138 % fl-aħħar tal-2011 għal 100 % fil-31 ta' Diċembru 2013.

(61)

Il-Bank qiegħed jipproġetta li matul il-perjodu tar-ristrutturar ikompli jżid il-proporzjon ta' depożiti tal-klijenti fuq is-sors totali tal-fondi tiegħu (jiġifieri l-obbligazzjonijiet totali), filwaqt li l-proporzjon tal-finanzjament mill-BĊE mistenni jonqos b'mod sinifikanti matul il-perjodu tal-pjan tar-ristrutturar, minn 20 % fl-2012 għal [< 10 %] fl-2017 (jiġifieri tnaqqis ta' EUR 15-25 biljun), bħala kombinazzjoni ta' volumi pproġettati ta' self aktar baxx (39), amortizzazzjonijiet ta' bonds tal-NAMA (40) u żieda fid-depożiti mill-banek.

(62)

Il-Bank qiegħed jerġa' jikseb aċċess b'mod progressiv għas-suq tal-operaturi. F'Jannar u Settembru 2013, il-Bank ħareġ żewġ bonds ipotekarji ta' EUR 500 miljun kull wieħed. F'Ottubru 2013, il-Bank ħareġ titolizzazzjoni ta' karta ta' kreditu għal EUR 500 miljun, li kienet l-ewwel waħda tat-tip tagħha li nħarġet minn bank Irlandiż. F'Novembru 2013, il-Bank irnexxielu jpoġġi EUR 500 miljun ta' dejn kompletament mhux garantit fuq perjodu ta' tliet snin. Din kienet l-ewwel tranżazzjoni ta' dejn mhux garantit tal-Bank mill-2009. F'Marzu 2014, il-Bank ħareġ bond ta' Titoli Koperti minn Assi b'valur ta' EUR 500 miljun fuq perjodu ta' 7 snin. Dan huwa l-aktar bond pubbliku ta' Titoli Koperti mill-Assi għal perjodu ta' żmien twil maħruġ mill-AIB mill-2007 'l hawn.

(63)

Fir-rigward tal-proporzjonijiet ta' likwidità mbassra, meta wieħed iqis l-informazzjoni disponibbli f'dan l-istadju dwar l-għamla tal-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità (“LCR”), li għadha fi stadju konsultattiv fil-livell tal-Unjoni Ewropea (41), il-Bank qiegħed ibassar proporzjon ta' LCR li jkun ferm ogħla mir-rekwiżiti minimi matul il-perjodu tar-ristrutturar (ara t-Tabella 5).

Tabella 5

Il-proporzjonijiet tal-likwidità tal-Bank

(%)

Proporzjonijiet ta' likwidità

2014

Pjan

2015

Pjan

2016

Pjan

2017

Pjan

LCR

[75-150]

[75-170]

[75-170]

[75-170]

L-LCR minimu inkluż fir-Regolament (UE) Nru 575/2013

 

60

70

80

Proporzjon Nett ta' Finanzjament Stabbli

[70-120]

[70-120]

[70-120]

[70-120]

Sors: il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank.

(ii)   livell imtejjeb ta' profittabbiltà

(64)

Il-Bank qiegħed jipproġetta li jirritorna għall-profittabbiltà fl-2014, bi profitt imbassar wara t-tassazzjoni ta' EUR [0-750] miljun, li għandu jilħaq EUR [250-1 250] miljun fl-2017. Ir-redditu fuq l-ekwità (“ROE”) mistenni jkun [bejn 0,5 u 10 %] fl-2014 u [bejn 5 u 15 %] fl-2017. Dan sejjer jinkiseb bil-mod li ġej:

(65)

L-ewwel nett, il-pjan ta' ristrutturar jistabbilixxi numru ta' azzjonijiet li jixprunaw l-irkupru tal-NIM, minbarra l-ispejjeż tal-ELG, minn 1,22 % fl-2012 għal [bejn 1,5 u 2,25 %] fl-2017. Dawn l-azzjonijiet jinkludu self ġdid ta' EUR [20-30] biljun mill-2014 sal-2017 b'rati ta' imgħax ogħla, titjib ulterjuri fl-ipprezzar tas-self tal-portafoll (42) u tnaqqis ulterjuri tal-ispiża tal-prodotti ta' depożitu sal-2015 (ara t-Tabella 6). Barra minn hekk, il-proporzjon ta' assi tal-Bank b'rendiment baxx (jiġifieri ipoteki indiċizzati u bonds tal-NAMA) imqabbla mal-assi totali huwa mistenni li matul il-perjodu ta' ristrutturar jonqos minn [20-30 %] fl-2014 għal [10-20 %] fl-2017 bħala riżultat tal-amortizzazzjoni tal-bonds tal-NAMA u l-amortizzazzjoni tal-portafoll ta' ipoteki indiċizzati li għalihom ma huwa ppjanat ebda self ġdid.

Tabella 6

L-evoluzzjoni mbassra tal-Bank fir-rigward tar-redditu medju fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet

(%)

Redditu medju

2013

Reali

2014

Pjan

2015

Pjan

2016

Pjan

2017

Pjan

Redditu medju — Self ġdid

[3-7]

[3-7]

[3-7]

[3-7]

[3-7]

Redditu medju — Self tal-portafoll

[2-5]

[2-5]

[2-5]

[2-5]

[2-5]

Redditu medju — Self totali

2,74

[2-6]

[2-6]

[2-6]

[2-6]

Redditu medju — Depożiti

(inklużi kontijiet kurrenti)

– 1,54

[– 0,5 to – 2,5]

[– 0,5 to – 2,5]

[– 0,5 to – 2,5]

[– 0,5 to – 2,5]

Sors: Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank u s-sottomissjoni kumplimentarja tal-20 ta' Marzu 2014

(66)

It-tieni, id-diskontinwità tal-iskema ELG mit-28 ta' Marzu 2013 sejra ġġib magħha titjib fl-NIM wara l-ispejjeż tal-ELG, minħabba li l-ħlasijiet ta' garanzija mħallsin lill-Istat sejrin jitnaqqsu. Huma kienu jammontaw għal EUR 0,4 biljun fl-2012 u huma previsti li jkunu biss EUR 8 miljun fl-2017.

(67)

It-tielet, bil-għan li jinkisbu profitti operattivi u sostenibbli qabel il-provvediment, il-Bank qiegħed jippjana tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż operattivi tiegħu minn EUR 1,8 biljun fl-2012 għal EUR [1,0-1,5] biljun fl-2015 u għal EUR [1,0-1,5] biljun fl-2017. Iż-żewġ inizjattivi ewlenin li huma sottostanti għal dan it-tnaqqis ipproġettat huma l-Iskema ta' Rtirar u Waqfien Volontarju mix-Xogħol u r-reviżjoni tal-paga u tal-benefiċċji mħabbra fl-2012. F'dan ir-rigward, il-Bank jipproġetta tnaqqis tal-persunal tiegħu ta' [20-40] % sal-2015 u ta' [20-40] % sal-2017, rispettivament, meta mqabbel mal-livelli tal-2012, li jwassal għal tnaqqis totali ta' (bejn 2 000 u 5 000) membru tal-persunal.

(68)

Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-profitt operattiv wara l-provvediment u qabel oġġetti eċċezzjonali, il-Bank qiegħed jippjana tnaqqis drastiku fil-ħlasijiet ta' indeboliment tas-self, minn EUR 2,5 biljun fl-2012 għal EUR [0-0,5] biljun fl-2014 u EUR[0-0,5] biljun fl-2017, billi l-pjan jassumi rkupru ekonomiku fl-Irlanda. L-AIB qiegħed jistenna li dan l-irkupru jirriżulta fi tnaqqis fis-self mhux irkuprat ġdid. Il-pjan ta' provvediment jipprevedi wkoll attivitajiet ta' ġestjoni tal-kreditu aktar effettivi, riflessi fit-twaqqif tal-Financial Solution Group, kif ukoll it-tnedija tal-Istrateġija ta' Riżoluzzjoni tal-Arretrati fuq Self Ipotekarju (Mortgage Arrears Resolution Strategy (43) — “MARS”). Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jtejbu l-effettività tar-ristrutturar u l-ġbir tas-self tal-Bank, sabiex b'hekk jiżdied in-numru ta' self imtejjeb.

(iii)   Iż-żamma ta' bafer kapitali b'saħħtu

(69)

Il-Bank qiegħed jistenna li jżomm bafer kapitali b'saħħtu matul il-perjodu ta' ristrutturar, permezz ta' żieda fil-qligħ imfaddal u tnaqqis fl-Assi Mwieżna għar-Riskji (“RWAs”). Il-Bank qiegħed jippjana li jżid il-profitti tiegħu, li qiegħed jippjana wkoll li jżommhom kompletament, permezz tal-azzjonijiet deskritti fil-premessi 65 sa 68. L-RWAs mistennija jonqsu b'madwar EUR [5-10] biljun mill-2013 sal-2016, bażikament bħala riżultat tat-tnaqqis kontinwu fuq il-ktieb tas-self (inklużi kanċellamenti, self indebolit ristrutturat u amortizzazzjoni tas-self), it-trattament ġdid tal-assi ta' taxxa differita (“DTAs”) (44) u l-użu ppjanat mill-Bank ta' (a) approċċ ibbażat fuq il-Klassifikazzjoni Interna (“IRB”) għall-ktieb tas-self tal-EBS u (b) mudelli IRB aġġornati għall-ktieb tas-self tal-AIB.

(70)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Irlandiżi pprovdew informazzjoni li s-CBI sejjer inaqqas ir-rekwiżit tal-kapital regolatorju minimu (45) minn 10,5 % għal […] % fiż-żmien qarib, liema tnaqqis għandu l-effett li jżid il-bafer kapitali tal-Bank b'EUR [0-5] biljun fl-2014, bl-affarijiet l-oħrajn kollha jibqgħu ugwali. Għalhekk, il-mira ta' 10,5 % stabbilita mis-CBI f'Novembru 2010 fil-kuntest tal-eżerċizzju PCAR mhijiex ser tibqa' rilevanti.

(71)

Meta wieħed iqis ir-rekwiżit tal-kapital regolatorju minimu ta' 8 % ta' Kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni (“CET1”) matul il-perjodu, il-bafer kapitali tal-Bank huwa previst li jkun ta' EUR [0-5] biljun fl-2014 u madwar EUR [5-10] biljun fl-2017. B'livell limitu ta' kapital ta' 5,5 % (46), il-bafer kapitali mistenni jkun ta' EUR [5-10] biljun fl-2014.

(72)

Barra minn hekk, il-Bank għandu Strumenti Kapitali Kontinġenti (47) (“CoCos”) ta' EUR 1,6 biljun, li jistgħu jiġu kkonvertiti f'ishma ordinarji, jekk ikun hemm bżonn. Meta wieħed iqis il-CoCos, il-bafer kapitali fl-2014 mistenni jkun ta' EUR [5-10] biljun b'rekwiżit ta' kapital regolatorju minimu ta' 8 % u EUR [5-10] biljun b'livell limitu ta' kapital ta' 5,5 %.

(73)

Iċ-ċifri pprovduti għas-CET1 fil-premessi 71 u 72 jinkludu t-tnaqqis gradwali xieraq ta' DTAs (48). Id-DTAs rikonoxxuti tal-Bank, li jirriżultaw minn telf ta' taxxi mhux użati, jammontaw għal EUR 3,9 biljun fil-31 ta' Diċembru 2013.

2.6.2.   Ix-xenarju bażi alternattiv

(74)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Bank issottometta lill-Kummissjoni b'xenarju bażi alternattiv (“il-każ bażi alternattiv”) ibbażat fuq suppożizzjonijiet aktar prudenti, imqabbel max-xenarju tal-każ bażi. Is-suppożizzjonijiet aktar prudenti kienu jikkonċernaw l-evoluzzjoni tal-RWAs, ir-riżultati tal-Valutazzjoni tal-Karta Bilanċjali (Balance Sheet Assessment — BSA) (49), il-volum tas-self ġdid, taħlita differenti ta' finanzjament, spiża ogħla tal-fondi u ħlasijiet ogħla ta' dispożizzjoni, kif miġbura fil-qosor fit-Tabella 7. Fir-rigward tas-suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi li huma sottostanti għal dan ix-xenarju bażi alternattiv, dawn huma l-istess bħal dawk li huma sottostanti għax-xenarju bażi deskritt fil-premessi 55 u 56.

Tabella 7

Xenarju Bażi Alternattiv: il-bidliet ewlenin fis-suppożizzjonijiet meta mqabbla max-xenarju bażi

Varjabbli

Xenarju bażi alternattiv (tibdil meta mqabbel max-xenarju bażi)

RWAs

Jinkludi r-riżultati tal-BSA u jinjora, għal raġunijiet ta' prudenza, l-impatt tal-użu ppjanat tal-mudelli IRB ġodda u aġġornati, li kienu għadhom iridu jiġu approvati mis-CBI (50). Bħala riżultat ta' dawn iż-żewġ bidliet, l-RWAs żdiedu b'EUR [3-8] biljun, EUR [3-8] biljun, EUR [3-8] biljun u EUR [3-8] biljun, rispettivament, meta mqabbel max-xenarju bażi għas-snin 2014, 2015, 2016 u 2017.

Dispożizzjonijiet għal indeboliment tas-self

Jinkludi r-riżultati tal-eżerċizzju BSA kompletament. L-eżerċizzju BSA identifika ħtieġa ta' proviżjonament addizzjonali ta' EUR 1,1 biljun, li minnhom EUR […] biljun biss kienu riflessi taħt ix-xenarju bażi. Dan ifisser li l-provvedimenti huma EUR […] biljun ogħla taħt ix-xenarju bażi alternattiv milli kienu fix-xenarju bażi fl-2013 u dan jirrifletti tnaqqis aktar lineari lejn il-livell ta' qabel il-kriżi. Dan implika ħlas ta' provvediment addizzjonali ta' EUR [500-1 000 ] miljun fl-2014, EUR [500-1 000 ] miljun fl-2015, EUR [0-500] miljun fl-2016 u EUR [0-500] miljun fl-2017, meta mqabbel max-xenarju bażi.

Self ġdid

Jikkunsidra li s-self il-ġdid għall-portafoll Kummerċjali, Korporattiv u tal-SMEs għal kull sena mbassra huwa limitat għat-tkabbir tal-PDG imbassar. Dan jimplika li l-produzzjoni ġdida akkumulata matul il-perjodu ta' ristrutturar hija EUR [2-4] biljun inqas milli kienet fix-xenarju bażi. (Is-suppożizzjonijiet tas-self il-ġdid iħallu impatt fuq l-RWAs b'EUR [0-3] biljun, EUR [0-3] biljun, EUR [0-3] biljun u EUR [0-3] biljun għas-snin 2014, 2015, 2016 u 2017, rispettivament).

Taħlita ta' finanzjament

Jinkludi proporzjon ogħla [bi 2 % sa 3 %] ta' finanzjament fit-tul sal-2016 meta mqabbel max-xenarju bażi.

Spiża tal-fondi

Jikkunsidra li l-evoluzzjoni tal-ispiża tad-depożiti għall-kontijiet b'terminu fiss tal-konsumaturi, tad-depożiti tal-SMEs u tad-depożiti Korporattivi ssegwi aktar mill-qrib l-evoluzzjoni tar-rata bażi pproġettata tal-BĊE, meta mqabbel max-xenarju bażi.

Sors: Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank u s-sottomissjoni kumplimentarja tal-11 ta' Frar u tas-27 ta' Marzu 2014.

(75)

Skont dawn is-suppożizzjonijiet aktar prudenti, il-Bank mhuwiex sejjer jirritorna għal profittabbiltà qabel l-2016, bi profitt imbassar wara t-taxxa ta' EUR [0-750] miljun, li jilħaq EUR [250-1 250] miljun fl-2017. Ir-ROE mistenni jkun [0,5-10] % fl-2016 u [5-15] % fl-2017.

(76)

Il-bafer kapitali tal-Bank huwa mbassar li jkun ta' madwar EUR [2-6] biljun fl-2014 u EUR [2-6] biljun fl-2017 fid-dawl tar-rekwiżit tal-kapital regolatorju minimu ta' 8 %. Meta wieħed iqis il-CoCos, il-bafer kapitali mistenni jkun ta' EUR [3-8] biljun fl-2014 b'rekwiżiti kapitali ta' 8 % (u EUR [3-8] biljun b'livell limitu ta' kapital ta' 5,5 %).

Tabella 8

Il-projezzjonijiet finanzjarji tal-Bank skont ix-xenarju bażi alternattiv

Indikaturi finanzjarji ewlenin

2014

Pjan

2015

Pjan

2016

Pjan

2017

Pjan

—   Kapital u RWAs

—

Proporzjon CT1 jew proporzjon CET1 (%)

[10-20 %]

[10-20 %]

[0-20 %]

[10-20 %]

—

Bafer kapitali (m EUR) vs. 8 % CT1/CET1

[2 000 -6 000 ]

[2 000 -6 000 ]

[2 000 -6 000 ]

[2 000 -6 000 ]

—

Bafer kapitali (m EUR) vs. 8 % CT1/CET1, inkluża l-konverżjoni ta' CoCos

[3 000 -8 000 ]

[3 000 -8 000 ]

[3 000 -8 000 ]

[3 000 -8 000 ]

—

RWAs (m EUR)

[55 000 -65 000 ]

[55 000 -65 000 ]

[55 000 -65 000 ]

[50 000 -60 000 ]

—   Profittabbiltà

—

NIM — minbarra l-ispejjeż ta' ELG (%)

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

[1,5-2,25 %]

—

Proporzjon spejjeż-dħul

[60-70 %]

[60-70 %]

[50-60 %]

[45-55 %]

—

Profitt wara t-taxxa (m EUR)

[EUR-ve 0-750]

[EUR-ve 0-750]

[0-750]

[250-1 250 ]

—

ROE

[Mhux sinifikanti]

[Mhux sinifikanti]

[0,5-10 %]

[5-15 %]

—   Finanzjament

—

LDR

[95-120 %]

[95-120 %]

[95-120 %]

[95-120 %]

—   Oħrajn

—

Self gross u ħlasijiet bil-quddiem lill-klijenti (m EUR)

[70 000 -80 000 ]

[65 000 -75 000 ]

[65 000 -75 000 ]

[65 000 -75 000 ]

—

Assi Totali (m EUR)

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

[100 000 -150 000 ]

Sors: Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank u s-sottomissjoni kumplimentarja fil-11 ta' Frar u fis-27 ta' Marzu 2014.

2.6.3.   Il-każ avvers

(77)

Fil-każ avvers sottomess mill-Bank, il-PDG fl-Irlanda mistenni jikber b'1 % fl-2014, b'1,5 % fl-2015, bi 2,2 % fl-2016 u bi 2,2 % fl-2017. It-tkabbir tal-impjiegi sejjer jittardja sal-2015, meta huwa mistenni li jikber b'0,5 %, imbagħad b'1 % fl-2016 u b'1 % fl-2017. Huwa mbassar li l-prezzijiet tad-djar sejrin jiżdiedu b'1,2 % fl-2014, b'1,7 % fl-2015, b'1,9 % fl-2016 u b'1,9 % fl-2017. Il-PDG fir-Renju Unit huwa mistenni li jiżdied b'0,8 % fl-2014, b'1 % fl-2015, b'1,5 % fl-2016 u b'1,5 % fl-2017.

(78)

Il-każ avvers huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi aktar severi meta mqabbel kemm max-xenarju bażi kif ukoll max-xenarju bażi alternattiv. Madankollu, ix-xenarju bażi alternattiv iwassal għal profittabbiltà aktar baxxa u għal bafer kapitali aktar baxx meta mqabbel max-xenarju avvers, minħabba li s-suppożizzjonijiet li huma sottostanti għall-projezzjonijiet finanzjarji tal-Bank fir-rigward tal-evoluzzjoni tan-negozju tiegħu huma aktar severi fil-każ bażi alternattiv milli fix-xenarju avvers.

(79)

Huwa mbassar li d-dħul operattiv tal-Bank fil-każ avvers jiżdied minn EUR [1-3] biljun fl-2014 għal EUR [1-3] biljun fl-2017. Il-profitt operattiv qabel il-provvedimenti huwa pproġettat li jiżdied minn EUR [0-1] biljun fl-2014 għal EUR [0,75-1,75] biljun fl-2017. Fil-każ avvers, il-Bank huwa mistenni li jirritorna għall-profittabbiltà matul is-snin (2014-2016), bi profitt qabel it-taxxa ta' EUR [0-750] miljun.

(80)

Huwa mbassar li l-proporzjon spejjeż-dħul sejjer jitjieb minn [60-70] % fl-2014 għal [45-55] % fl-2017.

(81)

Fil-każ avvers, il-proporzjonijiet CET1 tal-Bank huma mbassra li jkunu [10-20] % fl-2014, [10-20] % fl-2015, [10-20] % fl-2016 u [10-20] % fl-2017. Dan ikun ifisser bafer kapitali ta' EUR [3-8]biljun fl-2014, EUR [3-8]biljun fl-2015, EUR [3-8]biljun fl-2016 u EUR [3-8]biljun fl-2017, meta wieħed iqis rekwiżit ta' kapital regolatorju minimu ta' 8 %.

2.7.   SKEDA TA' ĦLAS LURA

(82)

Qabel l-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar, il-Bank se jibda jħallas lura l-Għajnuna mogħtija mill-Istat permezz tal-ħlas ta' dividendi jew b'mezzi oħrajn, bil-kundizzjoni li huwa jkollu mill-inqas minn 1 sa 4 % ta' kapital żejjed 'il fuq mill-proporzjon CET1 minimu regolatorju (fuq bażi ta' Basel III implimentata b'mod sħiħ) kif stabbilit mis-CBI fil-31 ta' Diċembru 2016. L-ammont ta' ħlas lura għandu jkun daqs l-eċċess 'il fuq mill-proporzjon CET1 minimu regolatorju b'żieda ta' 1-4 %.

(83)

Sabiex jiffaċilita dan il-ħlas lura, il-Bank mhuwiex sejjer jieħu passi li jwasslu għal ħruġ ta' kapital qabel […] sakemm […].

(84)

Il-Bank iżomm l-għażliet li jikkonverti parzjalment jew kompletament l-Ishma ta' Preferenza tal-NPRFC f'parità sat-13 ta' Mejju 2014 u minn hemm 'il quddiem f'perċentwal ta' 125 % tal-prezz tas-sottoskrizzjoni, minn qabel, jew bħala parti minn avveniment ta' ħruġ (jew ħruġ parzjali) li jirriżulta għall-Istat li jinvolvi lis-settur privat.

(85)

Fil-prinċipju, il-Bank jista' jiddisponi mill-CoCos tal-Istat fi kwalunkwe ħin. Madankollu, l-Irlanda tat l-impenn li l-Bank mhuwiex sejjer jifdi l-CoCos qabel ma jiġu ppubblikati r-riżultati tar-Reviżjoni tal-Kwalità tal-Assi/tat-Test tal-Istress (“AQR/ST”) (51), imwettqa mill-BĊE u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“ABE”). Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu soġġetti wkoll għal approvazzjoni regolatorja.

2.8.   IMPENJI PROPOSTI MILL-IRLANDA

(86)

L-awtoritajiet Irlandiżi taw numru ta' impenji li għandhom jiġu osservati mill-Bank matul il-perjodu tar-ristrutturar. Dawn l-impenji jirrigwardjaw:

—

ir-ristrutturar tal-ipoteki u tal-portafolli tas-self lill-SMEs

—

L-issodisfar ta' miri ta' ristrutturar kwantitattivi għar-ristrutturar/proposti għal soluzzjonijiet sostenibbli;

—

L-aħjar għażla ta' ristrutturar għandha tkun ibbażata fuq il-massimizzazzjoni tal-Valur Preżenti Nett;

—

is-self ġdid lil […] huwa limitat għal […] fi […] u […]. Is-self il-ġdid jista' jaqbeż il-limiti, bil-kundizzjoni li l-bilanċ totali tas-self gross tal-għeluq ma jaqbiżx […] fl-aħħar ta' […] u […] fl-aħħar ta' […], rispettivament.

—

il-ħlas lura tal-Għajnuna mill-Istat (permezz ta' dividendi jekk il-proporzjon kapitali tal-bank jaqbeż ir-rekwiżit tal-kapital regolatorju minimu b'żieda ta' 1-4 % mill-2016),

—

in-noti kapitali kontinġenti (CoCos, EUR 1,6 biljun) mhumiex ser jiġu amortizzati qabel isiru magħrufa r-riżultati tal-AQR/ST,

—

tnaqqis tal-ispejjeż ta' EUR [200-600] miljun sal-2015, imqabbel mal-2012, kif ukoll proporzjon spejjeż-dħul ta' [45-65] % jew [50-70] %, rispettivament, jekk it-tkabbir tal-PDG ikun taħt it-2 %,

—

il-limitazzjoni tal-espożizzjoni għall-bonds Sovrani Irlandiżi għal EUR [10-20] biljun,

—

impenji komportamentali fuq il-limitazzjoni tal-akkwiżizzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni fl-Irlanda, il-projbizzjoni tad-dividendi u l-projbizzjoni tal-kupuni fuq l-istrumenti eżistenti;

—

miżuri li jsaħħu l-kompetizzjoni fis-suq bankarju Irlandiż (“miżuri għall-ftuħ tas-suq”, li jinkludu pakkett ta' servizzi u pakkett dwar il-mobbiltà tal-klijenti),

—

il-ħatra ta' fiduċjarju tal-monitoraġġ sabiex jissorvelja r-rispett ta' dawn l-impenji.

(87)

L-Irlanda impenjat ruħha li tiżgura li l-pjan ta' ristrutturar sottomess fit-28 ta' Settembru 2012, kif issupplimentat, jiġi implimentat b'mod sħiħ, inklużi l-impenji stipulati fid-dettall fl-Anness.

3.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ RIGWARD EBS

(88)

Fil-31 ta' Mejju 2010, l-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew pjan ta' ristrutturar għall-EBS. Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fil-fond minħabba li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-pjan ta' ristrutturar mas-suq intern. B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk:

(i)

il-pjan ta' ristrutturar kienx addattat sabiex ireġġa' lura l-vijabbiltà fit-tul tal-EBS;

(ii)

l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu neċessarju;

(iii)

kinux jeżistu biżżejjed miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(89)

Il-Kummissjoni nnotat li t-tbassir finanzjarju fil-pjan ta' ristrutturar kien inkonsistenti u ma kellux biżżejjed informazzjoni dwar is-suppożizzjonijiet makro-ekonomiċi skont ix-xenarju ta' każ avvers. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddubitat is-suppożizzjonijiet li huma sottostanti għall-kalkoli ta' EBS fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-self ipotekarju fl-Irlanda fuq perjodu ta' żmien medju. Il-Kummissjoni fittxet ukoll kjarifika addizzjonali dwar is-suppożizzjonijiet ta' EBS fir-rigward tas-suq tad-depożiti korporattivi. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-pjan ta' ristrutturar ta' EBS issottovaluta l-livell ta' indeboliment tas-self ipotekarju għall-perjodu speċifikat, kif ukoll kien nieqes minn analiżi bir-reqqa fir-rigward tal-indebolimenti fuq il-ktieb tas-self kummerċjali waqt il-likwidazzjoni. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward tal-kalkolu tal-proporzjon spejjeż-dħul ta' EBS u tal-ispiża tal-finanzjament tal-operaturi fuq perjodu ta' żmien medju.

(90)

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu, il-Kummissjoni osservat li hija ma kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tikkonkludi jekk ir-rekwiżit kienx sejjer jiġi ssodisfat, meta wieħed iqis id-diskrepanza bejn l-objettiv tar-rikapitalizzazzjoni u l-previżjonijiet tal-pjan ta' ristrutturar, li stabbilixxew li EBS mistennija teċċedi r-rekwiżit tal-kapital regolatorju minimu bil-kbir.

(91)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni stabbiliti fil-pjan kienu biżżejjed. Il-Kummissjoni kkritikat speċifikament li t-tnaqqis propost fil-karta bilanċjali kien sostanzjalment ferm inqas minn dak li normalment setgħet tistenna l-Kummissjoni minn bank li jkun irċieva ammont daqstant għoli ta' għajnuna, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' assi mwieżna għar-riskju.

(92)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-EBS, li pprovdiet elementi addizzjonali sabiex tappoġġja l-pjan ta' ristrutturar. Barra minn hekk, kien hemm żewġ partijiet interessati li ssottomettew kummenti li prinċipalment ikkonfermaw id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżuri proposti bil-għan li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kondiviżjoni tal-piżijiet. L-Irlanda ma tat l-ebda kumment.

(93)

F'Lulju 2011, l-EBS ġiet amalgamata mal-AIB u saret sussidjarja kompletament integrata tal-Bank. B'riżultat ta' dan, l-EBS waqfet teżisti fuq bażi awtonoma. Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, li kienet relatata mal-EBS bħala entità awtonoma, saret nulla u l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix għaddejja bil-proċedura. Barra minn hekk, billi l-kummenti sottomessi mill-EBS u miż-żewġ partijiet interessati jirrigwardjaw miżuri li huma intiżi biex jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-kondiviżjoni tal-piżijiet skont pjan ta' ristrutturar sottomess għal EBS, li mhux ser jibqa' jiġi implimentat, dawn il-kummenti mhumiex rilevanti fir-rigward tal-pjan ta' ristrutturar sottomess għall-Bank (l-AIB u l-EBS amalgamati) u, għalhekk, il-Kummissjoni ma għandha ebda raġuni sabiex teżaminahom fid-deċiżjoni preżenti. Minflok, fit-Taqsima 5.2 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri ta' għajnuna oriġinarjament mogħtija favur l-EBS, flimkien mal-miżuri oriġinarjament mogħtija favur l-AIB u dawk mogħtija favur il-Bank, fid-dawl tal-pjan ta' ristrutturar sottomess għall-Bank, inkluża l-vijabbiltà tal-Bank, il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu u l-adegwatezza tal-miżuri intiżi biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

4.   IL-POŻIZZJONI TAL-AWTORITAJIET IRLANDIŻI

(94)

L-Irlanda taċċetta li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u hija tal-opinjoni li l-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat minħabba li huma neċessarji sabiex jirrimedjaw it-taqlib serju fl-ekonomija Irlandiża.

(95)

Kif ġie deskritt fit-Taqsima 2.7 ta' din id-Deċiżjoni, l-Irlanda speċifikat serje ta' impenji, li huma stipulati fid-dettall fl-Anness.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(96)

Il-Kummissjoni l-ewwel trid tevalwa jekk il-miżuri mogħtija lill-benefiċjarji jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna mill-Istat hija kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi, billi hija taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(97)

Biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat hemm bżonn li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-miżura għandha tiġi ffinanzjata permezz ta' riżorsi tal-Istat; (ii) hija trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dan il-vantaġġ għandu jkun selettiv; u (iv) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Sabiex dawn il-kundizzjonijiet ikunu kumulattivi, iridu dejjem ikunu preżenti qabel ma miżura tiġi kkaratterizzata bħala għajnuna mill-Istat.

(98)

Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet f'deċiżjonijiet preċedenti (52) li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat ġew issodisfati għall-miżuri kollha ta' għajnuna għar-ristrutturar elenkati fit-Tabella 3 u li, għalhekk, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna skont it-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni għadha ssostni din l-opinjoni u tirrimarka li l-ammont ta' għajnuna totali f'rikapitalizzazzjoni u miżuri ta' assi indeboliti ġie kkalkolat bħala EUR 22,475 biljun. Dan l-ammont jinkludi rikapitalizzazzjonijiet ta' EUR 20,775 biljun għall-AIB u l-EBS u għall-entità amalgamata u miżuri ta' assi indeboliti ta' EUR 1,7 biljun (ammont stmat) għall-AIB u l-EBS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni l-garanziji favur l-AIB u l-EBS (53).

(99)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-amortizzazzjoni tal-Ishma ta' Preferenza tal-2009 (qabel jew wara l-espansjoni) u r-reinjezzjoni sussegwenti tal-istess ammont fil-forma ta' ishma ordinarji ma jikkostitwixxu ebda għajnuna ġdida. Il-Kummissjoni diġà approvat dik il-miżura fid-Deċiżjonijiet fil-kawżi N 241/09 u SA.32891 (N 553/10).

5.2.   IL-KOMPATIBBILTÀ

5.2.1.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat

(100)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jistabbilixxi li l-għajnuna mill-Istat tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern meta hija tingħata sabiex “tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”.

(101)

Minkejja rkupru ekonomiku b'pass kajman li ilu jiġi osservat mill-2013, il-Kummissjoni xorta waħda tqis li r-rekwiżiti għall-għajnuna mill-Istat, li għandhom jiġu approvati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, qegħdin ikomplu jiġu ssodisfati fid-dawl tal-istress persistenti fis-swieq finanzjarji. F'Lulju 2013, il-Kummissjoni kkonfermat din l-opinjoni billi adottat il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat bil-għan li tappoġġja l-miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (54).

(102)

F'okkażjonijiet preċedenti, is-CBI diġà kkonferma li l-Bank għandu importanza sistemika għas-suq finanzjarju fl-Irlanda (55). Mingħajr il-miżuri ta' għajnuna għar-ristrutturar mogħtija, l-awtorità superviżorja setgħet għalqet il-Bank, jew l-AIB u l-EBS qabel ma seħħet il-fużjoni, minħabba ksur tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju minimu.

5.2.2.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(103)

Il-miżuri kollha identifikati bħala għajnuna mill-Istat ġew ipprovduti fil-kuntest tar-ristrutturar tal-Bank (l-entità amalgamata). Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar lill-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi attwali. Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, sabiex ikun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, ir-ristrutturar ta' istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali għandu (i) iwassal għat-treġġigħ lura tal-vijabbiltà tal-bank, (ii) jinkludi kontribuzzjoni proprja suffiċjenti mill-benefiċjarju (kondiviżjoni tal-piżijiet) u jiżgura li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju u (iii) jinkludi biżżejjed miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(104)

Għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ix-xenarju bażi alternattiv propost mill-Bank, li jistrieħ fuq suppożizzjonijiet aktar prudenti mix-xenarju bażi.

It-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul

(105)

Kif indikat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, jeħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi pjan ta' ristrutturar komprensiv li juri kif il-vijabbiltà fit-tul tal-entità tista' titreġġa' lura mingħajr għajnuna mill-Istat f'perjodu ta' żmien raġonevoli u fi żmien massimu ta' ħames snin. Skont il-punt 13 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-vijabbiltà fit-tul tinkiseb meta bank ikun kapaċi jikkompeti fis-suq għall-kapital fuq il-merti tiegħu stess b'konformità mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti. Sabiex bank ikun jista' jagħmel dan, huwa għandu jkun jista' jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu u jipprovdi redditu xieraq fuq l-ekwità, billi jieħu f'kunsiderazzjoni l-profil tar-riskju tal-bank. Il-Punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jistipula li l-vijabbiltà fit-tul tirrikjedi li kwalunkwe għajnuna mill-Istat riċevuta jew tinfeda maż-żmien, jew inkella tiġi rrimunerata skont il-kundizzjonijiet tas-suq normali, sabiex b'hekk jiġi żgurat li kwalunkwe forma ta' għajnuna mill-Istat addizzjonali tiġi tterminata.

(106)

L-awtoritajiet Irlandiżi ssottomettew pjan ta' ristrutturar li jistabbilixxi l-istrateġija tal-Bank li jerġa' lura għall-vijabbiltà mingħajr aktar għajnuna mill-Istat billi jiffoka fuq (i) ir-riorjentazzjoni tal-Bank f'istituzzjoni iżgħar, li tkun iffokata fuq l-Irlanda, bi profil ta' finanzjament imtejjeb; (ii) livelli mtejba ta' profittabbiltà permezz tat-tisħiħ tal-NIM, miżuri intiżi biex inaqqsu l-ispejjeż u ħlasijiet ta' indeboliment gradwalment imnaqqsa; u (iii) iż-żamma ta' bafer kapitali b'saħħtu.

(i)   istituzzjoni iżgħar, li tkun iffukata fuq l-Irlanda, bi profil ta' finanzjament imtejjeb

(107)

Il-Bank diġà ħa miżuri ta' ristrutturar estensivi li wasslu għal karta bilanċjali konsiderevolment iżgħar meta mqabbla mal-livelli ta' qabel il-kriżi, li kienu r-riżultat ta' tkabbir mhux ikkontrollat (EUR 118 biljun fl-2013 imqabbel ma' EUR 136,7 biljun fl-2011 (56)). It-tnaqqis inkiseb l-aktar permezz ta' disponimenti ta' negozju barranin, trasferimenti ta' assi ta' “proprjetà b'riskju għoli” lill-NAMA u diżingranaġġ ta' assi oħrajn (57). Bħala riżultat, l-espożizzjoni attwali tal-Bank għas-settur tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni tnaqqset u mistennija li tkompli tonqos f'termini relattivi sal-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istrateġija l-ġdida hija prudenti u xierqa f'ambjent ta' wara l-kriżi. Il-Bank impenja ruħu li jillimita s-self għal […] sabiex isostni l-istrateġija tan-negozju aktar prudenti tiegħu.

(108)

Il-Bank qiegħed isaħħaħ ukoll ir-ritorn tiegħu lejn mudell bankarju aktar konservattiv u tradizzjonali, fejn huwa jiffinanzja l-portafoll tas-self tiegħu b'mod sostanzjali permezz ta' depożiti tal-klijenti b'LDR ipproġettat taħt [95-120] % fl-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar skont ix-xenarju bażi alternattiv. Din il-mira hija r-riżultat tal-pjan ta' diżingranaġġ ambizzjuż u b'kisbiet tajbin, kif ukoll ir-riżultat ta' suppożizzjonijiet relattivament prudenti rigward l-evoluzzjoni tal-volum tad-depożiti. Il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-Bank qiegħed jipproġetta li ma jkunx dipendenti żżejjed fuq il-finanzjament tal-operaturi u fuq sorsi ta' finanzjament istituzzjonali, bħal finanzjament mill-BĊE, skont ix-xenarju bażi alternattiv.

(ii)   livelli mtejba ta' profittabbiltà

(109)

Fir-rigward tar-ritorn għall-profittabbiltà, il-pjan jistabbilixxi taħlita xierqa ta' azzjonijiet ippjanati. Fost l-oħrajn, sejjer jingħata self ġdid b'rati ta' imgħax ogħla. Barra minn hekk, l-ipprezzar tas-self (tal-portafoll) u tad-depożiti għandu jittejjeb, kull fejn possibbli. Dawn il-miżuri, flimkien mat-twaqqif tal-ħlasijiet ta' garanzija tal-iskema ELG, jippermettu lill-Bank jikseb l-irkupru tal-NIM tiegħu b'mod progressiv.

(110)

Barra minn hekk, l-azzjonijiet ippjanati tal-Bank, b'mod partikolari l-programm ta' waqfien volontarju mix-xogħol (58) u r-reviżjoni tal-paga u l-benefiċċji, li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż operattivi tiegħu (b'EUR [200-600] miljun sal-2015, meta mqabbla mal-livelli tal-2012), għandhom jagħtuh iċ-ċans li jilħaq bażi ta' spejjeż operattivi aktar sostenibbli fid-dawl tal-prospetti/abbiltà tal-Bank li jiġġenera dħul. Dawn l-azzjonijiet, ikkombinati maż-żieda ppjanata fid-dħul, għandhom jgħinu lill-Bank itejjeb il-proporzjon spejjeż-dħul tiegħu b'mod sinifikanti (imbassar għal [45-55] % fl-2017 meta imqabbel ma' 123 % fl-2012). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tilqa' l-impenn mogħti mill-Irlanda fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi tal-Bank b'EUR [200-600] miljun sal-2015, meta mqabbel mal-2012, kif ukoll l-impenn li l-proporzjon spejjeż-dħul mhuwiex ser jaqbeż [il-45-65] % (sakemm it-tkabbir tal-PDG ma jkunx inqas minn 2 %, f'liema każ il-proporzjon spejjeż-dħul ma jkunx aktar minn [50-70] %).

(111)

Il-Bank qiegħed ibassar ħlasijiet ta' indeboliment li jonqsu b'mod progressiv matul il-perjodu ta' ristrutturar skont ix-xenarju bażi alternattiv. Din ix-xejra ta' tnaqqis hija meqjusa bħala xierqa minħabba li (i) l-irkupru ekonomiku mistenni fl-Irlanda għandu jnaqqas il-pass tas-self mhux irkuprat ġdid, (ii) iż-żieda pproġettata fil-prezzijiet tad-djar għandha tillimita s-severità tat-telf fuq is-self ipotekarju u (iii) l-attivitajiet imsaħħa ta' ġestjoni tal-krediti tal-Bank (59) għandhom jaċċelleraw/itejbu l-ġbir tas-self u r-ristrutturar tas-self. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tilqa' l-impenn mogħti mill-Irlanda fir-rigward tal-miri ta' ristrutturar kwalitattivi u kwantitattivi tal-Bank relatati mal-portafoll tas-self ipotekarju u tal-SMEs.

(112)

Skont ix-xenarju bażi alternattiv, il-Bank mhuwiex ser jerġa' lura għall-profittabbiltà qabel l-2016. Minkejja l-impatt tal-ħlasijiet ta' indeboliment, il-profittabbiltà tal-Bank hija strutturalment dgħajfa minħabba portafoll b'legat kbir ta' assi b'rendiment baxx (ipoteki indiċizzati u bonds tal-NAMA). Bħala riżultat, l-ROE sejjer jibqa' baxx sal-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar, fejn jilħaq biss [il-5-15] % fl-2017. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Bank jinsab miexi fid-direzzjoni t-tajba sabiex jilħaq livelli/profittabbiltà ta' ROE aktar kompetittivi fil-ġejjieni, hekk kif is-self ġdid b'marġini ogħla u s-self bi prezzijiet ġodda (il-portafoll) għandhom jikkumpensaw b'mod progressiv ir-reżistenza fuq il-profittabbiltà li tirriżulta minn dawk l-assi legati b'rendiment baxx. Għalhekk, il-profittabbiltà mistennija titjieb b'mod gradwali.

(iii)   bafer kapitali b'saħħtu

(113)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li l-Bank huwa istituzzjoni kapitalizzata sewwa li għandha bafer kapitali komdu sal-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar. Skont ix-xenarju bażi alternattiv, il-Bank sejjer iżomm bafer kapitali ta' EUR [2-6] biljun fl-2017 b'rekwiżit ta' kapital regolatorju minimu ta' 8 % (u EUR [3-8]biljun b'livell limitu ta' 5,5 %), li għandu jippermetti lill-Bank jassorbi aktar telf jekk l-irkupru ekonomiku tal-Irlanda jkun aktar baxx milli mbassar. Barra minn hekk, il-Bank għandu EUR 1,6 biljun ta' CoCos disponibbli sabiex isaħħaħ il-bażi kapitali tiegħu, jekk ikun hemm bżonn. F'dan ir-rigward, l-Irlanda tat l-impenn li l-Bank mhuwiex sejjer jifdi l-CoCos sakemm jiġu ppubblikati r-riżultati tal-AQR/ST.

(114)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Bank qiegħed jippjana li jifdi l-Ishma ta' Preferenza tal-2009 (60) qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ristrutturar. Sat-13 ta' Mejju 2014, l-amortizzazzjoni tinsab f'parità u wara din id-data għandha tiġi applikata żieda ta' 25 %. Huwa previst li l-ammont tal-Ishma ta' Preferenza għandu jiġi amortizzat lill-Istat, li minnufih għandu jinvesti mill-ġdid l-istess ammont fil-forma ta' ekwità (ishma ordinarji) fil-Bank. Bħala konsegwenza, mhu se jkun hemm l-ebda bidla fid-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank. Madankollu, l-istruttura kapitali tal-Bank għandha tittejjeb fid-dawl tar-regoli ġodda ta' Basel III (61). Barra minn hekk, is-sehem tal-Istat fil-Bank sejjer jiżdied b'mod marġinali mil-livell attwali tiegħu ta' 99,8 % bħala konsegwenza ta' din l-operazzjoni.

(iv)   konklużjoni

(115)

L-inizjattivi meħuda diġà mill-AIB (jiġifieri d-diżingranaġġ, it-tnaqqis tal-ispejjeż, il-profil tal-finanzjament imtejjeb) flimkien ma' dawk ippjanati matul il-perjodu tar-ristrutturar sabiex titreġġa' lura l-profittabbiltà tiegħu (jiġifieri self ġdid bi prezz ogħla/ipprezzar mill-ġdid tas-self u d-depożiti tal-portafoll, it-tnaqqis ulterjuri tal-ispejjeż relatati mal-persunal u l-attivitajiet imsaħħa ta' ġestjoni tal-krediti (62)) huma adegwati fir-rigward tan-natura tad-diffikultajiet finanzjarji tal-Bank (63).

(116)

Għaldaqstant, il-pjan ta' ristrutturar jistabbilixxi b'mod konvinċenti l-istrateġija addattata għar-ritorn tal-Bank għal vijabbiltà fit-tul. Il-kombinazzjoni tal-azzjonijiet deskritti hawn fuq tidher li hija addattata sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà futura tal-Bank mingħajr il-ħtieġa ta' appoġġ ulterjuri mill-Istat.

(117)

Madankollu, ir-ritorn tal-Bank għall-profittabbiltà jista' jtawwal sal-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar minħabba l-assi legati b'rendiment baxx tal-Bank. Għalhekk, l-ROE tal-Bank, skont ix-xenarju ta' każ bażi alternattiv, jibqa' f'livell komparattivament baxx, anki fl-aħħar tal-perjodu ta' ristrutturar, iżda juri xejra moderata 'l fuq.

(118)

Meta wieħed iqis l-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi b'mod ġenerali li l-pjan ta' ristrutturar tal-Bank jistabbilixxi b'mod konvinċenti x'inhi t-triq li għandu quddiemu sabiex ireġġa' lura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu.

Limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu: kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet

(119)

It-taqsima 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tindika li hija meħtieġa kontribuzzjoni xierqa mill-benefiċjarju sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu u jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-ħsara morali. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi li (i) l-ammont ta' għajnuna għandu jkun limitat u (ii) hija meħtieġa kontribuzzjoni proprja sinifikanti.

(120)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistabbilixxi wkoll li, sabiex l-għajnuna tinżamm limitata għall-minimu, il-bank għandu l-ewwel juża r-riżorsi proprji tiegħu sabiex jiffinanzja r-ristrutturar. L-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturar mhux biss għandhom jinġarru mill-Istat iżda wkoll minn dawk li investew fil-bank. Dan l-objettiv jintlaħaq b'mod partikolari mill-assorbiment tat-telf bil-kapital disponibbli.

(121)

Is-sidien preċedenti tal-AIB kisbu l-kondiviżjoni tal-piżijiet kważi sħiħa. L-azzjonisti tneħħew u bħalissal-Istat jippossjedi 99,8 % tal-Bank. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ammont ta' kondiviżjoni tal-piżijiet mis-sidien preċedenti huwa sinifikanti u adegwat.

(122)

Fir-rigward tad-detenturi tad-dejn subordinat, bejn l-2009 u l-2011 twettqu serje ta' Eżerċizzji ta' Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet/Xiri Lura ta' Dejn, li kkontribwixxew għal EUR 5,4 biljun f'kapital tal-Grad 1 (xiri lura ta' strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2). Bħalissa, fil-Bank għad fadal biss ammont marġinali ta' dejn subordinat (jiġifieri madwar EUR 34 miljun fil-31 ta' Diċembru 2012) […]. Għalhekk, il-kredituri subordinati kkontribwixxew b'mod adegwat sabiex jassorbu l-ispejjeż tar-ristrutturar.

(123)

Barra minn hekk, il-Bank ikkontribwixxa b'mod sinifikanti sabiex jerfa' l-ispiża tar-ristrutturar permezz tal-bejgħ tas-sussidjarji u tal-parteċipazzjonijiet (64). Billi jagħmel dan, il-Bank ikkontribwixxa EUR 3,3 biljun ta' Kapital tal-Grad 1 sabiex jillimita l-għajnuna għall-minimu neċessarju.

(124)

Il-Bank iħallas rimunerazzjoni fissa ta' 10 % fuq il-CoCos u 8 % fuq l-ishma ta' preferenza (fi flus kontanti jew permezz tal-ħruġ ta' ishma ordinarji ġodda in lieu). Barra minn hekk, tiġi applikata żieda ta' 25 % fuq l-ishma ta' preferenza jekk il-Bank ma jerġax jixtrihom sat-13 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni qieset din ir-rimunerazzjoni bħala xierqa, għalkemm f'livell baxx, fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli ta' AIB/tal-Bank (65).

(125)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' ristrutturar tal-Bank jipprevedi l-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet xierqa.

Miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(126)

It-taqsima 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar titlob li l-pjan ta' ristrutturar ikun fih miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jindirizzaw id-distorsjonijiet fis-swieq fejn jopera l-benefiċjarju wara r-ristrutturar. Fil-każ preżenti, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-parteċipanti ġodda potenzjali jkunu jistgħu jidħlu faċilment fis-suq bankarju Irlandiż ikkonċentrat sabiex b'hekk tingħata spinta lill-kompetizzjoni.

(127)

Il-Bank jimpenja ruħu li jopera, bejn Lulju 2014 u Ġunju 2017, ċerti miżuri relatati mal-kompetizzjoni, jiġifieri, il-forniment lill-kompetituri rilevanti (66) ta' Pakkett ta' Servizzi u Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti.

(128)

Il-Pakkett ta' Servizzi għandu l-għan li jnaqqas l-ispiża tad-dħul jew l-ispiża tal-espansjoni ta' kompetitur. B'mod partikolari, il-benefiċjarju tal-Pakkett ta' Servizzi jirċievi appoġġ għal diversi funzjonijiet ta' sostenn (bħal approvazzjoni, trattament tat-tranżazzjonijiet fuq il-karti) bi spiża inkrementali mill-Bank (spejjeż imġarrba direttament mill-forniment ta' dan is-servizz) u mbagħad ikun jista' jiddeċiedi li jinvesti fl-infrastruttura tiegħu stess fi stadju aktar tard biss meta l-bażi ta' klijenti tiegħu tkun kbira biżżejjed sabiex tkun tiflaħ tassorbi l-ispejjeż fissi. Dan il-benefiċjarju jikseb ukoll aċċess għan-netwerk tal-ATM tal-Bank bi spiża inkrementali, sabiex minnufih jibda joffri kopertura nazzjonali lill-klijenti tiegħu.

(129)

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti jnaqqas l-ispejjeż tal-akkwist tal-klijent għall-benefiċjarji tiegħu. Il-benefiċjarji jikkuntattjaw lill-klijenti tal-Bank, permezz tal-Bank, u jippreżentawlhom prodotti alternattivi għall-kontijiet kurrenti tagħhom, prodotti għall-karti ta' kreditu personali, kontijiet kurrenti ta' negozji, karti ta' kreditu ta' negozji, ipoteki, self korporattiv u self lil SMEs. Għalkemm huwa diffiċli li wieħed ibassar kemm ser ikun hemm klijenti tal-Bank illi jiddeċiedu li jaqilbu l-prodotti bankarji tagħhom mal-benefiċjarji tal-miżura, dan l-approċċ tal-klijent huwa aktar immirat u jiġi jiswa inqas flus mill-miżuri ta' reklamar ġenerali.

(130)

Il-miżuri deskritti hawn fuq jipprovdu qafas li jistimola dħul ġdid fis-suq bankarju Irlandiż u, b'hekk, jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-għajnuna mogħtija lill-Bank.

(131)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħares b'mod pożittiv lejn l-impenji mogħtija mill-Irlanda, li huma relatati ma' ċerti restrizzjonijiet kummerċjali matul il-perjodu tar-ristrutturar, b'mod partikolari l-limitu fuq is-self lil […] fi […] u […]. Il-projbizzjoni tal-akkwist tiżgura li l-għajnuna mill-Istat ma tintużax biex jiġu akkwistati l-kompetituri, iżda biex isservi għall-iskop maħsub tagħha, jiġifieri li tiffinanzja l-proċess tar-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Bank għandu jirrispetta l-impenji komportamentali relatati ma' projbizzjoni fuq ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni (67).

Implimentazzjoni u monitoraġġ

(132)

Fl-aħħarnett, it-taqsima 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tesiġi li jkunu disponibbli rapporti regolari ddettaljati għall-Kummissjoni, sabiex hija tkun tista' tivverifika li l-pjan ta' ristrutturar qiegħed jiġi implimentat kif suppost.

(133)

Għal dan il-għan, għandu jinħatar fiduċjarju tal-monitoraġġ li jipprovdi rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar mill-Bank u dwar ir-rispett lejn l-impenji mogħtija.

(134)

Jekk wieħed iqis l-impenji, il-miżuri ta' ristrutturar estensivi li diġà ġew implimentati mill-Bank u fid-dawl tal-adegwatezza tal-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed salvagwardji sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, minkejja l-ammont kbir ta' għajnuna mogħtija lill-AIB u l-EBS qabel u wara l-fużjoni tagħhom.

5.3.   KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA U L-KOMPATIBBILTÀ

(135)

Il-miżuri minn “a” sa “o” elenkati fit-Tabella 3 huma meqjusa bħala għajnuna għar-ristrutturar skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fid-dawl tal-impenji magħmula mill-Irlanda, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' ristrutturar għall-Bank huwa konformi mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, li l-għajnuna għar-ristrutturar hija limitata għall-minimu neċessarju u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni qegħdin jiġu indirizzati biżżejjed. L-għajnuna għar-ristrutturar hija b'hekk kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

—

Miżuri mogħtija favur l-AIB

(a)

Garanziji taħt l-iskema CIFS sa EUR 133 biljun;

(b)

Garanziji taħt l-iskema ELG sa EUR 62,5 biljun;

(c)

Miżura ta' salvataġġ tal-assi (trasferimenti lill-NAMA fl-ammont ta' EUR 20,4 biljun), li tikkostitwixxi ammont ta' għajnuna stmat ta' EUR 1,6 biljun;

(d)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' ishma ta' preferenza f'Mejju 2009 għall-ammont ta' EUR 3,5 biljun;

(e)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' kapital ta' ekwità ġdid f'Diċembru 2010 għall-ammont ta' EUR 3,7 biljun;

(f)

Garanzija tal-Istat fuq l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità sat-tieni kwart tal-2011 għall-ammont ta' (bejn EUR 5 u 15-il biljun).

—

Miżuri mogħtija favur l-EBS

(g)

Garanziji taħt l-iskema CIFS sa EUR 14,4 biljun;

(h)

Garanziji taħt l-iskema ELG sa EUR 8,0 biljun.

(i)

Miżura ta' salvataġġ tal-assi (trasferimenti lill-NAMA fl-ammont ta' EUR 0,9 biljun), li tikkostitwixxi ammont ta' għajnuna stmat ta' EUR 0,1 biljun;

(j)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' Ishma ta' Investiment Speċjali f'Mejju u Diċembru 2010 għall-ammont ta' EUR 0,625 biljun;

(k)

Rikapitalizzazzjoni permezz ta' għotja diretta fil-forma ta' ċedola f'Diċembru 2010 għall-ammont ta' EUR 0,25 biljun;

(l)

Garanzija tal-Istat fuq l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità għal ammont ta' (EUR 0-5 biljun).

—

Miżuri mogħtija favur il-Bank (l-entità amalgamata)

(m)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' ishma ordinarji f'Lulju 2011 għall-ammont ta' EUR 5 biljun;

(n)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' noti kapitali kontinġenti f'Lulju 2011 għall-ammont ta' EUR 1,6 biljun;

(o)

Rikapitalizzazzjoni fil-forma ta' kontribuzzjoni kapitali f'Lulju 2011 għall-ammont ta' EUR 6,1 biljun.

2.   L-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 hija kompatibbli mas-suq intern f'konformità mal-Artikolu 107(3) tat-Trattat fid-dawl tal-pjan ta' ristrutturar u l-impenji stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

L-Irlanda tiżgura li l-pjan ta' ristrutturar ippreżentat fit-28 ta' Settembru 2012, inklużi l-modifiki sussegwenti magħmula għalih, jiġi implimentat b'mod sħiħ, inklużi l-impenji stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 214, 7.8.2010, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 241/09, Ir-rikapitalizzazzjoni ta' Αllied Irish Bank mill-Istat Irlandiż (ĠU C 223, 16.9.2009, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 553/10, It-tieni rikapitalizzazzjoni ta' emerġenza favur Allied Irish Banks plc (ĠU C 76, 10.3.2011, p. 4).

(4)  L-injezzjonijiet kapitali gross kienu ta' EUR 3,9 biljun u EUR 6,3 biljun, rispettivament, inklużi EUR 0,2 biljun ta' miżati mħallsa mill-ġdid minn AIB lill-gvern Irlandiż.

(5)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ppermettiet ir-rikapitalizzazzjoni bħala miżura ta' salvataġġ għal 6 xhur soġġetta għas-sottomissjoni ta' pjan ta' ristrutturar aġġornat. It-tieni pagament akkont tar-rikapitalizzazzjoni ma tħallasx fi Frar.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N160/10, Ir-rikapitalizzazzjoni ta' EBS (ĠU C 217, 11.8.2010, p. 2).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C25/10 (ex-N 212/10), Ir-ristrutturar ta' Educational Building Society (ĠU C 300, 6.11.2010, p. 17).

(8)   ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(9)  F'April 2012, ġie deċiż li Permanent TSB għandha tibqa' attiva bħala t-tielet mutwanti domestika flimkien ma' AIB u BoI.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.33296, Rikapitalizzazzjoni ta' emerġenza favur l-entità amalgamata Educational Building Society/Allied Irish Banks plc (ĠU C 268, 10.9.2011, p. 3).

(11)  Il-pjan ġie rreġistrat taħt in-numru tal-każ SA.29786.

(12)  L-aktar kontribuzzjonijiet supplimentari importanti ġew sottomessi fl-10 u fil-11 ta' Jannar, fit-13 ta' Frar u fl-20 u fis-27 ta' Marzu 2014 u kienu jikkonċernaw il-projezzjonijiet finanzjarji.

(13)  Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(14)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(15)  Reviżjoni tal-Valutazzjoni tal-Kapital Prudenzjali u Reviżjoni tal-Valutazzjoni tal-Likwidità Prudenzjali. Deskritti fid-dettall fil-premessi (25) sa (31) tad-Deċiżjoni fil-Każ SA.33296.

(16)  Il-Programm ta' Aġġustament Ekonomiku għall-Irlanda kien maqbul formalment f'Diċembru 2010. Huwa kien jinkludi pakkett ta' finanzjament konġunt ta' EUR 85 biljun u kien ikopri l-perjodu mill-2010 sal-2013.

(17)  Strumenti kapitali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 28, 29 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għall-impriżi ta' investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(18)  Kapital kontinġenti huwa dejn li jiġi kkonvertit f'ekwità meta jiġu ssodisfati ċerti skattaturi.

(19)  200 fergħa għall-AIB u 74 fergħa għall-EBS sa Diċembru 2013.

(20)  Fi Frar 2011, id-depożiti tal-klijenti li qabel kienu miżmuma minn Anglo Irish Bank ġew ittrasferiti lil Allied Irish Bank (GB), li issa qiegħed jipprovdi servizz ta' depożiti lil madwar 60 000 klijent fis-suq tal-massa fil-Gran Brittanja.

(21)  Ipoteki indiċizzati huma tip ta' ipoteki b'rata varjabbli. Ir-rata tal-imgħax tal-ipoteka tintraċċa r-rata bażi tal-Bank Ċentrali Ewropew f'marġini stabbilita 'il fuq minnha.

(22)  Ir-rata tal-BĊE li kienet ta' 4,25 % f'Lulju 2008 niżlet għal 1 % f'Mejju 2009.

(23)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 725/09, It-twaqqif ta' Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Assi (National Asset Management Agency —NAMA) (ĠU C 94, 14.4.2010, p. 10).

(24)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 48/08, Skema ta' Garanziji għall-Banek fl-Irlanda (ĠU C 312, 6.12.2008, p. 2).

(25)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 349/09, Skema ta' Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli tal-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU C 72, 20.3.2010, p. 6), u l-estensjonijiet tagħha.

(26)  AIB: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 241/09 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.31891 (N 533/10).

EBS: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 160/10.

(27)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(28)  Il-kontribuzzjoni kapitali mill-Ministru għall-Finanzi u mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Fond ta' Riżerva għall-Pensjonijiet kienet tammonta għal EUR 6,1 biljun; ma nħarġux ishma ġodda u ma ngħatat ebda kunsiderazzjoni inkambju għal din il-kontribuzzjoni kapitali.

(29)  Deskritti fil-premessi 18 sa 33 tad-Deċiżjoni N 241/09.

(30)  L-ammonti ta' għajnuna relatati mal-miżuri indeboliti ta' salvataġġ tal-assi għall-AIB u l-EBS huma ammonti stmati, minħabba li l-aħħar segmenti ta' assi ttrasferiti lill-NAMA għadhom iridu jiġu approvati mill-Kummissjoni. Dawk l-estimi huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fl-14 ta' Frar 2013.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(31)  Eżerċizzji ta' Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet: ir-riakkwist jew il-konverżjoni ta' dejn subordinat fi strumenti kapitali (Ekwità Komuni Grad 1), ġeneralment bi skont. Dawn l-eżerċizzji jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta' tnaqqis fil-valur nominali tad-dejn jew amortizzazzjoni kmieni f'valur mhux nominali.

(32)  Is-sitwazzjoni kif kienet fit-30 ta' Ġunju 2013.

(33)  Ekwivalenti għal full-time.

(34)  Ir-ROE jinkludi l-Ishma ta' Preferenza f'ekwità medja.

(35)  Minbarra l-ekwità.

(36)  Il-miri tad-diżingranaġġ ta' EUR 20,5 biljun skont il-PLAR 2011 intlaħqu.

(37)  It-tnaqqis ikun saħansitra akbar — tant li jammonta għal 38 % — jekk jitkejjel apparagun taċ-ċifri tal-2009, qabel il-fużjoni tal-AIB u l-EBS, fejn l-assi totali ta' AIB u ta' EBS kienu jammontaw għal EUR 174,3 biljun u EUR 21,5 biljun, rispettivament.

(38)  Minbarra l-ekwità

(39)  It-tnaqqis tal-portafoll tas-self jirriżulta mill-kanċellamenti u mill-amortizzazzjonijiet li flimkien huma ogħla mill-produzzjoni l-ġdida.

(40)  Bonds maħruġa minn NAMA inkambju għall-assi (ħżiena) ttrasferiti lilha mill-istituzzjonijiet ta' kreditu parteċipanti. B'mod aktar partikolari, il-prezz tax-xiri tal-assi ttrasferiti lill-NAMA tħallas permezz tal-ħruġ minn NAMA ta' titoli/bonds ta' dejn superjuri garantiti mill-Istat għal 95 % tal-prezz tax-xiri u permezz tal-ħruġ ta' titoli ta' dejn subordinat (mhux garantiti mill-Istat) għal 5 %.

(41)  Il-proporzjonijiet tal-LCR ipproġettati jikkunsidraw il-bonds tal-NAMA miżmuma mill-Bank bħala Assi Likwidi ta' Kwalità Għolja, kif propost mill-Awtorità Bankarja Ewropea fir-rapport tagħha dwar il-miżuri ta' likwidità ta' Diċembru 2013. L-għamla finali tal-Proporzjon ta' Finanzjament Stabbli Nett sejra tiġi diskussa fil-ġejjieni.

(42)  Portafoll ta' self eżistenti mqabbel mal-produzzjoni l-ġdida.

(43)  Il-programm MARS tal-Bank ġie mniedi fl-2012 u segwa l-konsultazzjonijiet li saru mal-Gvern Irlandiż u mal-Bank Ċentrali tal-Irlanda dwar is-soluzzjonijiet potenzjali għall-ħruġ tal-arretrati ipotekarji. Skont din l-istrateġija, il-Bank jipprovdi għażliet ta' tolleranza ġodda għall-klijenti tal-ipoteki. Il-programm MARS issa qiegħed jopera b'mod sħiħ b'aktar minn 300 membru tal-persunal speċjalizzati li jikkollaboraw mal-klijenti tal-ipoteki li jesperjenzaw diffikultà finanzjarja.

(44)  Mill-1 ta' Jannar 2014, skont ir-regoli ta' Basel III.

(45)  Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, “kapital regolatorju minimu” ifisser il-kapital meħtieġ mis-CBI għall-banek Irlandiżi.

(46)  Fil-kuntest tal-Valutazzjoni Komprensiva li qiegħda titwettaq bħalissa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorità Bankarja Ewropea, jiġi applikat limitu massimu ta' 5,5 % tas-CET1 taħt xenarju avvers.

(47)  L-Istrumenti tal-Kapital Kontinġenti pendenti tal-Bank jinfdew immedjatament u b'mod obbligatorju u jiġu kkonvertiti f'ishma ordinarji f'każ li l-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni (il-Proporzjon rispettiv tas-CET1 wara d-data tal-implimentazzjoni tas-CRD IV) jaqa' taħt il-proporzjon tal-iskattatur ta' 8,25 %. Il-pakkett CRD IV (id-Direttiva u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital) (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(48)  Fost l-oħrajn, ir-regoli l-ġodda taħt il-pakkett CRD IV jitolbu lill-Bank sabiex inaqqas mis-CET1 tiegħu l-valur tal-maġġoranza tal-assi fiskali differiti tiegħu, inklużi l-assi fiskali differiti kollha li jirriżultaw minn telf fiskali mhux użat. It-tnaqqis mis-CET1 għandu jiġi implimentat b'mod gradwali u indaqs fuq perjodu ta' għaxar snin.

(49)  Fl-2013, is-CBI wettaq eżerċizzju ta' BSA tal-istituzzjonijiet ta' kreditu soġġett għall-PCAR (AIB, BoI u PTSB). Ir-rekwiżit li titwettaq tali valutazzjoni kien maqbul mal-Fond Monetarju Internazzjonali, mal-Kummissjoni u mal-Bank Ċentrali Ewropew bħala parti mill-Programm. Dan l-eżerċizzju, li huwa eżerċizzju ta' punt fiż-żmien minħabba li ma kkunsidrax id-dħul jew it-telf li jista' jsir fil-ġejjieni u li, għalhekk, għadu ma seħħx, għandu l-għan li jevalwa mill-ġdid id-dispożizzjonijiet u l-RWAs sabiex tiġi vvalutata l-adegwatezza kapitali tal-banek f'Ġunju 2013.

(50)  Ara l-premessa 69.

(51)  Valutazzjoni Komprensiva, imwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorità Bankarja Ewropea, inklużi Reviżjoni tal-Kwalità tal-Assi u Test tal-Istress tal-banek Ewropej ewlenin. Ir-riżultati mistennija jingħataw f'Ottubru 2014.

(52)  Għall-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni ara: id-Deċiżjoni fil-każ N 160/10, il-premessi 40 sa 47; id-Deċiżjoni fil-każ N 241/09, il-premessi 43 sa 48; id-Deċiżjoni fil-każ SA.31891 (N 553/10), il-premessi 59 sa 65) u d-Deċiżjoni fil-każ SA.33296, il-premessi 54 sa 60. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet fid-deċiżjonijiet preċedenti li l-appoġġ mogħti taħt l-iskemi CIFS u ELG, kif ukoll taħt NAMA, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara l-premessi 37 u 41).

(53)  Ara t-Tabella 3 għall-ammonti rispettivi taħt l-iskemi CIFS u ELG.

(54)   ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1 (ara, b'mod partikolari, il-punt 6).

(55)  Ittra mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda lill-Ministru tal-Finanzi fid-19 ta' Novembru 2010.

(56)  Id-daqs tat-tnaqqis tal-karta bilanċjali huwa saħansitra akbar meta wieħed iħares lejn id-daqsijiet tal-karti bilanċjali tal-2009 qabel il-fużjoni tal-AIB u l-EBS. Flimkien, fl-2009, iż-żewġ istituzzjonijiet kellhom assi li qabżu l-EUR 195 biljun.

(57)  Ara t-Taqsima 2.5 ta' din id-Deċiżjoni.

(58)  Programm ta' rtirar kmieni u waqfien volontarju mix-xogħol.

(59)  Kif deskritt fil-premessa 68.

(60)  Ara l-premessa 46.

(61)  Mill-1 ta' Jannar 2018, l-ishma ta' preferenza ma jibqgħux jitqiesu bħala kapital tas-CET1.

(62)  Kif deskritt fil-premessa 68.

(63)  Ara l-premessi 32 sa 39.

(64)  Ara t-Taqsima 2.5 ta' din id-Deċiżjoni.

(65)  Ara l-premessi 62 sa 82 tad-Deċiżjoni fil-każ N 241/09 u l-premessi 76 sa 78 tad-Deċiżjoni fil-każ SA.33296.

(66)  Għall-finijiet ta' dak l-impenn, “kompetitur rilevanti” huwa definit bħala istituzzjoni ta' kreditu li topera fl-Irlanda u li ma tkunx taħt perjodu ta' ristrutturar ta' għajnuna mill-Istat meta titlob miżuri skont il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti jew tas-Servizzi.

(67)  Ara l-premessa 86 u l-Anness.


ANNESS

DOKUMENT BIL-KUNDIZZJONIJIET — IL-KAŻ SA.29786 — L-IRLANDA — IR-RISTRUTTURAR TAL-AIB

L-Irlanda timpenja ruħha li tiżgura li l-Pjan ta' Ristrutturar għall-AIB, li kien sottomess f'Settembru 2012, kif emendat u ssupplimentat permezz ta' komunikazzjonijiet bil-miktub, jiġi implimentat b'mod korrett u sħiħ. Dan id-dokument (l-hekk imsejjaħ “Dokument bil-kundizzjonijiet”) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet (l-“Impenji”) għar-ristrutturar tal-AIB, li l-Irlanda impenjat ruħha li timplimenta.

1.   Definizzjonijiet

F'dan id-dokument, sakemm il-kuntest ma jispeċifikax mod ieħor, is-singular għandu jinkludi l-plural (u viċi versa) u t-termini kapitalizzati użati hawnhekk għandhom it-tifsiriet li ġejjin:

1.1.

“Akkwiżizzjoni” jkollha t-tifsira attribwita lilha fil-Klawżola 6.1 hawnhekk.

1.2.

“AIB” tfisser Allied Irish Banks, p.l.c., inklużi l-kumpaniji sussidjarji u assoċjati tagħhom.

1.3.

“Spejjeż Operattivi Annwali” tfisser it-total ta' (1) l-ispejjeż marbuta mal-persunal, (2) l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u (3) id-deprezzament, l-indeboliment u l-amortizzazzjoni.

1.4.

“Ġurnata tax-Xogħol” tfisser ġurnata bejn u tinkludi t-Tnejn u l-Ġimgħa, iżda ma tinkludi l-ebda btala pubblika fl-Irlanda.

1.5.

“Ħruġ ta' Kapital” tfisser il-ħlas tad-dividendi lill-Istat fuq Azzjoni Ordinarja u x-xiri lura ta' Azzjoni Ordinarja mill-Istat.

1.6.

“Bank Ċentrali” tfisser il-Bank Ċentrali tal-Irlanda.

1.7.

“CIR” tfisser il-Proporzjon Spejjeż-Dħul, ikkalkolat bħala l-ispejjeż operattivi diviżi mid-dħul operattiv.

1.8.

“Klawżola” tfisser klawżola f'dan id-dokument biss u tali klawżola tifforma parti mid-dokument. Madankollu, l-intestaturi għall-Klawżoli huma għall-finijiet ta' konvenjenza biss u mhumiex vinkolanti.

1.9.

“Valutazzjoni Komprensiva” tfisser it-test tal-istress mifrux mal-UE kollha li twettaq fl-2014 mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorità Bankarja Ewropea, li għandu jtejjeb it-trasparenza tal-karti bilanċjali tal-banek sinifikanti, inkluż tal-AIB.

1.10.

“Strument Kapitali Kontinġenti” tfisser l-istrument ta' dejn kontinġenti tal-Grad 2 b'valur ta' EUR 1,6 biljun maħruġ mill-AIB lill-Istat u deskritt f'aktar dettall fil-Partikolaritajiet tal-Lista ddatati s-27 ta' Ottubru 2011.

1.11.

“Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti” tfisser il-pakkett ta' miżuri deskritti fil-Klawżola 11.5 hawnhekk.

1.12.

“Data tad-Deċiżjoni Finali” tfisser il-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tadotta d-Deċiżjoni Finali fir-rigward tal-Pjan ta' Ristrutturar tal-AIB.

1.13.

“Data tat-Talba” tfisser il-jum li fih Kompetitur Rilevanti jitlob validament bil-miktub lill-AIB b'konnessjoni mal-pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti stabbilit fil-Klawżola 11.5 hawnhekk.

1.14.

“Portafoll tal-SMEs f'Diffikultà” tfisser portafoll speċifiku ta' Self lill-SMEs fi ħdan l-AIB li huwa ġestit mill-AIB Financial Solutions Group fil-31 ta' Diċembru 2012 u li huwa soġġett għal miri ta' riżoluzzjoni stabbiliti mill-Bank Ċentrali.

1.15.

“EBS” tfisser EBS Limited, inklużi l-kumpaniji sussidjarji u assoċjati tagħha.

1.16.

“Deċiżjoni Finali” tfisser id-deċiżjoni fejn il-Kummissjoni Ewropea tieħu deċiżjoni rigward il-Pjan ta' Ristrutturar u l-Għajnuna mill-Istat kollha mogħtija lill-AIB u l-EBS qabel u wara l-fużjoni tagħhom.

1.17.

“FRAND” tfisser ġust, raġonevol u mhux diskriminatorju.

1.18.

“PDG” tfisser il-Prodott Domestiku Gross tal-Irlanda kif irrapportat mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Irlanda.

1.19.

“Indebolit” fir-rigward ta' self tfisser li hemm evidenza oġġettiva ta' indeboliment bħala riżultat ta' avveniment wieħed jew aktar li seħħew wara r-rikonoxximent inizjali tal-assi (“avveniment ta' telf”) u dak l-avveniment (jew avvenimenti) ta' telf ikollu impatt tali li l-valur preżenti tal-flussi futuri tal-flus kontanti jkun inqas mill-valur nominali kurrenti tal-assi finanzjarju jew tal-grupp ta' assi finanzjarji u jkun jirrikjedi r-rikonoxximent ta' dispożizzjoni dwar indeboliment fid-dikjarazzjoni tad-dħul.

1.20.

“Spiża Inkrementali” tfisser l-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-AIB bħala konsegwenza diretta tal-provvista tas-servizzi lill-Kompetituri Rilevanti fl-applikazzjoni tal-Miżuri. B'mod partikolari, l-Ispejjeż Inkrementali ma jkopru l-ebda spiża varjabbli jew fissa li għandu jġorr l-AIB fin-nuqqas tal-Miżuri.

1.21.

“L-Irlanda” jew “Stat” ifissru ir-Repubblika tal-Irlanda u tinkludi l-awtoritajiet governattivi Irlandiżi, li minn żmien għal żmien jinkludu, mingħajr limitazzjoni, id-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin, id-Dipartiment tal-Finanzi u l-Bank Ċentrali.

1.22.

“Self li jkun skada” tfisser self fejn ikunu għaddew mill-inqas disgħin ġurnata minn meta jkun sar pagament sħiħ li jkun kuntrattwalment dovut u jinkludi self matul il-kors ta' ristrutturar fejn il-faċilità tas-self oriġinali tibqa' barra mit-termini oriġinali tagħha għal aktar minn 90 ġurnata. Meta self jew espożizzjoni jkunu skadew, l-espożizzjoni kollha tiġi rrapportata bħala li skadiet, mhux biss l-ammont ta' kwalunkwe eċċess jew arretrati.

1.23.

“Data tal-Posta” jkollha t-tifsira attribwita lilha fil-Klawżola 11.5.2.2 hawnhekk.

1.24.

“Sehem mis-Suq” tfisser il-proporzjon tas-suq, espress f'termini perċentwali, għal (i) fond jew (ii) fluss, miżmum minn impriża fi kwalunkwe suq partikolari fl-Irlanda (fis-sens ta' suq għal Prodott Rilevanti) u mkejjel fuq bażi prattika xierqa minn sors ta' riċerka esterna indipendenti, inklużi r-redditi regolatorji proposti mill-AIB u approvati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ (li l-approvazzjoni ma għandhiex tinżamm b'mod mhux raġonevoli) fuq bażi ta' każ b'każ qabel id-Data tat-Talba.

1.25.

“Kummerċjalizzazzjoni, Reklamar u Sponsorizzazzjoni” tfisser il-promozzjoni tan-negozju (jew ta' parti min-negozju) tal-AIB b'mezz ta' komunikazzjoni bħal televiżjoni, radju, aħbar stampata, Internet u mezz ta' komunikazzjoni simili.

1.26.

“Materjal” jkollha t-tifsira attribwita lilu fil-Klawżola 11.5.1.4 hawnhekk.

1.27.

“Miżuri” tfisser l-obbligi imposti fuq l-AIB permezz tal-impenji magħmula mill-Irlanda fil-Klawżoli minn 3 sa 11 hawnhekk.

1.28.

“Fiduċjarju tal-Monitoraġġ” tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar, indipendenti mill-AIB, li tiġi approvata/jiġu approvati mill-Kummissjoni Ewropea u maħtura mill-AIB u li għandha/għandhom id-dmir li timmonitorja/jimmonitorjaw il-konformità tal-AIB mal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni Finali u li r-rwol tagħha/tagħhom huwa deskritt b'mod aktar sħiħ fl-Iskeda hawnhekk.

1.29.

“Ipoteki” tfisser is-self kollu assigurat fuq proprjetà residenzjali fl-Irlanda maħruġ minn istituzzjoni ta' kreditu jew soċjetà tal-bini, fejn l-għan tal-avvanz tipikament ikun jew li jiffinanzja l-bidla fis-sjieda ta', jew it-titjib fil-proprjetà residenzjali li fuqha jiġi assigurat is-self, iżda li jista' jinkludi wkoll għanijiet mhux relatati mal-proprjetà. Kwalunkwe referenza għal Ipoteki tinkludi kemm proprjetà fejn l-okkupant huwa s-sid, kif ukoll proprjetà li tinxtara biex tinkera.

1.30.

“NAMA” tfisser l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Assi stabbilita skont l-Att tal-2009 dwar l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Assi.

1.31.

“Espożizzjoni Netta” tfisser, fir-rigward ta' klijent, l-espożizzjoni tas-self gross għal dak il-klijent, nieqsa kwalunkwe dispożizzjoni magħmula mill-AIB fir-rigward ta' dak il-klijent.

1.32.

“Data tan-Notifika” tfisser id-data li fiha l-AIB jinnotifika lill-Kompetitur Rilevanti li l-Materjal tal-aħħar għandu jintbagħat bil-posta mill-AIB.

1.33.

“NPRFC” tfisser il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Fond ta' Riżerva tal-Pensjonijiet.

1.34.

“Ishma ta' Preferenza tal-NPRFC” tfisser is-sehem ta' preferenza li jirriżulta mill-Investiment tal-NPRFC.

1.35.

“Investiment tal-NPRFC” tfisser is-sottoskrizzjoni mill-NPRFC għal EUR 3,5 biljun ta' sehem ta' preferenza fl-AIB u l-ħruġ ta' ċertifikat għal azzjoni ordinarja kompluta fil-31 ta' Mejju 2009.

1.36.

“Azzjoni Ordinarja” tfisser l-ishma ordinarji ta' EUR 0,01 kull wieħed fil-kapital tal-AIB.

1.37.

[…]

1.38.

“Kompetitur Rilevanti” tfisser impriża li fid-Data tat-Talba (1) ikollha liċenzja fl-Irlanda jew xi mkien ieħor sabiex topera bħala istituzzjoni ta' kreditu fl-Irlanda; (2) ma tkunx qiegħda tirċievi Għajnuna mill-Istat (jiġifieri banek li jkunu rċevew Għajnuna mill-Istat u li jkunu għadhom fil-perjodu tar-ristrutturar ma jitqisux bħala “Kompetituri Rilevanti”; madankollu, il-banek li rċevew Għajnuna mill-Istat iżda li l-perjodu ta' ristrutturar tagħhom ikun intemm jitqiesu bħala “Kompetituri Rilevanti”); u (3) ikollha (permezz tal-impriżi relatati kollha) Sehem mis-Suq ta' inqas minn 15 % ta' fond jew fluss tas-suq tal-Prodotti Rilevanti fejn l-AIB ikollu Sehem mis-Suq f'eċċess ta' 30 % tal-fond jew tal-fluss tas-suq tal-Prodotti Rilevanti, abbażi ta' kejl tas-Sehem mis-Suq minn sors ta' riċerka esterna indipendenti, inklużi r-redditi regolatorji proposti mill-AIB u approvati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

1.39.

“Prodott Rilevanti” tfisser: (i) kontijiet kurrenti personali; (ii) karti ta' kreditu personali; (iii) kontijiet kurrenti ta' negozji; (iv) karti tal-kreditu ta' negozji; (v) Ipoteki u (vi) Self lil SMEs u self korporattiv.

1.40.

“Perjodu ta' Ristrutturar” jirreferi għall-perjodu mid-Data tad-Deċiżjoni Finali sal-31 ta' Diċembru 2017.

1.41.

“Pjan ta' Ristrutturar” tfisser il-pjan sottomess mill-AIB lill-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Irlanda, f'Settembru 2012, kif emendat u ssupplimentat minn żmien għal żmien permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub.

1.42.

“Skeda” tfisser skeda għal dan id-dokument biss u tali skeda tifforma parti mid-dokument. L-Iskeda hija parti integrali mid-dokument bil-kundizzjonijiet u hija ugwalment vinkolanti.

1.43.

“Self lil SME” tfisser is-self kollu lil kwalunkwe impriża żgħira u ta' daqs medju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (1), li tkun involuta f'attività ekonomika fl-Irlanda, irrispettivament mill-forma legali (pereż. korporazzjoni, sħubija, negozjant indipendenti), li timpjega inqas minn 250 persuna u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun jew li l-karta bilanċjali annwali tagħha ma taqbiżx it-EUR 43 miljun. Tali self jinkludi self garantit u mhux garantit permezz ta' self għal perjodu ta' żmien, self ipotekarju kummerċjali li jitħallas lura fuq perjodu ta' żmien definit sa 15-il sena, finanzjament tal-assi u finanzjament kummerċjali u skontar tal-fattura, kemm jekk ir-rata tal-imgħax għas-self ikkonċernat hija varjabbli, jew marġini fiss fuq rata tal-imgħax referenzjarja speċifikata jew inkella rata tal-imgħax fissa għat-terminu kollu jew għal parti mit-terminu tas-self. Eskluż minn din id-definizzjoni huwa kwalunkwe self lil entitajiet kummerċjali li mhumiex SMEs, persuni li jaġixxu bħala konsumaturi, il-“gvern” u kategoriji ta' klijenti “finanzjarji oħrajn”.

1.44.

“Għajnuna mill-Istat”, għall-finijiet ta' dan id-dokument bil-kundizzjonijiet, ikollha t-tifsira attribwita lilha fil-Klawżola 2.1 ta' hawnhekk.

1.45.

“Applikazzjoni Valida” tfisser applikazzjoni magħmula minn impriża li hija Kompetitur Rilevanti, fid-Data tat-Talba, għal servizz inkluż fil-Klawżola 11.5 hawnhekk u li tistabbilixxi f'dettall raġonevoli biżżejjed informazzjoni li tippermetti lill-AIB biex jipprovdi s-servizz.

2.   Il-Bażi tal-Miżuri

2.1.

Il-Miżuri stipulati hawn taħt jiddependu fuq jekk il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) tadottax id-Deċiżjoni Finali li l-għajnuna mill-Istat riċevuta mill-EBS u l-AIB, li tinkludi l-element ta' għajnuna mill-Istat tal-iskemi ta' garanziji bankarji tal-Irlanda fl-2008 u fl-2009, ir-rikapitalizzazzjonijiet mill-Irlanda tal-EBS, kif deskritti fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ N 160/10, ddatata it-2 ta' Ġunju 2010, kif ukoll tal-AIB, kif deskritti fid-Deċiżjonijiet dwar is-Salvataġġ N 241/09 ddatati t-12 ta' Mejju 2009, N 553/10 ddatata l-21 ta' Diċembru 2010 u SA.33296 ddatata l-15 ta' Lulju 2011, relatati magħha, u l-għajnuna mill-Istat ipprovduta lill-EBS u l-AIB bħala riżultat tal-NAMA (tali għajnuna dejjem ssir referenza għaliha hawnhekk bħala “Għajnuna mill-Istat”) hija kompatibbli mas-suq intern f'konformità mal-Artikoli 107 sa 109 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.2.

L-AIB għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli sabiex jikkonforma mal-obbligi imposti fuqu bħala riżultat tal-Miżuri li jirriżultaw mill-impenji magħmula mill-Irlanda (inkluż li jfittex u jirċievi l-approvazzjonijiet kollha neċessarji).

2.3.

Fir-rigward tal-obbligu ta' AIB li jimplimenta dawn il-Miżuri, l-AIB ma għandux ikun obbligat li jikser kwalunkwe wieħed mill-obbligi legali tiegħu. F'każ ta' konflitt bejn obbligu li jirriżulta minn Miżura f'dan id-dokument dwar il-kundizzjonijiet u l-obbligi legali tal-AIB, dan tal-aħħar għandu jgħarraf lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u jimpenja ruħu li jipproponi soluzzjoni alternattiva li tippermetti lil AIB li jissodisfa l-obbligi tiegħu. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jivverifika jekk is-soluzzjoni proposta hijiex konformi mal-impenji speċifikati fid-dokument bil-kundizzjonijiet u l-obbligi legali tal-AIB.

3.   Impenn għar-Ristrutturar tal-Portafoll tas-Self

3.1.

L-Irlanda tieħu l-impenn li l-AIB se jilħaq il-miri li ġejjin fir-rigward tar-ristrutturar tas-self (il-perċentwali kkwotati f'din il-Klawżola 3 huma perċentwal tal-bilanċ f'euro mfassal għal kull settur) għall-Ipoteki u s-Self lil SMEs maqbula bħala parti mill-Programm UE/FMI:

3.1.1.

sal-31 ta' Diċembru 2014, [80-100] % (2) tal-Portafoll tal-SMEs f'Diffikultà għandu jkun ġie ristrutturat (li jfisser li kien hemm komunikazzjoni formali mill-AIB mal-klijent tal-arranġament rivedut (pereżempju ftehim ta' self/dokument bil-kundizzjonijiet rivedut) jew fejn ikunu nbdew proċeduri legali); u

3.1.2.

sat-30 ta' Ġunju 2014, se jkunu ġew proposti soluzzjonijiet sostenibbli mill-AIB għal 75 % tal-Ipoteki li jkunu self li jkun skada, kif ukoll soluzzjonijiet li jkunu ġew konklużi mal-klijenti għal 35 % tal-Ipoteki li jkunu self li jkun skada.

3.2.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jikkollabora mal-klijenti fir-rigward tal-portafolli tas-self l-oħra li huma ġestiti mill-Financial Solutions Group tal-AIB u se tipproponi soluzzjonijiet sostenibbli għal [50-100] % ta' dan is-self sal-31 ta' Diċembru 2014.

3.3.

Billi tibda minn 3 xhur wara d-Data tad-Deċiżjoni Finali sal-aħħar tal-Perjodu tar-Ristrutturar, l-Irlanda timpenja ruħha li l-metodoloġija li għandha tiġi adottata mill-AIB sabiex jivvaluta liema soluzzjoni ta' ristrutturar hija l-aktar xierqa għal self lil SMEs, għal self lil kumpaniji u għal self għal proprjetà immobbli kummerċjali, li huma Indeboliti u/jew li huma self li jkun skada, se tkun ibbażata fuq kriterji ekonomiċi u kummerċjali, u hija spjegata kif ġej:

3.3.1.

Meta l-Espożizzjoni Netta lill-klijent taqbeż EUR [2,5-10] miljun, għandha titwettaq analiżi tal-Valur Preżenti Nett (“VPN”) tal-għażliet ta' ristrutturar, bil-għan li jiġi massimizzat il-VPN għall-AIB, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-vijabbiltà tal-SME jew tal-kumpanija ma tiġix ipperikolata b'riżultat ta' dan u, jekk is-soluzzjoni magħżula ma jkollhiex l-ogħla VPN, hija għandha tkun ibbażata fuq kriterji ekonomiċi u kummerċjali verifikabbli u d-deċiżjoni tkun teħtieġ l-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Krediti tal-AIB.

3.3.2.

Meta l-Espożizzjoni Netta lill-klijent ma taqbiżx EUR [2,5-10] miljun, l-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jimplimenta b'mod effettiv u konsistenti linji gwida maħsuba biex jassistu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-mezzi adegwati tal-valutazzjoni tal-għażla ta' ristrutturar xierqa kemm għall-klijenti vijabbli kif ukoll għal dawk li mhumiex vijabbli.

4.   Impenn għal-limitazzjoni tas-self lil […]

4.1.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jimmira limitu totali ta' “self ġdid” lil […] ta' […] fi […] u […] fi […], rispettivament.

4.2.

Fid-diskrezzjoni unika tal-AIB, is-self ġdid jista' jaqbeż il-limiti għal […] imsemmija fil-Klawżola 4.1, bil-kundizzjoni li l-bilanċ totali tal-għeluq fir-rigward tas-self gross lil […] ma jaqbiżx […] fi tmiem […] u […] biljun fi tmiem […], rispettivament.

5.   Impenn għal Kummerċjalizzazzjoni, Reklamar u Sponsorizzazzjoni fl-Irlanda

5.1.

L-Irlanda timpenja li AIB għandu jillimita l-livell nominali tan-nefqa tiegħu esternament fuq il-Kummerċjalizzazzjoni, ir-Reklamar u l-Isponsorizzazzjoni fl-Irlanda fl-istess livell kif kien għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 sal-aħħar tal-Perjodu tar-Ristrutturar (jiġifieri […] miljun għal kull sena).

5.2.

Matul il-Perjodu tar-Ristrutturar, l-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB ma jirreferi għall-ebda appoġġ mill-Istat li huwa jgawdi fil-kampanja ta' reklamar tiegħu, u lanqas ma jieħu xi miżura li tista' b'mod raġonevoli titqies bħala prattika kummerċjali aggressiva.

5.3.

Il-limitu massimu msemmi fil-Klawżola 5.1 ma japplika għall-ebda: (a) nefqa mitluba jew irrakkomandata minn kwalunkwe awtorità regolatorja jew governattiva; u/jew (b) nefqa relatata ma' kwalunkwe Miżura speċifikata hawnhekk; u/jew (c) nefqa relatata ma' karitajiet; u/jew (d) inizjattiva li tkun raġonevolment meħtieġa sabiex il-klijenti u persuni oħrajn jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet bħal frodi, atti kriminali (pereż. karti tal-flus iffalsifikati jew serqiet minn banek, bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodotti) jew espożizzjoni akbar għal riskju.

6.   Impenn li ma jsirux Akkwiżizzjonijiet u li jiġu aċċettati r-restrizzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni tan-negozju ta' AIB għal perjodu ta' żmien

6.1.

L-Irlanda tintrabat li, mid-Data tad-Deċiżjoni Finali sa liema minn dawn jiġi l-aktar kmieni (a) it-tmiem tal-Perjodu tar-Ristrutturar; u (b) id-data sa meta l-Ishma ta' Preferenza tal-NPRFC u l-Istrument Kapitali Kontinġenti jkunu tħallsu b'mod sħiħ jew ma jibqgħux proprjetà tal-Irlanda, l-AIB għall-ebda raġuni, tkun xi tkun, ma jakkwista l-ebda sehem fi kwalunkwe impriża (jiġifieri impriża li għandha l-forma legali ta' kumpanija jew pakkett ta' assi li jifformaw negozju) (“Akkwiżizzjoni”), soġġett għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-Klawżola 6.2.

6.2.

L-AIB jista' jagħmel din l-Akkwiżizzjoni:

6.2.1.

bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni, fejn tali kunsens għandu jingħata fuq il-bażi li l-Akkwiżizzjoni titqies bħala li hija neċessarja f'ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex titreġġa' lura l-istabbiltà finanzjarja jew sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva;

6.2.2.

meta l-prezz tax-xiri għal din l-Akkwiżizzjoni (minbarra s-suppożizzjoni tad-dejn) imħallas mill-AIB ikun inqas minn 0,01 % tal-assi totali tal-AIB fid-Data tad-Deċiżjoni Finali u l-prezz tax-xiri kumulattiv għall-Akkwiżizzjonijiet kollha magħmula matul il-Perjodu tar-Ristrutturar (minbarra s-suppożizzjoni tad-dejn) imħallas mill-AIB ikun inqas minn 0,025 % tal-assi totali tal-AIB fid-Data tad-Deċiżjoni Finali; jew

6.2.3.

meta l-Akkwiżizzjoni sseħħ matul il-kors ordinarju tan-negozju bankarju fil-ġestjoni tal-pretensjonijiet eżistenti għal impriżi f'diffikultà.

7.   Impenji fir-rigward tal-ħlasijiet fuq l-istrumenti kapitali

7.1.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB ma jagħmilx pagamenti diskrezzjonarji ta' kupuni jew jeżerċita l-opzjonijiet eżerċitabbli volontarji fuq l-istrumenti kapitali matul il-Perjodu tar-Ristrutturar, dejjem jekk:

7.1.1.

il-Kummissjoni ma tagħtix il-kunsens għall-pagament jew għall-opzjoni eżerċitabbli;

7.1.2.

il-pagament tal-kupun ma jitħallasx lill-Istat (diment li tali pagamenti ma jiskattawx pagamenti ta' kupuni lil investituri oħrajn li altrimenti ma jkunux obbligatorji); jew

7.1.3.

il-pagament ma jirriżultax taħt strument maħruġ ġdid (jiġifieri l-istrumenti maħruġa fi jew wara d-Data tad-Deċiżjoni Finali), diment li kwalunkwe pagament ta' kupuni fuq tali strumenti maħruġa ġodda ma joħloq ebda obbligu legali sabiex kwalunkwe pagamenti ta' kupuni fuq it-titoli tal-AIB jiġu effettwati qabel id-Data tad-Deċiżjoni Finali.

8.   Impenn għat-Tnaqqis tal-Ispejjeż

8.1.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jamministra l-ispejjeż b'mod attiv sabiex fil-31 ta' Diċembru 2015:

8.1.1.

L-Ispejjeż Operattivi Annwali tal-AIB ma jaqbżux is-somma ta' EUR […] miljun, li hija EUR [200-600] miljun inqas mill-figura ekwivalenti li ġiet irrapportata fl-2012 fir-rapporti finanzjarji; u

8.1.2.

Is-CIR tal-AIB ma jaqbiżx il-perċentwal ta' [45-65] %, sakemm it-tkabbir tal-PDG ma jkunx taħt it-2 % f'dak iż-żmien, f'liema każ is-CIR tiegħu ma għandux jaqbeż il-perċentwal ta' [50-70] %.

9.   Impenn fir-rigward tal-espożizzjoni tal-AIB għall-bonds tal-gvern Irlandiż

9.1.

L-Irlanda timpenja li l-valur tal-bonds tal-gvern Irlandiż miżmuma minn AIB, minbarra dawk il-bonds maħruġa minn NAMA, ma għandux jaqbeż € biljun [10-20] fi kwalunkwe punt fiż-żmien matul il-Perjodu tar-Ristrutturar.

10.   Impenn għall-Ħlas Lura tal-Għajnuna mill-Istat

10.1.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jħallas lura l-Għajnuna mill-Istat qabel tmiem il-Perjodu tar-Ristrutturar permezz tal-ħlas ta' dividendi jew b'mezzi oħrajn, f'ammont li jkun ugwali għall-kapital regolatorju eċċessiv 'il fuq mill-proporzjon CET1 minimu (fuq bażi ta' Basel III implimentata b'mod sħiħ) kif stabbilit mill-Bank Ċentrali (flimkien ma' bafer ta' 1-4 %) fil-31 ta' Diċembru 2016.

10.2.

L-Irlanda u AIB jirrikonoxxu li l-impenn imsemmi fil-Klawżola 10.1 huwa soġġett għall-ħruġ tal-approvazzjonijiet regolatorji u tal-approvazzjonijiet l-oħrajn kollha.

10.3.

Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-ħlas lura msemmi fil-Klawżola 10.1, l-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB ma jieħu ebda pass li jwassal għal Ħruġ ta' Kapital qabel […] dejjem jekk […].

10.4.

Bla ħsara għall-Klawżoli 10.1 sa 10.3, l-Irlanda u l-AIB iżommu l-għażliet li:

10.4.1.

jikkonvertu parzjalment jew kompletament l-Ishma ta' Preferenza tal-NPRFC f'ekwità f'parità sat-13 ta' Mejju 2014 u minn hemm 'il quddiem f'perċentwal ta' 125 % tal-prezz tas-sottoskrizzjoni, minn qabel, jew bħala parti minn avveniment ta' ħruġ (jew ħruġ parzjali) li jirriżulta għall-Istat li jinvolvi lis-settur privat; u

10.4.2.

jiddisponu mill-Istrument Kapitali Kontinġenti tal-Istat fi kwalunkwe ħin, minkejja li l-AIB mhuwiex ser ikollu l-għażla li jamortizza l-Istrument Kapitali Kontinġenti tal-Istat sa wara li ssir il-Valutazzjoni Komprensiva, soġġett għal approvazzjoni regolatorja.

11.   Impenji għat-tħaddim ta' ċerti miżuri li jirrigwardjaw il-kompetizzjoni

11.1.

Mill-1 ta' Lulju 2014 għal perjodu ta' tliet snin, l-Irlanda timpenja ruħha li AIB jħaddem ċerti miżuri li jirrigwardjaw il-kompetizzjoni, jiġifieri jforni lill-Kompetituri Rilevanti b': (a) Pakkett ta' Servizzi; u (b) Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti.

11.2.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jikkontribwixxi EUR 500 000 fis-sena għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Lulju 2014 għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku (tali kampanja għandha tiġi ffaċilitata mill-Irlanda permezz ta' korp statali adegwat) bil-għan li titqajjem kuxjenza u jiġi promoss il-kunċett tal-bdil tal-klijenti.

11.3.

Kwalunkwe tilwima bejn l-AIB u Kompetitur Rilevanti fir-rigward ta' din il-Klawżola 11 tiġi riferuta mill-AIB u mill-Kompetitur Rilevanti lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jipproponi soluzzjoni. F'każ li ma tinstab ebda soluzzjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni għal riżoluzzjoni, li d-deċiżjoni tagħha tkun torbot.

Pakkett ta' Servizzi

11.4.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jħaddem Pakkett ta' Servizzi għall-Kompetituri Rilevanti li jfittxu li jiddisponu minn tali pakkett.

11.4.1.

L-AIB jipprovdi, bil-kundizzjonijiet FRAND u bil-kundizzjonijiet li jirkupraw l-Ispejjeż Inkrementali tal-AIB (inkluż l-ispiża rilevanti tal-kapital, u l-ispiża tal-kapital tfisser l-ispiża tal-fondi tal-AIB (pereż. id-dejn u l-ekwità) għas-sostenn ta' din l-attività), lill-Kompetituri Rilevanti:

11.4.1.1.

aċċess għas-sistema tal-ikklerjar bankarja tal-Irlanda (kemm is-servizzi ta' tranżazzjonijiet manwali kif ukoll it-tranżazzjonijiet elettroniċi);

11.4.1.2.

aċċess tal-karta ta' debitu għal kwalunkwe netwerk ta' kaxxiera awtomatiċi (ATM) fl-Irlanda, li tiegħu l-AIB huwa membru;

11.4.1.3.

aċċess għall-informazzjoni dwar is-suq (pereż. ir-rata tan-nuqqas ta' klijenti b'mod ġenerali u d-dejta makro/mikro-ekonomika b'mod ġenerali), iżda tali aċċess jkun soġġett għal konformità mal-liġijiet, mal-kodiċijiet u mal-prattiki kollha inklużi, mingħajr limitazzjoni, dawk li jirrigwardjaw il-protezzjoni tad-dejta, il-kunfidenzjalità, il-proprjetà intellettwali, il-kuntratti u l-kompetizzjoni;

11.4.1.4.

aċċess għal servizzi ta' distribuzzjoni u provvista ta' flus kontanti; u

11.4.1.5.

aċċess għal servizzi ta' distribuzzjoni u provvista ta' muniti barranin.

11.4.2.

L-AIB jagħti l-attenzjoni xierqa lit-talbiet raġonevoli kollha li jsiru minn Kompetitur Rilevanti permezz tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għal bidla fis-servizzi li għandhom jiġu pprovduti skont il-Klawżola 11.4.1. Sabiex jiġi evitat kull dubju, il-provvista ta' tali servizzi tkun konformi mal-liġijiet, mal-kodiċijiet u mal-prattiki kollha applikabbli b'mod ġenerali (inkluża, mingħajr limitazzjoni, id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas tal-UE) u l-AIB jkun obbligat li jipprovdi dawn is-servizzi jekk ikunu jaqgħu taħt il-kontroll u l-poter tiegħu biss.

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti

11.5.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jipprovdi Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti għall-Kompetituri Rilevanti li jfittxu li japprofittaw ruħhom minn tali pakkett.

11.5.1.

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti jippermetti li Kompetitur Rilevanti jibgħat bil-posta lill-klijenti tal-AIB il-materjal ta' reklamar tiegħu relatat mal-Prodott Rilevanti, diment li jiġu ssodisfati b'mod sħiħ il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin imsemmija f'din il-Klawżola 11.5.1:

11.5.1.1.

l-AIB jirċievi Applikazzjoni Valida mingħand il-Kompetitur Rilevanti;

11.5.1.2.

il-Kompetitur Rilevanti jikkwalifika bħala Kompetitur Rilevanti fid-Data tat-Talba;

11.5.1.3.

l-AIB ikollu sehem mis-suq ta' aktar minn 30 % fir-rigward ta' dak il-Prodott Rilevanti mid-Data tat-Talba;

11.5.1.4.

il-Kompetitur Rilevanti għandu jirrimborża lil AIB fuq termini kummerċjali għall-ispejjeż kollha li huma direttament involuti fl-impostar tal-materjal tal-Kompetitur Rilevanti li jikkonċerna l-Prodott Rilevanti (“Materjal”) lill-klijenti tal-AIB (inklużi, fejn rilevanti, l-istampar, l-imballaġġ u l-impostar ta' tali materjal). Il-Kompetituri Rilevanti jinżammu responsabbli għall-ispejjeż kollha involuti fil-produzzjoni tal-materjal rilevanti, l-ispejjeż tal-kunsinna u l-ispejjeż relatati fir-rigward tal-AIB, kif ukoll għall-ispiża tal-impostar. L-ispejjeż tal-għażla tal-klijenti fir-rigward tal-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti jinġarru mill-AIB. Spejjeż oħrajn li mhumiex involuti direttament fl-impostar tal-Materjal tal-Kompetitur Rilevanti lill-klijenti tal-AIB jinġarru minn AIB;

11.5.1.5.

il-Kompetitur Rilevanti jerfa' r-responsabbiltà kollha għal-legalità, għall-preċiżjoni u għall-adegwatezza tal-Materjal u jipprovdi lill-AIB bil-quddiem b'indennizz bil-miktub minn u kontra kull u kwalunkwe telf jew dannu kkawżat jew imġarrab mill-AIB b'konnessjoni mal-impostar. Sabiex jiġi evitat kull dubju, l-AIB ma għandux ikun obbligat li jirrevedi l-Materjal u ma għandu jerfa' ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni għall-Materjal imqassam skont din il-Miżura jew għall-issodisfar ta' din il-Miżura b'mod ġenerali; jekk ikun hemm xi tilwima f'dan ir-rigward bejn l-AIB u l-Kompetitur Rilevanti din għandha tiġi riferuta lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jipproponi soluzzjoni. F'każ li ma tinstab ebda soluzzjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni għal riżoluzzjoni; u

11.5.1.6.

l-AIB għandu jirċievi biżżejjed kopji tal-Materjal li għandu jiġi distribwit kif speċifikat hawn taħt mingħand il-Kompetitur Rilevanti sal-17.00 ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-Data tal-Impostar u l-Materjal għandu jikkonforma fl-aspetti kollha mal-liġijiet, mal-kodiċijiet u mal-prattiki kollha applikabbli. Kwalunkwe tilwima għandha tiġi riferuta lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu għandu jipproponi soluzzjoni. F'każ li ma tinstab ebda soluzzjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni għal riżoluzzjoni.

11.5.2.

Dan li ġej għandu japplika għall-impostar imwettaq minn AIB:

11.5.2.1.

Is-sessjonijiet ta' impostar jinqasmu fuq sitt perjodi ta' sitt xhur, bl-ewwel perjodu jibda tliet (3) xhur wara d-Data tad-Deċiżjoni Finali. Matul dawn il-perjodi, il-Kompetituri Rilevanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni għal impostar lill-AIB. Kull Kompetitur Rilevanti jista' javviċina lill-AIB darba f'kull perjodu ta' impostar ta' sitt xhur.

11.5.2.2.

Għal kull perjodu ta' impostar ta' sitt xhur, is-sessjonijiet ta' impostar għandhom isiru fit-tliet (3) dati stabbiliti minn qabel (id-“Dati tal-Impostar”), billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-interess tal-Kompetituri Rilevanti u l-iskeda tal-impostar tal-AIB, diment li d-Data tat-Talba mill-Kompetituri Rilevanti tkun numru ta' jiem raġonevoli qabel id-Dati tal-Impostar, sabiex AIB ikun jista' jagħmel it-tħejjijiet għal dawn is-sessjonijiet ta' impostar voluminużi rispettivament għal kull waħda mid-Dati tal-Impostar (u dawn it-talbiet l-AIB għandu jirċevihom sa mhux aktar tard mill-17.00 (ħin ta' Dublin) fid-Data tat-Talba rilevanti). L-AIB għandu jiżgura li d-Dati tal-Impostar jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-AIB bil-quddiem, bil-għan li l-Kompetituri Rilevanti interessati jkollhom żmien raġonevoli sabiex iħejju applikazzjoni. Kull tilwima tiġi riferuta lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jipproponi soluzzjoni. F'każ li ma tinstab ebda soluzzjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni għal riżoluzzjoni.

11.5.2.3.

Għall-finijiet tal-impostar, l-AIB jagħżel b'mod aleatorju, fuq talba tal-Kompetitur Rilevanti, sa terz tal-klijentela tiegħu għal kull sessjoni ta' impostar li ssir fl-ewwel perjodu ta' impostar ta' sitt xhur; tali klijentela, li tikkonsisti fi klijenti tal-AIB għall-Prodott Rilevanti li għandu jiġi rreklamat mill-Kompetitur Rilevanti f'dik is-sessjoni ta' impostar, hija limitata biss għal dawk il-klijenti ta' AIB li taw il-kunsens tagħhom sabiex jirċievu informazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni mingħand l-AIB. Imbagħad, l-AIB jagħżel terz differenti tal-klijentela tiegħu fit-tieni perjodu ta' impostar ta' sitt xhur u t-terz finali tal-klijentela tiegħu fit-tielet perjodu. L-istess proċess għandu jiġi ripetut fit-tliet (3) perjodi ta' impostar suċċessivi ta' sitt xhur kull wieħed. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jivverifika l-għażla tal-klijenti mill-AIB. Fuq talba tal-Kompetitur Rilevanti, in-numru ta' klijenti kkuntattjati matul perjodu ta' impostar ta' sitt xhur jista' jitnaqqas, fuq il-bażi ta' kriterji ta' filtrazzjoni li jistgħu jiġu implimentati faċilment mill-AIB (jiġifieri l-istrumenti meħtieġa sabiex titwettaq din il-filtrazzjoni huma diġà disponibbli għall-AIB jew inkella faċilment jinħadmu fi ħdan AIB). B'konformità mal-liġi Irlandiża dwar il-protezzjoni tad-dejta, ma għandu jintbagħat ebda materjal lil klijent, jekk tali klijent ma jkunx ta l-kunsens tiegħu lil AIB sabiex jirċievi materjal simili mingħandu.

11.5.2.4.

Bil-għan li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux mgħaddsa f'reklamar eċċessiv u sabiex jiġu massimizzati ċ-ċansijiet li l-Materjal fornut mill-Kompetituri Rilevanti jinqara, il-Materjal ta' mhux aktar minn żewġ Kompetituri Rilevanti għal kull Prodott Rilevanti jiġi impostat f'kull Data tal-Impostar mill-AIB f'kull wieħed mill-perjodi ta' impostar ta' sitt xhur bħala parti minn din il-Miżura.

11.5.2.5.

Sabiex jiġi evitat kull dubju, l-opportunitajiet tal-impostar li ma jintużawx jintilfu u ma jiġux ittrasferiti.

11.5.3.

L-impostar għandu jiġi ġestit, ipproċessat u mwettaq mill-AIB (jew mill-aġent tiegħu) f'isem u għan-nom tal-Kompetitur Rilevanti mingħajr ebda kontribut jew involviment tal-Kompetitur Rilevanti. Sabiex jiġi evitat kull dubju, il-Kompetitur Rilevanti ma għandux ikollu aċċess għall-ismijiet u għall-indirizzi jew għal dettalji oħrajn tal-klijentela ta' AIB.

11.5.4.

L-AIB jkun obbligat li jibgħat Materjal fl-isem ta' mhux aktar minn żewġ Kompetituri Rilevanti għal kull Prodott Rilevanti f'kull Data tal-Impostar u dawn iż-żewġ Kompetituri Rilevanti għal kull Prodott Rilevanti għandhom jintgħażlu fl-ordni li fiha jressqu l-applikazzjoni tagħhom quddiem l-AIB jew, f'każ ta' aktar minn żewġ Kompetituri Rilevanti għal kull Prodott Rilevanti li japplikaw simultanjament għal kull Data tal-Impostar, iż-żewġ Kompetituri Rilevanti għal kull Prodott Rilevanti jintgħażlu bix-xorti mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Sabiex applikazzjoni tkun valida, il-Kompetitur Rilevanti irid jikkwalifika bħala Kompetitur Rilevanti fid-Data tat-Talba u jkun issodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Klawżola 11.5.1. L-AIB jinnotifika lill-Kompetitur Rilevanti bil-miktub dwar jekk l-applikazzjoni tiegħu ntgħażlitx, kif ukoll li l-Materjal tiegħu sejjer jiġi impostat mill-AIB.

11.5.5.

Kompetitur Rilevanti jista' jitlob li l-Materjal li jiġi impostat ikun jirrigwardja Prodott Rilevanti wieħed jew aktar iżda ebda prodott ieħor. Barra minn hekk, il-Kompetitur Rilevanti jista' jindika l-possibbiltà li l-klijenti jbiddlu r-relazzjoni bankarja tagħhom parzjalment jew kompletament u li jagħmlu referenzi ġenerali għal prodotti bankarji oħrajn. Altrimenti, talba titqies bħala valida, minkejja li jkun intalab il-benefiċċju ta' din il-Miżura ta' Mobbiltà tal-Klijenti fejn l-AIB ikollu inqas minn 30 % ta' Sehem mis-Suq fir-rigward ta' Prodott Rilevanti, diment li t-talba tfittex ukoll impostar fir-rigward ta' dawk il-Prodotti Rilevanti fejn l-AIB ikollu Sehem mis-Suq ta' aktar minn 30 %. Jekk il-materjal ta' kummerċjalizzazzjoni riċevut mill-Kompetitur Rilevanti jkun jinkludi materjal għal prodotti oħrajn minbarra l-Prodotti Rilevanti (ħlief għal referenzi ġenerali għall-bdil parzjali jew komplet tar-relazzjoni bankarja tagħhom u referenzi ġenerali għal prodotti bankarji oħrajn), mela allura l-AIB ma jkunx obbligat li jimposta tali materjal, iżda għandu jinnotifika lill-Kompetitur Rilevanti bid-deċiżjoni tiegħu, meta prattiku u possibbli, u mingħajr dewmien, sabiex il-Kompetitur Rilevanti jkollu l-opportunità li jissottometti mill-ġdid il-materjal emendat. Kwalunkwe tilwima tiġi riferuta lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li min-naħa tiegħu jipproponi soluzzjoni. F'każ li ma tinstab ebda soluzzjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni għal riżoluzzjoni. L-AIB ma għandu ebda obbligu li jimposta l-materjal sottomess mill-ġdid sakemm dan ma jiġix riċevut sal-17.00 ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-Data tal-Impostar u diment li tali materjal sottomess mill-ġdid ikun konformi mat-termini ta' din il-Klawżola 11.5.5.

11.5.6.

Għal kull Prodott Rilevanti soġġett għal impostar, l-AIB jimpenja ruħu:

11.5.6.1.

li ma jikkuntattja ebda klijent b'materjal ta' reklamar relatat ma' dak il-Prodott Rilevanti jekk dan il-klijent ikun wieħed minn dawk magħżula sabiex isir kuntatt magħhom u tabilħaqq ikun ġie kkuntattjat f'isem Kompetitur Rilevanti, matul is-sitt xhur wara li jkun sar tali kuntatt f'isem il-Kompetitur Rilevanti;

11.5.6.2.

li ma jikkuntattjax lil dan il-klijent għal perjodu addizzjonali ta' sena b'materjal ta' reklamar relatat ma' dak il-Prodott Rilevanti, jekk tali klijent jaqleb mal-Kompetitur Rilevanti skont din il-Miżura u l-AIB ikun jaf li tali klijent ikun qaleb; u

11.5.6.3.

li ma jikkuntattjax lil dan il-klijent matul il-perjodu addizzjonali ta' sena msemmi fil-Klawżola 11.5.6.2 bi kwalunkwe materjal ta' reklamar li jkun speċifikament maħsub biex ireġġa' lura lil dawn il-klijenti għall-Prodott Rilevanti involut fil-bidla.

11.5.7.

Sabiex jiġi evitat kull dubju, l-AIB jibqa' liberu li jikkuntattja lil dawn il-klijenti għal raġunijiet regolatorji u bħala parti minn kwalunkwe inizjattiva li tkun raġonevolment meħtieġa bil-għan li l-klijenti u persuni oħrajn jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet bħal frodi, atti kriminali (pereż. karti tal-flus iffalsifikati jew serqiet minn banek, bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodotti) jew espożizzjoni akbar għal riskju.

11.5.8.

L-AIB jimpenja ruħu li f'każ li klijent tal-AIB, li jkun konformi mal-impostar tal-Materjal tal-Kompetitur Rilevanti, jiddeċiedi li jaqleb parti min-negozju tiegħu jew in-negozju kollu tiegħu (inklużi l-Prodotti Rilevanti u prodotti oħrajn) mal-Kompetitur Rilevanti, l-AIB b'ebda mod ma jfixkel il-bidla u lanqas ma għandu jitlob xi tariffi għall-bidla (penali), sakemm ma jkunx mitlub jagħmel dan bil-liġi jew b'obbligu legali, jew sakemm dan ma jkunx parti mit-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodott tal-AIB.

11.5.9.

F'każ li jkun hemm dubju raġonevoli rigward is-Sehem mis-Suq ta' Kompetitur Rilevanti, il-Kompetitur Rilevanti inkwistjoni jipprovdi, fuq bażi strettament kunfidenzjali, tali informazzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li tista' tintalab b'mod raġonevoli mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bil-għan li jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-Kompetitur Rilevanti fis-suq tal-Prodott Rilevanti, filwaqt li jekk jonqos milli jagħmel dan, il-Kompetitur Rilevanti ma għandux ikun intitolat sabiex japprofitta mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Klijenti għal dak il-Prodott Rilevanti.

SKEDA: FIDUĊJARJU TAL-MONITORAĠĠ

F'din l-Iskeda, it-termini b'ittir kbar għandhom l-istess tifsira mogħtija fil-Klawżola 1 ta' hawn fuq.

I —   Proċedura tal-Ħatra

1.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jaħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ sabiex iwettaq il-funzjonijiet speċifikati fl-impenji għall-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

2.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jkun indipendenti mill-AIB, jippossjedi l-kwalifiki meħtieġa sabiex iwettaq il-mandat tiegħu, pereżempju bħala bank ta' investiment jew konsulent jew awditur, u la jkun u lanqas isir espost għall-konflitt ta' interess. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jiġi rimunerat mill-AIB b'mod li ma jfixkilx l-issodisfar indipendenti u effettiv tal-mandat tiegħu.

II —   Proposta mill-AIB

3.

L-Irlanda timpenja ruħha li mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara d-Data tad-Deċiżjoni Finali, l-AIB jissottometti lista ta' żewġ persuni jew aktar li l-AIB jipproponi li jaħtar bħala l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, u jindika min minn fost dawn hija l-għażla ppreferuta tiegħu. Il-proposta tkun tinkludi biżżejjed informazzjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika li l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ propost jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 u tkun tinkludi wkoll:

(a)

it-termini sħaħ tal-mandat propost, li jkunu jinkludu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jissodisfa d-doveri tiegħu skont dawn l-impenji; u

(b)

il-qafas ta' pjan ta' ħidma li jiddeskrivi kif il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu l-ħsieb li jwettaq il-kompiti assenjati lilu.

III —   Approvazzjoni jew ċaħda mill-Kummissjoni

4.

Il-Kummissjoni jkollha d-diskrezzjoni li tapprova jew tiċħad il-Fiduċjarji tal-Monitoraġġ proposti, u li tapprova l-mandat propost suġġett għal kwalunkwe modifika li hija tqis li hija meħtieġa sabiex il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ikun jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu. Jekk jiġi approvat isem wieħed biss, l-AIB jaħtar jew iwassal biex jinħatru l-individwu jew l-istituzzjoni kkonċernati bħala l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, b'konformità mal-mandat approvat mill-Kummissjoni. Jekk jiġi approvat aktar minn isem wieħed, l-AIB jkun liberu li jagħżel il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li għandu jinħatar minn fost l-ismijiet approvati. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jinħatar fi żmien ġimgħa mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni, b'konformità mal-mandat approvat mill-Kummissjoni.

IV —   Proposta ġdida mill-AIB

5.

Jekk il-Fiduċjarji tal-Monitoraġġ proposti kollha jiġu miċħuda, l-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jissottometti l-ismijiet ta' mill-inqas żewġ individwi jew istituzzjonijiet oħrajn fi żmien ġimgħa minn meta tiġi infurmata biċ-ċaħda, b'konformità mar-rekwiżiti u mal-proċedura stipulati fil-paragrafu 3.

V —   Fiduċjarju tal-Monitoraġġ innominat mill-Kummissjoni

6.

Jekk il-Fiduċjarji tal-Monitoraġġ proposti kollha jiġu miċħuda mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tinnomina Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, li l-AIB jaħtar, jew iwassal sabiex jinħatar, b'konformità ma' mandat ta' fiduċjarju approvat mill-Kummissjoni.

VI —   Il-Funzjonijiet tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ

7.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jassumi d-doveri speċifikati tiegħu sabiex jiżgura l-konformità mal-impenji. Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jew tal-AIB tagħti kwalunkwe ordni jew istruzzjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni Finali.

VII —   Id-doveri u l-obbligi tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ

8.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ:

(a)

jipproponi fl-ewwel rapport tiegħu lill-Kummissjoni pjan ta' ħidma ddettaljat li jiddeskrivi kif huwa għandu l-ħsieb li jimmonitorja l-konformità mal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni Finali;

(b)

jimmonitorja l-konformità mal-impenji kollha tad-Deċiżjoni Finali u mal-Klawżoli 3 sa 11 tad-Dokument bil-Kundizzjonijiet;

(c)

jassumi l-funzjonijiet l-oħrajn assenjati lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ skont l-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni Finali;

(d)

jipproponi lill-AIB dawk il-miżuri li huwa jqis li huma meħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-konformità tal-AIB mal-impenji mehmuża mad-Deċiżjoni Finali; u

(e)

jipprovdi lill-Kummissjoni, billi fl-istess waqt jibgħat kopja mhux kunfidenzjali lill-AIB, rapport bil-miktub fi żmien 15-il ġurnata wara t-tmiem ta' kull kwart tas-sena. Ir-rapport jkopri l-operat u l-ġestjoni tal-Klawżoli minn 3 sa 11 tad-Dokument bil-Kundizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa jekk in-negozju huwiex qiegħed isir b'mod konsistenti mal-impenji. Minbarra dawn ir-rapporti, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jgħarraf minnufih bil-miktub lill-Kummissjoni, billi fl-istess waqt jibgħat kopja mhux kunfidenzjali lill-AIB, jekk huwa jikkonkludi fuq bażi raġonevoli li l-AIB qiegħed jonqos milli jikkonforma mal-impenji merfugħa mill-Irlanda.

VIII —   Id-doveri u l-obbligi tal-AIB

9.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jipprovdi u jwassal lill-konsulenti tiegħu sabiex jipprovdu lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bil-kooperazzjoni, bl-assistenza u bl-informazzjoni kollha li l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jista' raġonevolment ikun jeħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jkollu aċċess sħiħ u komplet għal kull ktieb, reġistru, dokument, persunal maniġerjali jew persunal ieħor, faċilità, sit u informazzjoni teknika tal-AIB sabiex ikun jista' jaqdi d-doveri tiegħu skont l-impenji, filwaqt li l-AIB għandu jipprovdi lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, fuq talba tiegħu, b'kopji ta' kwalunkwe dokument. L-AIB jagħmel disponibbli għall-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ uffiċċju jew aktar fil-bini tiegħu, u jkun għad-dispożizzjoni matul il-laqgħat sabiex jipprovdi lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu.

10.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jipprovdi lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bl-appoġġ maniġerjali u amministrattiv kollu li huwa jista' jitlob b'mod raġonevoli.

11.

L-Irlanda timpenja ruħha li l-AIB jindennizza lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u lill-impjegati u l-aġenti tiegħu (kull wieħed bħala “ Parti Indennizzata ”) u jżomm lil kull Parti Indennizzata ħielsa minn kull ħsara u b'hekk jaqbel li Parti Indennizzata ma jkollha l-ebda responsabbiltà lejn l-AIB għal kwalunkwe obbligazzjoni li tirriżulta mit-twettiq tad-doveri tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ skont l-impenji, ħlief sal-punt li tali obbligazzjonijiet jirriżultaw minn inadempjenza volontarja, traskuraġni, negliġenza serja jew mala fede tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jew tal-impjegati, tal-aġenti jew tal-konsulenti tiegħu.

12.

Għad-detriment tal-AIB, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jista' jaħtar konsulenti (b'mod partikolari għall-finanzi korporattivi jew għall-konsulenza legali), soġġett għall-approvazzjoni tal-AIB (din l-approvazzjoni ma għandhiex tinżamm jew iddum biex tingħata mingħajr ebda raġuni) jekk il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ iqis il-ħatra ta' tali konsulenti bħala meħtieġa jew xierqa għat-twettiq tad-doveri u tal-obbligi tiegħu skont il-Mandat, diment li kwalunkwe miżata u spiża oħra imġarrba mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ tkun raġonevoli. F'każ li l-AIB jirrifjuta li japprova l-konsulenti proposti mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, il-Kummissjoni tista' minflok tapprova l-ħatra ta' tali konsulenti wara li tkun semgħet lill-AIB. Huwa biss il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li jkun intitolat sabiex jagħti struzzjonijiet lill-konsulenti.

IX —   Is-sostituzzjoni, l-eżenzjoni u l-ħatra mill-ġdid tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ

13.

Jekk il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jieqaf iwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont l-impenji jew għal xi kawża tajba oħra, inkluża l-espożizzjoni tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għal konflitt ta' interess:

(a)

il-Kummissjoni tista', wara li tisma' lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, titlob lill-AIB sabiex jissostitwixxi l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ; jew

(b)

l-AIB, bl-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, jista' jissostitwixxi l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

14.

Jekk il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jitneħħa skont il-paragrafu 13, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jista' jintalab ikompli fil-funzjoni tiegħu sakemm jinħatar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ġdid, li għandu jingħata l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ġdid jinħatar f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafi 3-6.

15.

Minbarra t-tneħħija skont il-paragrafu 13, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jieqaf jaġixxi bħala Fiduċjarju tal-Monitoraġġ biss wara li l-Kummissjoni tkun waqqfitu milli jkompli jaqdi d-doveri tiegħu wara li jkunu ġew implimentati l-impenji kollha li jkun ġie fdat bihom il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Madankollu, il-Kummissjoni tista' fi kwalunkwe ħin titlob il-ħatra mill-ġdid tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jekk sussegwentement ikun jidher li r-rimedji rilevanti setgħu ma ġewx implimentati b'mod sħiħ u kif suppost.

(1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(2)  Il-mira tal-Bank Ċentrali. Soġġetta għal bidla mill-Bank Ċentrali.