SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna mogħtija mill-Belġju lil JCDecaux Street Furniture Belgium – L-apparat ta’ reklamar installat fit-territorju tal-belt ta’ Brussell (il-Belġju) – Nuqqas ta’ ħlas ta’ kirjiet u taxxi applikabbli għal dan l-apparat – Għajnuna ddikjarata mhux kompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Determinazzjoni tal-kuntest legali applikabbli – Metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata”
Fil-Kawża C‑710/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Novembru 2022,
JCDecaux Street Furniture Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn M. Malanda u A. Winckler, avukati, sussegwentement minn B. Cambier, M. Malanda, A. Paternostre u A. Winckler, avukati,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn G. Braga-da-Cruz, C.-M. Carrega u C. Georgieva, bħala aġenti u sussegwentement minn C.‑M. Carrega u C. Georgieva, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Clear Channel Belgium SPRL, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn P. de‑Bandt, M. Gherghinaru u L. Panepinto, avukati,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, JCDecaux Street Furniture Belgium SA (iktar ’il quddiem “JCDecaux”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Settembru 2022, JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il‑Kummissjoni (T‑642/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:503), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2120 tal‑24 ta’ Ġunju 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33078 (2015/C) (eks 2015/NN) implimentata mill-Belġju affavur JCDecaux Belgium Publicité (ĠU 2019, L 320, p. 119, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi, kif jirriżultaw mill-punti 2 sa 12 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
3 |
Fis‑16 ta’ Lulju 1984 il-belt ta’ Brussell (il-Belġju) u JCDecaux ikkonkludew kuntratt, għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, li kien jikkonċerna l-installazzjoni, fit-territorju ta’ din il-belt, ta’ xelters ta’ karozzi tal-linja u tagħmir imsejħa “biċċiet ta’ għamara urbana għall-informazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“MUPI”), li parti minnhom setgħet tintuża għal finijiet ta’ reklamar. |
|
4 |
Dan il-kuntratt kien jipprevedi li JCDecaux kienet tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-belt ta’ Brussell u kienet topera xelters tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja għar-reklami u tal-MUPI li tagħhom hija kienet tibqa’ proprjetarja fil-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
5 |
Fl‑1995, il-belt ta’ Brussell temmet il-kuntratt tal-1984. |
|
6 |
Fl‑1998, il-belt ta’ Brussell ħarġet sejħa għal offerti intiża għall-manifattura, il-provvista, it-tqegħid, it-tħaddim, iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ MUPI, ta’ xelters għall-passiġġieri u ta’ stands għal wiri, li parti minnha setgħet tintuża għal finijiet ta’ reklamar. |
|
7 |
Sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt tal‑1984 u sabiex tiżgura t-trasparenza tas-sejħa għal offerti, il-belt ta’ Brussell elenkat, fl-Anness 10 tal-ispeċifikazzjonijiet speċjali tal-kuntratt ta’ din is-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“Anness 10”), 282 xelter tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u 198 MUPI li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1984 (iktar ’il quddiem l-“apparat tar-reklamar inkluż fl-Anness 10”) li għalihom JCDecaux kien żamm dritt għall-użu skont il-kuntratt tal‑1984, billi indikat, għal kull wieħed minn dan l-apparat, il-pożizzjoni tiegħu u d-data prevista għat-tneħħija tiegħu. |
|
8 |
Billi JCDecaux rebħet l-imsemmija sejħa għal offerti, il-belt ta’ Brussell ikkonkluda, fl‑14 ta’ Ottubru 1999, it-tieni kuntratt ma’ din l-impriża (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-1999”). Dan il-kuntratt, konkluż ukoll għal tul ta’ ħmistax-il sena, kien ikkostitwit minn ordni, minn speċifikazzjonijiet speċjali tal-kuntratt imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u minn annessi tiegħu, inkluż l-Anness 10. L-imsemmi kuntratt, li ssostitwixxa l-kuntratt tal‑1984, u kien jipprevedi l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
9 |
Meta ġie implimentat il-kuntratt tal‑1999, ċertu apparat tar-reklamar inkluż fl-Anness 10 tneħħa qabel id-dati previsti f’dan l-anness, filwaqt li oħrajn (iktar ’il quddiem l-“apparat kontenzjuż”) baqa’ jintuża minn JCDecaux lil hinn minn dawn id-dati mingħajr ma l-belt ta’ Brussell talbet lil din l-impriża l-ħlas tal-kirjiet jew tat-taxxi. Fix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2011, l-aħħar apparat tar-reklamar inkluż fl-Anness 10 ġie żarmat. |
|
10 |
Fid‑19 ta’ April 2011, Clear Channel Belgium SPRL (iktar ’il quddiem “CCB”) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea li permezz tiegħu hija sostniet li, billi użat l-apparat kontenzjuż mingħajr ma ħallset kirjiet jew taxxi lill-belt ta’ Brussell, JCDecaux kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. |
|
11 |
Fl‑24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
12 |
Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) ikkonfermat sentenza mogħtija mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) fit‑13 ta’ Diċembru 2010, skont liema JCDecaux kienet użat fid-dominju pubbliku tal-belt ta’ Brussell l-apparat kontenzjuż mingħajr awtorizzazzjoni, titolu jew dritt. |
|
13 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
14 |
L-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej: “L-ewwel Artikolu L-għajnuna mill-Istat favur [JCDecaux] ta’ ammont li jikkorrispondi għall-kiri u t-taxxi mhux imħallsa fuq l-apparati [kontenzjużi], mogħtija illegalment bejn il-15 ta’ Settembru 2001 u l‑21 ta’ Awwissu 2010 mill-Belġju bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija inkompatibbli mas-suq intern. Artikolu 2 1. Il-Belġju huwa obbligat li jiġbor lura l-għajnuna msemmija fl-[Artikolu 1] mingħand il-benefiċjarju. […]” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
15 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2019, JCDecaux ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
16 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ April 2020, CCB tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
|
17 |
Insostenn tar-rikors tagħha, JCDecaux invokat erba’ motivi, fejn l-ewwel u t-tielet motivi biss huma rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-użu ta’ apparat kontenzjuż kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tielet motiv, ippreżentat sussidjarjament, kien ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. |
|
18 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
|
19 |
Permezz tal-appell tagħha, JCDecaux titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21 |
Permezz ta’ ittri tat‑28 ta’ Novembru 2022 u tal‑14 ta’ April 2023, JCDecaux informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma xtaqitx tifformula talba għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab, rispettivament, fl-att tal-appell tagħha u fir-replika. Madankollu, hija ppreċiżat, fl-ewwel waħda minn dawn l-ittri, li l-att tal-appell kien jirrigwarda ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors fl-ewwel istanza u fl-annessi relatati miegħu, li l-Qorti Ġenerali, permezz tad-digriet tal‑5 ta’ Marzu 2021, JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il‑Kummissjoni (T‑642/19, mhux ippubblikat, EU:T:2021:135), aċċettat in-natura kunfidenzjali tagħhom. |
Fuq l-appell
|
22 |
JCDecaux tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq in-natura kontradittorja tal-motivazzjoni li tivvizzja s-sentenza appellata kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, fit-tieni lok, fuq żnaturament tal-fatti u tal-kuntest legali applikabbli. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
23 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, JCDecaux issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’motivazzjoni kontradittorja sa fejn, fil-punti 31 u 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali dehret li kkonstatat, abbażi biss tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, li JCDecaux kienet użat l-apparat kontenzjuż mingħajr awtorizzazzjoni, titolu jew dritt, filwaqt li, fil-punti 42 u 102 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat li dan l-operat illegali u li jirriżulta biss mill-aġir ta’ din l-impriża, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li ngħatatilha mill-belt ta’ Brussell. |
|
24 |
Skont JCDecaux, il-vantaġġ ekonomiku allegat jidher li jirriżulta mis-sempliċi fatt li hija, mingħajr ebda deċiżjoni, awtorizzazzjoni jew intervent tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, użat l-apparat kontenzjuż billi okkupat illegalment id-dominju pubbliku. Issa, peress li l-awtoritajiet Belġjani ma aċċettawx iż-żamma tal-apparat kontenzjuż, tali aġir unilaterali ma jistax, mingħajr kontradizzjoni manifesta, iservi ta’ bażi sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, mogħti minn dawn l-awtoritajiet. |
|
25 |
Sussidjarjament, JCDecaux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni kontradizzjoni tal-motivi. Wara li affermat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-vantaġġ ekonomiku, allegatament approvat mill-belt ta’ Brussell kien jikkostitwixxi għajnuna, u dan anki jekk dan il-vantaġġ jidher li kellu bħala għan, li josserva l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984, li jikkumpensa lil JCDecaux, il-Qorti Ġenerali tidher li ma siltet ebda konsegwenza, b’mod partikolari fil-punti 83 sa 89 ta’ din is-sentenza, minn tali affermazzjoni fir-rigward tal-kwalifika legali tal-imsemmi vantaġġ u tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. B’hekk, minn naħa, l-imsemmija sentenza tidher li twassal għall-irkupru sħiħ tal-allegat vantaġġ, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u d-danni sostnuti minn JCDecaux minħabba l-irtirar antiċipat ta’ ċertu apparat ta’ reklamar inkluż fl-Anness 10. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tidher li vvalidat, b’mod żbaljat, fil-punt 87 tal-istess sentenza, il-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tal-kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-vantaġġ kien intiż li jikkumpensa dawn l-ispejjeż u dan id-dannu. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tal-argumenti kollha mressqa minn JCDecaux. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-ammissibbiltà
|
27 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. Fl-ewwel lok, dan l-aggravju jidher li jikkritika konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fuq l-għan kumpensatorju tal-vantaġġ ekonomiku mogħti lil JCDecaux kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli. Minħabba n-natura fattwali tagħhom, dawn il-konstatazzjonijiet ma jidhrux li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tidher li tirriżulta mill-annessi tal-proċess ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex teżerċita, skont l-imsemmi Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u tal-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minnhom (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Hemm lok ukoll li jitfakkar li, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, JCDecaux ma titlobx evalwazzjoni ġdida tal-fatti li jikkonċernaw l-għan tal-vantaġġ ekonomiku intiż mid-deċiżjoni kontenzjuża iżda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hijiex kuntradittorja. Barra minn hekk, l-ewwel aggravju ma huwiex intiż li jikkomprometti l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-dritt nazzjonali, iżda li jiddenunzja n-natura kuntradittorja tal-konstatazzjonijiet imwettqa minnha fir-rigward tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016. Issa skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kuntradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ewwel aggravju huwa intiż li jikkomprometti evalwazzjonijiet fattwali għandu jiġi eskluż. |
|
32 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-argument ta’ JCDecaux ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ att tal-awtoritajiet pubbliċi jikkostitwixxi aggravju ġdid peress li din il-kumpannija tikkontesta għall-ewwel darba, fl-istadju tal-appell, l-imputabbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mill-Istat. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jekk parti tiġi awtorizzata tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja lment li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dan iwassal sabiex tiġi awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tagħha tkun ħadet konjizzjoni l-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi u tal-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, JCDecaux ma tikkontestax l-imputabbiltà lill-Istat tal-vantaġġ ekonomiku inkwistjoni, iżda ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tikkontradixxi b’mod manifest, tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, filwaqt li din is-sentenza tikkonstata li dan il-vantaġġ ma jirriżulta minn ebda deċiżjoni ta’ awtorità pubblika. Konsegwentement, l-argument inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala aggravju ġdid. |
|
35 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
36 |
JCDecaux issostni, prinċipalment, li teżisti kontradizzjoni bejn il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 31 u 40 tas-sentenza appellata u dawk li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fil-punti 42 u 102 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Ċertament, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 31 u 40 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, permezz tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li JCDecaux kienet użat mingħajr awtorizzazzjoni, titolu jew dritt l-apparat kontenzjuż. |
|
38 |
Madankollu fil-punt 29 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li b’deroga mill-klawżoli tal-kuntratt tal‑1999, l-Anness 10 kien jipprevedi li l-apparat tar-reklamar inkluż f’dan l-anness seta’ jibqa’ jintuża minn JCDecaux fil-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt tal‑1984, jiġifieri mingħajr ma tħallas la kirjiet u lanqas taxxi, iżda biss sad-dati tat-tneħħija previsti fl-imsemmi anness. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 49 tad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmija fil-punt 30 tas-sentenza appellata, kif ukoll mill-punt 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta, essenzjalment, li l-awtoritajiet Belġjani approvaw it-tfittxija tal-użu tal-apparat kontenzjuż lil hinn mid-dati tat-tneħħija previsti f’dan l-istess anness sabiex jiġi ppreżervat il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni JCDecaux, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, abbażi biss tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, li l-użu tal-apparat kontenzjuż ġie mfittex lil hinn mid-dati tat-tneħħija previsti fl-Anness 10 mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet Belġjani. |
|
40 |
Minn dan isegwi li l-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 42 u 102 tas-sentenza appellata, ma humiex ibbażati fuq kontradizzjoni ta’ motivi. |
|
41 |
Sussidjarjament, JCDecaux issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li t-tfittxija tal-użu tal-apparat kontenzjuż lil hinn mid-dati tat-tneħħija previsti fl-Anness 10 kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku, anki jekk kienet ikkonstatat, f’dan il-punt 42, li t-tfittxija ta’ dan l-operat kienet intiża li tikkumpensa din l-impriża għall-ispejjeż u għad-dannu kkawżati mill-irtirar antiċipat ta’ ċertu apparat tar-reklamar inkluż fl-Anness 10. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tidher li kienet tiddeċiedi permezz ta’ motivi kuntradittorji u naqset li tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. |
|
42 |
JCDecaux tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma siltet l-ebda konsegwenza minn din il-konstatazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 83 sa 89 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, li jidher li jwassal, b’mod żbaljat, għall-irkupru tal-vantaġġ allegat kollu kemm hu, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż sostnuti minn JCDecaux minħabba l-irtirar antiċipat ta’ ċertu apparat ta’ riklamar elenkat fl-Anness 10 u tad-dannu kuntrattwali subit. Il-Qorti Ġenerali vvalidat ukoll, b’mod żbaljat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, kif stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens. |
|
43 |
Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 24 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ vantaġġ, inerenti għall-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, huwa ta’ natura oġġettiva, indipendentement mill-motivi tal-awturi tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, in-natura tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-miżuri tal-Istat u l-ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull effett fuq il-kwalifika tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan ir-rigward, sa fejn il-vantaġġ ekonomiku intiż mid-deċiżjoni kontenzjuża jikkonsisti fit-tfittxija minn JCDecaux tal-użu tal-apparat kontenzjuż lil hinn mid-dati previsti fl-Anness 10 mingħajr ma tħallas la kera u lanqas taxxa lill-belt ta’ Brussell, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, li l-fatt li dan il-vantaġġ kien intiż sabiex jikkumpensa allegat dannu subit minn din l-impriża minħabba l-irtirar antiċipat ta’ ċertu apparat ta’ reklamar inkluż fl-Anness 10 ma jimplikax li dan il-kumpens ma jistax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
|
45 |
Għandu jitfakkar ukoll li, b’risposta għall-argument li bih JCDecaux kienet sostniet li l-Kummissjoni qieset, b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-belt ta’ Brussell ma kinitx aġixxiet bħala operatur tas-suq, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punti 37 sa 41 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna, huwa neċessarju li elementi oġġettivi u verifikabbli juru b’mod ċar li l-Istat Membru kkonċernat ħa, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku, id-deċiżjoni li jikkumpensa, permezz tal-miżura effettivament implimentata, id-dannu allegatament ikkawżat lill-parti kontraenti waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 u 83. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li minn ebda element tal-proċess ma kien jirriżulta li l-belt ta’ Brussell kienet wettqet analiżi tad-dannu allegatament subit minn JCDecaux minħabba t-tneħħija antiċipata ta’ ċerti apparat ta’ riklamar inkluż fl-Anness 10 u tal-benefiċċju li għandu jinsilet mit-tfittxija tal-użu ta’ apparat kontenzjuż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li minn ebda element tal-proċess ma kien jirriżulta li l-belt ta’ Brussell kienet “segwiet l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984”. |
|
47 |
Barra minn hekk, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat sostanzjalment li, fi kwalunkwe każ, ir-rieda li jiġi stabbilit, permezz tal-kuntratt tal‑1999, forma ta’ kumpens intiża li żżomm il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984 ma kinitx teżenta lill-amministrazzjoni nazzjonali milli twettaq analiżi tal-eżistenza u tal-portata tad-dannu li JCDecaux allegatament ġarrbet minħabba t-tneħħija antiċipata ta’ ċertu apparat inkluż fl-Anness 10. |
|
48 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, minkejja li ma eskludietx li t-termini tal-kuntratt tal‑1999 setgħu jinkludu mekkaniżmu li huwa intiż sabiex jikkumpensa lil JCDecaux, madankollu qieset ukoll li tali kumpens ma kienx jipprekludi, fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tivvizzja s-sentenza appellata b’motivazzjoni kontradittorja, setgħet tikkunsidra, fil-punt 42 tagħha, li t-tfittxija tal-użu minn JCDecaux ta’ apparat kontenzjuż lil hinn mid-dati ta’ tneħħija previsti mill-imsemmi anness kienet tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u dan avolja t-tfittxija ta’ dan l-użu kienet intiża li tikkumpensa lil din l-impriża minħabba t-tneħħija antiċipata ta’ ċertu apparat inkluż fl-Anness 10 li hija kienet stabbilixxiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal‑1984. |
|
49 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, mill-punti 43 sa 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-iżball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-għan kumpensatorju mfittex mill-awtoritajiet Belġjani ma kienux jistgħu jikkontestaw l-kwalifika tal-vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma invalidatx, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
50 |
Barra minn hekk, fil-punt 95 ta’ din is-sentenza li ma ġietx ikkritikata fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell, il-Qorti Ġenerali setgħet teskludi l-argument li bih JCDecaux kienet issostni li seta’ jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat biss il-vantaġġ ekonomiku li jeċċedi il-kumpens ta’ dannu allegat, minħabba li dan l-argument kien ibbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li t-tfittxija tal-użu ta’ apparat kontenzjuż ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku. |
|
51 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, kif jirriżulta minn qari flimkien tal-punti 87 u 95 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, kif stabbilit mill-Kummissjoni, seta’ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-għan kumpensatorju mfittex mill-belt ta’ Brussell. |
|
52 |
Peress li l-motivi tas-sentenza appellata kkritikati minn JCDecaux ma kinux kuntradittorji, l-ewwel aggravju għandu, konsegwentement, jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
53 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, JCDecaux issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-kuntest legali applikabbli billi kkunsidrat li t-tfittxija tal-użu tal-apparat kontenzjuż lil hinn mid-dati ta’tneħħija previsti fl-Anness 10 kienet taqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999. |
|
54 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, JCDecaux tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat, fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, li kien paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal‑1999, din l-impriża setgħet tiġi stabbilita u topera fit-territorju tal-belt ta’ Brussell għamara urbana biss taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kuntratt, skont liema hija kellha tħallas kera u taxxi, it-tieni nett, li, wara d-dati tat-tneħħija previsti fl-Anness 10, l-apparat kontenzjuż kellu jiġi ssostitwiti b’apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999, u għalhekk suġġett għal dan l-obbligu ta’ ħlas, u, it-tielet nett, li t-tfittxija tal-użu tal-apparat kontenzjuż inkwistjoni fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kuntratt tal‑1984 wara dawn id-dati kien jippermetti lill-imsemmija impriża “tevita li tinstalla u tuża apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999 u, konsegwentement, tħallas il-kirjiet u t-taxxi li hija kellha tħallas, skont dan l-aħħar kuntratt”. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, JCDecaux issostni, qabel kollox, li d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal‑1999 ma kellux effett fuq is-sistema legali applikabbli għall-apparat kontenzjuż. Fil-fatt, konformement mad-dritt kuntrattwali Belġjan, dan l-apparat ta’ reklamar, li kien ġie stabbilit skont il-kuntratt tal‑1984, kien ikompli jiġi rregolat minn dan il-kuntratt sat-tneħħija effettiva tiegħu, kemm jekk din it-tneħħija tkun seħħet qabel jew wara d-dati previsti fl-Anness 10. Hija tenfasizza li huwa bħala korrispettiv ta’ investiment kunsiderevoli li jikkonsisti, essenzjalment, fid-disinn, fil-manifattura, fl-installazzjoni u fil-manutenzjoni tal-MUPI u tax-xelters tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-belt ta’ Brussell, li hija ngħatat l-użu tiegħu, għal finijiet ta’ reklamar. |
|
56 |
Sussegwentement, JCDecaux issostni li ebda dispożizzjoni tal-kuntratt tal‑1999 ma tipprevedi t-tneħħija awtomatika ta’ apparat li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1984 jew ta’ kwalunkwe għamara urbana oħra eżistenti. Għall-kuntrarju, il-kuntratt tal‑1999 jidher li jipprevedi espressament li l-apparat stabbilit fl-eżekuzzjoni ta’ dan jikkoeżisti ma’ dak elenkat fl-Anness 10 mingħajr ma jinbidlu l-istipulazzjonijiet kuntrattwali applikabbli għal dan tal-aħħar. Barra minn hekk, jidher li ma jeżisti ebda obbligu ta’ sostituzzjoni individwali, fl-istess postijiet, ta’ kull apparat kontenzjuż. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ dan l-apparat lil hinn mid-dati ta’ tneħħija previsti fl-Anness 10 kienet tippermettilha tevita l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999. |
|
57 |
Fl-aħħar nett, JCDecaux issostni li l-kuntratti tal‑1984 u tal‑1999 jippreżentaw differenzi fundamentali fir-rigward tal-loġika ekonomika li hija l-bażi tagħhom u l-kundizzjonijiet rispettivi tagħhom. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, anki jekk huwa paragun sempliċi sabiex tkun tikkalkula l-vantaġġ ekonomiku allegat, tissupponi li kellha neċessarjament tissostitwixxi kull apparat kontenzjuż minn apparat identiku, fl-istess post u jiġi mħallas lill-belt ta’ Brussell kirjiet u taxxi li jikkorrispondu għas-servizzi sinjifikattivament differenti, previsti mill-kuntratt tal‑1999. |
|
58 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, JCDecaux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 53, 54 u 56 tas-sentenza appellata, żnaturament tal-kuntest legali applikabbli għall-apparat kontenzjuż. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, JCDecaux issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li r-regolamenti-taxxi adottati mill-belt ta’ Brussell bejn is-sena 2001 u s-sena 2011 kienu applikabbli għal dan l-apparat, minħabba, kif sostnut fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani ma kinux ikkontestaw dan l-element. |
|
60 |
B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-belt ta’ Brussell jibbenefika minn awtonomija fiskali skont l-Artikolu 170(4) tal-Kostituzzjoni Belġjana, adottat ir-regolamenti dwar-taxxi fuq ir-reklamar biss mis-sena 2001. Għalhekk il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn ir-regolamenti-taxxi ġew wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal‑1999. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016, li minnhom jidher li jirriżulta li l-apparat tar-reklamar li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999 kellu jiġi eżentat mit-taxxa fuq ir-reklamar. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, JCDecaux tqis li l-fatt li hija ma kellhiex tħallas taxxi fuq l-apparat kontenzjuż ma jikkostitwixxix vantaġġ selettiv peress li, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, in-natura selettiva ta’ dan l-allegat vantaġġ ma tistax tiġi preżunta, u, dan, iktar u iktar peress li CCB kienet ukoll ibbenefikat mill-istess eżentazzjoni għall-apparat ta’ reklamar simili li hija kienet użat f’komuni Belġjani oħra, kif dehret li ikkonfermat il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018. |
|
62 |
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tal-argumenti kollha mressqa minn JCDecaux. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
63 |
Minbarra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell u li tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, fejn appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minnha u għandu juri l-iżbalji fl-analiżi li, fil-fehma tiegħu, jidhru li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il‑Kummissjoni, C‑640/20 P, EU:C:2023:232, punti 77 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali żnaturament jeżisti b’mod partikolari meta l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 79). |
|
64 |
Il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jistgħu għalhekk jiġu kkontestati biss jekk jintwera li jirriżulta b’mod manifest mid-dokumenti li ġew ippreżentati lill-Qorti Ġenerali li dawn il-konstatazzjonijiet huma ineżatti. |
|
65 |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, JCDecaux issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-kuntest legali applikabbli meta kkonstatat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li t-tfittxija tal-użu tal-apparat kontenzjuż wara d-dati ta’ tneħħija previsti fl-Anness 10 jidher li ppermettielha tevita l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999, u, konsegwentement, li tħallas kirjiet u taxxi li hija kellha tħallas skont dan il-kuntratt tal-aħħar. |
|
66 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li kien paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal‑1999, JCDecaux setgħet tistabbilixxi u topera fit-territorju tal-belt ta’ Brussell għamara urbana biss fil-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kera u taxxi. Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, ukoll f’dan il-punt 29, skont l-Anness 10, b’deroga mill-klawżoli tal-kuntratt tal‑1999, l-apparat tar-reklamar inkluż f’dan l-anness seta’ jibqa’ jintuża minn JCDecaux fil-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt tal‑1984, jiġifieri mingħajr ma jitħallsu la kirjiet u lanqas taxxi, iżda biss sad-dati ta’ tneħħija previsti fl-imsemmi anness. Wara dawn id-dati, dan l-apparat kellu jiġi ssostitwit b’apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999, u għalhekk suġġett għall-ħlas tat-taxxi u tal-kirjiet. |
|
67 |
Huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li huma bbażati l-motivi stabbiliti fil-punt 30 tas-sentenza appellata, u miġbura fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. |
|
68 |
Għandu jiġi kkonstatat li JCDecaux ma turix li mid-dokumenti ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod manifest li l-imsemmija konstatazzjonijiet huma ineżatti. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
69 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, JCDecaux issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 53, 54 u 56 tas-sentenza appellata, żnaturament tal-kuntest legali applikabbli għall-użu tal-apparat kontenzjuż. |
|
70 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ JCDecaux li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 170(4) tal-Kostituzzjoni Belġjana, u kkunsidrat b’mod żbaljat li r-regolamenti-taxxi tal-belt ta’ Brussell adottati mis-sena 2001 kienu applikabbli għaliha, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din l-allegazzjoni ma hijiex intiża li tikkomprometti bħala tali l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx, matul il-proċedura prekontenzjuża, li r-regolamenti-taxxi tal-belt ta’ Brussell kienu jikkostitwixxu s-sistema fiskali applikabbli f’dan il-każ. |
|
71 |
Fir-rigward tal-argument ta’ JCDecaux li l-Qorti Ġenerali tidher li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, iż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016, li minnhom jidher li jirriżulta li l-apparat tar-reklamar li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999 kellu jiġi eżentat mit-taxxa fuq ir-reklamar, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali sempliċement ċaħdet ir-rilevanza tagħhom għall-finijiet tal-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Issa, JCDecaux baqgħet ma wrietx ir-raġunijiet li għalihom dawn is-sentenzi jidhru li jistgħu jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt 63. |
|
72 |
Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ JCDecaux li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienet teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li CCB kienet ukoll ibbenefikat mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar għall-użu tal-apparat tar-reklamar f’komuni Belġjani oħra. Fil-fatt, dan il-fatt huwa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, irrilevanti għad-determinazzjoni jekk JCDecaux kienet ibbenefikat minn tali vantaġġ. |
|
73 |
Għaldaqstant hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. |
|
74 |
Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
75 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
76 |
Peress li JCDecaux Street Furniture Belgium tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
|
77 |
L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, CCB intervenjenti fl-ewwel istanza, mingħajr ma kienet l-awtriċi tal-appell, ipparteċipat fil-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda ma talbitx il-kundanna ta’ JCDecaux għall-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.