IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.4.2023
COM(2023) 240 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97
ANNESS I
Kriterji biex tiġi stabbilita t-trajettorja teknika għall-Istati Membri li għandhom dejn pubbliku ’l fuq minn 60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG jew defiċit tal-gvern ’il fuq minn 3 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG
Għall-Istati Membri li għandhom dejn pubbliku ’l fuq mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG jew defiċit tal-gvern ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, it-trajettorja teknika għandha tiżgura li:
(a)fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji, it-trajettorja tad-dejn ta’ 10 snin tkun qed tonqos b’mod plawżibbli jew tibqa’ f’livelli prudenti sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament;
(b)l-iżbilanċ tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD jekk ma jittiħdux miżuri baġitarji oħra matul l-istess perjodu ta’ 10 snin;
(c)għas-snin li fihom l-Istat Membru kkonċernat huwa mistenni li jkollu defiċit ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, u l-eċċess mhuwiex qrib u temporanju, it-trajettorja teknika hija wkoll konsistenti mal-valur referenzjali msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv kif emendat bir-Regolament [X];
(d)l-aġġustament ma jiġix pospost lejn l-aħħar snin tal-perjodu ta’ aġġustament, jiġifieri l-isforz ta’ aġġustament fiskali matul il-perjodu tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jkun mill-inqas proporzjonali għall-isforz totali matul il-perjodu kollu ta’ aġġustament;
(e)il-proporzjon tad-dejn pubbliku fi tmiem il-perjodu tal-ippjanar ikun taħt il-proporzjon tad-dejn pubbliku fis-sena qabel il-bidu tat-trajettorja teknika; kif ukoll
(f)it-tkabbir fin-nefqa netta nazzjonali jibqa’ taħt it-tkabbir tal-output fuq perjodu medju ta’ żmien, bħala regola matul il-perjodu tal-ippjanar.
ANNESS II
Informazzjoni li trid tkun inkluża fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju
Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:
(a)Il-perkors tan-nefqa netta nazzjonali msemmi fl-Artikolu 11. Il-varjabbli baġitarji l-oħra barra mill-kontroll tal-gvern li huma parti mid-definizzjoni tan-nefqa netta msemmija fl-Artikolu 2 jikkonsistu f’nefqa fuq programmi tal-Unjoni paċuti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad.
(b)Il-perkors tat-tkabbir imbassar fid-dħul tal-gvern jekk il-politika ma tinbidilx.
(c)Il-perkors imbassar tal-proporzjon tad-dejn pubbliku.
(d)Informazzjoni dwar obbligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, u obbligazzjonijiet kontinġenti b’impatt potenzjalment kbir fuq il-baġits tal-gvern, inklużi garanziji tal-gvern, self improduttiv, u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż il-firxa tagħhom, spejjeż u obbligi potenzjali li jirriżultaw minn kawżi tal-qorti u, sa fejn ikun possibbli, informazzjoni dwar obbligazzjonijiet kontinġenti fl-oqsma tad-diżastri u l-klima.
(e)Is-suppożizzjonijiet ewlenin dwar l-iżviluppi ekonomiċi mistennijin u l-varjabbli ekonomiċi ewlenin li huma rilevanti biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ konverġenza tad-dejn pubbliku lejn livelli prudenti u biex l-iżbilanċ tal-gvern jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG.
(f)F’każ li l-Istat Membru jagħmel użu mis-suppożizzjonijiet imsemmija fil-punt (e) li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ aġġustament tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u l-perjodu sussegwenti ta’ 10 snin jekk ma jittiħdux miżuri baġitarji oħra, spjegazzjonijiet u ġustifikazzjonijiet dovuti bbażati fuq argumenti ekonomiċi sodi ta’ dawn id-differenzi.
(g)Analiżi ta’ kif il-bidliet fis-suppożizzjonijiet ekonomiċi ewlenin jaffettwaw il-pożizzjoni baġitarja u tad-dejn tal-Istat Membru.
(h)Jekk applikabbli, rappreżentazzjoni sostanzjata tar-raġunijiet (b’argumenti ekonomiċi rilevanti sodi u verifikabbli) għad-devjazzjoni mit-trajettorja teknika mressqa mill-Kummissjoni.
(i)Il-prijoritajiet ta’ riforma u investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin kif identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
(j)In-nefqa totali għall-investiment pubbliku, kif ukoll in-nefqa għar-riformi u n-nefqa għall-investiment pubbliku li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Anness VI.
(k)Jekk applikabbli, informazzjoni dwar impenji speċifiċi, marbutin biż-żmien u verifikabbli ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament skont l-Artikolu 13, skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll argumenti ekonomiċi sodi li dan is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment jissodisfa l-kriterji skont l-Artikolu 13 filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta’ valutazzjoni fl-Anness VII.
(l)Kwantifikazzjoni, kemm jista’ jkun komprensiva, tal-impatti mistennija tar-riformi u l-investiment imsemmija fil-punt (k) fuq is-sostenibbiltà fiskali, it-tkabbir u l-impjiegi, fejn applikabbli f’konformità ma’ metodoloġiji maqbula b’mod komuni.
(m)Fejn possibbli, l-impatt baġitarju fuq terminu medju u fuq it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju ta’ dawk l-impenji ta’ riforma u investiment imsemmija fil-punt (k).
(n)Jekk applikabbli, riformi u investimenti li bihom għandhom jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku.
(o)Il-livell kumplessiv ippjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment matul il-perjodu tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju.
(p)Għall-Istati Membri li d-dejn pubbliku tagħhom jirrappreżenta sfida żgħira, iżda b’responsabbiltajiet impliċiti kbar minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-trajettorja tan-nefqa netta nazzjonali u r-riformi fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandhom iqisu kif xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà fiskali fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
(q)Informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra qabel it-tħejjija tal-pjan.
ANNESS III
Informazzjoni li trid tkun inkluża fir-Rapporti Annwali ta’ Progress tal-Istati Membri
Fir-rapport annwali ta’ progress, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li ġejja:
(a)Tqabbil bejn in-nefqa netta ppjanata bbażata fuq il-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill u n-nefqa netta bbażata fuq id-data tal-eżitu.
(b)Tqabbil mill-bidu tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju bejn il-projezzjonijiet tal-varjabbli ekonomiċi ewlenin sottomessi f’dak il-pjan u d-data tal-eżitu għal dawn il-varjabbli, kif ukoll l-implikazzjonijiet għall-konformità mal-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill u l-implikazzjonijiet fuq il-perkors imbassar tal-proporzjon tad-dejn pubbliku rrappurtat f’dak il-pjan.
(c)Analiżi tal-implimentazzjoni tal-miżuri diskrezzjonarji tad-dħul fis-sena preċedenti.
(d)Il-progress u l-implimentazzjoni ppjanata għas-sena ta’ wara tal-impenji għar-riformi u l-investiment mogħtija fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju skont l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness II, il-punti (i) u (j), kif ukoll, jekk applikabbli, (k) u (n).
(e)Informazzjoni għas-sena ta’ wara dwar kif l-Istat Membru biħsiebu jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-sena preċedenti, inkluż, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.
(f)Matul il-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, informazzjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza, biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar biannwali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(g)Informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-obbligazzjonijiet kontinġenti rrapportati fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u msemmi fl-Anness II, punt (d), kif ukoll tal-obbligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, fejn rilevanti, u informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti u l-obbligazzjonijiet impliċiti għas-sena ta’ wara.
(h)Is-suppożizzjonijiet ewlenin dwar l-iżviluppi ekonomiċi mistennija u l-varjabbli ekonomiċi ewlenin għas-snin ta’ wara tal-perjodu ta’ aġġustament, inkluż il-proporzjon tad-dejn pubbliku.
(i)Il-projezzjonijiet mingħajr tibdil fil-politiki għas-snin ta’ wara tal-perjodu ta’ aġġustament għan-nefqa u d-dħul tal-gvern u l-komponenti ewlenin tagħhom, inkluż in-nefqa fuq l-investiment pubbliku.
(j)In-nefqa u d-dħul tal-gvern ippjanati bħala perċentwal tal-PDG u l-komponenti ewlenin tagħhom għas-snin ta’ wara tal-perijodu ta’ aġġustament, b’kont meħud tal-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill.
(k)Deskrizzjoni u kwantifikazzjoni tal-miżuri tan-nefqa u tad-dħul li għandhom jiġu implimentati biex jitnaqqas id-distakk bejn il-projezzjonijiet abbażi ta’ politiki mhux mibdula għan-nefqa u d-dħul imsemmija fil-punt (i) u n-nefqa u d-dħul ippjanati msemmija fil-punt (j).
(l)Analiżi tal-evoluzzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku u tal-impatt li l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investiment rilevanti rrappurtati fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju f’konformità mal-Anness II, il-punt (n) għandha fuqhom, fejn applikabbli.
(m)Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ twissija mill-Kummissjoni jew rakkomandazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 121(4) TFUE.
(n)Informazzjoni dwar l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u tal-politika soċjali, u dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika meħuda li jrawmu konverġenza soċjali ’l fuq fost l-Istati Membri lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, f’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi skont l-Artikolu 148 tat-TFUE. Dan jinkludi l-impatt mistenni tal-miżuri, fir-rigward tal-progress fil-miri nazzjonali dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030.
(o)Il-valutazzjoni tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti msemmija fl-Artikolu 22.
ANNESS IV
Funzjonament tal-Kont ta’ Kontroll
Il-kont ta’ kontroll għal kull Stat Membru msemmi fl-Artikolu 21 jirreġistra debitu meta n-nefqa netta attwali fl-Istat Membru f’sena partikolari tkun ogħla mill-perkors ta’ nefqa netta stabbilit mill-Kunsill.
Il-kont ta’ kontroll jirreġistra kreditu meta n-nefqa netta attwali fl-Istat Membru f’sena partikolari tkun taħt il-perkors ta’ nefqa netta stabbilit mill-Kunsill.
Il-bilanċ akkumulat tal-kont ta’ kontroll f’perjodu partikolari huwa s-somma tad-debiti u l-krediti annwali rreġistrati matul dak il-perjodu.
ANNESS V
Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà mill-Kummissjoni
Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà skont l-Artikolu 8 hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet li ġejjin:
·il-proporzjon tad-dejn pubbliku jenħtieġ li jkun qed jonqos, jew jibqa’ f’livelli prudenti, skont ix-xenarji deterministiċi tal-qafas tal-projezzjoni tad-dejn pubbliku fuq terminu medju tal-Kummissjoni deskritt fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn 2022;
·ir-riskju li l-proporzjon tad-dejn pubbliku ma jonqosx fil-5 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jkun baxx biżżejjed. Ir-riskju jiġi vvalutat bl-għajnuna tal-analiżi stokastika tal-Kummissjoni.
ANNESS VI
Prijoritajiet komuni tal-Unjoni
Il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12, punt (b) huma:
(a)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sal-2050 u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima;
(b)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali inklużi l-miri relatati dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030;
(c)Il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali, u rifless fil-livell nazzjonali permezz tal-Pjanijiet Direzzjonali Strateġiċi Nazzjonali tad-Deċennju Diġitali;
(d)
Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża — Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali
.
ANNESS VII
Qafas ta’ valutazzjoni għas-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament
1.Ambitu
L-għan ta’ dan il-qafas ta’ valutazzjoni huwa li jservi:
–bħala bażi għall-Kummissjoni biex tivvaluta jekk is-sett ta’ riformi u impenji ta’ investiment inklużi fil-pjanijiet strutturali fiskali nazzjonali ta’ terminu medju li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tagħhom jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2). Dan il-qafas ta’ valutazzjoni jirrappreżenta għalhekk il-bażi għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) bil-ħsieb li jiġi żgurat proċess ekwu u trasparenti;
–bħala bażi biex jiġi vvalutat jekk kull wieħed minn dawk l-impenji ta’ riforma u investiment jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(3). Dan il-qafas ta’ valutazzjoni għalhekk jirrappreżenta wkoll il-bażi għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 13(3), għall-istess skop.
2.Kriterji tal-valutazzjoni
F’konformità mal-Artikolu 13(2), is-sett ta’ impenji ta’ riformi u ta’ investiment inklużi fil-pjanijiet strutturali fiskali nazzjonali fuq terminu medju li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandu jkun proporzjonat mal-grad tal-isfidi tad-dejn pubbliku kif stabbilit fl-aktar aġġornament reċenti tal-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn u l-isfidi għat-tkabbir fuq terminu medju fl-Istat Membru. Għall-Istati Membri fejn l-isfidi tad-dejn pubbliku huma marbuta ma’ sfidi sinifikanti għat-tkabbir fuq terminu medju, is-sett ta’ riformi u investimenti huwa mistenni li jindirizza wkoll l-ostakli għat-tkabbir fuq terminu medju.
Is-sett ta’ impenji ta’ riformi u ta’ investiment għandu jissodisfa, fl-intier tiegħu, il-kriterji li ġejjin:
2.1L-impenji ta’ riforma u investiment isaħħu t-tkabbir;
–Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment huwa mistenni li jinvolvi, abbażi ta’ suppożizzjonijiet kredibbli, dokumentati tajjeb u prudenti, spinta sinifikanti għall-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat b’mod sostenibbli;
2.2L-impenji ta’ riforma u investiment isostnu s-sostenibbiltà fiskali;
–Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment huwa mistenni li jinvolvi titjib strutturali sinifikanti tal-finanzi pubbliċi fuq terminu medju, billi jnaqqas strutturalment in-nefqa pubblika jew iżid id-dħul pubbliku, tal-Istat Membru kkonċernat.
2.3Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment jindirizza l-prijoritajiet tal-Unjoni msemmija fl-Anness VI;
–Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni msemmija fl-Anness VI;
2.4 Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment, meħud flimkien, jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, inklużi, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku;
–Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment rilevanti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, meħuda flimkien, huwa mistenni li jindirizza l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, inklużi r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku fejn applikabbli, filwaqt li jitqiesu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-isfidi speċifiċi għall-pajjiż u l-impenji li saru skont il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn rilevanti;
2.5 Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment jiżgura li l-livell ġenerali ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali matul il-ħajja tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jkun ogħla mil-livell ta’ terminu medju qabel il-perjodu ta’ dak il-pjan
–Jekk il-livell ippjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment matul il-ħajja tal-pjan huwiex ogħla mil-livell fuq terminu medju qabel il-perjodu tal-pjan.
Barra minn hekk, kull wieħed mill-impenji ta’ riforma u investiment li saru mill-Istati Membri li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament jenħtieġ li jkun dettaljat biżżejjed, frontloaded, marbut biż-żmien, u verifikabbli.
–id-deskrizzjoni tal-impenji ta’ riforma u investiment hija ċara u tistabbilixxi l-elementi dettaljati ta’ kull riforma u investiment, li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-kriterji fil-punti 2.1–2.5, inkluż rigward l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom;
–ir-riformi se jiġu implimentati fil-perjodu tal-pjan;
–l-investimenti se jiġu implimentati sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament;
–il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jinkludi indikaturi ċari u realistiċi, rilevanti u robusti li jippermettu li jiġi vverifikat il-progress bl-implimentazzjoni effettiva tal-impenji ta’ riforma u investiment.