IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.4.2023
COM(2023) 240 final
2023/0138(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Din il-proposta tifforma parti minn pakkett u għandha l-għan li tissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir). Din hija akkumpanjata minn proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), kif ukoll permezz ta’ proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Għalhekk, il-pakkett għandu l-għan li jirriforma l-qafas fiskali tal-UE.
Fl-2011, biex jitqiesu t-tagħlimiet tal-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro, u bħala parti mill-pakkett magħruf bħala s-“Six-pack”, ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1175/2011, ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1177/2011, u ġiet adottata d-Direttiva 2011/85/UE.
L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 1466/97 fih klawżola ta’ rieżami li biha, kull 5 snin, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, biex tevalwa: (i) l-effettività ta’ dan ir-Regolament; (ii) il-progress li jsir sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri f’konformità mat-TFUE akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta għal emendi għar-Regolament. Il-Kummissjoni wettqet rieżami tar-Regolament bħala parti mir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE li tnieda fi Frar 2020.
Ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE kien ibbażat fuq konsultazzjoni estensiva ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, iċ-ċittadini, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet mhux governattivi u l-akkademiċi. Dan żvela għadd ta’ punti b’saħħithom, iżda wkoll serje ta’ nuqqasijiet tal-qafas, b’mod partikolari kumplessità akbar, il-ħtieġa li t-tnaqqis tad-dejn fejn dan ikun għoli jkun aktar effettiv u l-bini ta’ bafers għal xokkijiet futuri, u l-ħtieġa li jiġu aġġornati għadd ta’ strumenti u proċeduri sabiex jiġu integrati t-tagħlimiet meħuda mir-reazzjonijiet ta’ politika għal xokkijiet ekonomiċi riċenti, inkluża l-interazzjoni bejn ir-riformi u l-investiment taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-pakkett propost li jinkludi din il-proposta għandu l-għan li jindirizza dawn in-nuqqasijiet u li jintegra dawk it-tagħlimiet.
Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ressqet l-orjentazzjonijiet tagħha għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha. L-orjentazzjonijiet ipprevedew sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha, qafas simplifikat u pass lejn fokus akbar ta’ terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar b’saħħtu u aktar koerenti. Dawn l-orjentazzjonijiet irriflettew ukoll osservazzjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika mnedija f’Ottubru 2021, li stiednet lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha biex jinvolvu ruħhom fis-suġġett.
Abbażi tas-sejbiet tar-rieżami tal-governanza ekonomika u tal-konsultazzjoni pubblika mnedija f’Ottubru 2021, u abbażi tal-orjentazzjonijiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni tad-9 ta’ Novembru 2022, il-pakkett leġiżlattiv għandu l-għan li jagħmel il-qafas ta’ governanza tal-UE aktar sempliċi (bl-użu ta’ indikatur operazzjonali uniku fil-forma ta’ perkors tan-nefqa netta u billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju olistiku, uniku u integrat), aktar trasparenti u effettiv, bi sjieda nazzjonali akbar u infurzar aħjar, li jippermetti riforma u investiment filwaqt li jitnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku b’mod realistiku, gradwali u sostnut. B’dan il-mod, fil-kuntest ta’ Semestru Ewropew aktar b’saħħtu u aktar effettiv, il-qafas riformat jenħtieġ li jgħin biex tinbena ekonomija Ewropea ekoloġika, diġitali u reżiljenti tal-futur, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-proposti ta’ riforma huma ffurmati mil-livelli ogħla u aktar varjati ta’ dejn pubbliku osservati matul għadd ta’ snin u l-ħtieġa li jiġu sostnuti livelli għoljin ta’ investiment għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, l-awtonomija strateġika miftuħa, kif ukoll ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, u l-implimentazzjoni ta’ boxxla strateġika għas-sigurtà u għad-difiża.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Minħabba l-firxa tal-bidliet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 għal riforma tal-qafas ta’ governanza tal-UE, il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali hija maħsuba biex tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1466/97.
Dawn it-tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni għandhom l-għan li jistabbilixxu qafas riformat li jibbaża fuq l-orjentazzjoni ta’ terminu medju u s-sjieda nazzjonali bl-għan li jkun hemm tnaqqis kredibbli u sostanzjali fil-livelli għoljin ta’ dejn u li jiġi promoss tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat, għalhekk, iżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) u d-dispożizzjonijiet fundamentali tiegħu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Fl-istess ħin, billi jimmira lejn finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni tat-tkabbir, il-qafas riformat jissodisfa wkoll l-objettivi ewlenin tal-Patt Fiskali li jifforma t-Titolu III tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG). Barra minn hekk, elementi oħrajn tal-leġiżlazzjoni proposta jżommu s-sustanza tal-Patt Fiskali. B’orjentazzjoni ta’ terminu medju ankrata fuq l-isfidi tad-dejn speċifiċi għall-pajjiż, dan ir-Regolament jirrifletti parzjalment ir-rekwiżit tal-Patt Fiskali ta’ konverġenza għal pożizzjonijiet ta’ terminu medju li għandhom jiġu proposti filwaqt li jitqiesu l-isfidi tad-dejn pubbliku speċifiċi għall-pajjiż (l-Artikolu 3(1) il-punt b tat-TSKG). Filwaqt li jenfasizza l-bilanċ strutturali, il-Patt Fiskali jirrikjedi wkoll analiżi tan-nefqa netta tal-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità (l-Artikolu 3(1) il-punt b, tat-TSKG), u din l-analiżi hija sostnuta f’dan ir-Regolament. Il-Patt Fiskali jippermetti devjazzjonijiet temporanji mill-objettiv ta’ terminu medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss (l-Artikolu 3(1), il-punt c tat-TSKG), kif previst f’dan ir-Regolament. Il-Patt Fiskali jistipula li f’każ ta’ osservazzjoni ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-objettiv ta’ terminu medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh, għandhom jiġu implimentati miżuri biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien definit (l-Artikolu 3(1) il-punt e tat-TSKG). Bl-istess mod, il-qafas riformat jirrikjedi korrezzjonijiet ta’ devjazzjonijiet mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill. Barra minn hekk, meta d-devjazzjonijiet jirriżultaw f’defiċit ta’ aktar minn 3 % tal-PDG, l-Istat Membru jista’ jitqiegħed taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Għal Stat Membru b’dejn ogħla minn 60 % tal-PDG, il-PDE bbażata fuq id-dejn tissaħħaħ: din tiffoka fuq it-tluq mill-perkors tan-nefqa netta, u tissostitwixxi l-parametru referenzjarju attwali għat-tnaqqis tad-dejn (l-hekk imsejħa “regola 1/20”), li impona sforz fiskali impenjattiv wisq. Il-Patt Fiskali jassenja rwol ta’ monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tiegħu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali, u d-dispożizzjonijiet dwar ir-rwol u l-indipendenza ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ monitoraġġ, li kellhom jiġu dettaljati fi prinċipji komuni proposti mill-Kummissjoni f’konformitià mal-Artikolu 3(2) tat-TSKG, issa huma integrati bis-sħiħ fil-proposta li temenda d-Direttiva 2011/85. Il-Patt Fiskali jipprevedi li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom rwol fil-proċess ta’ infurzar (l-Artikolu 5 tat-TSKG), kif iddikjarat fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.
L-aspetti komuni bejn il-Patt Fiskali u l-qafas ta’ governanza ekonomika riformat jirriżultaw ukoll mill-implimentazzjoni tal-Patt Fiskali fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Partijiet Kontraenti għat-TSKG ittrasponew id-dispożizzjonijiet tat-TSKG fil-liġijiet nazzjonali billi daħħlu rabta diretta mal-liġijiet korrispondenti tal-UE. Dan japplika għall-objettiv ta’ terminu medju u għall-perkors ta’ konverġenza kif ukoll għall-valutazzjoni ta’ devjazzjoni jew dispożizzjonijiet sinifikanti li jirrikjedu li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill (kollha meħuda mir-Regolament (KE) Nru 1466/97).
Meta jitqiesu dawn l-aspetti komuni, il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat propost jista’ jitqies bħala li jinkorpora s-sustanza tad-dispożizzjonijiet fiskali tat-TSKG fil-qafas legali tal-UE, skont l-Artikolu 16 tat-TSKG.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn pakkett li għandu l-għan li jwassal għal qafas komuni ta’ sorveljanza tal-UE bbażat fuq ir-riskju li jiddistingwi bejn l-Istati Membri billi jqis l-isfidi tad-dejn pubbliku tagħhom. Dan jirrevedi l-qafas fiskali tal-UE billi jintegra l-objettivi fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment fi pjan fiskali strutturali uniku, olistiku u ta’ terminu medju li se jkun il-pedament tal-qafas il-ġdid. Il-pjan se jinkludi l-impenji kollha ta’ riforma u investiment meħuda mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Sett ta’ dawn l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment jista’ jippermetti estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali diment li dawn jissodisfaw, meta jiġu kkunsidrati flimkien, ċerti kriterji bħat-tisħiħ tat-tkabbir (eżempji ta’ tali riformi jinkludu l-indirizzar tal-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fil-provvista tax-xogħol, l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet, it-titjib tal-ambjent tan-negozju, it-tneħħija tal-ostakli għas-Suq Uniku u l-indirizzar tad-dipendenzi strateġiċi), l-appoġġ għas-sostenibbiltà fiskali (eżempji ta’ tali riformi jinkludu riformi tal-pensjonijiet, riformi li jtejbu l-kosteffettività tal-infiq pubbliku, jew riformi li jżidu l-ġbir tat-taxxa) u li jkunu konsistenti mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni definiti fl-Anness VI tar-Regolament propost.
Ir-Regolament propost jinteraġixxi mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi billi l-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’każ li Stat Membru jonqos milli jimplimenta l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment inklużi fil-pjan fiskali strutturali tiegħu ta’ terminu medju biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li huma rilevanti għall-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. Barra minn hekk, jekk Stat Membru jkun taħt proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, dan irid jissottometti pjan fiskali strutturali rivedut ta’ terminu medju skont ir-Regolament propost li se jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
Ir-Regolament propost jinteraġixxi wkoll mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom. L-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 se jkunu eżentati milli jissottomettu pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju u rapporti ta’ progress annwali skont ir-Regolament propost għad-durata tal-programm. Barra minn hekk, l-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 se jkollhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE f’każ ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 121(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu permezz ta’ regolamenti f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jadottaw regoli dettaljati għas-sorveljanza multilaterali tal-Istati Membri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċedura multilaterali li skontha jiġu vvalutati l-politiki tal-Istati Membri. L-iskop ewlieni tal-Artikolu 121 tat-TFUE huwa l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri minħabba l-interdipendenzi bejniethom.
L-Artikolu 121(6) tat-TFUE ntuża bħala l-bażi ġuridika għar-Regolament (KE) Nru 1466/97, li se jiġi sostitwit mill-proposta kurrenti. L-objettiv ta’ din il-proposta jibqa’ simili għal dak tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, jiġifieri li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u s-sorveljanza baġitarja multilaterali tagħhom bl-objettiv li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċi tal-pagamenti sostenibbli.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta għandha l-għan li twassal għal qafas ta’ sorveljanza tal-UE bbażat fuq ir-riskju li jiddistingwi bejn l-Istati Membri billi tqis l-isfidi tad-dejn pubbliku tagħhom. Pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju huma l-pedament tal-qafas propost. Dawn jintegraw l-objettivi fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment, inklużi dawk biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi fejn meħtieġ, u biex jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fi pjan uniku, olistiku, ta’ terminu medju, u b’hekk jinħoloq proċess koerenti u simplifikat. L-Istati Membri jkollhom aktar libertà biex jistabbilixxu n-nefqa netta fiskali tagħhom, filwaqt li tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tat-trajettorji fiskali tagħhom. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li dawk il-pjanijiet jiġu ankrati f’qafas komuni tal-Unjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza multilaterali tal-Istati Membri minħabba l-effetti potenzjali li jeżistu fost il-membri ta’ unjoni ekonomika u monetarja. Dan jiżgura wkoll it-trattament ugwali tal-Istati Membri u l-konsistenza mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-objettiv tagħha, jiġifieri li tiżgura l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u s-sorveljanza baġitarja multilaterali tagħhom kif meħtieġ mit-TFUE, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrument.
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 121(6) tat-TFUE jipprevedi regolamenti.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-valutazzjonijiet li jħarsu lura tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE ġew ippubblikati fi Frar 2020 u f’Ottubru 2021.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Saru konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati. Dawn kienu jikkonsistu fi:
·Konsultazzjoni online biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini. F’Marzu 2022 ġie ppubblikat rapport sommarju tal-eżitu ta’ din il-konsultazzjoni.
·Saru diskussjonijiet tematiċi fil-fond mal-Istati Membri fil-Kunsill (ECOFIN), fil-Grupp tal-Euro, fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u fil-Kumitat tal-Politika Ekonomika.
Ir-riżultati ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 tal-Kummissjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE, u f’din il-proposta.
Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tad-9 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni pprovdiet materjal addizzjonali lill-Istati Membri dwar l-impatt tar-riforma proposta u saru diskussjonijiet ulterjuri mal-Istati Membri fil-Kunsill u mal-Parlament Ewropew, li tqiesu f’din il-proposta:
·Il-Parlament Ewropew adotta r-rapporti annwali tiegħu dwar is-Semestru Ewropew fil-15 ta’ Marzu 2023 li ffukaw ukoll fuq ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE u l-futur tas-Semestru Ewropew.
·Il-Kunsill (ECOFIN) adotta Konklużjonijiet dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE fl-14 ta’ Marzu 2023, li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Marzu 2023.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta ngħatat deroga minn valutazzjoni tal-impatt abbażi ta’ (i) nuqqas ta’ għażliet peress li l-qafas fiskali tal-UE jistabbilixxi l-limiti tar-reviżjoni u (ii) fokus fuq bidliet immirati li (iii) ma jirriżultawx f’żieda fir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri u (iv) jiġu infurmati b’attivitajiet ta’ ġbir ta’ evidenza mwettqa fil-passat reċenti ppubblikati bħala dokumenti ta’ ħidma tal-persunal u Komunikazzjonijiet abbozzati bejn l-2020 u l-2022.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi fuq id-drittijiet.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ir-Regolament propost ma jirrikjedix miżuri biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tiegħu. Is-suġġett ta’ din l-azzjoni leġiżlattiva ma joħloqx sfidi ta’ implimentazzjoni għall-Istati Membri.
Ir-Regolament propost jissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri billi juża indikatur operazzjonali uniku fil-forma ta’ perkors tan-nefqa netta u billi jintroduċi pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju olistiku, uniku u integrat li jissostitwixxi l-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri.
Ir-Regolament propost fih klawżola ta’ rieżami skont l-Artikolu 36 li biha kull 5 snin il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport se jirrieżamina: (i) l-effettività tar-Regolament, b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet intwerewx li huma robusti biżżejjed fl-iżgurar ta’ perkors ta’ tnaqqis għad-dejn pubbliku jew fiż-żamma tiegħu f’livelli prudenti; (ii) il-progress li jsir sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u tal-konverġenza sosnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri f’konformità mat-TFUE.
Sabiex jiġi żgurat li l-qafas ta’ governanza tal-UE rivedut jiġi implimentat mill-Istati Membri, iż-żieda fis-sjieda nazzjonali se tkun element ewlieni tar-riforma. Dan se jsir billi jiġu integrati aħjar ir-rekwiżiti tal-qafas komuni tal-Unjoni fid-dibattiti ta’ politika nazzjonali u billi jiġi estiż ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti billi jiġu inklużi fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali tagħhom ta’ terminu medju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora kif issaħħaħ ir-rwol tal-Bord Fiskali Ewropew, filwaqt li tippreserva r-rwol ta’ sorveljanza mogħti lill-Kummissjoni mit-Trattati tal-UE. Bħalissa, il-Bord Fiskali Ewropew għandu l-kompitu li jevalwa l-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-UE, b’mod partikolari l-konsistenza orizzontali tiegħu, każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ konformità serju u l-adegwatezza tal-pożizzjoni fiskali. Dan jagħti parir lill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u jindika l-għażliet ta’ politika disponibbli taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jekk jiġu identifikati riskji għall-funzjonament xieraq tal-UEM. Dan jikkoopera wkoll ma’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali biex jiskambjaw l-aħjar prattika u jiffaċilitaw fehim komuni. Kompiti ġodda għall-Bord Fiskali Ewropew jistgħu jinkludu l-informazzjoni tal-evalwazzjoni perjodika tal-qafas riformat u l-għoti ta’ valutazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ elementi ċentrali tas-sistema ta’ governanza riformata. Il-Bord jista’ jipprovdi wkoll opinjoni biex jinforma d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-attivazzjoni (jew l-estensjoni) tal-klawżola liberatorja ġenerali.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 (l-Artikoli 1 u 2) tar-Regolament propost jippreżenta l-iskop tar-Regolament li b’mod partikolari għandu jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kontenut, is-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Dan jiddefinixxi wkoll it-termini ewlenin użati fir-Regolament.
Il-Kapitolu 2 (l-Artikoli 3 u 4) tar-Regolament propost fih ir-regoli li jirregolaw is-Semestru Ewropew. Dawn jintroduċu l-qafas fiskali tal-UE fiċ-ċiklu ta’ sorveljanza tas-Semestru Ewropew. Jipprevedu wkoll li l-Istati Membri jridu jqisu l-gwida mogħtija mill-Kunsill, u jelenkaw l-istrumenti legali li jistgħu jirriżultaw jekk l-Istati Membri jonqosu milli jagħmlu dan.
Il-Kapitolu 3 (l-Artikoli 5 sa 8) tar-Regolament propost jiffoka fuq it-trajettorja teknika li għandha tinħareġ mill-Kummissjoni għall-Istati Membri b’dejn pubbliku ogħla minn 60 % tal-PDG jew defiċit tal-gvern ogħla minn 3 % tal-PDG.
Il-Kapitolu 4 (l-Artikoli 9 sa 19) tar-Regolament propost jistabbilixxi l-proċess għall-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju. Jistabbilixxu l-obbligu għal kull Stat Membru li jissottometti pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju, l-objettivi tad-djalogu tekniku bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru qabel is-sottomissjoni tal-pjanijiet, il-kontenut u r-rekwiżiti tal-pjanijiet, il-kundizzjonijiet u l-kriterji għal estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, il-proċess ta’ valutazzjoni tal-pjan mill-Kummissjoni u l-proċess ta’ approvazzjoni mill-Kunsill. Jistabbilixxu wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom, il-Kunsill jista’ jitlob li Stat Membru jissottometti pjan rivedut u li taħthom il-Kunsill jista’ jipproponi reviżjoni tal-perkors tan-nefqa netta approvat mill-Kunsill f’każ ta’ nuqqas mill-Istat Membru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet meħtieġa rigward is-sottomissjoni ta’ pjan rivedut jew li jimplimenta l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment li wasslu għal estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.
Il-Kapitolu 5 (l-Artikoli 20 sa 25) tar-Regolament propost jistabbilixxi l-proċess ta’ monitoraġġ għall-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju u x’jiġri f’każ ta’ riskju sinifikanti ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa nett. L-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti ta’ progress annwali u l-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-perkorsi tan-nefqa netta inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ kont ta’ kontroll. L-Artikoli jistabbilixxu wkoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali fil-proċess ta’ monitoraġġ u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi attivata klawżola liberatorja ġenerali jew klawżola liberatorja speċifika għall-pajjiż.
Il-Kapitolu 6 (l-Artikoli 26 sa 29) tar-Regolament propost jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom iseħħ id-djalogu ekonomiku bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, inkluża l-ħtieġa li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, ir-regola “kkonforma jew spjega”, u l-possibbiltà li l-Parlament Ewropew ikollu skambju ta’ fehmiet ma’ Stat Membru meta jkun hemm riskju sinifikanti ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta.
Il-Kapitolu 7 (l-Artikolu 30) tar-Regolament propost jistabbilixxi l-interazzjoni mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 li jirrikjedi li tingħata kunsiderazzjoni għat-tnedija tal-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv fil-każ li l-Istati Membri ma jimplimentawx l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment rilevanti għall-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi li huma inklużi fil-pjan fiskali strutturali tagħha ta’ terminu medju. Jipprevedi wkoll li meta titnieda l-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, l-Istat Membru se jkollu jissottometti pjan fiskali strutturali rivedut ta’ terminu medju li se jaġixxi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva skont dan ir-Regolament.
Il-Kapitolu 8 (l-Artikolu 31) tar-Regolament propost jistabbilixxi l-interazzjoni mar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Jeżenta lill-Istati Membri taż-żona tal-euro soġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku milli jissottomettu pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju u rapport ta’ progress annwali u jirrikjedi li l-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt sorveljanza msaħħa jqisu r-rakkomandazzjonijiet indirizzati mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE f’każ ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta.
Il-Kapitolu 9 (l-Artikoli 32 u 33) tar-Regolament propost jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tagħmel bidliet fl-annessi (ħlief għall-Anness I) permezz ta’ atti delegati u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ teżerċita din id-delega.
Il-Kapitolu 10 (l-Artikoli 34 sa 38) tar-Regolament propost jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni applikabbli għar-Regolament propost rigward id-djalogu mal-Istati Membri u l-missjonijiet lejn l-Istati Membri, il-klawżola ta’ rieżami, it-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u d-dħul fis-seħħ.
L-Annessi I sa VII tar-Regolament propost fihom l-elementi li ġejjin: il-kriterji għall-istabbiliment tat-trajettorja teknika ta’ terminu medju għall-Istati Membri b’dejn pubbliku ogħla minn 60 % tal-PDG jew defiċit tal-gvern ogħla minn 3 % tal-PDG; l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju; l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti ta’ progress annwali; il-funzjonament tal-kont ta’ kontroll; il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà mill-Kummissjoni; il-lista ta’ prijoritajiet komuni tal-Unjoni; u l-qafas ta’ valutazzjoni għas-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
2023/0138 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (nota f’qiegħ il-paġna),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fl-Unjoni, kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), twassal għal konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċi tal-pagamenti sostenibbli.
(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), li inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi tal-gvern sodi u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu sostnut minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli u inklużivi.
(3)Il-qafas ta’ governanza fiskali, li huwa s-suġġett ta’ dan ir-Regolament, huwa parti mis-Semestru Ewropew, li jinkludi wkoll il-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi usa’ tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE.
(4)L-involviment tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn fis-Semestru Ewropew huwa kruċjali biex jiġu żgurati s-sjieda u t-tfassil ta’ politika trasparenti u inklużiv.
(5)Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi adattat biex iqis aħjar l-eteroġeneità dejjem tikber tal-pożizzjonijiet fiskali, l-isfidi tad-dejn pubbliku u vulnerabbiltajiet oħrajn fl-Istati Membri. Ir-rispons politiku qawwi għall-pandemija tal-COVID-19 wera li kien effettiv ħafna fil-mitigazzjoni tad-dannu ekonomiku u soċjali tal-kriżi, iżda l-kriżi rriżultat f’żieda sinifikanti fil-proporzjonijiet tad-dejn tas-settur pubbliku u privat, li jenfasizza l-importanza li l-proporzjonijiet tad-dejn jitnaqqsu għal livelli prudenti b’mod gradwali, sostnut u favorevoli għat-tkabbir u li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-objettivi tal-impjiegi u soċjali. Fl-istess ħin, il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi adattat biex jgħin fl-indirizzar tal-isfidi ta’ terminu medju u twil li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni inkluż l-ilħuq ta’ tranżizzjoni diġitali u ekoloġika ġusta, inkluża l-Liġi dwar il-Klima, l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, l-awtonomija strateġika miftuħa, l-indirizzar tat-tibdil demografiku, it-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-implimentazzjoni tal-boxxla strateġika għas-sigurtà u għad-difiża, li kollha kemm huma jirrikjedu riformi u livelli għoljin sostnuti ta’ investiment fis-snin li ġejjin.
(6)Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jenħtieġ li jqiegħed is-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fil-qalba tiegħu u għalhekk jiddistingwi bejn l-Istati Membri billi jqis l-isfidi tad-dejn pubbliku tagħhom u jippermetti trajettorji fiskali speċifiċi għall-pajjiż.
(7)Il-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali stabbilita fl-Artikolu 121(2), (3) u (4) u fl-Artikolu 148(4) tat-TFUE jenħtieġ li timmonitorja f’konformità ma’ regoli aktar dettaljati l-medda sħiħa ta’ żviluppi ekonomiċi u tal-impjiegi f’kull wieħed mill-Istati Membri u fl-Unjoni. Dan jinkludi d-detezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u l-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi eċċessivi kif stabbilit fir-Regolamenti (UE) Nru 1174/2011 u (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għall-monitoraġġ ta’ tali żviluppi ekonomiċi u tal-impjiegi, l-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw informazzjoni fil-forma ta’ pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju.
(8)Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-kontenut, is-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, sabiex jiġu promossi s-sostenibbiltà tad-dejn u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri u tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern permezz ta’ ppjanar ta’ terminu medju.
(9)Il-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jiġbru flimkien ir-riformi fiskali, strutturali u l-impenji ta’ investiment ta’ kull Stat Membru u dawn il-pjanijiet jenħtieġ li jkunu l-pedament tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta pjan ta’ terminu medju li jistabbilixxi t-trajettorja fiskali tiegħu kif ukoll l-impenji ta’ investiment pubbliku prijoritarju u ta’ riforma li flimkien jiżguraw tnaqqis sostnut u gradwali tad-dejn u tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tiġi evitata politika fiskali proċiklika, kif ukoll impenji usa’ ta’ riforma u ta’ investiment, inkluż fir-rigward tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Matul il-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-impenji meħuda fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq.
(10)Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma wkoll sinkronizzati mal-proċess tas-Semestru Ewropew. Bħala l-politika ta’ investiment fit-tul tal-baġit tal-UE, l-investimenti u r-riformi tal-politika ta’ koeżjoni jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq fit-tfassil tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Kull Stat Membru jenħtieġ li jispjega wkoll kif il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju se jiżgura konsistenza man-nefqa fuq il-programmi tal-UE korrisposta b’mod sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-UE u l-kofinanzjament nazzjonali rilevanti.
(11) Il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li tkun preċeduta minn djalogu tekniku mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jenħtieġ li jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta u japprova l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment, inklużi dawk meħuda għall-estensjoni possibbli tal-perjodu ta’ aġġustament, kif xieraq.
(12)Sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas fiskali tal-Unjoni u tiżdied it-trasparenza, indikatur operazzjonali uniku ankrat fis-sostenibbiltà tad-dejn jenħtieġ li jservi bħala bażi għall-istabbiliment tal-perkors fiskali u għat-twettiq ta’ sorveljanza fiskali annwali għal kull Stat Membru. Dak l-indikatur operazzjonali uniku jenħtieġ li jkun ibbażat fuq in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali, jiġifieri n-nefqa netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali u li teskludi n-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa tal-qgħad ċikliku u n-nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni. Dan l-indikatur jippermetti l-istabbilizzazzjoni makroekonomika peress li ma huwiex affettwat mill-operat ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi, inklużi fluttwazzjonijiet tad-dħul u tan-nefqa barra mill-kontroll dirett tal-gvern.
(13)Sabiex tipprovdi gwida lill-Istati Membri fl-abbozzar tal-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju tagħhom, il-Kummissjoni jenħtieġ li tressaq trajettorja teknika bbażata fuq l-aġġustament fiskali minimu li jġib it-trajettorja tad-dejn tal-Istat Membru fuq perkors ta’ tnaqqis b’mod plawżibbli jew iżomm id-dejn f’livell prudenti. Jenħtieġ li tiżgura wkoll li l-proporzjon tad-dejn pubbliku fi tmiem il-perjodu għall-ippjanar jonqos taħt il-livell tiegħu fis-sena qabel il-bidu tat-trajettorja teknika. Is-sostenibbiltà ta’ dak it-tnaqqis fid-dejn jenħtieġ li tirriżulta minn politiki fiskali xierqa.
(14)It-trajettorja teknika mressqa mill-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG).
(15)Sabiex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa aġġustamenti ulterjuri lejn tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 4 snin tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni u tressaq trajettorja teknika ġdida jekk id-dejn pubbliku tal-Istat Membru jkun għadu ogħla minn 60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG jew jekk id-defiċit tal-gvern tiegħu jkun ogħla minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG.
(16)Kull pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jsemmi l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari jekk il-pjan ġiex ippreżentat lill-parlament nazzjonali u jekk kienx hemm approvazzjoni parlamentari tal-pjan. Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jindika wkoll jekk il-parlament nazzjonali kellux l-opportunità li jiddiskuti r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-pjan preċedenti u, jekk rilevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew deċiżjoni oħra tal-Kunsill, jew kwalunkwe twissija tal-Kummissjoni.
(17)Meta l-Istati Membri jużaw suppożizzjonijiet fil-pjan fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju li jvarjaw mill-qafas standard tal-Kummissjoni għall-projezzjoni tad-dejn ta’ terminu medju, jenħtieġ li jispjegaw u jiġġustifikaw kif xieraq id-differenzi b’mod trasparenti u abbażi ta’ argumenti ekonomiċi sodi.
(18)Peress li l-Istati Membri jistgħu jiffaċċjaw kostijiet addizzjonali fi tmiem il-pjan fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju bħall-kostijiet tat-tixjiħ jew differenzjal mhux favorevoli għat-tkabbir tal-imgħax, jenħtieġ li jiżguraw li l-bilanċ nominali fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament ikun biżżejjed biex jiġi żgurat li d-defiċit jibqa’ għal żmien twil taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG.
(19)Sabiex tkun tista’ ssir interazzjoni xierqa bejn il-qafas komuni tal-Unjoni u l-oqfsa baġitarji nazzjonali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża l-valutazzjoni tagħha biss fuq żviluppi tan-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu l-objettivi baġitarji nazzjonali tagħhom f’termini ta’ indikatur differenti, bħall-bilanċ strutturali jekk dan ikun meħtieġ mill-qafas baġitarju nazzjonali tagħhom.
(20)Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li teżamina b’mod partikolari l-plawżibbiltà tas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, sal-punt li dawn jitbiegħdu minn dawk sottostanti għat-trajettorja teknika. B’mod partikolari, il-projezzjonijiet tad-dejn f’politika mhux mibdula li jridu jiġu inklużi fil-pjan jenħtieġ li jkunu konsistenti u komparabbli mal-projezzjonijiet tal-Kummissjoni.
(21)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju, il-Kummissjoni u l-Kunsill jenħtieġ li jimmonitorjaw l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment magħmula f’dawn il-pjanijiet skont is-Semestru Ewropew, abbażi tar-rapporti annwali ta’ progress ippreżentati mill-Istati Membri, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE. Għal dak il-għan, jenħtieġ li huma jinvolvu ruħhom fi djalogu tas-Semestru Ewropew mal-Parlament Ewropew.
(22)Sabiex jiġi żgurat tnaqqis tad-dejn aktar gradwali, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin jekk l-Istat Membru jirfed il-pjan fiskali strutturali tiegħu ta’ terminu medju b’sett ta’ riformi u investiment verifikabbli u marbuta maż-żmien li, meta jiġu kkunsidrati flimkien: isaħħu t-tkabbir, jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali, jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istat Membru skont is-Semestru Ewropew, u jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ investiment speċifiċi għall-pajjiż mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis f’investiment pubbliku ieħor iffinanzjat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu ta’ aġġustament sabiex jiġi żgurat impatt makroekonomiku tal-investimenti u tiġi evitata l-esklużjoni ta’ prijoritajiet oħrajn ta’ investiment.
(23)Bl-għan li jiġi żgurat proċess ekwu u trasparenti, l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment jenħtieġ li jiġu vvalutati bl-użu ta’ qafas komuni tal-Unjoni. Matul il-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-impenji fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jistgħu jitqiesu fil-valutazzjoni tat-talba għal estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, fejn applikabbli. Is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ perkors ta’ aġġustament fiskali jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-grad ta’ sfidi tad-dejn pubbliku kif stabbilit fl-aktar aġġornament riċenti tal-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn u sfidi għat-tkabbir ta’ terminu medju fl-Istat Membru. Għall-Istati Membri fejn l-isfidi tad-dejn pubbliku jkunu marbuta ma’ sfidi sinifikanti għat-tkabbir ta’ terminu medju, is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti huwa mistenni li jindirizza wkoll il-limitazzjonijiet għat-tkabbir ta’ terminu medju.
(24)Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment imressqa fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jkun allinjat mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Dak is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment jenħtieġ li jkun konsistenti wkoll mal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali mressqa mill-Istat Membru kkonċernat biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni. Meta jkun rilevanti, matul il-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jenħtieġ li jsiru kontroreferenzi għall-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-politika.
(25)Meta s-sett verifikabbli u marbut maż-żmien ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta aktar gradwali ma jiġix issodisfat fl-iskadenza speċifikata, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jirrakkomanda li l-aġġustament jiġi aktar inklinat, jiġifieri billi titqassar l-estensjoni tal-perkors tan-nefqa netta.
(26)Sabiex tinforma l-azzjonijiet ta’ infurzar, b’mod partikolari rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi kont ta’ kontroll għal kull Stat Membru biex iżżomm rendikont tad-devjazzjonijiet annwali tan-nefqa netta osservati fl-Istat Membru mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill, li jagħmel somma ta’ dawk id-devjazzjonijiet maż-żmien.
(27)L-istituzzjonijiet fiskali indipendenti wrew il-kapaċità tagħhom li jrawmu d-dixxiplina fiskali u li jsaħħu l-kredibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali, ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti, li tradizzjonalment għandhom il-mandat li jimmonitorjaw il-konformità mal-qafas nazzjonali, jenħtieġ li jiġi estiż għall-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni.
(28)Meta tipprovdi opinjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji ppreżentati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji humiex konsistenti mal-perkorsi tan-nefqa netta skont dan ir-Regolament.
(29)Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lir-riskji sinifikanti tad-diverġenzi tal-pożizzjonijiet baġitarji mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill. Għalhekk huwa xieraq li l-proċedura tas-sorveljanza multilaterali stabbilita fl-Artikolu 121(3) u (4) tat-TFUE tiġi kkomplementata b’sistema ta’ twissija bikrija, fejn il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE twissi lil Stat Membru sa minn kmieni bil-ħtieġa li jieħu l-azzjoni korrettiva baġitarja meħtieġa sabiex jipprevjeni milli d-dejn tal-gvern tiegħu jsir eċċessiv. Barra minn hekk, fil-każ ta’ żvijjar baġitarju persistenti, il-Kunsill jenħtieġ li jsaħħaħ mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni tiegħu u jippubblikaha.
(30)F’każ ta’ xokkijiet kbar għaż-żona tal-euro jew għall-Unjoni kollha kemm hi, huwa meħtieġ li jkun hemm klawżola liberatorja ġenerali li tkun tista’ tindirizza reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi billi tippermetti devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta diment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(31)Jenħtieġ li jkun hemm ukoll klawżola liberatorja speċifika għall-pajjiż biex tippermetti devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta diment li din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal avvenimenti eżoġeni imprevedibbli li ma setgħux jiġu evitati u li jirrikjedu miżuri fiskali kontroċikliċi, barra mill-kontroll tal-Istat Membru li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru. Tali impatt kbir jenħtieġ li jirriżulta f’dimensjonijiet kumplessivi tax-xokk li jeċċedu dawk “normali”: pereżempju, l-ispejjeż tad-diżastri naturali jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fl-ippjanar baġitarju f’ċerta medda. L-iskattar u l-estensjoni ta’ klawżoli liberatorji ġenerali u speċifiċi għall-pajjiż huma soġġetti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(32)Dan ir-Regolament huwa parti minn pakkett flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill [XXX li temenda 2011/85/UE] u r-Regolament tal-Kunsill [XXX li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97]. Flimkien, jistabbilixxu qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni li jinkorpora fid-dritt tal-Unjoni s-sustanza tat-Titolu III “Patt Fiskali” tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, f’konformità mal-Artikolu 16 tiegħu. Billi jibni fuq l-esperjenza bl-implimentazzjoni tat-TSKG mill-Istati Membri, il-pakkett leġiżlattiv propost iżomm l-orjentazzjoni tal-Patt Fiskali ta’ terminu medju bħala għodda biex jinkisbu d-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir. Il-pakkett jinkludi dimensjoni msaħħa speċifika għall-pajjiż, immirata lejn it-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali, inkluż permezz ta’ rwol aktar b’saħħtu għall-Istituzzjonijiet Fiskali Indipendenti, li essenzjalment tibbaża fuq il-prinċipji komuni tal-Patt Fiskali proposti mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-TSKG. L-analiżi tan-nefqa, netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità meħtieġa mill-Patt Fiskali hija stabbilita f’dan ir-Regolament. Bħal fil-Patt Fiskali, devjazzjonijiet temporanji mill-pjan ta’ terminu medju huma permessi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’dan ir-Regolament. B’mod simili għall-Patt Fiskali, f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-pjan ta’ terminu medju, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien definit. Il-pakkett isaħħaħ is-sorveljanza fiskali u l-proċeduri ta’ infurzar biex jitwettaq l-impenn tal-promozzjoni ta’ finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv. Għalhekk, ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika żżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tad-dejn stabbiliti fit-TSKG.
(33)Sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni effettiva u monitoraġġ xieraq ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’: l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali strutturali tagħhom ta’ terminu medju, l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom, il-funzjonament tal-kont ta’ kontroll, il-metodoloġija biex tiġi vvalutata l-plawżibbiltà mill-Kummissjoni, it-tfassil tal-lista ta’ prijoritajiet komuni tal-Unjoni u l-qafas ta’ valutazzjoni għas-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(34)Is-sorveljanza multilaterali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq statistika ta’ kwalità għolja u indipendenti prodotta f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż” tfisser il-gwida annwali mill-Kunsill lil Stat Membru dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali f’konformità mal-Artikoli 121 u 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
(2)“nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u minn varjabbli baġitarji oħrajn barra mill-kontroll tal-gvern kif stabbilit fl-Anness II, il-punt (a);
(3)“trajettorja teknika” tfisser it-trajettorja tan-nefqa netta mressqa mill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri b’dejn pubbliku ogħla minn 60 % tal-valur referenzjarju tal-prodott domestiku gross (PDG) jew defiċit tal-gvern ogħla minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG meta jkunu qegħdin ifasslu l-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali tagħhom ta’ terminu medju;
(4)“perkors tan-nefqa netta” tfisser it-trajettorja pluriennali għan-nefqa netta ta’ Stat Membru kif stabbilit mill-Kunsill;
(5)“pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju” tfisser id-dokument li fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru;
(6)“rapport ta’ progress annwali” tfisser id-dokument ta’ Stat Membru li jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta, u tal-impenji ta’ riforma u investiment inklużi fil-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju;
(7)“perjodu ta’ aġġustament” tfisser il-perjodu ta’ żmien li matulu jseħħ l-aġġustament fiskali ta’ Stat Membru, li jkopri perjodu ta’ aġġustament minimu ta’ 4 snin tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju u l-estensjoni possibbli tiegħu;
(8)“kont ta’ kontroll” tfisser rekord tad-devjazzjonijiet akkumulati tan-nefqa netta attwali fi Stat Membru mill-perkors tan-nefqa netta;
(9)“bilanċ strutturali” tfisser il-bilanċ tal-gvern ġenerali aġġustat ċiklikament mingħajr miżuri temporanji;
(10)“bilanċ primarju strutturali” tfisser il-bilanċ tal-gvern ġenerali aġġustat ċiklikament mingħajr miżuri temporanji u mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax.
KAPITOLU II
SEMESTRU EWROPEW
Artikolu 3
Is-Semestru Ewropew
Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iwettqu sorveljanza multilaterali fis-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-sorveljanza multilaterali għandha tiddependi fuq statistika ta’ kwalità għolja u indipendenti, prodotta f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Is-Semestru Ewropew għandu jinkludi:
(a)il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 121(2) tat-TFUE, tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro;
(b)il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida dwar l-impjiegi li jridu jitqiesu mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 148(2) tat-TFUE, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u tar-rakkomandazzjonijiet relatati speċifiċi għall-pajjiż;
(c)is-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Istati Membri, kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom permezz tar-rapporti ta’ progress annwali;
(d)is-sorveljanza għall-prevenzjoni u għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011;
(e)proċeduri multilaterali oħrajn ta’ sorveljanza stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 121(6) tat-TFUE.
Artikolu 4
Implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew
1.Meta jkun meħtieġ, wara l-valutazzjoni skont dan ir-Regolament tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju, tar-rapporti ta’ progress annwali u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Istati Membri kkonċernati, il-Kunsill għandu, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, jindirizza rakkomandazzjonijiet lil dawk l-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti legali previsti fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE u l-leġiżlazzjoni sekondarja relatata.
2.L-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-linji gwida wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, il-linji gwida dwar l-impjiegi u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, il-punti (a) u (b) qabel ma jieħdu deċiżjonijiet ewlenin fl-iżvilupp tal-politiki tagħhom dwar l-ekonomija, l-impjieg u l-baġit. Il-progress għandu jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni.
3.In-nuqqas ta’ Stat Membru li jieħu azzjoni dwar il-gwida li tkun ingħatatlu jista’ jwassal għal:
(a)rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ulterjuri;
(b)twissija mill-Kummissjoni jew rakkomandazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE;
(c)miżuri skont dan ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 jew ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
KAPITOLU III
TRAJETTORJA TEKNIKA
Artikolu 5
Trajettorja teknika
Għal kull Stat Membru li jkollu dejn pubbliku ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG jew defiċit tal-gvern ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG, il-Kummissjoni għandha tressaq, f’rapport lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, trajettorja teknika għan-nefqa netta li tkopri perjodu minimu ta’ aġġustament ta’ 4 snin tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, u l-estensjoni possibbli tiegħu b’massimu ta’ 3 snin skont l-Artikolu 13. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan ir-rapport pubbliku.
Artikolu 6
Rekwiżiti għat-trajettorja teknika
It-trajettorja teknika għandha tiżgura li:
(a) il-proporzjon tad-dejn pubbliku jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti;
(b) id-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG;
(c) l-isforz ta’ aġġustament fiskali matul il-perjodu tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju huwa mill-inqas proporzjonali għall-isforz totali matul il-perjodu kollu ta’ aġġustament;
(d) il-proporzjon tad-dejn pubbliku fi tmiem il-perjodu għall-ippjanar ikun taħt il-proporzjon tad-dejn pubbliku fis-sena qabel il-bidu tat-trajettorja teknika; u
(e) it-tkabbir tan-nefqa netta nazzjonali jibqa’ taħt it-tkabbir tal-output ta’ terminu medju, bħala regola matul il-perjodu tal-pjan.
It-trajettorji tekniċi għandhom ikunu differenzjati għal kull Stat Membru. Il-kriterji għall-istabbiliment tat-trajettorji tekniċi huma stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 7
Gwida minn qabel mill-Kummissjoni
1.Sal-[1 ta’ Marzu] tas-sena [xxxx] li fiha l-Istati Membri jridu jissottomettu għall-ewwel darba l-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju tagħhom jew, kif xieraq, fi żmien 3 ġimgħat mit-talba tal-Istat Membru biex jissottometti pjan ġdid, il-Kummissjoni għandha tippubblika:
(a)il-qafas u r-riżultati sottostanti tal-projezzjoni tad-dejn pubbliku ta’ terminu medju;
(b)il-previżjoni u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tagħha;
(c)it-trajettorja teknika, jekk meħtieġ skont l-Artikolu 5, u l-bilanċ primarju strutturali korrispondenti.
2.Għall-Istati Membri li għandhom defiċit tal-gvern taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG u dejn pubbliku taħt il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni teknika dwar il-bilanċ primarju strutturali meħtieġ sabiex tiżgura li d-defiċit nominali jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG mingħajr ebda miżura ta’ politika addizzjonali fuq perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju.
3.Il-Kummissjoni għandha taġġorna t-trajettorji tekniċi u l-gwida kwantitattiva mill-inqas darba kull 4 snin fil-ħin għas-sottomissjoni taċ-ċiklu li jmiss tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju.
Artikolu 8
Valutazzjoni tal-plawżibbiltà
Sabiex tivvaluta l-plawżibbiltà li l-proporzjon tad-dejn pubbliku projettat tal-Istat Membru kkonċernat ikun fuq perkors ta’ tnaqqis jew jibqa’ f’livell prudenti, il-Kummissjoni għandha tuża l-metodoloġija msemmija fl-Anness V. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-analiżi tagħha tal-plawżibbiltà u tad-data sottostanti.
KAPITOLU IV
PJANIJIET FISKALI STRUTTURALI NAZZJONALI TA’ TERMINU MEDJU
Artikolu 9
Sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju
Kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju qabel l-aħħar ta’ April wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li jestendu dik l-iskadenza b’perjodu raġonevoli jekk ikun meħtieġ.
L-Istat Membru għandu jippubblika l-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju.
Artikolu 10
Djalogu tekniku
Qabel is-sottomissjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu djalogu tekniku mal-Kummissjoni, bl-objettiv li jiżgura li l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jikkonforma mal-Artikoli 11, 12 u 14.
Artikolu 11
Kontenut tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju
1.Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandu jipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Anness II. B’mod partikolari, għandu jippreżenta trajettorja tan-nefqa netta li tkopri perjodu ta’ mill-inqas 4 snin, kif ukoll is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti u l-miżuri fiskali strutturali ppjanati sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12.
Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandu jiddeskrivi wkoll l-azzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi dawk li huma rilevanti għall-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi, u t-twissijiet mill-Kummissjoni, fejn applikabbli, jew ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, fejn applikabbli, magħmula skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE.
2.Meta l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jinkludi trajettorja ta’ nefqa netta ogħla milli fit-trajettorja teknika maħruġa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5, l-Istat Membru għandu jipprovdi fil-pjan tiegħu argumenti ekonomiċi sodi u verifikabbli li jispjegaw id-differenza.
Artikolu 12
Rekwiżiti
Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju għandu:
(a)jiżgura l-aġġustament fiskali meħtieġ biex id-dejn pubbliku jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG ta’ terminu medju;
(b)jispjega kif se jiżgura t-twettiq ta’ investiment u riformi li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fis-Semestru Ewropew, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati skont il-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi jekk applikabbli, u jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u d-Deċennju Diġitali filwaqt li jkun konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali aġġornati għall-Enerġija u l-Klima u mal-Pjanijiet Direzzjonali Nazzjonali għad-Deċennju Diġitali;
(c)jekk applikabbli, jispjega kif se jiżgura t-twettiq ta’ sett rilevanti ta’ riformi u investimenti msemmija fl-Artikolu 13, filwaqt li jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tal-Istat Membru b’massimu ta’ 3 snin;
(d)jispjega kif se jiżgura l-konsistenza mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perjodu ta’ disponibbiltà tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241.
Artikolu 13
Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament
1.Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż l-aktar bi 3 snin.
2.Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, għandu jkun proporzjonat mal-grad ta’ sfidi tad-dejn pubbliku u għat-tkabbir ta’ terminu medju fl-Istat Membru kkonċernat.
Is-sett ta’ impenji ta’ riformi u ta’ investiment għandu jissodisfa, b’kollox, il-kriterji li ġejjin:
(i)ikun qiegħed itejjeb it-tkabbir;
(ii)jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali;
(iii)jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Anness VI;
(iv)jindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat, inklużi, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi;
(v)jiżgura li l-livell ġenerali ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali matul il-ħajja tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jkun ogħla mil-livell ta’ terminu medju qabel il-perjodu ta’ dak il-pjan.
3.Kull wieħed mill-impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandu jkun dettaljat biżżejjed, bil-quddiem, marbut biż-żmien u verifikabbli.
4.Matul il-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241, l-impenji inklużi fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza approvat tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jitqiesu għal estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.
5.Il-valutazzjoni ta’ jekk is-sett ta’ impenji ta’ riformi u ta’ investiment jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 u ta’ jekk kull impenn ta’ riforma u investiment jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 għandha titwettaq f’konformità mal-qafas ta’ valutazzjoni stabbilit fl-Anness VII.
Artikolu 14
Pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju rivedut
1.Stat Membru jista’ jitlob li jissottometti pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju lill-Kummissjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ aġġustament tiegħu jekk ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali oriġinali ta’ terminu medju jew jekk is-sottomissjoni ta’ pjan fiskali strutturali nazzjonali ġdid ta’ terminu medju tkun mitluba minn gvern ġdid.
2.Qabel is-sottomissjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju rivedut, il-Kummissjoni għandha tressaq, f’rapport lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, trajettorja teknika ġdida.
3.Filwaqt li jitqies l-aġġustament tal-passat tal-Istat Membru kkonċernat jew in-nuqqas tiegħu, it-trajettorja teknika l-ġdida ma għandhiex tippermetti l-posponiment tal-isforz ta’ aġġustament fiskali lejn tmiem il-perjodu u ma għandhiex twassal għal sforz ta’ aġġustament fiskali inqas.
4.Meta jiġi ppreżentat pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju, għandhom japplikaw l-Artikoli 12 u 15 sa 19.
5.Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta, jekk applikabbli, jekk kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandhiex tkompli tapplika skont il-pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni tas-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu l-estensjoni skont il-pjan oriġinali u l-bidliet f’termini ta’ sfidi ta’ dejn pubbliku skont il-pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju.
Artikolu 15
Valutazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju mill-Kummissjoni
1.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li jestendu l-perjodu tal-valutazzjoni b’perjodu raġonevoli, jekk ikun meħtieġ.
2.
Meta tivvaluta l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, il-Kummissjoni għandha teżamina għall-Istati Membri kollha:
(a) jekk il-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jiżgurax li d-dejn pubbliku jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti;
(b) jekk id-defiċit tal-gvern huwiex miżmum taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG matul id-durata tal-pjan jew jekk id-defiċit tal-gvern jirritornax malajr taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament meta d-defiċit ikun ogħla minn dan il-valur referenzjarju fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju;
(c) jekk id-defiċit tal-gvern huwiex miżmum taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fin-nuqqas ta’ miżuri baġitarji ulterjuri fuq perjodu ta’ 10 snin;
(d) jekk l-isforz ta’ aġġustament fiskali matul il-perjodu tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju huwiex mill-inqas proporzjonali għall-isforz totali matul il-perjodu kollu ta’ aġġustament;
(e) jekk għas-snin li fihom l-Istat Membru kkonċernat huwa mistenni li jkollu defiċit ogħla mill-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG, u l-eċċess ma huwiex qrib u temporanju, l-aġġustament fiskali huwa konsistenti mal-parametru referenzjarju msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv kif emendat bir-Regolament X]; u
(f) jekk il-proporzjon tad-dejn pubbliku fi tmiem il-perjodu ta’ ppjanar huwiex taħt il-proporzjon tad-dejn pubbliku fis-sena qabel il-bidu tat-trajettorja teknika.
3.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżamina għall-Istat Membru kkonċernat:
(a) jekk is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13;
(b) jekk l-impenji l-oħrajn ta’ riforma u ta’ investiment li jinsabu fil-pjan jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12, l-ittra b.
Artikolu 16
Approvazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju mill-Kunsill
Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, jekk applikabbli, tapprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament inkluż fil-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju fi żmien 4 ġimgħat mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bħala regola.
Meta l-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva meħtieġ għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif previst fl-Artikolu 30, il-Kunsill għandu japprova wkoll f’dik ir-rakkomandazzjoni r-riformi u l-investiment meħtieġa biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi.
Artikolu 17
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju
Meta jqis li l-pjan ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15 (2) u (3) il-punt (a), il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju.
Artikolu 18
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’każ ta’ falliment mill-Istat Membru
Il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat li t-trajettorja teknika maħruġa mill-Kummissjoni tkun il-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru meta:
(a)l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jissottometti pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju fi żmien xahar mir-rakkomandazzjoni mill-Kunsill;
(b)il-Kunsill iqis li l-pjan fiskali strutturali nazzjonali rivedut ta’ terminu medju ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u (3), il-punt (a);
(c)l-Istat Membru jonqos milli jissottometti pjan fiskali strutturali nazzjonali ġdid ta’ terminu medju fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan fiskali strutturali nazzjonali preċedenti ta’ terminu medju.
Artikolu 19
Nuqqas minn Stat Membru li jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-impenji tiegħu li fuqhom hija bbażata estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tiegħu
Meta Stat Membru jkun ingħata estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tiegħu iżda jonqos milli jikkonforma b’mod sodisfaċenti mas-sett tiegħu ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu l-estensjoni msemmija fl-Artikolu 13(1), il-Kunsill jista’, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda perkors tan-nefqa netta rivedut b’perjodu ta’ aġġustament iqsar.
KAPITOLU V
IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJANIJIET FISKALI STRUTTURALI NAZZJONALI TA’ TERMINU MEDJU
Artikolu 20
Rapport ta’ progress
1.Kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali tiegħu ta’ terminu medju, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April ta’ kull sena.
2.Ir-rapport ta’ progress annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta, l-implimentazzjoni ta’ impenji usa’ ta’ riforma u ta’ investiment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u, jekk applikabbli, fl-implimentazzjoni tas-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.
3.Ir-rapport ta’ progress annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III.
4.Kull Stat Membru għandu jagħmel ir-rapport ta’ progress annwali tiegħu pubbliku.
Artikolu 21
Monitoraġġ mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju, u b’mod partikolari, il-perkors tan-nefqa netta.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kont ta’ kontroll, li jiffunzjona f’konformità mal-Anness IV, u għandha żżomm kont tad-devjazzjonijiet kumulattivi ’l fuq u ’l isfel tan-nefqa netta attwali mill-perkors tan-nefqa netta.
Artikolu 22
Rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti
Kull istituzzjoni fiskali indipendenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill […] [dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali] għandha tipprovdi valutazzjoni tal-konformità tad-data dwar l-eżiti tal-baġit irrapportata fir-rapport ta’ progress imsemmi fl-Artikolu 20 mal-perkors tan-nefqa netta. Meta jkun applikabbli, kull istituzzjoni fiskali indipendenti nazzjonali għandha tanalizza wkoll il-fatturi sottostanti għal devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta.
Artikolu 23
Twissija tal-Kummissjoni u rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal miżuri ta’ politika
1.Fil-każ ta’ riskju sinifikanti ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta jew riskju li d-defiċit tal-gvern jista’ jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG, il-Kummissjoni tista’ tindirizza twissija lill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE.
2.Abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, fi żmien xahar mit-twissija tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, jadotta rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat għall-miżuri ta’ politika meħtieġa, f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE.
Artikolu 24
Reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mill-perkors tan-nefqa netta tagħhom, f’każ ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, sakemm ma jkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.
Sakemm tippersisti r-reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja s-sostenibbiltà tad-dejn u tiżgura l-koordinazzjoni tal-politika u taħlita ta’ politika konsistenti li tqis iż-żona tal-euro u d-dimensjoni tal-Unjoni.
Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jestendi l-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-perkorsi tan-nefqa netta, diment li tippersisti r-reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi. Estensjoni tista’ tingħata aktar minn darba. Madankollu, kull estensjoni għandha tkun għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sena.
Artikolu 25
Ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru li jwasslu għal impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mill-perkors tan-nefqa netta tiegħu fejn ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru jwasslu għal impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, diment li ma jkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.
Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jestendi l-perjodu li matulu l-Istat Membru jista’ jiddevja mill-perkors tan-nefqa netta, sakemm iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jippersistu. Estensjoni tista’ tingħata aktar minn darba. Madankollu, kull estensjoni għandha tkun għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sena.
KAPITOLU VI
DJALOGU EKONOMIKU
Artikolu 26
Djalogu tas-Semestru Ewropew
Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sjieda u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz ta’ djalogu ekonomiku. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Semestru Ewropew fejn ikun xieraq. Il-partijiet ikkonċernati relevanti, b’mod partikolari s-sħab soċjali, għandhom ikunu involuti, fejn ikun xieraq, fil-qafas tas-Semestru Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi nazzjonali.
Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u sabiex jiġu żgurati trasparenza u responsabilità ikbar, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jidhru quddiemu ħalli jiddiskutu l-gwida ta’ politika għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni, il-konklużjonijiet misluta mill-Kunsill Ewropew u r-riżultati tas-sorveljanza multilaterali li tkun saret skont dan ir-Regolament.
Il-President tal-Kunsill, u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 121 tat-TFUE, u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Grupp tal-Euro, għandhom jirrapportaw annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali.
Artikolu 27
Prinċipju “konformità jew spjegazzjoni”
Il-Kunsill mistenni, bħala regola, isegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni jew jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament.
Artikolu 28
Djalogu ma’ Stat Membru
Meta l-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 23(2) fil-każ ta’ riskju sinifikanti ta’ devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta, il-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lil dak l-Istat Membru, li jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet.
Artikolu 29
Informazzjoni regolari tal-Parlament Ewropew
1.Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinkludu fir-rapport tagħhom lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali mwettqa skont dan ir-Regolament.
KAPITOLU VII
INTERAZZJONI MAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1176/2011
Artikolu 30
Interazzjoni mal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku
1. Meta Stat Membru jonqos milli jimplimenta l-impenji ta’ riforma u ta’ investiment inklużi fil-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li huma rilevanti għall-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u meta l-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat minn żbilanċi eċċessivi f’konformità mal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
2. F’dak il-każ, l-Istat Membru li għalih tinfetaħ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, għandu jissottometti pjan rivedut f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament. Il-pjan rivedut għandu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Is-sottomissjoni tal-pjan rivedut għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 16 sa 19 ta’ dan ir-Regolament. Il-pjan rivedut għandu jiġi vvalutat f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament.
3. Meta Stat Membru jissottometti pjan fiskali strutturali rivedut ta’ terminu medju skont il-paragrafu 2, dak il-pjan rivedut għandu jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva meħtieġ skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ politika speċifiċi li l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta jew li jkun beħsiebu jimplimenta u għandu jinkludi skeda ta’ żmien għal dawk l-azzjonijiet.
F’dak il-każ, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kunsill, abbażi ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jivvaluta l-pjan rivedut fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu. Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan rivedut għandhom isiru f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.
KAPITOLU VIII
INTERAZZJONI MAR-REGOLAMENT (UE) Nru 472/2013
Artikolu 31
Interazzjoni mal-proċedura ta’ sorveljanza msaħħa
Stat Membru soġġett għal sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jqis kull rakkomandazzjoni indirizzata lilu skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament meta jadotta miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sorsi jew is-sorsi potenzjali ta’ diffikultajiet skont l-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.
Meta Stat Membru jkun soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku u l-bidliet fih f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, ma għandux ikun meħtieġ li jissottometti pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament u rapport ta’ progress annwali skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU IX
SETGĦAT DELEGATI
Artikolu 32
Emenda tal-annessi
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 biex temenda l-Annessi II sa VII biex tadattahom sabiex iqisu kif xieraq żviluppi jew ħtiġijiet ulterjuri rigward l-informazzjoni fil-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju (l-Anness II) jew fir-rapporti ta’ progress annwali (l-Anness III), fir-rigward tal-funzjonament tal-kont ta’ kontroll (l-Anness IV), fir-rigward tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-plawżibbiltà (l-Anness V), fir-rigward tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni (l-Anness VI) jew fir-rigward tal-qafas ta’ valutazzjoni (l-Anness VII).
Artikolu 33
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 32 għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn XXX.
3.Id-delegazzjonijiet tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 32 jistgħu jiġu revokati fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 32 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 34
Djalogu mal-Istati Membri
Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-Istati Membri f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, twettaq missjonijiet għall-fini tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istat Membru u għall-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà ta’ konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 35
Missjonijiet ta’ sorveljanza fil-fond
1.Il-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet ta’ sorveljanza fil-fond fl-Istati Membri li jkunu soġġetti għal rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 23 għall-finijiet ta’ monitoraġġ fuq il-post.
2.Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro jew Stat Membru li jipparteċipa fl-ERM2, il-Kummissjoni tista’ tistieden lil rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk tqis li huwa xieraq, biex jieħdu sehem fil-missjonijiet ta’ sorveljanza.
Artikolu 36
Rapport
1.Sal-[31 ta’ Diċembru 2030], u kull 5 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’, fejn ikun xieraq, proposta għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dak ir-rapport.
2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrieżamina:
(a)l-effettività ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet kinux effiċjenti biżżejjed biex jiżguraw perkors ta’ tnaqqis għall-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku jew biex jinżammu f’livelli prudenti f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill;
(b)il-progress li jsir sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u tal-konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri.
3.Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 37
Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1466/97
Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 huwa mħassar.
Artikolu 38
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President