SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta’ Marzu 2017 ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Data personali — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 6(1)(e) — Data suġġetta għall-pubbliċità tar-reġistru tal-kumpanniji — L-Ewwel Direttiva 68/151/KEE — Artikolu 3 — Stralċ tal-kumpannija kkonċernata — Limitazzjoni tal-aċċess tat-terzi għal din id-data”
Fil-Kawża C-398/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura
Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce
vs
Salvatore Manni,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce, minn L. Caprioli, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u P. Grasso, avvocati dello Stato, |
|
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Irlanda, minn E. Creedon u J. Quaney kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, barrister, |
|
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira kif ukoll minn D. Nardi u H. Støvlbæk, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 304) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 68/151”), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce (kamra tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġġjanat u tal-agrikoltura ta’ Lecce, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce”) u Salvatore Manni fir-rigward tar-rifjut minnha li tħassar ċerta data ta’ natura personali relattiva għal S. Manni mir-reġistru tal-kumpanniji. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 68/151
|
3 |
Hekk kif tippreċiża l-premessa 3 tad-Direttiva 2003/58, din kienet b’mod partikolari intiża biex timmodernizza d-Direttiva 68/151 b’mod “li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-kumpanniji aktar aċċessibbli b’mod faċli u malajr minn partijiet interessati, iżda wkoll għandha tħaffef b’mod sinifikanti l-formalitajiet ta’ żvelar imposti fuq kumpanniji”. |
|
4 |
Il-premessi tad-Direttiva 68/151 huma redatti kif ġej: “[b]illi l-kordinazzjoni prevista fl-Artikolu 54(3) (ġ) [tat-Trattat KE] u fil-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment hija kwistjoni ta’ urġenza, speċjalment dwar kumpaniji limitati b’azzjonijiet jew għandhom xort’oħra responsabbiltà limitata, billi l-attiviatjiet ta’ dawk il-kumpaniji ġieli jestendu ’l hinn mill-fruntieri ta’ territorji nazzjonali; billi l-kordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligi li jkunu daħlu għalihom, u n-nullità ta’ dawk il-kumpaniji hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni ta’ l-interessi ta’ terzi persuni; billi f’dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tal-Komunità relattivament għal dawk il-kumpaniji simultanjament, billi l-uniċi salvagwardji li huma joffru lil partijiet terzi huma l-assi tagħhom; billi d-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u tagħrif ieħor dwar il-kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija; billi l-protezzjoni ta’ terzi għandha tiġi assigurata b’disposizzjonijiet li jirrestrinġu sa fejn l-iktar possibbli r-raġunijiet li għalihom obbligi aċċettati f’isem il-kumpanija ma jkunux validi; billi huwa meħtieġ, sabiex tiġi assigurata ċertezza fil-liġi dwar relazzjonijiet bejn il-kumpanija u terzi, u wkoll bejn membri, biex jillimitaw il-każijiet li fihom tista’ tinqala’ n-nullità u l-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, u biex jiġi ffissat limitu ta’ żmien qasir li fih terzi persuni jistgħu jagħmlu oġġezzjoni għal kull dikjarazzjoni bħal dik”. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151, il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tipi ta’ kumpaniji elenkati minn din id-dispożizzjoni, li fosthom tidher, għar-Repubblika Taljana, is-“società a responsabilità limitata” (kumpannija b’responsabbiltà limitata). |
|
6 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jinsab fit-Taqsima I tagħha, intitolata “Pubbliċità”, jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta’ għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin: […]
[…]
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija, li jinsab fl-istess Taqsima, jipprovdi li: “1. F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ file fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpanniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpanniji rreġistrati fih. 2. Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom ikunu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-file, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-file. […] 3. Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skond kif jagħżel l-applikant. Minn data li għandha tintgħażel minn kull Stat Membru, li mgħandhiex tkun aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, kopji kif hemm riferenza għlihom fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi kif jagħżel l-applikant. Dan għandu japplika fil-każ tad-dokumenti u partikolaritajiet kollha, irrispettivament jekk kinux ippreżentati qabel jew wara d-data magħżula. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk id-dokumenti u partikolaritajiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, jiġux ippreżentati permezz ta’ stampat jew qabel data li tista’ ma tkunx aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikuni disponibbli mir-reġistru permezz ta’ mezzi elettroniċi jekk perjodu speċifiku jkun skada bejn id-data ta’ meta jkun ġie ppreżentat u d-data ta’ l-applikazzjoni li tkun ippreżentata lir-reġistru. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin. […]” |
|
8 |
Id-Direttiva 68/151 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009, L 258, p. 11), li sussegwentement ġiet emendata bid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 156, p. 1). |
|
9 |
B’mod partikolari, id-Direttiva 2012/17 introduċiet fid-Direttiva 2009/101 l-Artikolu 7a, li jippreċiża: “Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE […]” |
|
10 |
Madankollu, fid-dawl tad-data meta seħħew il-fatti, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-Direttiva 68/151. |
Id-Direttiva 95/46
|
11 |
Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ dik id-data, tipprovdi fil-premessi 10 u 25 tagħha:
[…]
|
|
12 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jgħid: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]” |
|
13 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.” |
|
14 |
Taħt it-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:
2. Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.” |
|
15 |
Taħt it-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk: […]
jew […]
jew
|
|
16 |
L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur: […]
[…]” |
|
17 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi: “Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:
[…]” |
|
18 |
L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi għall-implementazzjoni mill-Istati Membri ta’ awtorità ta’ superviżjoni inkarigata li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
Id-dritt Taljan
|
19 |
L-Artikolu 2188 tal-codice civile (kodiċi ċivili) jipprovdi: “1) Ir-reġistru tal-kumpanniji huwa stabbilit għall-finijiet tar-reġistrazzjonijiet previsti mil-liġi. 2) Ir-reġistru għandu jinżamm mill-uffiċċju tar-reġistru tal-kumpanniji, taħt is-sorveljanza ta’ Imħallef iddelegat mill-President tal-qorti. 3) Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.” |
|
20 |
L-Artikolu 8(1) u (2) tal-legge n. 580 – Riordinamento delle camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura (Liġi Nru 580, li torganizza mill-ġdid il-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Agrikoltura), tad-29 ta’ Diċembru 1993 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 7, tal-11 ta’ Jannar 1994), jipprevedi li ż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji għandha tiġi fdata lill-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Agrikoltura. |
|
21 |
Il-decreto del Presidente della Repubblica n. 581 – Regolamento di attuazione dell’articolo 8 della legge 29 dicembre 1993, n. 580, in materia di istituzione del registro delle impresa di cui all’articolo 2188 del codice civile (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 581, li jirregola l-implementazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580, tad-29 ta’ Diċembru 1993, dwar l-istabbiliment tar-reġistru tal-kumpanniji stabbilit fl-Artikolu 2188 tal-Kodiċi Ċivili), tas-7 ta’ Diċembru 1995 (GURI Nru 28, tat-3 ta’ Frar 1996), jirregola ċerti aspetti relattivi għar-reġistru tal-kumpanniji. |
|
22 |
It-traspożizzjoni fil-liġi Taljana tad-Direttiva 95/46 hija żgurata bid-decreto legislativo n. 196 – Codice in materia di protezione dei dati personali (Digriet Legali Nru 196, li jistabbilixxi kodiċi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali), tat-30 ta’ Ġunju 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 174, tad-29 ta’ Lulju 2003). |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
23 |
S. Manni huwa l-amministratur uniku ta’ Italiana Costruzioni Srl, li ġiet attribwita kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku. |
|
24 |
B’rikors tat-12 ta’ Diċembru 2007, S. Manni ppreżenta kawża kontra l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce, billi sostna li l-bini ta’ dan il-kumpless ma kienx qiegħed jinbiegħ minħabba l-fatt li mir-reġistru tal-kumpanniji kien qed jirriżulta li huwa kien l-amministratur uniku u l-likwidatur ta’ Immobiliare e Finanziaria Salentina Srl (iktar ’il quddiem “Immobiliare Salentina”), li l-falliment tagħha kien iddikjarat matul l-1992 u li tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji, wara proċedura ta’ stralċ, fis-7 ta’ Lulju 2005. |
|
25 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, S. Manni osserva li d-data personali li tikkonċernah, li tirriżulta mir-reġistru tal-kumpanniji, ġiet ipproċessata minn kumpannija speċjalizzata fil-ġbir u fl-ipproċessar ta’ informazzjoni tas-suq u fl-evalwazzjoni tar-riskji (“rating”) u li, minkejja talba f’dan is-sens, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce ma ħassritx din id-data personali. |
|
26 |
B’hekk, S. Manni talab, minn naħa, li jiġi ordnat li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce tħassar, li tagħmel anonima jew li tibblokka d-data li torbtu mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina u, min-naħa l-oħra, li din il-Kamra tal-Kummerċ tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu subit minnu minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni tiegħu. |
|
27 |
B’sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2011, it-Tribunale di Lecce (qorti ta’ Lecce, l-Italja) a laqgħet din it-talba, billi ordnat lill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce li tagħmel anonima d-data li torbot lil S. Manni mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina u billi kkundannat lill-konvenuta għall-kumpens ta’ dannu, stmat għal EUR 2000, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. |
|
28 |
It-Tribunale di Lecce (qorti ta’ Lecce), effettivament qieset li “ir-reġistrazzjonijiet li jorbtu l-isem ta’ persuna fiżika ma’ fażi kritika tal-ħajja tal-impriża (bħall-falliment) ma jistgħux ikunu perenni, fin-nuqqas ta’ interess ġenerali speċifiku fil-konservazzjoni u fid-divulgazzjoni tagħhom”. Fin-nuqqas ta’ tul massimu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mill-kodiċi ċivili, din qieset li, “ladarba jgħaddi perijodu xieraq” mill-konklużjoni tal-falliment tal-kumpannija kkonċernata u l-istralċ tagħha mir-reġistru tal-kumpanniji, il-ħtieġa u l-utilità, fis-sens tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196, tal-indikazzjoni ta’ isem l-ex amministratur uniku ta’ din il-kumpannija fil-mument tal-falliment tagħha tispiċċa, l-interess pubbliku ta’ “‘memorja storika’ tal-eżistenza tal-kumpannija u tad-diffikultajiet li din għaddiet minnhom [li jistgħu] jitwettqu fil-parti l-kbira permezz ta’ data anonima”. |
|
29 |
Wara li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza msemmija, il-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
30 |
Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 u l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, jew saħansitra għandhom, jippermettu lill-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, li jitolbu lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji biex tillimita, mal-iskadenza ta’ ċertu perijodu wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata u abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, imniżżla f’dan ir-reġistru. |
|
31 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx l-ipproċessar ulterjuri tad-data kkontestata f’dan il-każ imwettaq minn kumpannija speċjalizzata fl-attività ta’ rating, li jissemma fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, iżda jirrigwarda l-aċċessibbiltà minn terzi ta’ tali data miżmuma fir-reġistru tal-kumpanniji. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 68/151, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex il-pubbliċità obbligatorja dwar il-kumpanniji ssemmi mill-inqas il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga kif ukoll id-dettalji tal-persuni li, sew bħala korp ikkostitwit skont il-liġi u sew bħala membri ta’ tali korp, huma awtorizzati li jirrappreżentaw lill-kumpannija kkonċernata fit-trattativi ma’ terzi u fi proċedimenti legali, jew jieħdu parti fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-kumpannija. Barra minn hekk, skont dan l-istess Artikolu 2(1)(j), għandhom isiru pubbliċi wkoll il-ħatra ta’ stralċjarji, dettalji dwarhom kif ukoll, fil-prinċipju, is-setgħat rispettivi tagħhom. |
|
33 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 68/151, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jitniżżlu f’kull Stat Membru jew f’reġistru ċentrali, jew f’reġistru tal-kummerċ jew f’reġistru tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“reġistru”), u kopja sħiħa jew parzjali ta’ dawn l-indikazzjonijiet għandha tkun tista’ tinkiseb fuq talba. |
|
34 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet relattivi għall-identità tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 jikkostitwixxu, bħala informazzjoni li tikkonċerna lil persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li xi informazzjoni tidħol fil-kuntest ta’ attività professjonali ma huwiex tali li jneħħilha l-kwalità ta’ data personali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C-615/13 P, EU:C:2015:489, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Barra minn hekk, meta tniżżel u żżomm l-informazzjoni msemmija fir-reġistru u meta tikkomunika din, jekk ikun il-każ, fuq talba lil terzi, l-awtorità inkarigata biż-żamma ta’ dan ir-reġistru twettaq “ipproċessar ta’ data ta’ natura personali”, li din hija “responsabbli” għaliha, fis-sens tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 95/46. |
|
36 |
L-ipproċessar ta’ data personali li b’hekk isir fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) u (j) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 huwa suġġett għad-Direttiva 95/46, abbażi tal-Artikolu 1 u 3 ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, issa dan hu espressament previst fl-Artikolu 7a tad-Direttiva 2009/101, kif emendata bid-Direttiva 2012/17, li madankollu f’dan ir-rigward ma għandu ebda valur dikjarattiv. Hekk kif esponiet il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea effettivament ħass li kien utli li jfakkar din iċ-ċirkustanza fil-kuntest tal-emendi leġiżlattivi introdotti mid-Direttiva 2012/17 u intiżi biex jiżguraw l-interoperabbiltà tar-reġistri tal-Istati Membri, peress li dawn l-emendi jbassru żieda fl-intensità tal-ipproċessar ta’ data personali. |
|
37 |
Fir-rigward tad-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 10 tagħha, din hija intiża li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 95/46, il-prinċipji ta’ protezzjoni previsti f’din id-direttiva għandhom ikunu riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-persuni li jipproċessaw id-data, obbligi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità tad-data, is-sigurtà teknika, in-notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni, iċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data tagħhom tkun is-suġġett ta’ pproċessar li jkunu informati dwar dan, li jkollhom aċċess għad-data, li jkunu jistgħu jitolbu rettifiki tad-data, u li saħansitra joġġezzjonaw għall-ipproċessar f’ċerti kundizzjonijiet. |
|
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C-362/14, EU:C:2015:650, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
B’hekk, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta jirrikonoxxi espliċitament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-aħħar artikolu jippreċiżaw li din id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, għal finijiet iddeterminati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi, u li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tirrigwarda lilha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha u li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti. Dawn ir-rekwiżiti huma implementati b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 7, 12, 14 u 28 tad-Direttiva 95/46. |
|
41 |
F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ legalità imposti bid-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li, bla ħsara għad-derogi ammessi taħt l-Artikolu 13 tagħha, kull ipproċessar ta’ data għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar in-natura leġittima tal-ipproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-ipproċessar ta’ data personali li jsir mill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) u (j), u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 jissodisfa diversi raġunijiet ta’ leġittimazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, jiġifieri dawk li jinsabu fil-punt (c) tiegħu, dwar l-osservanza ta’ obbligu legali, fil-punt (e) tiegħu, dwar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew l-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku, u fil-punt (f) tiegħu, dwar it-twettiq ta’ interess leġittimu imfittex mill-persuna responsabbli mill-ipproċessar jew mit-terza persuna li lilha tiġi kkomunikata d-data. |
|
43 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motiv ta’ leġittimazzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fil-ħarsien, f’bażi ta’ data, tad-data li l-kumpanniji huma marbuta li jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, biex tippermetti lill-persuni interessati jikkonsultaw din id-data u biex tipprovdilhom kopji tagħha tidħol fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C-138/11, EU:C:2012:449, punti 40 u 41). Barra minn hekk, tali attività tikkostitwixxi wkoll missjoni ta’ interess pubbliku, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. |
|
44 |
F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-punt jekk l-awtorità inkarigata biż-żamma tar-reġistru għandhiex, mal-iskadenza ta’ ċertu terminu wara t-tmiem tal-attivitajiet ta’ kumpannija u fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew tħassar jew tagħmel anonima d-data personali, jew tillimita l-pubbliċità tagħha. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha b’mod partikolari jekk tali obbligu jirriżultax mill-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46. |
|
45 |
Skont l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li d-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun ipproċessata ulterjorment. Meta din id-data tinżamm lil hinn mill-perijodu msemmi iktar ’il fuq għal finijiet storiċi, statistiċi jew xjentifiċi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu garanziji xierqa. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità ma’ dawn il-prinċipji. |
|
46 |
F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lill-persuna kkonċernata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(b) tagħha, id-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur, skont il-każ, it-tħassir jew imblokk tad-data kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 70). |
|
47 |
Barra minn hekk, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu lis-suġġett tad-data d-dritt, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(e) u (f) tagħha, li joġġezzjona f’kull ħin, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għall-ipproċessar ta’ data li tikkonċernah, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-imsemmi punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iktar speċifiku ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni konkreta tal-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ oġġezzjoni ġġustifikata, l-ipproċessar implementat mill-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar ma jkunx jista’ jibqa’ jkopri din id-data (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 76). |
|
48 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri humiex marbuta, skont l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 12(b), jew il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, li jipprovdu għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, id-dritt li jitolbu lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru li tħassar jew tibblokka wara ċertu żmien id-data personali mniżżla f’dan ir-reġistru, jew li jillimitaw l-aċċess, għandu, qabel kollox, jiġi stabbilit x’inhu l-għan ta’ din ir-reġistrazzjoni. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi u mit-titolu tad-Direttiva 68/151 jirriżulta li l-pubbliċità prevista minnha hija intiża biex tipproteġi b’mod partikolari l-interessi tat-terzi meta mqabbel mal-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u mal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, peress li dawn joffru bħala garanzija fir-rigward tat-terzi l-assi tagħhom biss. Għal dan il-għan, il-pubbliċità għandha tippermetti li t-terzi persuni jkunu jistgħu isiru jafu l-atti essenzjali tal-kumpannija kkonċernata u ċerti indikazzjonijiet li jikkonċernawha, bħall-identità tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu lill-kumpannija. |
|
50 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-għan tad-Direttiva 68/151 huwa li tiżgura ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji u t-terzi fil-perspettiva ta’ intensifikazzjoni tal-kurrenti tal-kummerċ bejn Stati Membri wara l-ħolqien tas-suq intern u li, f’din il-perspettiva, kull persuna li tixtieq tistabbilixxi u twettaq rapporti kummerċjali ma kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra għandha tkun tista’ taċċedi faċilment għad-data essenzjali relattiva għall-kostituzzjoni tal-kumpanniji kummerċjali u għas-setgħat tal-persuni inkarigati li jirrappreżentawhom, liema ħaġa teħtieġ li d-data kollha rilevanti tkun tidher b’mod espliċitu fir-reġistru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga, 32/74, EU:C:1974:116, punt 6). |
|
51 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pubbliċità prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 hija intiża biex tippermetti l-informazzjoni lit-terzi interessati kollha, mingħajr ma dawn għandhom jiġġustifikaw dritt jew interess li jeħtieġ protezzjoni. F’dan ir-rigward, din irrilevat li t-test stess tal-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE, li fuqu kienet ibbażata din id-direttiva, issemmi l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tat-terzi b’mod ġenerali mingħajr ma jiġu distinti jew esklużi ċerti kategoriji fosthom, b’tali mod li l-kunċett ta’ terzi msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jistax b’mod partikolari jiġi ridott biss għall-kredituri tal-kumpannija kkonċernata (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland, C-97/96, EU:C:1997:581, punti 19, 20 u 22, kif ukoll id-digriet tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer, C-435/02 u C-103/03, EU:C:2004:552, punti 29 u 33). |
|
52 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, sabiex jitwettaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, huwiex fil-prinċipju neċessarju li d-data personali tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din id-direttiva tibqa’ mniżżla fir-reġistru u/jew tibqa’ aċċessibbli għal kull terz fuq talba anki wara t-terminazzjoni tal-attività tal-kumpannija kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva msemmija ma tagħti ebda preċiżazzjoni dwar dan. |
|
53 |
Madankollu, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa stabbilit li, anki wara x-xoljiment ta’ kumpannija, jistgħu jibqgħu jeżistu drittijiet u relazzjonijiet legali fir-rigward tagħha. B’hekk, f’każ ta’ tilwima, id-data msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 tista’ tirriżulta li hija neċessarja sabiex, b’mod partikolari, tiġi vverifikata l-legalità ta’ att magħmul f’isem din il-kumpannija matul il-perijodu tal-attività tagħha jew sabiex terzi jkunu jistgħu jippreżentaw kawża kontra l-membri tal-organi jew kontra l-likwidaturi tagħha. |
|
54 |
Barra minn hekk, b’mod partikolari skont it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli fl-Istati Membri differenti, xi kwistjonijiet li jeħtieġu d-disponibbiltà ta’ din id-data jistgħu iqumu ħafna snin wara li din il-kumpannija tkun waqfet teżisti. |
|
55 |
Issa, fid-dawl tal-ħafna xenarji possibbli, li jistgħu jinvolvu atturi f’diversi Stati Membri, u tal-eteroġenità sinifikanti fil-perijodi ta’ preskrizzjoni stabbiliti mid-diversi liġijiet nazzjonali fl-oqsma differenti tal-liġi, enfasizzata mill-Kummissjoni, jidher, fl-istat attwali, li huwa impossibbli li jiġi identifikat terminu uniku, li jibda jiddekorri mix-xoljiment ta’ kumpannija, li mal-iskadenza tiegħu ir-reġistrazzjoni tad-data msemmija fir-reġistru u l-pubbliċità tagħha ma tibqax neċessarja. |
|
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jiżguraw lill-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, id-dritt li jiksbu fil-prinċipju wara ċertu terminu mix-xoljiment tal-kumpannija kkonċernata, it-tħassir tad-data personali li tikkonċernahom, li tniżżlet fir-reġistru b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jew l-ibblokkar tagħha għall-pubbliku. |
|
57 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) u tal-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46 ma twassalx, barra minn hekk, għal indħil sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, u b’mod partikolari fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom kif ukoll fid-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, żgurat mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
58 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 2(1)(d) u (j) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 jimponu l-pubbliċità biss għal numru limitat ta’ data personali, jiġifieri dik relatata mal-identità u mal-funzjonijiet rispettivi tal-persuni li għandhom is-setgħa li jorbtu lill-kumpannija kkonċernata fir-rigward tat-terzi u li jirrappreżentawha legalment, jew li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll ta’ din il-kumpannija, jew li ġew innominati bħala likwidaturi fiha. |
|
59 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 68/151 tipprevedi l-pubbliċità għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j), b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u l-kumpanniji b’responsabbiltà limitata joffru biss l-assi tagħhom bħala garanzija fir-rigward tat-terzi, liema ħaġa tinvolvi riskju ekonomiku ogħla lil dawn tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dan, jidher ġustifikat li l-persuni fiżiċi li jagħżlu li jipparteċipaw fil-kummerċ permezz ta’ tali kumpannija jkunu obbligati li jagħmlu pubblika d-data relatata mal-identità u mal-funzjonijiet tagħhom fi ħdanha, iktar u iktar meta dawn ikunu jafu b’dan l-obbligu fil-mument meta jiddeċiedu li jagħtu bidu għal tali attività. |
|
60 |
Finalment, fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li fl-evalwazzjoni li għandha ssir fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jipprevalu, fil-prinċipju, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-interessi tat-terzi fil-konfront tal-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata u li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u b’hekk il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, madankollu ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet partikolari li fihom raġunijiet prevalenti u leġittimi fir-rigward tal-każ konkret tal-persuna jiġġustifikaw b’mod eċċezzjonali li l-aċċess għad-data personali li tikkonċernaha mniżżla fir-reġistru jkun limitat, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara x-xoljiment tal-kumpannija inkwistjoni, għat-terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku li jikkonsultawha. |
|
61 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li peress li l-applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 hija suġġetta għar-riżerva li l-liġi nazzjonali ma tipprovdix dispożizzjoni kuntrarja, id-deċiżjoni finali fir-rigward tal-punt jekk il-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 jistgħux jitolbu, lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru, tali limitazzjoni għall-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, tinsab f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali. |
|
62 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-istat tal-liġi nazzjonali tagħha fuq dan il-livell. |
|
63 |
Anki jekk jitqies li minn tali verifika jirriżulta li l-liġi nazzjonali tippermetti tali talbiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u billi tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li għadda mix-xoljiment tal-kumpannija kkonċernata, l-eżistenza eventwali ta’ raġunijiet gravi u leġittimi li jkunu, jekk ikun il-każ, tali li jiġġustifikaw b’mod eċċezzjonali l-limitazzjoni tal-aċċess tat-terzi għad-data li tikkonċerna lil S. Manni fir-reġistru tal-kumpanniji, li minnha jirriżulta li dan kien l-amministratur uniku u l-likwidatur ta’ Immobiliare Salentina. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li, allegatament, il-bini ta’ kumpless turistiku mibni minn Italiana Costruzioni, li tagħha S. Manni huwa fil-preżent l-amministratur uniku, mhux qed jinbiegħ minħabba l-fatt li xerrejja potenzjali ta’ dan il-bini għandhom aċċess għal din id-data fir-reġistru tal-kumpanniji, ma jistax ikun biżżejjed biex jikkostitwixxi tali raġuni, b’mod partikolari fid-dawl tal-interess leġittimu ta’ dawn li jkollhom din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom. |
|
64 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(e), l-Artikolu 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din l-aħħar direttiva, jistgħux jitolbu li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tivverifika, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, jekk huwiex eċċezzjonalment iġġustifikat, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li tillimita, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, irreġistrata f’dan ir-reġistru, lill-persuni terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku għall-konsultazzjoni ta’ din id-data. |
Fuq l-ispejjeż
|
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1)(e), l-Artikolu 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din l-aħħar direttiva, jistgħux jitolbu li l-awtorità inkarigata miż-żamma, rispettivament, tar-reġistru ċentrali, tar-reġistru kummerċjali, jew tar-reġistru tal-kumpanniji tivverifika, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, jekk huwiex eċċezzjonalment iġġustifikat, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li tillimita, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, irreġistrata f’dan ir-reġistru, lill-persuni terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku għall-konsultazzjoni ta’ din id-data. |
|
Firem |
( 1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.