Brussell, 22.2.2022

JOIN(2022) 18 final/2 - DOWNGRADED ON 14.3.2023

2022/0056(NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 jipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk dawk l-oġġetti jkunu għal użu militari jew għal utenti finali militari. Jipprojbixxi wkoll il-bejgħ ta’ tali oġġetti u teknoloġija lil persuni ġuridiċi speċifiċi fir-Russja u jipprojbixxi l-għoti ta’ assistenza teknika u servizzi relatati oħra kif ukoll finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ tali oġġetti u teknoloġija. Barra minn hekk, jirrikjedi li l-operaturi jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji għall-industrija taż-żejt fir-Russja u jipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi assoċjati meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilma fond, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha. Jipprojbixxi wkoll l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti. Jimponi wkoll restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq kapitali għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji Russi.

(2)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK.

(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/XXX temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK u tintroduċi aktar sanzjonijiet ekonomiċi mmirati wara l-iffirmar mill-President tal-Federazzjoni Russa ta’ digriet li jirrikonoxxi l-“indipendenza u s-sovranità” taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u l-ordni lill-forzi armati Russi biex jidħlu fiż-żona.

(4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/XXX tipprojbixxi l-finanzjament tar-Russja, il-gvern tagħha u l-Bank Ċentrali tagħha.

(5)Dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għaldaqstant, l-aktar bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni jipproponu li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan.

2022/0056 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (PESK)2022/xxx 1 tal-XX ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament(UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK u jipprojbixxi l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk dawk l-oġġetti jkunu għal użu militari jew għal utenti finali militari. Jipprojbixxi wkoll il-bejgħ ta’ tali oġġetti u teknoloġija lil persuni ġuridiċi speċifiċi fir-Russja u jipprojbixxi l-għoti ta’ assistenza teknika u servizzi relatati oħra kif ukoll finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ tali oġġetti u teknoloġija. Barra minn hekk, jirrikjedi li l-operaturi jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji għall-industrija taż-żejt fir-Russja u jipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi assoċjati meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha. Jipprojbixxi wkoll l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti. Jimponi wkoll restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq kapitali għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji Russi.

(3)Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-“indipendenza u s-sovranità” taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u ordna lill-forzi armati Russi jidħlu fiż-żona.

(4)Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, fi [DATA] il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2022/XXX/PESK ta’ XX ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK u li timponi aktar miżuri restrittivi li jipprojbixxu l-finanzjament tar-Russja, il-gvern tagħha u l-Bank Ċentrali tagħha.

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, il-punt (f)(iii) jinbidel b’dan li ġej:

“(iii) kull titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew bejgħ ta’ kwalunkwe tali titolu trasferibbli jew li jwassal għal saldu fi flus determinat b’referenza għal titoli trasferibbli;”

(2)Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 5a

1.Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment jew għajnuna għall-ħruġ ta’, jew inkella li jsir negozju ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus maħruġa wara [14-il jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ] minn:

(a)Ir-Russja u l-gvern tagħha; jew

(b)Il-Bank Ċentrali tar-Russja; jew

(c)persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu.

2.Għandu jkun ipprojbit li direttament jew indirettament isir jew ikun parti minn kwalunkwe arranġament li jsir kwalunkwe self jew kreditu ġdid lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1 wara [data tad-dħul fis-seħħ].

Il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal self jew krediti li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn Stat terz ieħor li jkun neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni.

3.Il-projbizzjoni fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal prelevamenti jew żborżi magħmula taħt kuntratt konkluż qabel il-[dħul fis-seħħ]. dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)it-termini u l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan il-prelevament jew ta’ dawn l-iżborżi:

(i)    ġew miftiehma qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ]; kif ukoll

(ii)    ma ġewx emendati f’dik id-data jew warajha; kif ukoll

(b)qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ] ġiet iffissata data tal-maturità kuntrattwali għall-ħlas lura sħiħ tal-fondi kollha disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

It-termini u l-kundizzjonijiet tal-prelevamenti u l-iżborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perjodu ta’ ħlas lura għal kull prelevament jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.”

(3)Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 11, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(A) persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5(2) u l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 5a, jew elenkati fl-Annessi III, IV, V u VI;”

(4)L-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

“Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet f’dan ir-Regolament, inkluż billi jaġixxu bħala sostitut għal persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikoli 5 jew 5a, jew billi jaġixxu għall-benefiċċju tagħhom billi jużaw l-eċċezzjonijiet fl-Artikoli 5(3) jew 5a(2).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L , , p. .