European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1949

30.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1949

tad-29 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta-Prunus cerasus u l-Prunus canescens li joriġinaw mill-Ukrajna u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica li joriġinaw mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ dawk il-pjanti li joriġinaw mir-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE, u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel u t-tielet subparagrafi tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti, u oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli.

(2)

Bħala segwitu tal-valutazzjoni preliminari, 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi ġew inklużi proviżorjament fil-lista ta’ pjanti b’riskju għoli stipulata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019. Dik il-lista tinkludi l-ġeneru Prunus L.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx valutati bis-sħiħ. Dan għax jista’ jkun il-każ li wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti, li għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi f’dik il-lista wara valutazzjoni tar-riskji kompluta.

(4)

Fit-22 ta’ Ġunju 2023, l-Ukrajna ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq u mhux imlaqqma ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ ibridi tal-Prunus cerasus u tal-Prunus canescens (“pjanti rilevanti mill-Ukrajna”). Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rilevanti.

(5)

Fit-22 ta’ Ottubru 2024, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti għat-tħawwil tal-pjanti rilevanti mill-Ukrajna (5). L-Awtorità ma identifikat l-ebda pest rilevanti għal dawk il-pjanti.

(6)

Fit-28 ta’ Frar 2024, ir-Renju Unit (6) ressaq tliet talbiet lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ rimjiet għat-tilqim ta’ mhux aktar minn sentejn tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica b’dijametru massimu ta’ 12 mm; pjanti mlaqqma għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn tliet snin bl-għeruq mikxufin tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica b’dijametru massimu ta’ 40 mm; u pjanti mlaqqma għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica f’materjal għat-tkabbir b’dijametru massimu ta’ 40 mm (“il-pjanti rilevanti mir-Renju Unit”). Dawk it-talbiet kienu appoġġati mid-dossiers tekniċi rilevanti.

(7)

Fis-26 ta’ Frar 2025, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti rilevanti mir-Renju Unit (7). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci (popolazzjoni Ewropea), razez relatati mal-Candidatus Phytoplasma aurantifolia, il-Colletotrichum aenigma, l-Erwinia amylovora, l-Eulecanium excrescens u s-Scirtothrips dorsalis bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossiers tekniċi u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti.

(8)

Abbażi tal-opinjoni rispettiva tal-Awtorità, ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti mill-Ukrajna fit-territorju tal-Unjoni jitqies li huwa aċċettabbli, diment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(9)

Billi ebda pest ma ġie identifikat bħala rilevanti għall-pjanti rilevanti mill-Ukrajna, huwa ġustifikat li tintlaħaq il-konklużjoni li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti mill-Ukrajna huwa aċċettabbli dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(10)

Abbażi tal-opinjoni rispettiva tal-Awtorità, huwa meqjus li r-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti mir-Renju Unit jitnaqqas għal-livell aċċettabbli, diment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

(11)

Barra minn hekk, peress li r-riskju fitosanitarju maħluq mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ siġar maturi tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica (ta’ 15-il sena) mir-Renju Unit, li hija l-komodità li possibilment toħloq l-akbar riskju fitosanitarju, jitqies li tnaqqas għal livell aċċettabbli, huwa ġustifikat li tintlaħaq il-konklużjoni li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti kollha għat-tħawwil ta’ dawk l-ispeċijiet tal-Prunus mir-Renju Unit, irrispettivament mid-daqs u l-età tagħhom, kemm jekk bl-għeruq mikxufa kif ukoll jekk f’materjal għat-tkabbir, imlaqqma jew le, huwa aċċettabbli, diment li jiġu applikati miżuri xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

(12)

B’hekk, jenħtieġ li l-pjanti tal-Prunus cerasus u l-Prunus canescens għat-tħawwil li għandhom sa sentejn u ibridi taż-żewġ speċijiet li joriġinaw mill-Ukrajna u pjanti għat-tħawwil tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica li oriġinaw fir-Renju Unit ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli. Għaldaqstant, jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra b’riskju għoli stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

(14)

Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossiers jitqiesu suffiċjenti biex ir-riskju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti mir-Renju Unit fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni.

(15)

Ir-razez relatati mal-aurantifolia tal-Candidatus Phytoplasma aurantifolia u s-Scirtothrips dorsalis huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u l-Bemisia tabaci (ipopolazzjoni Ewropea) u l-Erwinia amylovora huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina f’żona protetta fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(16)

Il-Colletotrichum aenigma u l-Eulecanium excrescens għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Hemm bżonn li tkun disponibbli valutazzjoni tar-riskju sħiħa tal-pesti dwar dawk il-pesti, biex jiġi determinat jekk għandhomx jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u jekk bħala konsegwenza l-pjanti speċifikati li joriġinaw mir-Renju Unit, flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi rilevanti, għandhomx jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(17)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat sabiex il-pjanti għat-tħawwil tal-Prunus armeniaca, il-Prunus cerasifera, il-Prunus domestica, il-Prunus incisa u l-Prunus persica li joriġinaw mir-Renju Unit, ukoll ikunu soġġetti għall-miżuri rispettivi fir-rigward tal-Colletotrichum aenigma u l-Eulecanium excrescens.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADDOTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħrajn ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1213/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(5)  EFSA Panel on Plant Health (2024). Valutazzjoni tar-riskju tal-komoditajiet tal-pjanti ibridi Prunus cerasus × Prunus canescens mill-Ukrajna. EFSA Journal, 22(11), e9089. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.9089.

(6)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(7)  EFSA Panel on Plant Health, 2025.Commodity risk assessment of Prunus spp. plants from United Kingdom. EFSA Journal, 23(4), e9306. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9306.


ANNESS I

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fil-punt 1, fit-tabella, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata għall-Prunus L. hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Prunus L., għajr:

—

pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Prunus domestica mlaqqmin fuq bgħula tal-Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna;

—

biċċiet mingħajr għeruq, mingħajr weraq, inattivi, ta’ mhux aktar minn sentejn tal-Prunus persica u tal-Prunus dulcis li joriġinaw mit-Turkija;

—

pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn tal-Prunus persica, il-Prunus dulcis, il-Prunus armeniaca u l-Prunus davidiana, li joriġinaw mit-Turkija;

—

pjanti għat-tħawwil tal-Prunus avium, il-Prunus canescens, il-Prunus cerasus u l-Prunus pseudocerasus li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ mhux aktar minn sena tal-Prunus spinosa b’dijametru massimu ta’ 12 mm li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

pjanti għat-tħawwil mhux imlaqqma, ta’ mhux aktar minn 7 snin, tal-Prunus spinosa, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn sentejn, bl-għeruq mikxufin, mingħajr weraq, tal-Prunus armeniaca, il-Prunus avium, il-Prunus canescens, il-Prunus cerasifera, il-Prunus cerasus, il-Prunus davidiana, il-Prunus domestica, il-Prunus dulcis, il-Prunus fontanesiana, il-Prunus persica, il-Prunus salicina, il-Prunus tomentosa u ibridi bejn l-ispeċijiet ta’ hawn fuq, b’dijametru massimu ta’ 17 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mill-Moldova;

—

pjanti għat-tħawwil mhux imlaqqma ta’ mhux aktar minn sentejn, mingħajr weraq, tal-Prunus cerasus u l-Prunus canescens li joriġinaw mill-Ukrajna u ibridi tal-ispeċijiet imsemmija hawn fuq; kif ukoll

—

pjanti għat-tħawwil tal-Prunus armeniaca, Prunus cerasifera, Prunus domestica, Prunus incisa u l-Prunus persica li joriġinaw mir-Renju Unit.”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, fit-tabella, fl-ewwel kolonna “Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra”, l-entrata “ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus u Prunus pseudocerasus pjanti għat-tħawwil” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Pjanti għat-tħawwil tal-Prunus armeniaca, Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasifera, Prunus cerasus, Prunus domestica, Prunus incisa, Prunus persica u Prunus pseudocerasus ”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1949/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)