Official Journal L 056 , 04/03/1999 P. 0047 - 0048
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 1999 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal deroga għall-kaxex tal-plastik u l-paliti tal-plastik fejn għandhom x'jaqsmu l-livelli ta' konċentrazzjoni tal-metalli tqal stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ (innotifikati fid-dokument bin-numru K (1999) 246) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (1999/177/KE) IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart [1], u b'mod partikolari Artikolu 11(3) tagħha, Billi l-kaxex tal-plastik u l-paliti tal-plastik jikkostitwixxu każ prattiku rilevanti li fih il-kondizzjonijiet approprjati jistgħu jiġu nfurzati; Billi l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ u r-riċiklaġġ ta' l-iskart tal-imballaġġ huma għanijiet fundamentali tad-Direttiva; Billi l-kondizzjonijiet tad-deroga għall-imballaġġ ġdid għandhom japplikaw, b'mod ġenerali, għall-imballaġġ kollu fil-katina li fiha jiġi introdott l-imballaġġ il-ġdid; Billi d-deroga trid ittemm 10 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, għajr jekk jiġi deċiż illi d-deroga tiġi estiża skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62/KE; Billi l-miżuri pprovvduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62/KE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-imballaġġ kollu kopert bid-Direttiva 94/62/KE u għandha l-għan li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom il-livelli ta' konċentrazzjoni stabbiliti f'Artikolu 11 tad-Direttiva 94/62/KE jistgħu ma japplikawx, mingħajr preġudizzju għad-deroga f'Artikolu 22 tad-Direttiva 94/62/KE, għall-kaxex tal-plastik u l-paliti tal-plastik użati fiċ-cirkwiti tal-prodotti li huma f'katina magħluqa u kontrollata. Artikolu 2 Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni: - għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti f'Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62/KE, - "introduzzjoni intenzjonata" għandha tfisser l-att ta' l-użu deliberat ta' sustanza fil-formolazzjoni tal-imballaġġ jew f'komponent tal-imballaġġ fejn il-preżenza kkontinwata tagħha tkun mixtieqa fl-imballaġġ jew fil-komponent tal-imballaġġ finali għalbiex tipprovdi karatteristika, dehra jew kwalità speċifiċi. L-użu ta' materjali rriċiklati biex minnhom jinħadmu materjali ġodda tal-imballaġġ, meta xi porzjon tal-materjali rriċiklati jista' jinkludi ammonti tal-metalli regolati, mhux ikkunsidrat bħala tidħil intenzjonat, - "preżenza inċidentali" għandha tfisser il-preżenza ta' metall bħala ingredjent mhux intenzjonat tal-imballaġġ jew komponent tal-imballaġġ, - "ċirkwiti tal-prodotti" li jkunu f'katina magħluqa u kkontrollata għandha tfisser iċ-ċirkwiti illi fihom il-prodotti jiċċirkolaw b'sistema kkontrollata ta' użu u distribuzzjoni mill-ġdid u li fihom il-materjal riċiklat jiġi biss minn dawn l-entitajiet fil-katina hekk illi l-introduzzjoni ta' materjal barrani huwa biss il-minimu teknikament possibbli u li minnhom dawn l-entitajiet jistgħu jitneħħew biss permezz ta' proċedura awtorizzata b'mod speċjali sabiex ir-rati tar-ritorn jilħqu l-massimu. Artikolu 3 Il-kaxex tal-plastik u l-paletti tal-plastik jistgħu jaqbżu l-limiti ta' 600 ppm, 250 ppm u 100 ppm skond il-piż tas-somma tal-livelli tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju u tal-kromju eżavalenti, fil-każ li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f'Artikoli 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 4 Iċ-ċestun tal-plastik jew il-palit tal-plastik li għalihom tapplika din id-deroga jridu jkunu ġew iffabbrikati fi proċess ikkontrollat tar-riċiklaġġ, illi fih il-materjal irriċiklat jittieħed minn kaxex tal-plastik jew paliti tal-plastik oħra biss u li fih l-introduzzjoni ta' materjal barrani huwa biss il-minimu teknikament possibbli, sal-massimu ta' 20 % tal-piż. Entitajiet irritornati li ma jkunux tajbin għalbiex biex jerġgħu jintużaw għandhom jiġu ttrattati skond Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni. L-ebda ċomb, kadmju, merkurju jew kromju eżavalenti ma għandhom ikunu intenzjonalment imdaħħla bħala element matul il-fabbrikazzjoni jew id-distribuzzjoni għall-kuntrarju tal-preżenza inċidentali ta' kull wieħed minn dawn l-elementi. Iċ-ċestun tal-plastik jew il-palit tal-plastik li għalihom tapplika din id-deroga jistgħu jaqbżu l-limiti tal-konċentrazzjoni biss bħala riżultat taż- żieda ta' materjali riċiklati. Artikolu 5 Il-kaxex tal-plastik jew il-paliti tal-plastik li jaqgħu taħt din id-Deċiżjoni jeħtieġ illi jiġu introdotti f'sistema kontrollata ta' distribuzzjoni u użu mill-ġdid li tikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin: il-kaxex jew il-paliti tal-plastik ġodda li jinkludu l-metalli regolati għandhom jiġu identifikati b'mod permanenti u viżibbli, għandha tiġi stabbilita sistema taż-zamma ta' l-inventarju u tar-reġistri, inkluż metodu tal-kontabbiltà regolatorja u finanzjarja, sabiex tiddokumenta l-konformità mad-Deċiżjoni preżenti inklużi r-rati tar-ritorn, jiġifieri, l-persentaġġ ta' l-entitajiet li jistgħu jiġu rritornati li ma jiġux imwarrba wara li jintużaw imma illi jiġu mogħtija lura lill-fabbrikant jew lill-pakkjatur/lil dak li jimla jew lil rappreżentant awtorizzat u li għandu jkun għoli kemm jista’ jkun imma fl-ebda każ inqas minn 90 % matul il-ħajja tal-kaxex tal-plastik jew tal-paliti tal-plastik. Is-sistema għandha tagħti rendikont ta' l-entitajiet kollha li jistgħu jerġgħu jintużaw illi jiddaħħlu, jew jitneħħew mill-użu, l-entitajiet kollha li jiġu rritornati li ma jistgħux jerġgħu jintużaw għandhom jiġu eliminati permezz ta' proċedura awtorizzata b'mod speċifiku mill-awtoritajiet rilevanti jew inkella għandhom jiġu rriċiklati fi proċess tar- riċiklaġġ, li fih il-materjal irriċiklat ikun magħmul minn kaxex tal-plastik jew paliti tal-plastik fiċ-ċirkuwitu, u l-introduzzjoni ta' materjal estern huwa l-minimu teknikament possibbli, sal-massimu ta' 20 % tal-piż, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom ifasslu fuq bażi annwali dikjarazzjoni bil-miktub tal-konformità, inkluż rapport annwali li juri kif il-kondizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni ġew imħarsa. Dan ir-rapport għandu jkun fih il-bidliet possibli tas-sistema u tar-rappreżentati awtorizzati, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom iżommu din id-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-għanijiet ta' spezzjoni għal mill-inqas erba’ snin, meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti fil-Komunità, l-obbligu li d-dokumentazzjoni teknika tinżamm disponibbli huwa r-responsabbiltà tal-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq Komunitarju. Artikolu 6 Il-ħtiġiet msemmija hawn fuq għandhom x'jaqsmu ma' l-eżenzjonijiet minn Artikolu 11 tad-Direttiva 94/62/KE u huma mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' l-istima tal-konformità pprovduti f'Artikolu 9 ta' din id-Direttiva. Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni ttemm 10 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw il-miżuri prattiċi, inklużi l-kontrolli, l-ispezzjonijiet eċċ., li jadottaw, fil-qafas tar-rapport li jridu jissottomettu skond Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE. Artikolu 9 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Frar 1999. Għall-Kummissjoni Ritt Bjerregaard Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 10. --------------------------------------------------