11.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/937

tal-4 ta’ Ġunju 2021

li japprova emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika ta’ xarba spirituża rreġistrata [Hamburger Kümmel]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 21 u l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni eżaminat it-talba tal-Ġermanja tat-28 ta’ Settembru 2017 biex tapprova emenda fil-formola ta’ informazzjoni teknika tal-indikazzjoni ġeografika “Hamburger Kümmel”, mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 110/2008. Din l-emenda tinkludi bidla fl-isem “Hamburger Kümmel” għal “Hamburger Kümmel”/“Hamburg’s Kümmel”.

(2)

Ir-Regolament (KE) 2019/787 li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 110/2008 daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2019. F’konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament imsemmi, il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tħassar b’effett mit-8 ta’ Ġunju 2019. Skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2019/787, il-formoli tal-informazzjoni teknika mressqa fil-kuntest ta’ kull applikazzjoni qabel it-8 ta’ Ġunju 2019 f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 110/2008 għandhom jitqiesu bħala Speċifikazzjonijiet tal-Prodotti.

(3)

Wara li ddeterminat li t-talba tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-emenda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3), skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament imsemmi, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) 2019/787.

(4)

Billi ma ġiet innotifikata ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2019/787, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata skont l-Artikolu 30(2) ta’ dak ir-Regolament, applikabbli mutatis mutandis fir-rigward tal-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rigward l-isem “Hamburger Kümmel”, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(3)   ĠU C 46, 9.2.2021, p. 14.