Brussell, 20.12.2024

COM(2024) 594 final

2024/0329(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni”) 1 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011. L-iskop tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni huwa li jiffaċilita, fuq il-bażi tar-reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Georgia. Ix-xewqa li jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn in-nies bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia hija enfasizzata fil-preambolu tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni.

L-Artikolu 14(5) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni jistipula li “Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.”

Il-preambolu tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni rriafferma l-intenzjoni li tiġi stabbilita sistema ta’ vjaġġar mingħajr viżi għaċ-ċittadini tal-Georgia u tal-Unjoni bħala għan fit-tul, bil-kundizzjoni li jitwettqu l-kondizzjonijiet kollha għal mobbiltà ġestita tajjeb, u li tkun mingħajr perikli. Fuq din il-bażi, id-Djalogu ta’ Liberalizzazzjoni tal-Viża UE-Georgia tnieda f’Ġunju 2012. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viża (PALV) lill-Gvern tal-Georgia. Il-PALV huwa strutturat fuq erba’ “blokok”: is-sigurtà tad-dokumenti, inkluż il-bijometrika (il-blokka I), il-migrazzjoni u l-ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż l-ażil (il-blokka II), l-ordni u s-sigurtà pubblika (il-blokka III), u r-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali (il-blokka IV). Il-PALV jistipula sensiela ta’ parametri referenzjarji preċiżi għal kull waħda minn dawn l-erba’ “blokok” ta’ kwistjonijiet teknikament rilevanti, bl-għan li jiġi adottat qafas leġiżlattiv, politiku u istituzzjonali (il-fażi 1) u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tiegħu (il-fażi 2).

Wara t-tnedija tad-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viżi bejn l-UE u l-Georgia, il-Kummissjoni adottat erba’ Rapporti 2 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li għamlet il-Georgia biex tissodisfa l-parametri referenzjarji identifikati fl-ambitu tal-erba’ blokok tal-ewwel u tat-tieni fażi tal-PALV. Fir-raba’ u l-aħħar rapport ta’ progress tagħha, li ġie adottat fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni qieset li l-Georgia kienet għamlet il-progress neċessarju u kienet wettqet ir-riformi meħtieġa kollha biex tiżgura l-kisba effettiva u sostenibbli tal-parametri referenzjarji li fadal. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, fid-9 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 biex tingħata eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża liċ-ċittadini tal-Georgia. Il-proposta ġiet adottata u r-Regolament (UE) 2017/372 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2017 3 ittrasferixxa lill-Georgia mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 4 għall-Anness II ta’ dak ir-Regolament, li jagħti eżenzjoni mill-ħtieġa li ta’ pussess ta’ viża meta jinqasmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum lill-persuni kollha b’nazzjonalità Georgjana detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organisation).

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 5 , li ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 539/2001, il-Kummissjoni mmonitorjat il-konformità kontinwa tal-Georgia mar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża u ppreżentat il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti fir-Rapport annwali tagħha skont il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni mill-Ħtieġa ta’ Viża.

Kif stabbilit fis-7a’ Rapport tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni mill-Ħtieġa ta’ Viża 6 , fl-2024, il-Georgia adottat leġiżlazzjoni li l-implimentazzjoni tagħha ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Dan jikkonċerna l- “Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” adottata f’Mejju 2024, u l-pakkett leġiżlattiv dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minuri” adottat f’Settembru 2024.  Il-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” ġiet adottata minkejja opinjoni kritika tal-Kummissjoni ta’ Venezja 7 u t-talbiet ripetuti tal-UE biex il-liġi tiġi abrogata. Il-liġi timmina l-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi kif ukoll il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Rekwiżiti ta’ rappurtar ingumbranti u setgħat estensivi mogħtija lill-Ministeru għall-Ġustizzja fil-kontroll tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-media jżidu r-riskju ta’ applikazzjoni selettiva u arbitrarja.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-liġi rrappreżentat rigress fuq mill-inqas tlieta mid-disa’ passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta’ kandidat, jiġifieri fuq id-diżinformazzjoni, il-polarizzazzjoni, id-drittijiet fundamentali u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili). Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-linja ta’ azzjoni tal-awtoritajiet tal-Georgia pperikolat il-perkors tal-Georgia lejn l-UE, li de facto twassal għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni.

Il-“Liġi dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minuri” u 18-il emenda għal-liġijiet eżistenti ġew adottati mingħajr konsultazzjonijiet pubbliċi minn qabel u analiżi bir-reqqa tal-konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dan il-pakkett leġiżlattiv, promulgat fit-3 ta’ Ottubru, jimmina d-drittijiet fundamentali tal-poplu Georgjan u jżid l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni. Minħabba l-attivitajiet leġiżlattivi u l-prevalenza kontinwa ta’ diskors ta’ mibegħda omofobika, persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans, mhux binarji, intersess u queer (LGBTIQ) fil-Georgia qegħdin jiffaċċjaw ostilità u stigmatizzazzjoni dejjem akbar.

Il-pjan ta’ azzjoni 2024-2026 għall-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Georgia ġie adottat wara proċess ta’ konsultazzjoni limitat u ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar il-persuni LGBTIQ u l-protezzjoni tal-privatezza. Il-pjan ta’ azzjoni jindirizza parzjalment il-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin. Għad iridu jiġu indirizzati lakuni sinifikanti fil-qafas strateġiku fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi inkluża r-rappreżentanza tal-minoranzi. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għadha ma bdietx, u l-modalitajiet għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għadhom ma ġewx definiti b’mod ċar.  

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2024 irriaffermaw li l-proċess ta’ adeżjoni tal-Georgia twaqqaf u stiednu lill-awtoritajiet Georgjani biex jadottaw riformi demokratiċi, komprensivi u sostenibbli, f’konformità mal-prinċipji ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea.

Fil-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-2024 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 8  maħruġa fit-30 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni Ewropea vvalutat il-progress tal-Georgia fl-implimentazzjoni tad-disa’ passi stabbiliti mill-Komunikazzjoni dwar it-Tkabbir tal-2023 bħala insinifikanti, b’rigress fil-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

Wara t-tħabbira fit-28 ta’ Novembru tal-intenzjoni tal-awtoritajiet Georgjani li ma jkomplux bil-ftuħ tan-negozjati mal-UE sal-2028 (is-sena tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss), u li jirrifjutaw kwalunkwe għotja baġitarja sa dak iż-żmien, f’diversi bliet tal-Georgia feġġew protesti tal-massa. Bosta rapporti, inklużi dawk tad-Difensur Pubbliku tal-Georgia, jirreferu għall-użu intenzjonat ta’ forza sproporzjonata u metodi vjolenti mill-awtoritajiet kif ukoll arresti arbitrarji li jistgħu jikkostitwixxu atti ta’ tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin. Skont kif irrapportat, l-awtoritajiet irrikorrew għall-vjolenza severa fuq dawk li pprotestaw, il-politiċi u l-ġurnalisti kif ukoll arresti arbitrarji u trattament ħażin tagħhom biex irażżnu l-protesti. Sa issa, l-ebda uffiċjal tal-pulizija jew membru ta’ gruppi vjolenti informali ma nżamm responsabbli għal għemilu.

Ir-repressjoni tal-protesti paċifiċi ġiet ikkundannata minn dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u l-Kummissarju għat-Tkabbir fl-1 ta’ Diċembru 2024. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tal-Ewropa appellaw ukoll lill-awtoritajiet Georgjani biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, huma fakkru fl-obbligi tal-Istati li jippromwovu ambjent favorevoli għall-eżerċitar tad-dritt ta’ għaqda paċifika mingħajr diskriminazzjoni u li kwalunkwe użu tal-forza mill-persunal tas-sigurtà jrid jibqa’ eċċezzjoni u jikkonforma mal-prinċipji tal-legalità, in-neċessità, il-proporzjonalità, il-prekawzjoni u n-nondiskriminazzjoni.

Għaldaqstant, l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Georgjani jmorru kontra l-valuri tal-UE u jimminaw ir-relazzjonijiet tajbin bejn l-UE u l-Georgia.

Is-7a’ Rapport tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni mill-Ħtieġa ta’ Viża enfasizza l-passi li jridu jittieħdu b’mod urġenti mill-Georgia biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni u nnota li jinsabu għaddejjin riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni possibbli tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni mill-ħtieġa ta’ viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni.

Sabiex jiġi protett l-ordni pubbliku tal-Istati Membri u tal-Unjoni, huwa xieraq u proporzjonat li l-Istati Membri jirrikjedu viża minn ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti diplomatiċi validi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea, peress li dawn il-persuni jirrappreżentaw interessi li jmorru kontra dawk li wasslu lill-Unjoni biex inizjalment tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-aktar pass xieraq u proporzjonat huwa li jiġu sospiżi ċerti Artikoli tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża li jipprovdu faċilitazzjonijiet għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ applikanti, mingħajr, f’dan l-istadju, ma jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

Il-kategoriji ta’ applikanti li għalihom għandhom jiġu sospiżi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża huma:

–il-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju uffiċjali, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru f’wieħed mit-territorji tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

–il-membri tal-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia;

–iċ-ċittadini tal-Georgia detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi maħruġa mill-Georgia.

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-Artikoli li ġejjin tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża tiġi sospiża biss fir-rigward ta’ dawk il-kategoriji ta’ applikanti: l-Artikolu 4(1), il-punt (b) dwar il-“Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ”, l-Artikolu 5(1), il-punti (b) u (c), l-Artikolu 5(2), il-punt (a), u l-Artikolu 5(3) dwar “Il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul ta’ aktar minn darba”, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f) dwar il-“Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża”, l-Artikolu 7 dwar “It-tul tal-proċedura tal-applikazzjoni għal viża” u l-Artikolu 10(1) dwar il-“Passaporti diplomatiċi”.

Ladarba d-Deċiżjoni tal-Kunsill tidħol fis-seħħ, ir-regoli speċifiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw. L-Artikoli l-oħra tal-Ftehim mhumiex sospiżi.

Peress li l-Georgia hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 u għalhekk iċ-ċittadini kollha tal-Georgia jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, biex tkun effettiva, is-sospensjoni parzjali tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża għandha tkun akkumpanjata minn miżuri li jridu jittieħdu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1), il-punt (a) ta’ dak ir-Regolament.

L-Artikolu 6(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/1806 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fir-rigward tad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali jew ta’ passaporti speċjali. Għalhekk, ladarba d-Deċiżjoni tal-Kunsill tidħol fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, jieħdu l-miżuri neċessarji fl-ordni interna tagħhom biex japplikaw ħtieġa ta’ viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali u ta’ passaporti speċjali maħruġa mill-Georgia u jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2018/1806. Il-Kummissjoni se toħroġ Linji gwida li jistiednu lill-Istati Membri jieħdu dawk il-miżuri.

Wara l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/1806, ir-regoli ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) 9 se japplikaw għall-persuni kkonċernati.

Din id-Deċiżjoni ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kuntatti bejn il-persuni, peress li ċ-ċittadini tal-Georgia detenturi ta’ passaporti ordinarji se jkomplu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża meta jivvjaġġaw lejn l-UE għal soġġorni qosra.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-proposta hija konsistenti u komplementari mar-Regolament (UE) 2018/1806, li jelenka lill-Georgia fost il-pajjiżi li l-persuni b’nazzjonalità tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża iżda jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet minn dik l-eżenzjoni fir-rigward tad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ passaporti tas-servizz/uffiċjali jew passaporti speċjali.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konsistenti mar-relazzjonijiet esterni tal-UE (inklużi kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali) u mal-politika tat-tkabbir tal-UE, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża bi prospetti ta’ adeżjoni.

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà, peress li għandha l-għan li tindirizza r-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni irregolari għaż-żona Schengen.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali proċedurali għal din il-proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-bażi legali sostantiva huwa l-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. L-objettiv prinċipali u l-kontenut tal-att previst huma relatati mas-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni u, għalhekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi.

Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 77(2)(a) TFUE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli

•Proporzjonalità

Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv fil-mira, jiġifieri li jiġi sospiż l-obbligu għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jagħtu ċerti faċilitazzjonijiet lill-uffiċjali tal-Georgia u lid-detenturi tal-passaporti diplomatiċi maħruġa mill-Georgia, u li l-Istati Membri jkunu permessi jagħmlu użu mill-possibbiltà li jerġgħu jistabbilixxu l-ħtieġa ta’ viża għad-detenturi tal-passaporti diplomatiċi maħruġa mill-Georgia.

•Għażla tal-istrument

L-objettivi ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ att li jissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża. Għalhekk, hija meħtieġa deċiżjoni tal-Kunsill li tissospendi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ir-rigress demokratiku tal-Georgia, inkluż l-adozzjoni tal-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” f’Mejju 2024 u l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minuri f’Settembru 2024, kif ukoll it-tmexxija tal-elezzjonijiet parlamentari f’Ottubru 2024 u t-trażżin vjolenti tal-protesti f’Diċembru 2024, ġew diskussi diversi drabi fil-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u fil-Kunsill Affarijiet Barranin. Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta’ fehmiet dwar ir-rispons tal-UE għall-iżviluppi reċenti fil-Georgia, inkluż it-tħabbira mill-gvern tal-intenzjoni tiegħu li ma jitlobx il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni sal-2028, il-protesti tal-massa sussegwenti, u l-atti dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza kontra min ħareġ jipprotesta, il-media, u l-oppożizzjoni politika. Ir-Rappreżentant Għoli saħqet li l-UE naqqset il-portata tal-kuntatti politiċi u qatgħet l-assistenza għall-benefiċċju dirett tal-awtoritajiet Georgjani, u ħabbret li kien hemm qbil biex il-Kummissjoni tiġi mistiedna tressaq proposta għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi Georgjani.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

•Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza negattiva għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

F’konformità mat-Trattati, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura li n-notifika prevista fl-Artikolu 14(5) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni ssir f’isem l-Unjoni, sabiex tesprimi l-kunsens tagħha għas-sospensjoni parzjali tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jipprevedi li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jipprevedu faċilitazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Georgia li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir, jiġifieri membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia, membri tal-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, il-Qorti Kostituzzjonali u Suprema tal-Georgia, fil-qadi ta’ dmirijiethom, u ċ-ċittadini tal-Georgia li għandhom passaporti diplomatiċi validi, għandha tiġi sospiża. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw: l-Artikolu 4(1), il-punt (b) dwar il-“Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ”, l-Artikolu 5(1), il-punti (b) u (c), l-Artikolu 5(2), il-punt (a), u l-Artikolu 5(3) dwar “Il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul ta’ aktar minn darba”, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f) dwar il-“Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża”, l-Artikolu 7 dwar “It-tul tal-proċedura tal-applikazzjoni għal viża” u l-Artikolu 10(1) dwar il-“Passaporti diplomatiċi”.

Ladarba jiġu adottati, il-Kummissjoni se tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għall-miżuri komplementari li l-Istati Membri għandhom jieħdu skont l-Artikolu 6(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/1806.

2024/0329 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011.

(2)L-iskop tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni huwa li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn intenzjonat ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Georgia. Il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni u għall-kondiviżjoni tal-valuri, inklużi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi.

(3)Skont l-Artikolu 14(5) tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni, kull Parti hija intitolata tissospendi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni trid minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw.

(4)Fl-2024, il-Georgia adottat il-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” u l-pakkett leġiżlattiv dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minuri”. Din il-leġiżlazzjoni timmina d-drittijiet fundamentali tal-poplu Georgjan, inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt li wieħed jipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi, u żżid l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni.

(5)Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew saħaq li l-“Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” tirrappreżenta rigress fil-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta’ kandidat u appella lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħhom billi jreġġgħu lura linja ta’ azzjoni li tipperikola l-perkors tal-Georgia lejn l-Unjoni Ewropea, li de facto twassal għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Ewropew irriafferma li tali linja ta’ azzjoni tipperikola l-perkors Ewropew tal-Georgia u de facto twaqqaf il-proċess ta’ adeżjoni, u appella lill-Georgia biex tadotta riformi demokratiċi, komprensivi u sostenibbli, f’konformità mal-prinċipji ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea.

(6)Fit-28 ta’ Novembru 2024, l-awtoritajiet Georgjani ħabbru l-intenzjoni li ma jitolbux il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea sal-2028. Din it-tħabbira pprovokat protesti tal-massa f’bosta bliet tal-Georgia, li għalihom l-awtoritajiet Georgjani rrispondew bl-użu ta’ forza sproporzjonata u metodi vjolenti kif ukoll arresti arbitrarji u trattament ħażin ta’ min ħareġ jipprotesta, politiċi u ġurnalisti.

(7)L-azzjonijiet meħuda mill-Georgia jiksru l-prinċipji fundamentali li abbażi tagħhom ġie konkluż il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni u jmorru kontra l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, dawn l-azzjonijiet ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi u b’hekk huma f’kontradizzjoni mal-valuri tal-Unjoni u jxekklu l-iżvilupp kostanti tar-rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u rabtiet oħrajn bejn l-Unjoni u l-Georgia.

(8)F’dan il-kuntest, is-7a’ Rapport tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni mill-Ħtieġa ta’ Viża 10 enfasizza l-passi li jridu jittieħdu b’mod urġenti mill-Georgia biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni u nnota li jinsabu għaddejjin riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni mill-ħtieġa ta’ viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni.

(9)Sabiex jiġi protett l-ordni pubbliku tal-Istati Membri u tal-Unjoni, huwa xieraq u proporzjonat li l-Istati Membri jirrikjedu viża minn ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti diplomatiċi validi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea, peress li dawn il-persuni jirrappreżentaw interessi li jmorru kontra dawk li wasslu lill-Unjoni biex inizjalment tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni. L-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni li jipprevedu eżenzjonijiet għaċ-ċittadini tal-Georgia li jkollhom passaporti diplomatiċi validi u faċilitazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Georgia li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir, jiġifieri membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia, membri tal-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, il-Qorti Kostituzzjonali u Suprema tal-Georgia, fil-qadi ta’ dmirijiethom, jenħtieġ għalhekk tiġi sospiża.

(10)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/EC 11 ; għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Georgia, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet segwenti tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Georgia dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi hija sospiża:

(a)l-Artikolu 4(1), il-punt (b), fir-rigward tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju uffiċjali, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

(b)l-Artikolu 5(1), il-punt (b), fir-rigward tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Georgia, tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia;

(c)l-Artikolu 5(1), il-punt (c), fir-rigward tal-membri permanenti tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

(d)l-Artikolu 5(2), il-punt (b), fir-rigward tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

(e)l-Artikolu 5(3), fir-rigward tal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (a);

(f)l-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), fir-rigward tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Georgia u tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Suprema tal-Georgia, u tal-membri tad-delegazzjonijiet uffiċjali tal-Georgia li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Georgia, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

(g)l-Artikolu 10(1), fir-rigward taċ-ċittadini tal-Georgia li huma detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi maħruġa mill-Georgia.

(h)L-Artikolu 6(1), fir-rigward tat-tariffa għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża għall-kategoriji taċ-ċittadini u l-persuni msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), u l-Artikolu 10(1).

(i)L-Artikolu 7, fir-rigward tal-kategoriji taċ-ċittadini u l-persuni msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (c) u (f), u l-Artikolu 10(1).

Artikolu 2 

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 52, 25.2.2011, p. 34.
(2)    COM(2013) 808 final, COM(2014) 681 final, COM(2015) 199 final, COM(2015) 684 final.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2017/372 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Georgia), ĠU L 61, 8.3.2017, p. 7–8.
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1–7.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni), (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.)
(6)    COM/2024/571 final.
(7)    Opinjoni urġenti dwar il-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-21 ta’ Mejju 2024.
(8)    COM(2024) 690 final.
(9)    Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).
(10)    COM/2024/571 final.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj ).