SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 2062/92 – Artikoli 3(3) – Validità – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Tabakk mhux maħdum – Primjums mogħtija lix-xerrejja tal-folji tat-tabakk – Tnaqqis ta’ dawn il-primjums skont il-kwantità ta’ tabakk ta’ klassijiet, ta’ kategoriji jew ta’ kwalitajiet inferjuri mixtrija – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża C‑99/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
Kapniki A. Michailidis AE
vs
Organismos Pliromon kai Elenchou Koinotikon Enischiseon Prosanatolismou kai Engyiseon (OPEKEPE),
Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Kapniki A. Michailidis AE, minn P. Yatagantzidis, dikigoros, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Balta, A. Nowak-Salles u A. Tamás, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u B. Rechena, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2062/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li jistabbilixxi, għall-ħsad tal‑1992, il-prezzijiet immirati, il-prezzijiet ta’ intervent u l-primjums mogħtija lix-xerrejja tal-folji tat-tabakk, il-prezzijiet ta’ intervent derivati għall-balal tat-tabakk, il-kwalitajiet ta’ riferiment u ż-żoni ta’ produzzjoni (ĠU 1992, L 215, p. 22). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Kapniki A. Michaïlidis AE u, min-naħa l-oħra, l-Organismos Pliromon kai Elenchou Koinotikon Enischiseon Prosanatolismou kai Engyiseon (OPEKEPE) (il-Korp ta’ Ħlas u ta’ Kontroll tal-Għajnuna Komunitarja ta’ Gwida u ta’ Garanzija, il-Greċja) u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (il-Ministru għall-Iżvilupp Agrikolu u għall-Prodotti tal-Ikel, il-Greċja) dwar l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Ethnikos Organismos Kapnou (l-Uffiċċju Nazzjonali tat-Tabakk, il-Greċja), adottata skont ir-Regolament Nru 2062/92 u li teżiġi r-rimbors, minn din il-kumpannija, ta’ primjum minħabba li dan kien tħallas lilha indebitament. |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 727/70
|
3 |
Is-sitt premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 727/70 tal‑21 ta’ April 1970 dwar l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tat-tabakk mhux maħdum (ĠU 1970, L 94, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 860/92 tat‑30 ta’ Marzu 1992 (ĠU 1992, L 91, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 727/70”), kienet ifformulata kif ġej: “billi dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu permezz ta’ sistema ta’ intervent ibbażata fuq sistema ta’ prezzijiet immirati u ta’ intervent li tinkludi, minn naħa, l-obbligu ta’ xiri bil-prezz ta’ intervent u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ primjums lill-utenti li jixtru l-folji tat-tabakk direttament mingħand il-produtturi Komunitarji; billi din is-sistema għandha tiġi applikata b’tali mod li tinkoraġġixxi t-titjib fil-kwalità u l-adattament tal-produzzjoni, partikolarment fis-sens tal-konverżjoni tal-uċuħ tar-raba’ għal varjetajiet iktar mitluba jew iktar kompetittivi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
4 |
L‑Artikolu 2(3) ta’ dan ir‑regolament kien jgħid li: “3. Il-prezzijiet immirati u ta’ intervent għandhom jiġu stabbiliti:
Madankollu, dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu differenti għall-istess varjetà għal żoni speċifiċi ta’ produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(5).” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 3(1) u (3) tal-imsemmi regolament kien jistabbilixxi li: “1. Għandu jingħata primjum lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru l-folji tat-tabakk direttament mingħand il-produtturi tal-Komunità. Il-primjum għandu jingħata biss lix-xerrejja:
[…] 3. Ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu għall-mezzi amministrattivi ta’ kontroll, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17. Dawn ir-regoli għandhom jistabbilixxu l-klawżoli li għandhom obbligatorjament jidhru fil-kuntratti, b’mod partikolari l-indikazzjoni tal-prezz li għandu jiħallas lill-produttur u tal-ammont tal-primjum li għalih il-kuntratt jagħti dritt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
Skont l-Artikolu 4(3) u (4) tal-istess regolament: “3. L-ammont tal-primjum għandu jiġi stabbilit: […]
L-ammont tal-primjum hekk stabbilit huwa validu għat-tabakk kollu tal-varjetà inkwistjoni. Madankollu, sa fejn, għal varjetà partikolari, l-għoti ta’ primjum tal-istess ammont lit-tabakk ta’ kwalitajiet differenti ta’ din il-varjetà jirriskja li jostakola l-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq u l-adattament kwalitattiv tal-produzzjoni għall-bżonnijiet tal-utenti, l-ammont tal-primjum jista’ jiġi stabbilit, b’mod eċċezzjonali, għal kwalitajiet differenti minn dawk meqjusa bħala kwalità ta’ riferiment, għal ammont ogħla jew inferjuri għal dak normalment applikabbli għat-tabakk kollu tal-varjetà. Madankollu, dan l-ammont jista’ jkun differenti għall-istess varjetà għal żoni speċifiċi ta’ produzzjoni fis-sens tal-paragrafu 5. 4. Qabel l‑1 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-ammont tal-primjum għal kull varjetà għandu jiġi stabbilit għall-ħsad tas-sena kalendarja ta’ wara skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat [KEE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
Sabiex tiġi limitata kull żieda fil-produzzjoni tat-tabakk fl-Unjoni Ewropea u sabiex fl-istess ħin tiġi skoraġġuta l-produzzjoni ta’ varjetajiet li jippreżentaw problemi għas-swieq tagħhom, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1114/88, tal‑25 ta’ April 1988, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 727/70 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tat-tabakk mhux maħdum (ĠU 1988, L 110, p. 35), żied il-paragrafu 5 mal-Artikolu 4 ta’ dan l-aħħar regolament. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li: “Kull sena l-Kunsill għandu jistabbilixxi, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat [KEE], għal kull waħda mill-varjetajiet jew gruppi ta’ varjetajiet ta’ tabakk tal-produzzjoni Komunitarja li għalihom huma stabbiliti l-prezzijiet u l-primjums, kwantità massima ggarantita, skont b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tas-suq u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u agronomiċi tar-reġjuni kkonċernati. Il-kwantità massima globali għall-Komunità għandha tkun stabbilita għal kull ħsad tal-1988, tal-1989 u tal-1990 għal 385000 tunnellata ta’ folji tat-tabakk. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Ir‑Regolament Nru 1726/70
|
8 |
Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti relatati mal-kuntratti ta’ kultivazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 727/70 ġew iddefiniti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1726/70 tal‑25 ta’ Awwissu 1970 dwar il-modalitajiet għall-għoti tal-primjum għall-folji tat-tabakk (ĠU 1970, L 191, p. 1). |
|
9 |
L-Artikolu 2b(1), (3) u (4) tar-Regolament Nru 1726/70, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1413/91 tad‑29 ta’ Mejju 1991 (ĠU 1991, L 135, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1726/70”) kien jipprevedi li: “1. Il-kuntratt ta’ kultivazzjoni […] li għandu jkun fih mill-inqas l-elementi stabbiliti fil-punti 1 sa 12 tal-Anness għandu jiġi konkluż bejn il-partijiet li ġejjin:
[…] 3. Il-kuntratt ta’ kultivazzjoni jista’ jkun annwali jew multiannwali. Għandu jiġi konkluż, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, qabel l‑1 ta’ Ġunju tas-sena tal-ewwel applikazzjoni tiegħu. […] 4. Fil-kuntratt ta’ kultivazzjoni għandu jkun hemm:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
10 |
L-Anness tar-Regolament Nru 1726/70 kien jinkludi kuntratt ta’ kultivazzjoni standard Ewropew, li l-punti 1, 4, 5 u 8 tiegħu kienu fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
Ir‑Regolament Nru 2062/92
|
11 |
L-ewwel, it-tielet u s-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2062/92 kienu fformulati kif ġej: “billi l-Kummissjoni [Ewropea] pproponiet riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tat-tabakk li ser tapplika mill-ħsad tal‑1993; billi, għall-ħsad tal‑1992, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħsad ta’ qabel għandhom għalhekk jinżammu, bla ħsara għal tibdil essenzjali sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida; billi, fid-dawl ta’ dan, l-iffissar tal-kwantità massima ggarantita għal kull varjetà jew gruppi ta’ varjetajiet previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-[Regolament Nru 727/70] ma huwiex meħtieġ għall-ħsad tal‑1993; […] billi l-prezzijiet immirati u l-prezzijiet ta’ intervent tal-folji tat-tabakk għandhom jiġu stabbiliti skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-[Regolament Nru 727/70] sabiex, b’mod partikolari, iħeġġu lill-produtturi jikkonvertu għall-kultivazzjoni ta’ dawk il-varjetajiet li huma l-iktar mitluba u l-iktar kompetittivi kif ukoll li huma l-inqas ta’ ħsara għas-saħħa; […] billi l-primjum huwa l-istess għat-tabakk kollu tal-varjetà kkonċernata, irrispettivament mill-kwalità tat-tabakk ikkunsinnat; billi, madankollu, minn dan jirriżulta l-inċentiv li jiġi prodott tabakk ta’ kwalità baxxa; billi, għalhekk, għandu jitnaqqas l-ammont tal-primjum għall-kwantitajiet ta’ tabakk ta’ kwalità baxxa mixtrija minn persuna li tipproċessa b’eċċess ta’ perċentwali li jikkorrispondi għall-kwantità normali ta’ tabakk ta’ kwalità baxxa meta mqabbla mal-kwantità totali maħsuda”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
12 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kien jgħid li: “1. Għall-ħsad tal‑1992, il-prezzijiet immirati u ta’ intervent u l-ammonti tal-primjum mogħti lix-xerrejja tal-folji tat-tabakk, imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 tar-[Regolament Nru 727/70], kif ukoll il-prezzijiet ta’ intervent derivati tat-tabakk ippakkjat imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ dak ir-regolament, huma stabbiliti fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament. […] 3. Meta l-kwantità ta’ tabakk ta’ klassijiet, kategoriji jew kwalitajiet inferjuri mixtrija minn persuna li tipproċessa tkun taqbeż, meta mqabbla max-xiri totali tagħha tal-varjetà inkwistjoni, il-perċentwali indikat fl-Anness IV, il-primjum għandu jitnaqqas b’30 % għall-kwantità li taqbeż il-perċentwali inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
13 |
L-Anness IV tal-imsemmi regolament kien jipprevedi, taħt in-numru tas-serje 18, li, fir-rigward tal-grad IV tal-varjetà “Katerini u varjetajiet simili”, il-perċentwali msemmi fl-Artikolu 3(3) tal-istess regolament kien ta’ 20 %. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
14 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet, qabel l‑1 ta’ Ġunju 1992, kuntratti ta’ xiri tat-tabakk tal-varjetà Katerini ma’ produtturi tat-tabakk għall-ħsad tas-sena 1992. Sussegwentement hija rċeviet, bil-quddiem, il-primjum li kien previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 727/70. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 1995, l-Ethnikos Organismos Kapnou (l-Uffiċċju Nazzjonali tat-Tabakk) stieden lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tirrimborsa, bħala somma indebitament imħallsa u skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92, parti mill-primjum fl-ammont ta’ 51564843 drachmi Griegi (GRD) (madwar EUR 151327) li kien ingħatalha, għar-raġuni li l-ħlas bil-quddiem li hija kienet irċeviet għal dan il-primjum kien ogħla minn dak li għalih hija kellha dritt. Fil-fatt, skont l-Ethnikos Organismos Kapnou (l-Uffiċċju Nazzjonali tat-Tabakk), il-kwantità ta’ tabakk ta’ kategorija inferjuri mixtrija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tirrappreżenta perċentwali ogħla minn 20 % tax-xiri totali tagħha. |
|
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), il-qorti tar-rinviju, li bagħtet dan ir-rikors quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), sabiex din tiġi deċiża bħala rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. Quddiem din l-aħħar qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat b’mod partikolari l-invalidità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92, minħabba n-natura retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Permezz ta’ sentenza, id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni) ċaħdet l-imsemmi rikors bħala infondat. |
|
17 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja), li ċaħditu permezz ta’ sentenza minħabba li, minn naħa, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92 ma kellux effett retroattiv, peress li din id-dispożizzjoni ma kinitx tirrigwarda d-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kultivazzjoni inkwistjoni, iżda l-kwalità tat-tabakk u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma kienx jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
18 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat). Huwa jistaqsi dwar il-validità tal-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn din tista’ tmur kontra l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli ta’ dritt u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
19 |
B’mod iktar partikolari, din il-qorti tqis li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92 kellu effett retroattiv, peress li dan ir-regolament kien ġie ppubblikat fit‑30 ta’ Lulju 1992, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu previst mir-Regolament Nru 1726/70 għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kultivazzjoni bejn il-produtturi u l-persuni li jipproċessaw, dwar il-ħsad tas-sena 1992. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li, għalkemm it-tnaqqis tal-primjum previst f’dan l-Artikolu 3(3) kien intiż sabiex itejjeb il-kwalità tal-varjetajiet tat-tabakk ikkultivati u, għalhekk, il-kompetittività tagħhom, tali għan, li kien konformi mal-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tat-tabakk, ma setax jintlaħaq fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2062/92, peress li, f’din id-data, dan it-terminu kien skada u l-operaturi tas-suq inkwistjoni kienu diġà ddeċidew dwar l-orjentazzjoni tal-produzzjoni, mingħajr ma kien possibbli li jintlaħaq dan l-għan waqt il-ħsad tas-sena 1992. Konsegwentement, l-istess qorti tqajjem il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92. |
|
20 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, billi jipprevedi tnaqqis tal-primjum għal tabakk ta’ kwalità inferjuri, ir-Regolament Nru 2062/92 jista’ jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 727/70, l-ammont tal-primjum li kien validu għall-ħsad tas-sena kkonċernata kellu jiġi stabbilit qabel l‑1 ta’ Novembru tas-sena preċedenti u li, f’kull każ, il-kuntratti ta’ kultivazzjoni kellhom jiġu konklużi qabel l‑1 ta’ Ġunju ta’ kull sena. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(3) tar-[Regolament Nru 2062/92] li jistabbilixxi li, meta l-kwantità ta’ folji tat-tabakk ta’ kwalità inferjuri mixtrija minn persuna li tipproċessa taqbeż, meta mqabbla max-xiri totali tagħha tal-varjetà inkwistjoni, il-perċentwali indikata fl-Anness IV [ta’ dan ir-regolament], il-primjum għandu jitnaqqas bi 30 % fir-rigward tal-kwantità li taqbeż il-perċentwali inkwistjoni, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspetattivi leġittimi?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
22 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli ta’ dritt u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
23 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tiddekorri minn data li tkun preċedenti għal dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, madankollu jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament osservati, kif ukoll sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli kkonċernati, li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92, li jipprovdi li, meta l-kwantità ta’ tabakk ta’ klassijiet, ta’ kategoriji jew ta’ kwalitajiet inferjuri mixtrija minn persuna li tipproċessa taqbeż, meta mqabbla max-xiri totali tagħha tal-varjetà inkwistjoni, il-perċentwali indikat fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, il-primjum jitnaqqas b’30 % għall-kwantità li taqbeż il-perċentwali inkwistjoni, għandux effett retroattiv. Fl-affermattiv, ikun hemm lok li jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk l-applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni tistax tiġi aċċettata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
|
25 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni tal-effett retroattiv tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ġie ppubblikat fit‑30 ta’ Lulju 1992. Issa, mill-Artikolu 2b(3) tar-Regolament Nru 1726/70 jirriżulta li, sabiex ikunu intitolati, għall-ħsad tal‑1992, għall-primjum previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 727/70, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru folji tat-tabakk mingħand produtturi kellhom, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, jikkonkludu ma’ dawn tal-aħħar kuntratti ta’ kultivazzjoni sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Ġunju 1992. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-Regolament Nru 2062/92, inkluż l-Artikolu 3(3) tiegħu, kellu effett retroattiv, peress li ġie adottat f’data li fiha l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru folji tat-tabakk mingħand produtturi kellhom diġà jieħdu, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, impenji kuntrattwali vinkolanti fir-rigward tax-xiri tal-produzzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, EU:C:1991:307, punti 14 sa 16). |
|
27 |
Barra minn hekk, dan l-effett retroattiv kien jirriżulta mill-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, l-iffissar annwali tal-ammont tal-primjum għall-ħsad tas-sena 1992 kien seħħ fix-xahar ta’ Ġunju 1992, filwaqt li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 727/70, hija kellha ssir qabel l‑1 ta’ Novembru 1991. |
|
28 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92 tistax tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali li jeżiġi dan, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni retroattiva ta’ dan ir-regolament, inkluż l-Artikolu 3(3) tiegħu, tirriżulta imperattivament min-neċessità li jintlaħaq l-għan fundamentali segwit mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tat-tabakk għas-sena 1992, jiġifieri li jingħata appoġġ finanzjarju lill-produtturi u lill-persuni li jipproċessaw it-tabakk. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fit-tielet lok, jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ġiex debitament osservat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm dan il-prinċipju jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan speċjalment f’qasam bħal dak tal-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, li s-suġġett tiegħu jinvolvi aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 57; tas‑17 ta’ Settembru 1998, Pontillo, C‑372/96, EU:C:1998:412, punt 22, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Minn dan jirriżulta li l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jinvokaw dritt miksub għaż-żamma ta’ vantaġġ, li jirriżulta għalihom mit-twaqqif tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, u li huma bbenefikaw minnu f’mument partikolari (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, EU:C:1994:364, punt 58, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 1998, Pontillo, C‑372/96, EU:C:1998:412, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 727/70, kienet tobbliga lill-Kunsill jiddetermina kull sena, b’mod partikolari skont l-evoluzzjoni tas-swieq u tal-ħsara tad-diversi varjetajiet tat-tabakk, il-prezzijiet kif ukoll il-primjums għalihom, u kienet tipprevedi espressament il-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ dawn il-prezzijiet u ta’ dawn il-primjums (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1998, Pontillo, C‑372/96, EU:C:1998:412, punt 24). |
|
32 |
Fil-fatt, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1114/88, l-operaturi kollha kkonċernati kienu jafu bis-sitwazzjoni ta’ inċertezza li tirriżulta mill-fatt li l-iffissar annwali tal-prezzijiet u tal-primjums kien għadu ma seħħx. B’mod partikolari, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx stabbilixxa l-prezzijiet u l-primjums relatati mal-ħsad tat-tabakk tas-sena 1992, dawn l-operaturi ma setgħux leġittimament jibbażaw l-aspettattivi tagħhom fuq iż-żamma ta’ ċertu livell tal-prezzijiet u tal-primjums inkwistjoni. |
|
33 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 727/70, l-ammont tal-primjum seta’ jiġi stabbilit, b’mod eċċezzjonali, għal kwalitajiet differenti minn dik meqjusa bħala kwalità ta’ riferiment, f’ammont ogħla jew inferjuri minn dak normalment applikabbli għat-tabakk kollu tal-varjetà inkwistjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92, moqri fid-dawl tal-ewwel, tat-tielet u tas-seba’ premessa tiegħu, dan ir-regolament kien intiż li jiskoraġġixxi l-produzzjoni ta’ klassijiet, ta’ kategoriji jew ta’ kwalitajiet inferjuri ta’ varjetajiet ta’ tabakk li kienu jippreżentaw diffikultajiet sabiex jinbiegħu bil-għan li tiġi limitata l-produzzjoni tat-tabakk fi ħdan l-Unjoni b’mod ġenerali. |
|
34 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2b(1) tar-Regolament Nru 1726/70, moqri flimkien mal-punt 8 tal-Anness ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-kuntratti ta’ kultivazzjoni konklużi bejn ix-xerrejja u l-produtturi kien fihom klawżola li tipprevedi negozjar mill-ġdid tal-prezz kuntrattwali fil-każ ta’ bidla, b’mod partikolari, fil-primjum imħallas lix-xerrejja. |
|
35 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati ma nkisrux mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92. |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2062/92 għal dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli ta’ dritt u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
Fuq l‑ispejjeż
|
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2062/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li jistabbilixxi, għall-ħsad tal‑1992, il-prezzijiet immirati, il-prezzijiet ta’ intervent u l-primjums mogħtija lix-xerrejja tal-folji tat-tabakk, il-prezzijiet ta’ intervent derivati għall-balal tat-tabakk, il-kwalitajiet ta’ riferiment u ż-żoni ta’ produzzjoni għal dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli ta’ dritt u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.