17.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/71

tat-12 ta' Diċembru 2017

li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE

(notifikata bid-dokument C(2017) 8339)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba mressqa minn DONG Energy A/S (DONG), (2) Eneco B.V. (Eneco) u N.V. Nuon Energy (Nuon) (minn hawn 'il quddiem “l-Applikanti”) permezz ta' ittra elettronika fit-30 ta' Jannar 2017,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

Billi:

1.   L-KUNTEST FATTWALI

(1)

Fit-30 ta' Jannar 2017, DONG, Eneco u Nuon ippreżentaw talba lill-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem “it-Talba”), skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, permezz ta' ittra elettronika.

(2)

It-Talba ppreżentata minn DONG, Eneco u Nuon, li huma meqjusa bħala entitajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE, tikkonċerna kif deskritt fit-talba “l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku”.

(3)

L-Applikanti huma “impriżi pubbliċi” fis-sens tad-Direttiva, peress li finalment huma kkontrollati minn awtoritajiet tal-Istat, u minn awtoritajiet reġjonali jew lokali:

(a)

DONG tagħmel parti minn DONG Energy group. Mit-total tal-ishma tal-kumpanija azzjonarja aħħarija DONG Energy, bħalissa 50,4 % huma miżmuma mir-Renju tad-Danimarka, li għandu kontroll esklużiv. Sa dan l-aħħar, ir-Renju tad-Danimarka kellu kontroll konġunt flimkien ma' Goldman Sachs (3), iżda f'IPO li saret fid-9 ta' Ġunju 2016, ir-Renju tad-Danimarka naqqas l-ishma tiegħu minn 58,8 %, iżda kiseb il-kontroll esklużiv ta' DONG. Skont ftehim politiku b'maġġoranza tal-Parlament Daniż, ir-Renju tad-Danimarka għandu jżomm il-maġġoranza tal-ishma tal-inqas sal-2020.

(b)

Eneco hija kkontrollata minn Eneco Holding B.V. L-ishma ta' Eneco Holding B.V. huma miżmuma minn 53 muniċipalità, li jinsabu prinċipalment fil-provinċji Netherlandiżi tal-Olanda tan-Nofsinhar, tal-Olanda tat-Tramuntana, Utrecht u Friesland.

(c)

L-ishma ta' Nuon huma miżmuma minn Vattenfall AB. Vattenfall AB hija kumpanija mhux elenkata, 100 % proprjetà tal-istat Żvediż.

(4)

Billi t-Talba ma kinetx akkumpanjata minn pożizzjoni adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti fis-sens tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet tan-Netherlands dwar it-Talba u talbet ukoll informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra elettronika tal-24 ta' Marzu 2017. It-tweġiba għal din it-talba għall-informazzjoni ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet tan-Netherlands permezz tal-ittra elettronika tad-19 ta' Ġunju 2017. It-tweġiba kienet meqjusa bħala mhux kompluta u wasslet biex il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki fis-27 ta' Lulju 2017, li l-awtoritajiet tan-Netherlands ipprovdew fil-25 ta' Settembru 2017.

(5)

Minħabba l-fatt li t-tweġibiet għat-talba għall-informazzjoni ma kinux waslu sad-data tal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni, il-limitu taż-żmien biex tittieħed deċiżjoni kien sospiż matul il-perjodu bejn id-data tal-iskadenza stabbilita fit-talba għall-informazzjoni (is-17 ta' April 2017), u d-data li fiha waslet l-informazzjoni kompluta (il-25 ta' Settembru 2017), għalhekk id-data tal-iskadenza l-ġdida għall-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni saret it-12 ta' Diċembru 2017.

2.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

(6)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta' kuntratti għat-twettiq ta' attivitajiet relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, sakemm din l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta' dik id-Direttiva.

(7)

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn din titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat.

3.   VALUTAZZONI

3.1.   Aċċess liberu għas-suq

(8)

L-aċċess jitqies bħala mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. Għas-settur tal-elettriku, din tirreferi għad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(9)

In-Netherlands ittrasponew id-Direttiva 2009/72/KE fil-Liġi nazzjonali permezz tal-Att dwar l-Elettriku tan-Netherlands tal-1998 (5) (Elektriciteitswet). Konsegwentement, u skont l-Artikolu 34(1), jenħtieġ li l-aċċess għas-suq jitqies bħala mhux ristrett għat-territorju kollu tan-Netherlands.

3.2.   Esponiment dirett għall-kompetizzjoni

(10)

Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi ta' indikaturi differenti, li l-ebda wieħed minnhom mhu minnu nnifsu deċiżiv. Fir-rigward tas-swieq li tikkonċernahom din id-Deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin f'suq partikolari huwa kriterju wieħed li għandu jitqies. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, jenħtieġ li jitqiesu wkoll aktar kriterji.

(11)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (6). Dan il-punt ġie kkonfermat ukoll mill-Qorti Ġenerali f'sentenza reċenti (7).

(12)

Wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-Talba humiex esposti għal tali livell ta' kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li jiżgura li, anki fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jsir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta' kriterji li jippermettu li x-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament. F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li, fis-suq ikkonċernat, mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku (8). Għalhekk, il-kumpaniji li mhumiex soġġetti għal dawk ir-regoli, meta jaġixxu f'dawk is-swieq, ikollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompettitiva fuq l-atturi tas-suq li huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku.

3.2.1.   Definizzjoni tas-suq tal-prodott

(13)

Skont il-Kawża preċedenti tal-Kummissjoni COMP M.4110 E.ON — ENDESA tal-25 ta' April 2006 (9), is-swieq tal-prodotti rilevanti li ġejjin setgħu jiġu osservati fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa; (ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-provvista bl-imnut. Filwaqt li wħud minn dawn is-swieq jistgħu jkunu suddiviżi aktar, sal-lum il-prassi (10) preċedenti tal-Kummissjoni ċaħdet id-distinzjoni bejn suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u suq tal-provvista bl-ingrossa billi l-ġenerazzjoni fil-fatt hija biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur, iżda l-volumi tal-elettriku ġġenerati huma kummerċjalizzati permezz tas-suq bl-ingrossa.

(14)

It-Talba minn DONG, Eneco u Nuon tikkonċerna l-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku.

(15)

L-Awtorità Netherlandiża għall-Konsumaturi u s-Swieq (Autoriteit Consument & Markt ACM) tqis li l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku jinkludu l-ġenerazzjoni kemm minn sorsi konvenzjonali kif ukoll minn sorsi rinnovabbli (11). F'dan il-każ, l-ACM osservat li l-enerġija tar-riħ hija parti mis-suq għall-bejgħ bl-ingrossa u għall-produzzjoni tal-elettriku (12). Din żiedet li l-elettriku ġġenerat mir-riħ qed jiġi nnegozjat fl-istess swieq tal-elettriku prodott minn sorsi oħra (13). Għalhekk, l-ACM iddeċidiet li ma tagħmilx valutazzjoni separata tal-bejgħ bl-ingrossa tal-enerġija mir-riħ.

(16)

L-Applikanti jqisu li s-sitwazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fin-Netherlands hija differenti mis-sitwazzjoni fil-Ġermanja u fl-Italja rispettivament. Skont l-Applikanti, l-elettriku minn sorsi rinnovabbli fin-Netherlands huwa soġġett għall-forzi tas-suq u għalhekk huwa interskambjabbli mal-elettriku minn sorsi konvenzjonali. F'dan ir-rigward, l-Applikanti jinnotaw li kull kumpanija tal-enerġija attiva fin-Netherlands għandha kumpanija kummerċjali. Il-kumpaniji kummerċjali jużaw l-attivitajiet kummerċjali biex jakkwistaw l-elettriku bi produzzjoni proprja u fis-suq sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn il-klijenti fis-swieq bl-imnut. Fi ħdan dan il-portafoll kummerċjali, l-elettriku minn sorsi rinnovabbli huwa kompletament interskambjabbli mal-enerġija minn sorsi konvenzjonali. Jekk jiksbu l-enerġija fis-suq, il-kumpaniji kummerċjali jixtru l-elettriku mis-swieq spot tal-kambju tal-enerġija, iżda anki permezz ta' ftehimiet bilaterali bħall-Ftehimiet għax-Xiri tal-Enerġija (PPA). Il-kumpaniji kummerċjali jidħlu f'PPAs ma' produtturi ta' enerġija minn sorsi konvenzjonali kif ukoll ma' produtturi ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-kumpaniji kummerċjali tal-kumpaniji tal-enerġija jikkompetu għall-bejgħ tal-PPAs mal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli li jbigħuh lill-partijiet tas-suq. L-Operatur tas-Sistema ta' Trażmissjoni (TSO) ma jakkwista l-ebda produzzjoni minn sorsi rinnovabbli. Għalhekk, skont l-Applikanti, il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli hija tabilħaqq soġġetta għall-forzi tas-suq, li jfisser li mhijiex meħtieġa ssegwi r-regoli Ewropej tal-akkwist pubbliku.

(17)

L-Applikanti jżidu li l-qafas legali għall-produtturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u dawk minn sorsi rinnovabbli huwa simili. Fil-fehma tagħhom, l-unika differenza sinifikanti hija s-sussidju riċevut mill-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, maħsub biex ikopri d-differenza bejn il-kost tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u l-prezz tas-suq. L-iskema ta' sussidju stabbilita fin-Netherlands hija magħrufa bħala Stimulering Duurzame Energieproductie (SDE+).

(18)

Fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet deċiżjonijiet ta' eżenzjoni fir-rigward tas-swieq tal-elettriku Ġermaniżi u Taljani (14). Għall-Ġermanja, il-Kummissjoni kkunsidrat li “l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku rregolati skont l-EEG” mhumiex parti mis-“suq għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali” għaliex l-“EEG normalment ma jinbiegħx direttament fis-suq tal-operaturi iżda l-ewwel jinxtara mill-operaturi tal-grid ta' trażmissjoni b'rata ta' ħlas statutorja”. Bl-istess mod, għall-Italja l-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq għall-“produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta' operaturi ta' elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli” huwa distint minn dak tas-“suq għall-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta' operaturi ta' elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali” għaliex il-“bejgħ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli li huma soġġetti għall-mekkaniżmi CIP 6 u FIT, isir l-iktar permezz tal-Operatur tas-Servizzi tal-Enerġija”. Ir-raġunijiet prinċipali li skonthom il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bħal din kienu, essenzjalment, il-fatt li l-prodotturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli jbigħu l-produzzjoni tagħhom lil entità mhux tas-suq (Operatur tas-Sistema ta' Trażmissjoni — TSO fil-Ġermanja u l-Amministratur tas-Servizzi tal-Enerġija — (Gestore dei Servizi Energetici — GSE) fl-Italja). Kunsiderazzjonijiet addizzjonali mressqa f'dawn iż-żewġ preċedenti kienu: (i) enerġija rinnovabbli bi prijorità feed-in; (ii) rata ta' ħlas statutorja. Il-Kummissjoni qalet li għaldaqstant fil-Ġermanja u fl-Italja, il-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ma kinitx soġġetta għall-forzi tas-suq.

(19)

F'dan il-każ, il-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli jbigħu l-elettriku tagħhom direttament fis-suq bl-ingrossa, f'kompetizzjoni ma' produtturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali.

(20)

Barra minn hekk, l-Att dwar l-Elettriku tan-Netherlands ma jagħtix mandat lill-prijorità feed-in għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. L-aċċess prijoritarju għall-enerġija rinnovabbli huwa previst fir-regoli tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni u japplika biss f'każ ta' konġestjoni fil-grilja. Madankollu, ta' min jinnota li f'dawn l-aħħar snin ma kien hemm l-ebda kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni fin-Netherlands.

(21)

L-uniku element komuni mal-preċedenti Ġermaniż u Taljan jirrigwarda r-rata ta' remunerazzjoni statutorja. Madankollu, għandu jiġi nnutat li anke dan l-element jippreżenta differenzi sinifikanti meta mqabbel ma' dawn iż-żewġ preċedenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-allokazzjoni tas-sussidju SDE+ hija esposta għall-kompetizzjoni permezz ta' proċess ta' offerti, li jiddixxiplina l-imġiba tal-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fir-rigward tal-politika tal-akkwist tagħhom (15). Tabilħaqq, taħt l-iskema tas-sussidju SDE+, proġetti b'teknoloġiji rinnovabbli differenti jridu jikkompetu għal ammont determinat minn qabel ta' fondi disponibbli. Dik il-kompetizzjoni hija teknoloġikament newtrali. Il-proġetti u/jew it-teknoloġiji li jippreżentaw l-offerta bl-irħas prezz se jkunu l-ewwel li jirċievu sussidju, sakemm ma jkunx fadal iżjed fondi għas-sussidju. Għalhekk, is-sistema Netherlandiża SDE+ tixpruna offerti kompetittivi, filwaqt li l-kompetituri jippruvaw jimminimizzaw il-kostijiet tagħhom (u b'hekk il-valur tas-sussidju).

(22)

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fin-Netherlands huma soġġetti għal limitazzjonijiet kompetittivi.

(23)

Filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-elettriku Netherlandiż, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq rilevanti tal-prodott huwa b'dan definit bħala s-suq għall-ġenerazzjoni u għall-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku prodott kemm minn sorsi konvenzjonali u kemm minn sorsi rinnovabbli.

3.2.2.   Definizzjoni tas-suq ġeografiku

(24)

Skont l-applikazzjoni, it-talba għandha x'taqsam mal-attivitajiet fit-territorju tan-Netherlands.

(25)

Fid-deċiżjoni tagħha dwar RWE/Essent (16), il-Kummissjoni qieset li l-ambitu ġeografiku tas-suq kien daqs il-Ġermanja u n-Netherlands (għas-sigħat kwieti) u nazzjonali (għas-sigħat bl-aktar traffiku), jew nazzjonali (għas-sigħat kollha) — jiġifieri skont jekk issirx distinzjoni ulterjuri bejn is-sigħat kwieti u s-sigħat bl-aktar traffiku (17).

(26)

Fil-Kawża Nuon-Reliant, l-AMC osservat li s-suq għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku tal-inqas għandu ambitu nazzjonali (18). L-ACM qieset il-pressjoni kompetittiva tal-importazzjonijiet. L-ACM osservat li s-suq ġeografiku tal-inqas għas-sigħat kwieti jkopri n-Netherlands u l-Ġermanja (19). Madankollu, l-ACM innotat ukoll li waqt domanda għolja, il-pressjoni kompetittiva tal-importazzjonijiet kienet ristretta minħabba l-kapaċità limitata tal-interkonnessjoni. L-ACM osservat li kien hemm korrelazzjoni limitata bejn il-prezzijiet fin-Netherlands u dawk fil-Ġermanja.

(27)

Tabilħaqq l-ACM irreferiet għal indikazzjonijiet li s-suq ġeografiku jista' jkun usa' minn dak nazzjonali matul is-sigħat bl-aktar traffiku wkoll. L-ACM bassret li dak ikun il-każ kieku l-kapaċità tal-importazzjoni effettivament disponibbli kellha tiżdied għal tal-inqas 6 500 MW (20). Minbarra n-Netherlands, dak is-suq ikun jinkludi wkoll il-Ġermanja jew il-Belġju. Mhux hekk biss, f'każ li jkun hemm suq għal “sigħat bi traffiku għoli ħafna” (super peak) (li fl-aħħar mill-aħħar l-ACM ħalliet bħala possibbiltà) (21), is-suq ġeografiku jkun jinkludi tal-inqas in-Netherlands u l-Ġermanja kieku l-kapaċità tal-importazzjoni effettivament disponibbli kellha tiżdied għal tal-inqas 8 250 MW (22).

(28)

Mid-deċiżjoni tal-kawża Nuon/Essent, kien hemm diversi proġetti bl-għan li jżidu l-kapaċità ta' interkonnessjoni minn u lejn in-Netherlands. Il-kejbil NorNed bejn in-Norveġja u n-Netherlands ilu jiffunzjona mill-2008 b'kapaċità ta' 700 MW. Il-kejbil BritNed bejn il-Gran Brittanja u n-Netherlands ilu jiffunzjona mill-2011 b'kapaċità ta' 1 000 MW. Għaddejjin ħafna proġetti oħra:

Fruntiera

Interkonnettur

Kapaċità (MW)

Mibni

Il-Ġermanja

Doetinchem-Wesel (ġdid)

1 500

2016 (dħul fis-servizz fl-2018)

Il-Ġermanja

Meeden-Diele (tkabbir)

500

2018

Id-Danimarka

COBRA

700

2019

Il-Belġju

Kreekrak-Zandvliet

700-900

2021

(29)

Iż-żieda sinifikanti fil-kapaċità tal-interkonnessjoni bejn in-Netherlands u l-pajjiżi ġirien x'aktarx kellha impatt favorevoli fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tan-Netherlands.

(30)

Il-Kummissjoni tinnota l-importanza dejjem akbar tal-importazzjonijiet fuq is-suq tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku tan-Netherlands u hija tal-fehma li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, u bla preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku tan-Netherlands jenħtieġ li jitqies li tal-inqas għandu ambitu nazzjonali.

3.2.3.   Analiżi tas-suq

(a)   Ishma tas-suq

(31)

F'deċiżjonijiet preċedenti (23), il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tas-suq tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa, is-sehem akkumulat fis-suq tal-akbar tliet impriżi huwa rilevanti. Madankollu, peress li mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku, l-analiżi tiffoka fuq il-pożizzjoni tas-suq u d-diffikultajiet kompetittivi min-naħa tal-atturi individwali tas-suq soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. Jistgħu jitqiesu rilevanti wkoll miżuri oħra ta' konċentrazzjoni.

(32)

Fi Frar 2015, l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tan-Netherlands (Centraal Bureau voor de Statistiek, minn hawn 'il quddiem is-“CBS”), ħareġ rapport dwar is-suq tal-elettriku fin-Netherlands (24). Skont ir-rapport, il-kapaċità installata fin-Netherlands kienet ta' madwar 31,5 GW, li minnha 20,1 GW kienet kapaċità installata ċentralizzata u 11,5 GW kienet kapaċità installata deċentralizzata. Il-produzzjoni ċentrali hija ddefinita bħala produzzjoni tal-elettriku minn sorsi termali jew impjanti nukleari li jfornu direttament fil-grilja ta' vultaġġ għoli. Kull produzzjoni oħra tal-elettriku tissejjaħ produzzjoni deċentralizzata, minn installazzjonijiet termali, mill-enerġija tar-riħ, mill-enerġija tal-ilma u mill-enerġija solari.

Tabella 1

Kapaċità installata (MW u n-numru ta' stallazzjonijiet) fl-2012, fl-2013 u fl-2014

 

2012 (MW)

2012 (numru)

2013 (MW)

2013 (numru)

2014 (MW)

2014 (numru)

Ċentralizzata

19 025

48

20 132

50

21 515

49

Deċentralizzata

10 905

6 405

11 408

6 451

11 799

6 445

Totali

29 930

6 453

31 540

6 501

33 314

6 494

(Sors: CBS).

(33)

L-Applikanti jipprovdu wkoll iċ-ċifri tal-produzzjoni tagħhom stess, inkluż separazzjoni bejn il-produzzjoni tal-enerġija elettrika konvenzjonali u dik rinnovabbli. It-tabella turi li l-produzzjoni ġenerali naqset bil-mod, filwaqt li l-ishma ta' DONG u Eneco fil-produzzjoni ġenerali żdiedu bil-mod. Il-produzzjoni ġenerali ta' Nuon baqgħet relattivament stabbli. Flimkien, l-Applikanti għandhom sehem approssimattiv ta' anqas minn 20 % tal-ġenerazzjoni globali. Is-sehem konġunt tagħhom mis-suq mhuwiex differenti b'mod sinifikanti bejn il-ġenerazzjoni ta' enerġija konvenzjonali u dik rinnovabbli.

Tabella 2

Ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika, rinnovabbli u konvenzjonali (miljuni ta' MWh), 2011-2015 (dejta provviżorja)  (25) l-ishma tas-suq bejn il-parenteżi

Ġenerazzjoni

2011

2012

2013

2014

2015

Ġenerazzjoni

113 000

102 500

100 900

103 400

109 600

Dong

500 (0,5 %)

600 (0,6 %)

500 (0,5 %)

1 300 (1,2 %)

1 300 (1,2 %)

Eneco

1 500 (1,3 %)

2 200 (2,2 %)

1 500 (1,5 %)

2 600 (2,5 %)

4 900 (4,4 %)

Nuon

13 400 (11,9 %)

13 100 (12,8 %)

17 100 (17 %)

13 900 (13,4 %)

13 700 (12,5 %)

Oħrajn

97 500 (86,3 %)

86 600 (84,5 %)

81 800 (81 %)

85 700 (82,8 %)

89 700 (81,8 %)

Konvenzjonali

101 000

90 000

88 900

91 600

96 400

Dong

[…] (*1)

(…)

(…)

(…)

(…)

Eneco

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Nuon

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Oħrajn

86 900 (86,1 %)

75 500 (83,9 %)

71 400 (80,3 %)

75 900 (82,9 %)

79 400 (82,3 %)

Rinnovabbli

12 000

12 500

12 000

11 800

13 200

Dong

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Eneco

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Nuon

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Oħrajn

10 600 (88,4 %)

11 100 (88,5 %)

10 400 (86,4 %)

9 800 (82,7 %)

10 300 (77,9 %)

(34)

Fil-25 ta' Settembru 2017, l-awtoritajiet tan-Netherlands ipprovdew dejta addizzjonali. Din tinsab miġbura fil-qosor fit-tabella hawn taħt.

Operatur

Sehem mis-suq

2013

2014

2015

Delta

Produzzjoni:

Kapaċità:

(…)

(…)

(…)

DONG

Produzzjoni:

Kapaċità:

(…)

(…)

(…)

FEŻ

Produzzjoni:

Kapaċità:

(…)

(…)

(…)

Eneco

Produzzjoni:

Kapaċità:

(…)

(…)

(…)

NUON

Produzzjoni:

Kapaċità:

(…)

(…)

(…)

(35)

Id-dejta pprovduta kemm mill-Applikanti (26) kif ukoll mill-awtoritajiet tan-Netherlands turi li produtturi oħrajn tal-elettriku, li flimkien għandhom sehem tas-suq kumulattiv ta' bejn 70 % u 80 %, mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist.

(36)

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li jkun stabbilit jekk l-attivitajiet mill-ġenerazzjoni u mill-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku humiex esposti għal tali livell ta' kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess huwa bla ħlas) li jkun jiżgura li, anki fin-nuqqas tad-dixxiplina introdotta mir-regoli dettaljati dwar l-akkwisti kif stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-entità kontraenti li tidentifika s-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament.

(37)

Fir-rigward tal-ġenerazzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, il-fatti hawn fuq jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni tal-atturi fis-suq, li huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist.

(b)   Fatturi oħra

(38)

Il-livell ta' importazzjonijiet fin-Netherlands huwa ta' 28 % tal-provvista u l-konsum totali. Dan pereżempju huwa ogħla mill-importazzjonijiet tal-elettriku fl-Italja (13,4 %) meta ġie vvalutat is-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku Taljan (27). Il-Kummissjoni sabet li dawn l-importazzjonijiet kellhom effett prokompetittiv, u jistgħu biss jitjiebu aktar hekk kif tkun disponibbli kapaċità ta' interkonnessjoni addizzjonali. Il-kobor tal-importazzjonijiet fis-suq tan-Netherlands jkompli jsaħħaħ l-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tan-Netherlands huma esposti għall-kompetizzjoni.

(39)

Il-grad ta' likwidità fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa, kif analizzat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (l-ACM (28)), u l-funzjonament tal-ibbilanċjar tas-suq tan-Netherlands ma jopponux il-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq tal-produzzjoni tan-Netherlands huma esposti għall-kompetizzjoni.

4.   KONKLUŻJONIJIET

(40)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, jenħtieġ li l-kundizzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE titqies li hija ssodisfata fir-rigward tal-entitajiet kontraenti b'relazzjoni mal-produzzjoni u mal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands.

(41)

Barra minn hekk, billi qed jitqies li ġiet issodisfata l-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE ma tkunx tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsubin biex jippermettu li jitwettqu l-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands u lanqas meta jorganizzaw konkorsi ta' disinn biex issir tali attività f'dik iż-żona ġeografika.

(42)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Jannar 2017 sa Novembru 2017 kif jidher mill-informazzjoni mogħtija mill-Applikanti u mill-Awtoritajiet tan-Netherlands. Din tista' tiġi riveduta, f'każ li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati, wara bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali.

(43)

Jitfakkar li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) jistipula eżenzjoni mill-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti fejn, għall-Istat Membru li fih ikunu se jitwettqu l-konċessjonijiet, ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li l-attività hija esposta direttament għall-kompetizzjoni f'konformità mal-Artikolu 34 ta' dik id-Direttiva. Billi ġie konkluż li l-attività tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku hija soġġetta għall-kompetizzjoni, il-kuntratti ta' konċessjoni maħsubin biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fin-Netherlands se jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE.

(44)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsubin biex jippermettu l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  Dan jinkludi l-attivitajiet ta':

1.

(Is-sussidjarji ta') DONG Energy Wind Power A/S, li hija sussidjarja 100 % indiretta ta' DONG. Din l-entità hija wkoll dik li tippreżenta formalment it-talba għall-eżenzjoni f'isem DONG.

2.

DONG Energy Netherlands B.V., li indirettament għandha sehem ta' 50 % fl-impjant tal-enerġija Enecogen

(3)  Ara l-Kawża Nru COMP/M.7068.

(4)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(5)  Wet van 12-7-2012, Stb. 2012, 334 en Inwerkingtredingsbesluit van 12-7-2012, Stb. 2012, 336.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(7)  Is-Sentenza tas-27 ta' April 2016, Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243, il-paragrafu 28.

(8)  Skont it-Talba, Delta, DONG, EDF, Eneco u Nuon biss huma entitajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE, li għaldaqstant huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku.

(9)  Il-Kawża COMP M.4110 E.ON – ENDESA, tal-25 ta' April 2006, il-paragrafi 10 u 11, p. 3.

(10)  Il-Kawża COMP/M.3696 E.ON – MOL tal-21 ta' Jannar 2005, il-paragrafu 223, il-Kawża COMP/M.5467, RWE- ESSENT tat-23 ta' Ġunju 2009, il-paragrafu 23.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-ACM il-Kawża 6015 Nuon/Essent tal-21 ta' Mejju 2007, il-paragrafu 53.

(12)  Nuon/Essent, il-paragrafi 14, 174.

(13)  Barra minn hekk, l-ACM innotat li, għall-utenti aħħarin, is-sors preċiż tal-elettriku ma għadux traċċabbli. Jista' jkun hemm ċertu grad ta' traċċabilità relatat mal-garanziji tal-oriġini, iżda l-elettriku nnifsu li l-klijenti (aħħarin) jixtru għad mhuwiex traċċabbli sas-sors.

(14)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/218/UE tal-24 ta' April 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 21) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/539/UE tas-26 ta' Settembru 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell ta' operaturi ta' elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali fil-Makrożona tat-Tramuntana u l-Makrożona tan-Nofsinhar fl-Italja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/UE (ĠU L 271, 5.10.2012, p. 4).

(15)  Fl-2015, l-iskema tas-sussidju SDE+, tqieset kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat, billi tillimita għal livell minimu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni — Ara SA.39399 (2015/N).

(16)  Il-Kawża COMP/M.5467, C(2009) 5177.

(17)  RWE/Essent, il-paragrafu 32.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-ACM fil-Kawża 5098/E.ON–NRE; Id-Deċiżjoni tal-ACM fil-Kawża 3386/Nuon – Reliant Energy Group.

(19)  Vision document [on] concentrations [in the] energy markets', ippubblikat f'Novembru 2006 mill-Awtorità Netherlandiża għall-Kompetizzjoni (NMa), il-paragrafu 139.

(20)  Idem, il-paragrafu 139.

(21)  Idem, il-paragrafi 29, 72 u definizzjoni preċedenti fil-kawża Nuon/Reliant fin-nota ta' qiegħ il-paġna 4: “ Super peak is the electricity needed on working days between 8:00 and 20:00 ” (traffiku għoli ħafna huwa l-elettriku meħtieġ fil-jiem tax-xogħol bejn it-8:00 u t-20:00).

(22)  Idem, il-paragrafu 139. Nuon/Essent, il-paragrafu 91.

(23)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/218/UE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/539/UE.

(24)  Centraal Bureau voor de Statistiek, “Elektriciteit in Nederland”, Frar 2015, ara https://www.cbs.nl/nl-nl/publicatie/2015/07/elektriciteit-in-nederland

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(25)  http://statline.cbs.nl/Statweb/publication/?DM=SLNL&PA=00377&D1=a&D2=701,712,714-715,718,729,731-732&HDR=G1&STB=T&VW=T (Sors: CBS).

(26)  Skont it-Talba, it-taqsima 5.2.3.

(27)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/UE tal-14 ta' Lulju 2010 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana fl-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta' vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44), il-premessa 11.

(28)  Fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar il-likwidità, ippubblikat fl-2014, l-ACM ikkonkludiet li l-likwidità tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku (eż. iżjed volumi nnegozjati, inqas volatilità tal-prezzijiet u differenza iżgħar bejn il-prezz tat-talba u dak tal-offerta) jidher li żdiedet matul il-perjodu 2009-2013. L-ACM innotat ukoll li n-numru ta' tranżazzjonijiet fi prodotti tal-istess ġurnata fl-2013 żdied aktar mid-doppju meta mqabbel mal-2012.

(29)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).