KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑17 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )
Kawża C‑386/23
Novel Nutriology GmbH
vs
Verband Sozialer Wettbewerb eV
(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Indikazzjonijiet nutrittivi u dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel – Artikolu 10(1) u (3) – Kundizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa – Artikolu 28(5) u (6) – Miżuri tranżitorji – ‘Sustanzi botaniċi’ li huma s‑suġġett ta’ reklamar permezz ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa – Assenza fit-tul ta’ evalwazzjoni mill-Awtorità Ewropea għas‑Sigurtà tal-Ikel (EFSA) u ta’ eżami mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal‑inklużjoni fil-listi msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw ‘sustanzi botaniċi’ – Applikabbiltà tar‑Regolament Nru 1924/2006”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel jistipula, fl-Artikolu 10(1) tiegħu, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, b’mod partikolari, ma humiex inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament huma pprojbiti u, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas‑saħħa jista’ jsir biss jekk ikun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża f’dawn il-listi. |
|
2. |
Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi, użati għal raġunijiet ta’ reklamar, huma awtorizzati bis-saħħa tal‑Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni Ewropea għadha ma ddeċidietx dwar l-inklużjoni ta’ tali indikazzjonijiet fil-listi msemmija f’dawn l-Artikoli 13 u 14? Din hija, essenzjalment, id-domanda ġdida magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). |
|
3. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Verband Sozialer Wettbewerb eV (iktar ’il quddiem il-“VSW”), assoċjazzjoni Ġermaniża li, skont l-istatuti tagħha, għandha l-missjoni li tiddefendi l-interessi kummerċjali tal-membri tagħha, u Novel Nutriology GmbH, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż, dwar kawża għal inibizzjoni tal-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li jirrigwardaw sustanzi botaniċi, li jinsabu fis-sit internet ta’ din il-kumpannija bil-ħsieb li jirreklamaw suppliment tal-ikel. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal-Unjoni
1. Ir‑Regolament Nru 1924/2006
|
4. |
Skont il-premessi 9, 14, 16, 17, 23 u 35 tar-Regolament Nru 1924/2006:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
5. |
Il-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 1 u 2 tiegħu. L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. 2. Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in‑nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…] 2. Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll: […]
[…]” |
|
7. |
Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 3 sa 7 tiegħu. L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha”, jistipula: “Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil‑Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Bla ħsara għad-Direttivi 2000/13/KE [ ( 5 )]u [84/450], l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux: a) ikun falz, ambigwu jew qarrieqi; […]” |
|
8. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sostanzjament xjentifiku għall-indikazzjonijiet”, huwa redatt kif ġej fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali. 2. Operatur ta’ negozju ta’ l-ikel li jagħmel indikazzjoni dwar in‑nutrizzjoni jew is-saħħa għandu jiġġustifika l-użu ta’ l-indikazzjoni.” |
|
9. |
Il-Kapitolu IV tal-istess regolament, intitolat “Indikazzjonijiet dwar is-saħħa”, jinkludi l-Artikoli 10 sa 19 tiegħu. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi”, jistipula, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14. 2. Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fuq it-tikketta, jew jekk tali tikketta ma teżistix, fil-preżentazzjoni u r-reklamar:
3. Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar is‑saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14.” |
|
10. |
L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għajr dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju ta’ mard u għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal”, jistipula, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Indikazzjonijiet li jiddeskrivu jew jirreferu għal:
[…] li huma indikati fil-lista prevista fil-paragrafu 3 jistgħu jsiru mingħajr ma jgħaddu mill- proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 19, jekk ikunu: i) ibbażati fuq evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali, u ii) mifhuma sew mill-konsumatur medju. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’listi ta’ indikazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn 31 ta’ Jannar 2008 akkumpanjati mill-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom u b’referenzi għall-ġustifikazzjoni xjentifika rilevanti. 3. Wara li tikkonsulta lill-[EFSA], il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il‑proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), lista Komunitarja, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir‑Regolament billi tissupplimentah, ta’ indikazzjonijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010.” |
|
11. |
Il-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali u finali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 29 tiegħu. L-Artikolu 28 tal-istess regolament, intitolat “Miżuri transitorji”, jistipula, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:
|
2. Ir‑Regolament (UE) Nru 432/2012
|
12. |
Skont il-premessi 10 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 ( 6 ) tas‑16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal:
|
3. Ir‑Regolament (UE) Nru 536/2013
|
13. |
Il-premessi 4, 5 u 9 tar-Regolament ta-Kummissjoni (UE) Nru 536/2013 ( 7 ) tal‑11 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal jistipulaw:
[…]
|
B. Id‑dritt Ġermaniż
|
14. |
L-Artikolu 3 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 ( 9 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”), intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali”, jistipula: “(1) Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali. (2) Il-prattiki kummerċjali li huma diretti lejn jew li jilħqu l-konsumaturi huma żleali meta ma jkunux konformi mad-diliġenza li l-imprendituri huma obbligati jwettqu u meta jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw sostanzjalment l-aġir ekonomiku tal-konsumatur. […]” |
|
15. |
L-Artikolu 3a ta’ din il-liġi, intitolat “Ksur tad-dritt”, jistipula: “Persuna twettaq att żleali meta tikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, ta’ atturi oħra tas-suq jew tal-kompetituri.” |
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
16. |
Novel Nutriology tbigħ is-suppliment tal-ikel imsejjaħ “o’gænics Adapto-Genie ANTI-STRESS-KOMPLEX” (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”). Hija rreklamat dan il-prodott fuq is-sit internet tagħha billi użat l-indikazzjonijiet segwenti, relatati mal-komponenti tiegħu “estratt ta’ żagħfran” u “estratt tal-meraq tal-bettieħ” (iktar ’il quddiem l-“indikazzjonijiet inkwistjoni”): “1. Estratt ta’ żagħfran itejjeb il-burdata. 2. L-estratt ta’ żagħfran Safr’Inside li jinsab fl-Adapto-Genie ġie ttestjat fuq 50 parteċipant matul perijodu ta’ 30 jum fil-qafas ta’ studju miftuħ. B’doża ta’ kuljum ta’ 30 mg ta’ Safr’Inside, 77 % tal-parteċipanti fl-istudju, wara biss ġimagħtejn ta’ konsum, ħassew titjib fl-ekwilibriju emozzjonali, ħassewhom iktar ottimisti u iktar ferħana. 66 % tal-parteċipanti wkoll ħassewhom iktar rilassati u iktar dinamiċi. Wara 30 jum, il-kwalità tal-irqad tjiebet għal 11 % tal-parteċipanti. 3. L-estratt tal-meraq tal-bettieħ b’azzjoni ta’ superossidu dismutase, fil-qafas ta’ studji, wera tnaqqis ta’ sentimenti ta’ stress u ta’ għeja fi tmiem erba’ ġimgħat. Barra minn hekk, l-irritabbiltà u l-għeja naqsu b’63 %, li wassal għal titjib notevoli tal-kwalità tal-ħajja.” |
|
17. |
Skont VSW, l-indikazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu indikazzjonijiet dwar is-saħħa pprojbiti bl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006. Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2019, din l-assoċjazzjoni intimat lil Novel Nutriology sabiex din tal-aħħar tiddikjara li hija timpenja ruħha li ma tużax dawn l-indikazzjonijiet. Din il-kumpannija ma weġbitx għal din it-talba |
|
18. |
VSW ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hambourg, il-Ġermanja), intiż sabiex jipprojbixxi, taħt penalità, lil Novel Nutriology milli tippromwovi fil‑kummerċ tagħha l-prodott ikkonċernat bl-użu tal-indikazzjonijiet inkwistjoni ( 10 ). Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. Novel Nutriology appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hambourg, il-Ġermanja), li ċaħdet dan l-appell. |
|
19. |
Novel Nutriology ippreżentat appell għal Reviżjoni kontra s‑sentenza tal-qorti tal-appell quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-qorti tar-rinviju, li tirrileva li, skont il‑ġurisprudenza tagħha, il-fatt li l-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 għad ma humiex stabbiliti fl-intier tagħhom ma jipprekludix, bħala regola, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, ma hijiex deċiża l-kwistjoni dwar jekk, meta jsir reklamar ta’ sustanzi botaniċi permezz ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa jew meta jsir riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas‑saħħa, l-Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament japplikax sakemm l-evalwazzjoni mill-EFSA u l-eżami mill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni fil-listi msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ( 11 ) tal-istess regolament ma jkunux intemmu fir-rigward tas-sustanzi botaniċi. Dan il-punt huwa deċiżiv biex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali sa fejn, skont din il‑qorti, fil-każ fejn l-Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 huwa applikabbli, it-talbiet imressqa mill-VSW huma fondati għaliex l-indikazzjonijiet inkwistjoni jiksru dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
20. |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li, skont interpretazzjoni inizjali ( 12 ), l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament ma għandux japplika f’kawża bħall-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda biss projbizzjoni limitata ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa ġenerali u mhux speċifiċi. Minn dan jirriżulta li riferimenti ta’ natura ġenerali għas-saħħa ma humiex ipprojbiti ħlief jekk ma jkunux akkumpanjati minn indikazzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-listi msemmija fl-Artikoli 13 jew 14 tal-imsemmi regolament, u dan jippresupponi li dawn il-listi huma stabbiliti. Inkella, kuntrarjament għall-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija wkoll espressa b’mod ċar fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 28 tal-istess regolament, dan tal-aħħar jistipula, fl-ewwel lok, regola iktar ristretta minn dik li tapplika wara. Minħabba s-sospensjoni mill-EFSA u mill-Kummissjoni tal-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet relatati mas-“sustanzi botaniċi”, operatur fis-settur tal-ikel ma jkunx jista’ jikseb deċiżjoni dwar l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa u, konsegwentament, li jistgħu jakkumpanjaw riferiment ta’ natura ġenerali għas-saħħa ta’ tali indikazzjonijiet dwar is‑saħħa. Is-sempliċi fatt li l-listi msemmija fl-Artikoli 13 jew 14 tar‑Regolament Nru 1924/2006 ma humiex stabbiliti u li t-talbiet għall-inklużjoni relatati għas-sustanzi veġetali ma ġewx ipproċessati joħloq għalhekk sitwazzjoni legali li ma tikkorrispondix mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-prinċipju li dan ir-regolament ma japplikax sakemm il-Kummissjoni tibqa’ ma taġixxix jirrigwarda wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-persuna li kontra tagħha saret kawża għal inibizzjoni ma talbitx l-inklużjoni fil-listi ta’ indikazzjonijiet speċifiċi, peress li tali talba ma jkollha l-ebda ċans li tintlaqa’ fil-futur qrib minħabba s-sospensjoni tal-eżami tal‑indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mas-sustanzi botaniċi. |
|
21. |
Skont l-istess qorti, ikompli jsostni l-inapplikabbiltà tal‑Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament il-fatt li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal diversi snin jista’ jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni sproporzjonata għall-libertà ta’ impriża stabbilita fl‑Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll bħala differenza fit-trattament mhux iġġustifikata fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ reklamar offruti lill-kompetituri li t-talbiet tagħhom ta’ inklużjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa fil‑listi Komunitarji jirrigwardaw ikel evalwat mill-EFSA u eżaminati mill-Kummissjoni. |
|
22. |
Skont interpretazzjoni oħra, deskritta mill-qorti tar-rinviju bħala “maġġoritarja” ( 13 ), l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu japplika għas-sustanzi botaniċi, sakemm riferiment ta’ natura ġenerali mhux speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa li hija “sospiża” u jista’ jkompli jintuża skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) ta’ dan ir-regolament. Jimmilita favur din l-interpretazzjoni l-fatt li l-kliem tal‑Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament ma jagħmilx distinzjoni dwar jekk l-indikazzjonijiet humiex relatati jew le ma’ “sustanzi botaniċi”. |
|
23. |
Barra minn hekk, l-għan ta’ dan l-Artikolu 10(1) u (3) jidher li jipprekludi li r-reklamar li juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux speċifiċi relatati ma’ “sustanzi botaniċi” jista’ jiġi totalment eżentat mil-limitazzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet fl-assenza ta’ evalwazzjoni xjentifika sħiħa tal-indikazzjonijiet speċifiċi ta’ saħħa li għandhom jakkumpanjawhom. Fil-fatt, hemm riskju li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiddistingwu bejn is-supplimenti tal-ikel u l-prodotti mediċinali bbażati fuq pjanti u li, kuntrarjament għall-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, l-użu ta’ supplimenti tal-ikel li fihom indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux ivverifikati jista’ jkompli jpoġġi f’perikolu s-saħħa tal-pazjenti ( 14 ). Barra minn hekk, fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 432/2012 u fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 536/2013, il-Kummissjoni enfasizzat li l-indikazzjonijiet li l-eżami tagħhom għadu ma ntemmx jibqgħu jissemmew fuq is-sit internet tagħha u jistgħu jkomplu jiġu użati bis-saħħa tal-Artikolu 28(5) u (6) tar‑Regolament Nru 1924/2006, li jista’ jkun biżżejjed sabiex jitqies l-interess leġittimu ta’ impriżi li jirreklamaw sabiex ikunu jistgħu jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’dak li jirrigwarda “sustanzi botaniċi”. |
|
24. |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li Novel Nutriology ma ressqitx talba fis-sens tal-Artikolu 28(6)(b) ta’ dan ir-regolament qabel id‑19 ta’ Jannar 2008. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell ikkonstatat, u dan ma ġiex ikkontestat fil-qafas tal-appell fir-Reviżjoni, li ma tressqet ebda talba minn din il-kumpannija f’dak li jirrigwarda l-estratt tal-meraq tal-bettieħ u li dik mressqa fir-rigward tal-estratt ta’ żagħfran kienet datata 13 ta’ Jannar 2009. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal‑Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Huwa permess li jsir reklamar ta’ sustanzi veġetali jew ta’ sustanzi bbażati fuq pjanti msejħa ‘sustanzi botaniċi’ billi jintużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa (Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006) jew billi jsiru referenzi għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas‑saħħa u fuq il-benesseri marbut mas-saħħa (Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006), mingħajr ma dawn l-indikazzjonijiet ikunu ġew awtorizzati konformement ma’ dan ir-regolament u jkunu inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (Artikolu 10(1) tar-Regolament) jew mingħajr ma dawn ir-referenzi jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni tas-saħħa speċifika inkluża fil-listi msemmija fl-Artikolu 13 jew 14 tar‑Regolament (Artikolu 10(3) tar-Regolament), sakemm l‑evalwazzjoni mill-[EFSA] u l-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal‑inklużjoni fil-listi Komunitarji skont l-Artikoli 13 u 14 tar‑Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-indikazzjonijiet relattivi għal ‘sustanzi botaniċi’ nnotifikati jkunu għadhom ma ntemmux?” |
|
26. |
Novel Nutriology, il-VSW, il-Gvern Elleniku u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-VSW, il-Gvern Elleniku u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li saret fl‑20 ta’ Ġunju 2024 ( 15 ). |
IV. Analiżi
|
27. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jopponi li jkun awtorizzat ir-reklamar għal “sustanzi botaniċi” billi jintużaw indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, jew billi jsir riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas-saħħa, fis‑sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma dawn l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa jidhru fil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tal-istess regolament jew mingħajr ma dan ir-riferiment ikun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża f’dawn il-listi, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx temmet l-eżami dwar l-inklużjoni fl-imsemmija listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw is-sustanzi botaniċi. |
|
28. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti ħlief jekk ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal‑Kapitolu II u mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu IV u jekk ikunu awtorizzati b’mod konformi ma’ dan ir-regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan tal‑aħħar ( 16 ). Għalhekk, l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament jistipula projbizzjoni bħala prinċipju ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 tal-istess regolament ( 17 ). |
|
29. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, ma jistax isir riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas‑saħħa u fuq il-benesseri relatat mas-saħħa ħlief jekk tali riferiment ikun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża fil‑listi msemmija fl-Artikolu 13 jew 14 ta’ dan ir-regolament. Skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tintroduċi għalhekk distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, jiġifieri, minn naħa, l-indikazzjoni “speċifika” ta’ saħħa, inkluża fil-listi inkwistjoni skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni “ġenerali” ta’ saħħa li tikkostitwixxi riferiment għal dawn l-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, li għandha tkun akkumpanjata minn indikazzjoni dwar is-saħħa inkluża f’dawn l-istess listi ( 18 ). |
|
30. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l‑indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati msemmija mill-imsemmi regolament, għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod strett u minn dan isegwi li indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa minn dan l-istess regolament ( 19 ). Madankollu, huwa biżżejjed, għal dan il-għan, li r-riferimenti għall‑effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas-saħħa jkunu akkumpanjati minn indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa ssostanzjati minn provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati li jkunu ġew ivverifikati u awtorizzati, sakemm dawn l-aħħar indikazzjonijiet huma inklużi fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament ( 20 ). |
|
31. |
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprevedi miżuri tranżitorji, li, kif tistipula l-premessa 35 ta’ dan ir‑regolament, huma intiżi sabiex l-operaturi tas-settur tal-ikel jadattaw għar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament. Fir-rigward tal‑indikazzjonijiet dwar is-saħħa, dawn il-miżuri tranżitorji huma previsti fl‑Artikolu 28(5) u (6) tal‑istess regolament ( 21 ). F’dan ir-rigward, mill-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012 jirriżulta li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għadhom sospiżi, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ evalwazzjoni xjentifika mill-EFSA, jistgħu jibqgħu jintużaw skont il‑miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006. |
|
32. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati u l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi, suġġetti għal sistema tranżitorja, jistgħu, bħala regola, jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma suġġetti għal rekwiżiti differenti u ma jgawdux mill-istess kundizzjonijiet ( 22 ). Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jawtorizza, bħala regola, lil kull operatur tas-settur tal-ikel li juża l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati, li jinsabu fl-imsemmija lista definittiva u unika għall-Unjoni, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi suġġetti għas-sistema tranżitorja għandhom b’mod partikolari jkunu konformi, skont l-Artikolu 28(5) u (6) ta’ dan ir-regolament, għal dan tal-aħħar kif ukoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma applikabbli għalihom ( 23 ). Dan jimplika, b’mod partikolari, minn naħa, li, skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 3 u l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa kollha ma għandhomx ikunu ambigwi jew qarrieqa u għandhom ikunu bbażati fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi għandhom jissodisfaw ukoll, f’kull Stat Membru, ir-rekwiżiti tas-sistema nazzjonali tiegħu ( 24 ). |
|
33. |
Dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali sitwazzjoni tranżitorja, estiża b’mod indefinit lil hinn mill-perijodu li kellu jintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2010, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, ifformulati fil-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar, li jistabbilixxu li, sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa armonizzati u sabiex jiġu osservati l‑ogħla rekwiżiti, jeħtieġ li l-imsemmija evalwazzjoni titwettaq mill‑EFSA ( 25 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li la l-Artikolu 10, la l-Artikolu 28(5) u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprovdu li l-Artikolu 10(2) tal-imsemmi regolament relatat mal-obbligi ta’ informazzjoni, japplika biss wara l-adozzjoni tal-listi tal‑indikazzjonijiet awtorizzati previsti mill‑istess regolament ( 26 ). Hija ddeċidiet ukoll li l-fatt li l-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma kinitx għadha ġiet adottata ma jiġġustifikax li operatur fis-settur tal-ikel ma għandux l‑obbligu li jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament ( 27 ). Fil-fatt, fil-kuntest tal-miżura tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, operatur li jkun ħa d-deċiżjoni li juża indikazzjoni dwar is‑saħħa għandu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ikun jaf l-effetti tal-prodott tal-ikel inkwistjoni fuq is-saħħa u, għalhekk, huwa diġà jkollu l‑informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament ( 28 ). |
|
34. |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1924/2006 jikkonċerna l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw “ikel” u b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1)(b) tiegħu s-“supplimenti tal-ikel” kif iddefiniti mid‑Direttiva 2002/46 ( 29 ). F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-prodott ikkonċernat jikkostitwixxi tali suppliment tal-ikel. Barra minn hekk, skont il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, dan ikopri “pjanti diversi u estratti ta’ ħxejjex”. F’dan is-sens, kif jikkonfermaw il-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012, il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 536/2013 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), ir-Regolament Nru 1924/2006 jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “sustanzi botaniċi” ( 31 ), li jinkludu l-estratti ta’ żagħfran u tal-meraq tal-bettieħ. |
|
35. |
Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, l-indikazzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu indikazzjonijiet dwar is-saħħa, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, li ma huwiex ikkontestat. Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, din il-qorti indikat li minkejja li l-qorti tal-appell iddeċidiet li l-indikazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) ta’ dan ir‑regolament, hija xorta ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk dawn l-indikazzjonijiet jaqgħux taħt il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi taħt liema kategorija jaqgħu l-indikazzjonijiet inkwistjoni. Ikun xi jkun il-każ, nirrileva li l-imsemmija paragrafi 1 u 3 ma jagħmlu l-ebda distinzjoni skont jekk tali indikazzjonijiet jirreferux jew le għal sustanzi botaniċi. |
|
36. |
Il-kawża prinċipali oriġinat fl-assenza estiża ta’ evalwazzjoni mill-EFSA u ta’ eżami mill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi botaniċi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1924/2006, filwaqt li l-Artikolu 10(1) u (3) tiegħu jimponi b’mod partikolari bħala kundizzjoni l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa inklużi f’dawn il-listi. Jekk din l‑assenza ta’ evalwazzjoni u ta’ eżami għal perijodu daqstant twil ( 32 ) tidher miftuħa għall-kritika u tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni ( 33 ), il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija dwar jekk, sakemm jiġu inklużi fil-listi indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi, operatur fis-settur tal-ikel jistax juża tali indikazzjonijiet sabiex jirreklama l-prodotti tiegħu. |
|
37. |
Kif jistipula l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, indikazzjonijiet dwar is-saħħa ma jistgħux jintużaw fit‑tikketti u l-preżentazzjoni ta’ ikel mqiegħed fis-suq tal-Unjoni kif ukoll fir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom jekk ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Skont interpretazzjoni inizjali, magħmula mill-qorti tar-rinviju ( 34 ), sakemm l-evalwazzjoni mill-EFSA u l-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal‑inklużjoni, fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmi regolament, ta’ indikazzjonijiet relatati ma’ “sustanzi botaniċi” ma jkunux intemmu, l-Artikolu 10 tal-istess regolament ma jkunx applikabbli għal tali indikazzjonijiet dwar is-saħħa. |
|
38. |
Madankollu, skont interpretazzjoni oħra, imsemmija wkoll mill-qorti tar-rinviju ( 35 ), u kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ebda dispożizzjoni tar‑Regolament Nru 1924/2006 ma tistipula li l-Artikolu 10(2) tiegħu, relatat mal-obbligi ta’ informazzjoni, japplika biss wara l-adozzjoni tal-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti minn dan ir-regolament. Fl-istess sens, mill-kliem ċar tal-Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li huma pprojbiti l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, b’mod partikolari, ma humiex inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14 tal-istess regolament. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa timplika li l-listi msemmija f’dawn l-artikoli ġew adottati u ppubblikati ( 36 ). Fl-assenza ta’ inklużjoni f’dawn il-listi tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 japplika u dawn l-indikazzjonijiet huma, bħala regola, ipprojbiti. |
|
39. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1924/2006. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, dan huwa intiż, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jiggarantixxi l-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tas‑saħħa hija inkluża fost l-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-regolament u għalhekk, huwa xieraq, b’mod partikolari, li l-konsumatur jingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex huwa jkun jista’ jwettaq għażliet informati. F’dan il-kuntest, il-premessa 16 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi li huwa importanti li l-indikazzjonijiet dwar il-prodotti tal-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u li hemm lok li l-konsumaturi kollha jiġu protetti kontra indikazzjonijiet qarrieqa, filwaqt li tippreċiża li dan ir-regolament jieħu, b’mod partikolari, bħala kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi ( 37 ). |
|
40. |
B’mod ġenerali, minħabba l-immaġini pożittiva mogħtija lill-ikel li jkun is-suġġett ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, il-konsumaturi jistgħu jkunu influwenzati fl-għażla ta’ konsum tagħhom, b’tali mod li l-użu tagħhom għandu jkun irregolat b’mod strett, b’mod partikolari billi jkun ibbażat fuq provi xjentifiċi aċċettati u li jkunu ġġustifikati minn tali provi, kif jistipula l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1924/2006. Din il-konstatazzjoni tidher partikolarment valida għall-indikazzjonijiet li jirrigwardaw sustanzi botaniċi sa fejn l-oriġini mill-pjanti ta’ ikel jista’ jiġi assoċjat fil‑moħħ tal-konsumaturi ma’ prodott ta’ benefiċċju għas-saħħa tagħhom. |
|
41. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-espressjoni “evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali” jimplika li tali provi ma jistgħux ikunu limitati għal twemmin, għajdut meħud mill‑għerf popolari, jew ukoll għal osservazzjonijiet jew esperjenzi ta’ persuni li ma jappartjenux lill-komunità xjentifika u li, għall-kuntrarju, l‑użu ta’ tali espressjoni jimplika li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu bbażati fuq elementi oġġettivi u xjentifiċi u li, b’mod partikolari, il-vantaġġi tas-sustanzi li għalihom jirreferu dawn l‑indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jibbenefikaw, kif imsemmi fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 1924/2006, minn qbil xjentifiku suffiċjenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, barra minn hekk, u kif titlob il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu “xjentifikament fondat[i] billi tiġi kkunsidrata t-totalità tad-‘data’ xjentifika disponibbli, u billi titqies l-evidenza” ( 38 ). Issa, li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10(1) u (3) tal-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi jkun ifisser li jiġi permess l-użu ta’ indikazzjonijiet mhux ippruvati xjentifikament, li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi u jipperikolaw is-saħħa tagħhom. |
|
42. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Novel Nutriology issostni li l-projbizzjoni fuq l-operaturi fis-settur tal-ikel milli jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi tikkostitwixxi ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari l-libertà ta’ impriża u l-libertà ta’ espressjoni, stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 16 u 11 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti ( 39 ). |
|
43. |
Fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta, dan jipproteġi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà li tkun tista’ tuża, fil-limiti tar-responsabbiltà li tinkorri għall-atti tagħha stess, ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li impriża jkollha kif ukoll il-libertà kuntrattwali ( 40 ). Għandu jiġi enfasizzat li l-operaturi fis-settur tal-ikel li jbigħu sustanzi botaniċi ma humiex imċaħħda mil-libertà li jeżerċitaw attività kummerċjali u jistgħu perfettament ikomplu jbigħu l-prodotti tagħhom. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jistipulax il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ sustanzi botaniċi iżda biss il-projbizzjoni milli jsir reklamar permezz ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li, fl-assenza ta’ eżami mill-Kummissjoni, ma humiex xjentifikament ippruvati. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, tali projbizzjoni ma tippreġudikax is-sustanza stess tal-libertà ta’ impriża. |
|
44. |
Barra minn hekk, il-libertà tal-espressjoni, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Karta, tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew li tikkomunika informazzjoni jew ideat, mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri ( 41 ). Għal darba oħra, minkejja li operatur fis-settur tal-ikel li jbigħ sustanzi botaniċi ma jistax juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006, li għadhom ma kinux suġġetti għal evalwazzjoni mill‑EFSA u għal eżami mill-Kummissjoni, xorta ma huwiex imċaħħad milli jagħmel reklamar għall-prodotti tiegħu permezz ta’ mezzi oħra differenti minn tali indikazzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35 tal-Karta, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal‑politika u l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni u li, skont l-Artikolu 38 ta’ din il-Karta, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi huwa żgurat fil‑politika tal-Unjoni. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi tidher li tiżgura ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rrikonċiljati. |
|
45. |
Fuq kollox, ir-Regolament Nru 1924/2006 ma stipulax projbizzjoni kompleta u assoluta mill-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mas-sustanzi botaniċi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx pożizzjoni dwar it-talbiet għall-inklużjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa inkwistjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006, dawn huma suġġetti għas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 28(5) u (6) ta’ dan ir-regolament ( 42 ), u dan jippermetti li tiġi ggarantita t-trasparenza u ċ‑ċertezza legali tal-persuni interessati kollha. Dan il-paragrafu 5 jirreferi għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jiddeskrivu jew isemmu r-rwol ta’ nutriment jew ta’ sustanza oħra fit-tkabbir, l-iżvilupp u l-funzjonijiet tal-ġisem. Fir-rigward tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 28, dan jirrigwarda b’mod partikolari l‑indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tal-istess regolament, li huma relatati mal-funzjonijiet psikoloġiċi u ta’ mġiba. |
|
46. |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tippreferi l-interpretazzjoni li l-funzjonijiet li huma rreklamati permezz tal-indikazzjonijiet inkwistjoni huma funzjonijiet psikoloġiċi, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1924/2006, u mhux funzjonijiet tal-ġisem, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, minħabba li l-funzjonijiet kollha li huma s-suġġett tar-reklamar għandhom fattur komuni inkwantu jirrigwardaw is-sentimenti. Hija din il-qorti li ser ikollha tagħmel l-evalwazzjoni finali f’dan ir-rigward sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. |
|
47. |
Fil-każ li wara din l-evalwazzjoni finali l-qorti tar-rinviju tqis li l‑indikazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu, b’mod definittiv, taħt l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u sal-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) tal-istess regolament, taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi fis-settur tal-ikel, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mar-Regolament Nru 1924/2006 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, mingħajr preġudizzju għall‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja msemmija fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Mill-kliem tal-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament jirriżulta għalhekk li operatur fis-settur tal-ikel seta’, taħt ir‑responsabbiltà tiegħu u fil-kundizzjonijiet iddefiniti, juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa matul il-perijodu li jinsab bejn id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament u l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 ( 43 ). Għalhekk, fil-qafas tas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 28(5) ta’ dan tal-aħħar, l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġa fil-qasam tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament huma rregolati mill-imsemmi regolament, li jeżiġi li l-operatur fis-settur tal-ikel ikkonċernat ikun jista’ jiġġustifika l-allegazzjonijiet li huwa juża permezz ta’ provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati, b’dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq elementi oġġettivi li jibbenefikaw minn qbil xjentifiku suffiċjenti ( 44 ). F’każ fejn dawn il‑kundizzjonijiet huma ssodisfatti, operatur jista’ jkompli juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi anki jekk il-lista msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma ġietx adottata fir-rigward ta’ dawn is-sustanzi ( 45 ). |
|
48. |
Fir-rigward tal-Artikolu 28(6) tar-Regolament Nru 1924/2006, dan jirrigwarda, b’mod partikolari, indikazzjonijiet li ġew użati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda element ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-prerekwiżit huwiex issodisfatt. |
|
49. |
Jekk hekk hu l-każ, mill-Artikolu 28(6)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru u li dan l‑Istat Membru kkomunika dawn l-indikazzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2008 ( 46 ), l-indikazzjonijiet li ma ġewx awtorizzati mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-proċedura indikata (li huwa l-każ għall-indikazzjonijiet li jirrigwardaw is-sustanzi botaniċi) jistgħu jkomplu jintużaw matul perijodu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sa fejn dan il-paragrafu 6, kuntrarjament għall-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, ma jsemmix il-kundizzjoni li l-indikazzjonijiet “ikunu konformi” mar-Regolament Nru 1924/2006, jiena nqis, bħall-Kummissjoni, li t-tkomplija tal-użu ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa li tirrigwarda sustanzi botaniċi taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 28(6)(b) ta’ dan ir-regolament, l‑indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru jistgħu jkomplu jintużaw bil‑kundizzjoni li ssir talba b’mod konformi mal-imsemmi regolament qabel id‑19 ta’ Jannar 2008 u l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati skont din il-proċedura jistgħu jkomplu jintużaw matul sitt xhur wara li deċiżjoni tittieħed skont l-Artikolu 17(3) tal-istess regolament. |
|
50. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa relatati mal-komponent “estratt ta’ bettieħ” ma jidhirx li kienu s-suġġett ta’ komunikazzjoni lill‑Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 28(6)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 u li ma tressqet ebda talba skont l-Artikolu 28(6)(b) ta’ dan ir-regolament f’dan ir-rigward qabel id‑19 ta’ Jannar 2008 ( 47 ). Għalhekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn l-indikazzjonijiet ma jidhrux, qabel xejn, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(6) tal-imsemmi regolament sabiex ikomplu jintużaw. |
|
51. |
Fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-komponent “estratt ta’ żagħfran”, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li ma jidhirx li kienu s-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 28(6)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, u li talba skont l-Artikolu 28(6)(b) ta’ dan ir-regolament tressqet fit‑13 ta’ Jannar 2009 ( 48 ), jiġifieri wara t-terminu ddefinit minn din l-aħħar dispożizzjoni sabiex dawn l-indikazzjonijiet ikunu jistgħu jitkomplew jintużaw. |
|
52. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006 humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda l-indikazzjonijiet inkwistjoni. |
|
53. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li r‑Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi li jkun awtorizzat reklamar għal “sustanzi botaniċi” billi jintużaw indikazzjonijiet speċifiċi ta’ saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, jew billi jsir riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma dawn l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa jidhru fuq il-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tal-istess regolament jew mingħajr ma dan ir-riferiment jkun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża f’dawn il-listi, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx temmet l-eżami dwar l-inklużjoni fuq l-imsemmija listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw is-sustanzi botaniċi, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkomplu jintużaw għal perijodu tranżitorju u sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tal-imsemmi regolament jiġu ssodisfatti. |
V. Konklużjoni
|
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) bil-mod segwenti: Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 109/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li: jopponi li jkun awtorizzat reklamar għal “sustanzi botaniċi” billi jintużaw indikazzjonijiet speċifiċi ta’ saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, jew billi jsir riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi ta’ nutriment jew ta’ ikel fuq l-istat ġenerali tas-saħħa u fuq il-benesseri relatat mas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, mingħajr ma dawn l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa jidhru fuq il-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tal-istess regolament jew mingħajr ma dan ir-riferiment jkun akkumpanjat minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża f’dawn il-listi, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx temmet l-eżami dwar l-inklużjoni fuq l-imsemmija listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw is-sustanzi botaniċi, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkomplu jintużaw għal perijodu tranżitorju u sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 28(5) u (6) tal-imsemmi regolament jiġu ssodisfatti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament (KE) Nru 1924/2006 (ĠU 2006, L 404, p. 9, rettifika fil-ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 109/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 39, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006”).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 490).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
( 6 ) ĠU 2012, L 136, p. 1.
( 7 ) ĠU 2013, L 160, p. 4.
( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69.
( 9 ) BGBl. 2004 I, p. 1414.
( 10 ) Il-VSW talbet ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż fissi tat-talba fl-ammont ta’ EUR 178.50, bl-interessi.
( 11 ) L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 jikkonċerna l-indikazzjonijiet relatati ma’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard kif ukoll l-indikazzjonijiet relatati mal-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal. Dan l-artikolu ma jidhirx rilevanti fil-qafas tal-kawża prinċipali inkwantu din ma tirrigwardax l-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.
( 12 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal sentenza tal-Oberlandesgericht Karlsruhe (il‑Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), tas‑27 ta’ Frar 2019, fil‑Kawża 6 U 87/18.
( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita, b’mod partikolari, digriet tal-Oberlandesgericht Celle (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Celle, il-Ġermanja), tat‑28 ta’ Ottubru 2020, fil-Kawża 13 U‑44/20.
( 14 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi, b’mod partikolari, deċiżjoni tal‑Bundesrat (il-Kunsill Federali, il-Ġermanja), tat‑12 ta’ Frar 2021, BR-Drucks. 36/21.
( 15 ) Nixtieq nagħti unur lill-Imħallef Marko Ilešič, li kien l-imħallef relatur f’din il-kawża u li kien preżenti waqt din is-seduta, l-aħħar waħda qabel l-mewt f’daqqa u prematura tiegħu.
( 16 ) Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ehrmann (C‑609/12, EU:C:2013:746, punt 87), l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 isemmi sensiela ta’ kundizzjonijiet li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni f’sens kuntrarju, jidhru bħala kumulattivi u ta’ importanza ugwali.
( 17 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Dr. Willmar Schwabe (C‑524/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dr. Willmar Schwabe, EU:C:2020:60, punt 37).
( 18 ) Ara s-sentenza Dr. Willmar Schwabe (punt 38).
( 19 ) Ara s-sentenza Dr. Willmar Schwabe (punti 56 u 57).
( 20 ) Ara s-sentenza Dr. Willmar Schwabe (punt 58).
( 21 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Ehrmann (C‑609/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ehrmann, EU:C:2014:252, punt 31).
( 22 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni (C‑596/15 P u C‑597/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bionorica, EU:C:2017:886, punt 87).
( 23 ) Ara s-sentenza Bionorica (punt 88).
( 24 ) Ara s-sentenza Bionorica (punt 89).
( 25 ) Ara s-sentenza Bionorica (punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza Ehrmann (punt 39).
( 27 ) Ara s-sentenza Ehrmann (punt 42).
( 28 ) Ara s-sentenza Ehrmann (punt 43).
( 29 ) L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi s-“supplimenti ta’ l-ikel” bħala “oġġetti ta’ l-ikel li l-għan tagħhom huwa li jissupplementaw id-dieta normali u l‑fonti kkonċentrati ta’ nutrijenti jew sustanzi oħrajn b’effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, waħedhom jew f’għaqdiet, mibjugħa b’dożi, jiġifieri forom, bħala kapsuli, pastillji, pirmli, pilloli u forom oħra bħalhom, borżetti tat-terra, ampulli ta’ likwidi, flixkien tal-qtar, u forom oħra ta’ likwidi u trabijiet, intiżi li jkunu meħudin fi kwantitajiet ta’ miżura żgħira”.
( 30 ) Ara s-sentenza Bionorica (b’mod partikolari l-punti 56 u 57). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Konsumentombudsmannen (C‑363/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Konsumentombudsmannen, EU:C:2020:693, b’mod partikolari l‑punt 37).
( 31 ) B’mod iktar speċifiku, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 536/2013 tirreferi b’mod espliċitu għal “pjanti jew sustanzi erbali, magħrufa l-aktar bħala ‘sustanzi botaniċi’”.
( 32 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-lista msemmija f’dan l-artikolu kellha tiġi adottata mhux iktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2010, li għadu mhux il-każ bħalissa fir-rigward tas-sustanzi botaniċi.
( 33 ) Fis-sentenza Bionorica, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Bionorica u Diapharm kellhom jiġu miċħuda minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku.
( 34 ) Ara l-punti 20 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ehrmann (punt 26). Kif irrileva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet differenti ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fil-listi msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, pereżempju, jekk dan in-nuqqas ta’ inklużjoni jirriżultax mill-eżami mill-Kummissjoni ta’ indikazzjoni wara eżami xjentifiku jew jekk din l-istituzzjoni għadha ma pproċedietx bl-eżami ta’ kategorija ġenerali ta’ indikazzjonijiet, bħal fil-każ tas-sustanzi botaniċi.
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dr. Willmar Schwabe (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara s-sentenza Konsumentombudsmannen (punti 46 u 47).
( 39 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji) (C‑696/22, EU:C:2024:499, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Gestore dei Servizi Energetici (C‑148/23, EU:C:2024:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi) (C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Konsumentombudsmannen (punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 432/2012 u l-premessa 9 tar-Regolament Nru 536/2013.
( 43 ) Ara s-sentenza Ehrmann (punt 33).
( 44 ) Ara s-sentenza Konsumentombudsmannen (punt 54).
( 45 ) Nirrileva li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Novel Nutriology għamlet riferiment għas-sentenza Bionorica (punt 96), skont liema ċ-ċaħda ta’ indikazzjoni dwar is-saħħa tista’ tipprovdi benefiċċju, f’termini ta’ ċertezza legali, għal operatur ekonomiku li qiegħed jippjana d-dħul tiegħu mis-suq tal-ikel jew tas-supplimenti tal-ikel peress li determinazzjoni ċara tal-istatus ġuridiku tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li sa issa huwa sospiż, b’dan il-mod jippermetti lil tali operatur jadatta l-istrateġija kummerċjali tiegħu. Novel Nutriology iżid li l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jippreżenta soluzzjoni adegwata f’dan il-kuntest.
( 46 ) Bħala eżempju, il-Gvern Elleniku indika, waqt is-seduta, li r-Repubblika Ellenika ssottomettiet lill-Kummissjoni, qabel il‑31 ta’ Jannar 2008, tliet indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernaw il-gomma ta’ Chios, li jinsabu fid-database tal-EFSA bl-istatus “taħt sospensjoni”.
( 47 ) Għandu jiġi spjegat, kif għamlu l-parteċipanti kollha fis-seduta, li t-termini tad‑19 u l‑31 ta’ Jannar 2008 msemmija fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jikkostitwixxux dati purament indikattivi li huma marbuta mal-bidu reali tal-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw sustanzi botaniċi, iżda dati li huma vinkolanti.
( 48 ) F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda ż-żagħfran, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni indikaw, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li, taħt in-numru ta’ identifikazzjoni 2038, indikazzjoni dwar is-saħħa relatata ma’ “Crocus Sativus L.”, jiġifieri “Contributes to emotional balance; Helps to support the relaxation; Helps to maintain a positive mood”, qiegħda tistenna l-evalwazzjoni, filwaqt li rreferew għal tabella tal-EFSA (disponibbli biss bl-Ingliż), ippreżentata fil-forma ta’ tabella Excel u intitolata “Questions-on-hold-botanical-claims”, aċċessibbli fl-indirizz segwenti: https://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/general-function-health-claims-under-article-13. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li tissolva l-kwistjoni dwar jekk l-indikazzjonijiet inkwistjoni jikkorrispondux għal din l-indikazzjoni dwar is-saħħa tista’ tibqa’ miftuħa f’dan l-istadju tal-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza unika tal-qorti nazzjonali.