|
30.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 200/17 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1310
tat-28 ta' Lulju 2015
li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE dwar l-istatus ta' mingħajr mard għat-territorju kollu tal-Kroazja fir-rigward tal-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 49(1) u (3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE (2) tistipula lista ta' Stati Membri, ta' żoni u ta' kompartimenti soġġetti għal programmi approvati ta' sorveljanza fir-rigward ta' marda waħda jew iktar mill-mardiet mhux eżotiċi mniżżla fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE. Id-Deċiżjoni 2009/177/KE tistipula wkoll lista ta' Stati Membri, ta' żoni u ta' kompartimenti ddikjarati ħielsa mill-mard fir-rigward ta' marda waħda jew iktar minn dawk il-mardiet. |
|
(2) |
Il-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE tistipula l-lista ta' Stati Membri, ta' żoni u ta' kompartimenti ddikjarati ħielsa mill-mard fir-rigward ta' marda waħda jew iktar minn dawk il-mardiet mhux eżotiċi. |
|
(3) |
Il-Kroazja ressqet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni sabiex jiġi rikonoxxut li t-territorju kollu tal-Kroazja huwa ħieles mill-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV). It-tagħrif li ġie pprovdut juri li f'konformità mal-Artikolu 49(1) tad-Direttiva 2006/88/KE, il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-Parti I tal-Anness V ta' dik id-Direttiva għal dik id-dikjarazzjoni. |
|
(4) |
Barra minn hekk, intbagħat tagħrif addizzjonali lill-Kummissjoni li juri li l-Kroazja stabbilixxiet żoni xierqa ta' lqugħ li jinkludu partijiet tal-imgħaqad tal-ilma tax-xmajjar Danubju u Sava għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni passiva minn Stati Membri ġirien jew minn pajjiżi terzi ġirien li mhumiex meqjusa ħielsa mill-KHV. Minħabba l-qagħda epidemjoloġika tal-pajjiżi ġirien fir-rigward tal-KHV, dawn l-imgħaqad tal-ilma għandhom jitqiesu bħala żoni ta' riskju għoli u għandhom jiġu segwiti b'sorveljanza skont ir-rekwiżiti adottati f'konformità mal-Artikolu 49(3) tad-Direttiva 2006/88/KE. |
|
(5) |
It-tagħrif li ġie pprovdut mill-Kroazja juri li d-dikjarazzjoni li tressqet tikkonforma mar-rekwiżiti kollha stipulati fid-Direttiva 2006/88/KE u fid-Deċiżjoni 2009/177/KE biex Stat Membru jiġi ddikjarat ħieles mill-mard. B'konsegwenza ta' dan, it-territorju kollu tal-Kroazja għandu jiġi ddikjarat ħieles mill-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV). |
|
(6) |
Għalhekk, il-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE hija emendata f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE tal-31 ta' Ottubru 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE dwar programmi ta' sorveljanza u qerda u status ta' ħelsien minn mard ta' Stati Membri, żoni u kompartimenti (ĠU L 63, 7.3.2009, p. 15).
ANNESS
Il-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE, il-linja dwar il-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV) hija sostitwita b'dan li ġej:
|
“Il-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV) |
Il-Kroazja |
HR |
It-territorju kollu |
|
L-Irlanda |
IE |
It-territorju kollu |
|
|
Ir-Renju Unit |
UK |
It-territorju tal-Irlanda ta' Fuq” |