European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/303

20.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/303

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża minn ċerti entitajiet finanzjarji fin-notifika tal-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 60(13), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk ċerti entitajiet finanzjarji li biħsiebhom jipprovdu servizzi tal-kriptoassi jissodisfawx ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fit-Titolu V u, fejn rilevanti, fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata minn ċerti entitajiet finanzjarji bl-intenzjoni tagħhom li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi tkun dettaljata u komprensiva biżżejjed mingħajr ma timponi piż żejjed.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 60(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114, notifika tal-intenzjoni li jiġu pprovduti servizzi tal-kriptoassi għandu jkun fiha programm tal-operazzjonijiet. Sabiex tingħata stampa sħiħa tal-operazzjonijiet li l-entità notifikanti beħsiebha twettaq, jenħtieġ li l-programm tal-operazzjonijiet jinkludi deskrizzjoni tal-istruttura organizzazzjonali tal-entità notifikanti, l-istrateġija tagħha fil-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi lill-klijenti fil-mira tagħha, u l-kapaċità operazzjonali tagħha għat-tliet snin wara d-data tan-notifika. Rigward l-istrateġija użata biex jiġu mmirati l-klijenti, jenħtieġ li l-entità notifikanti tiddeskrivi l-mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li beħsiebha tuża, bħal siti web, applikazzjonijiet tal-mobile, laqgħat wiċċ imb wiċċ, stqarrijiet għall-istampa, jew kwalunkwe forma ta’ mezzi fiżiċi jew elettroniċi, inklużi għodod tal-kampanja tal-media soċjali, reklami jew banners fuq l-Internet, immirar mill-ġdid tar-reklami, ftehimiet ma’ influwenzaturi, ftehimiet ta’ sponsorizzazzjoni, telefonati, webinars, stediniet għal avvenimenti, kampanji ta’ affiljazzjoni, tekniki ta’ ludifikazzjoni, stediniet biex timtela formola ta’ rispons jew biex jiġi segwit kors ta’ taħriġ, kontijiet ta’ prova jew materjali edukattivi.

(3)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw ir-reżiljenza tal-entità notifikanti biex tiflaħ għax-xokkijiet finanzjarji esterni, inklużi dawk li jikkonċernaw il-valur tal-kriptoassi, jenħtieġ li l-entità notifikanti tinkludi fin-notifika tagħha xenarji ta’ kriżi li jissimulaw avvenimenti severi iżda plawżibbli fil-pjan kontabilistiku previst tagħhom.

(4)

Sabiex jiġi evitat qtugħ tal-operazzjonijiet peress li dan jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji, regolatorji u reputazzjonali kbar għall-entità notifikanti u b’mod aktar ġenerali, għas-swieq tal-kriptoassi b’mod ġenerali, huwa kruċjali li jinżammu għaddejjin l-operazzjonijiet jew tal-inqas il-funzjonijiet essenzjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u li jiġi minimizzat il-perjodu ta’ qtugħ tal-provvista minħabba tfixkil mhux mistenni, inklużi attakki ċibernetiċi u diżastri naturali. Għalhekk, jenħtieġ li notifika jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti tal-entità notifikanti biex jiġu żgurati l-kontinwità u r-regolarità fil-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi, inkluża deskrizzjoni dettaljata tar-riskji u tal-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat tagħha.

(5)

Huma meħtieġa mekkaniżmi, sistemi u proċeduri effettivi li jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex jiġi żgurat li l-entitajiet notifikanti jindirizzaw b’mod xieraq ir-riskji u l-prattiki tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi. Għalhekk, fin-notifika tagħhom, jenħtieġ li l-entitajiet notifikanti jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-mekkaniżmi, is-sistemi u l-proċeduri tagħhom stabbiliti biex jipprevjenu r-riskji assoċjati mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom fir-rigward ta’, fost oħrajn, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(6)

Minħabba n-natura deċentralizzata u diġitali tal-kriptoassi, ir-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà għal fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi huma sinifikanti u jieħdu ħafna forom. Sabiex jiġi żgurat li l-entità notifikanti tkun tista’ tipprevjeni ksur tad-data u telf finanzjarju li jistgħu jiġu kkawżati minn attakki ċibernetiċi, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar is-sistemi tal-ICT użati mill-entità notifikanti u l-arranġamenti tas-sigurtà relatati bħall-identità u l-pożizzjoni ġeografika tal-fornituri, deskrizzjoni tal-attivitajiet jew tas-servizzi tal-ICT esternalizzati bil-karatteristiċi ewlenin tagħhom, kopja tal-ftehimiet kuntrattwali, kif imsemmi fl-Artikolu 60(7), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114, tinkludi r-riżorsi umani ddedikati għall-indirizzar tar-riskji marbuta maċ-ċibersigurtà.

(7)

Is-segregazzjoni tal-kriptoassi u tal-fondi tal-klijenti tipproteġi lill-klijenti mit-telf tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u mill-użu ħażin tal-kriptoassi u tal-fondi tagħhom. Għalhekk, l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2023/1114 jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jagħmlu arranġamenti adegwati biex jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ sjieda tal-klijenti. Dak ir-rekwiżit japplika wkoll għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li ma jipprovdux servizzi ta’ kustodja u ta’ amministrazzjoni.

(8)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw l-adegwatezza tar-regoli operattivi tal-entità notifikanti għall-pjattaforma ta’ negozjar tagħhom għall-kriptoassi, jenħtieġ li l-entità notifikanti tagħti dettalji dwar elementi speċifiċi fid-deskrizzjoni ta’ dawk ir-regoli. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-entità notifikanti telabora dwar aspetti tar-regoli operattivi relatati mal-ammissjoni għall-kummerċ, man-negozjar u mas-saldu tal-kriptoassi. Fir-rigward tal-ammissjoni għall-kummerċ tal-kriptoassi, jenħtieġ li l-entitajiet notifikanti jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-mod li bih il-kriptoassi ammessi jikkonformaw mar-regoli tal-entità notifikanti, dwar it-tipi ta’ kriptoassi li l-entità notifikanti mhux se taċċetta għan-negozjar fuq il-pjattaforma ta’ negozjar tagħha u r-raġunijiet għal tali esklużjonijiet, u dwar it-tariffi għall-ammissjoni għall-kummerċ. Fir-rigward tan-negozjar tal-kriptoassi, jenħtieġ li l-entità notifikanti tispeċifika l-elementi tar-regoli operattivi li jirregolaw l-eżekuzzjoni u l-kanċellazzjoni tal-ordnijiet, in-negozjar ordnat, it-trasparenza u ż-żamma tar-rekords. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-entità notifikanti tinkludi fid-deskrizzjoni tar-regoli operattivi l-elementi li jirregolaw is-saldu tat-tranżazzjonijiet fi kriptoassi fuq il-pjattaforma ta’ negozjar, inkluż jekk is-saldu jinbediex bl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT, distributed ledger technology), il-perjodu ta’ żmien li fih tinbeda l-eżekuzzjoni, id-definizzjoni tal-mument meta s-saldu jkun finali, il-verifiki kollha meħtieġa biex jiġi żgurat is-saldu effettiv tat-tranżazzjoni u kwalunkwe miżura biex jiġu limitati l-fallimenti tas-saldu.

(9)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw l-adegwatezza tal-entità notifikanti fil-forniment ta’ ċerti servizzi tal-kriptoassi bħall-iskambju ta’ kriptoassi għal fondi jew kriptoassi oħra, l-eżekuzzjoni, l-għoti ta’ pariri dwar il-kriptoassi jew il-ġestjoni tal-portafoll tal-kriptoassi u s-servizzi ta’ trasferiment, jenħtieġ li l-entità notifikanti tispeċifika d-dettalji ta’ kif se jiġu pprovduti dawn is-servizzi tal-kriptoassi kif ukoll l-arranġamenti stabbiliti biex jiġi żgurat li l-entità notifikanti tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2023/1114 fir-rigward tal-forniment ta’ dawk is-servizzi tal-kriptoassi.

(10)

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority) u żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(12)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u pprovda kummenti formali fil-21 ta’ Ġunju 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Programm ta’ operazzjonijiet

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-programm ta’ operazzjonijiet għat-tliet snin wara d-data tan-notifika, inkluża l-informazzjoni li ġejja:

(a)

meta l-entità notifikanti tappartjeni għal grupp kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), spjegazzjoni ta’ kif l-attivitajiet tal-entità notifikanti jidħlu f’dik l-istrateġija tal-grupp u jinteraġixxu mal-attivitajiet tal-entitajiet l-oħra ta’ dak il-grupp, inkluża ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni u l-istruttura attwali u ppjanati ta’ dak il-grupp;

(b)

spjegazzjoni ta’ kif l-attivitajiet tal-entitajiet affiljati mal-entità notifikanti, inkluż meta jkun hemm entitajiet regolati fil-grupp, huma mistennija li jkollhom impatt fuq l-attivitajiet tal-entità notifikanti, inkluża lista tal-entitajiet affiljati mal-entità notifikanti u informazzjoni dwarhom, u meta jkun hemm entitajiet regolati, is-servizzi pprovduti minn dawn l-entitajiet u l-ismijiet tad-dominju ta’ kull sit web operat minn tali entitajiet;

(c)

lista ta’ servizzi tal-kriptoassi li l-entità notifikanti beħsiebha tipprovdi u t-tipi ta’ kriptoassi li magħhom se jkunu relatati s-servizzi tal-kriptoassi;

(d)

attivitajiet ippjanati oħra, regolati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali jew mhux regolati, inkluż kwalunkwe servizz ieħor għajr servizzi tal-kriptoassi, li l-entità notifikanti beħsiebha tipprovdi;

(e)

jekk l-entità notifikanti hijiex beħsiebha toffri kriptoassi lill-pubbliku jew tfittix ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi u jekk dan ikun il-każ, liema tip ta’ kriptoassi;

(f)

lista ta’ ġuriżdizzjonijiet, kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi, li fihom l-entità notifikanti tippjana li tipprovdi servizzi tal-kriptoassi, inkluża informazzjoni dwar in-numru fil-mira ta’ klijenti skont iż-żona ġeografika;

(g)

it-tipi ta’ klijenti prospettivi fil-mira tas-servizzi tal-kriptoassi tal-entità notifikanti;

(h)

deskrizzjoni tal-mezzi ta’ aċċess għas-servizzi tal-kriptoassi tal-entità notifikanti mill-klijenti, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

l-ismijiet tad-dominju għal kull sit web jew applikazzjoni oħra bbażata fuq l-ICT li permezz tagħhom se jiġu pprovduti s-servizzi tal-kriptoassi mill-entità notifikanti u informazzjoni dwar il-lingwi li bihom se jkun disponibbli s-sit web jew l-applikazzjoni l-oħra bbażata fuq l-ICT, it-tipi ta’ servizzi tal-kriptoassi li se jiġu aċċessati permezz ta’ dak is-sit web jew dik l-applikazzjoni l-oħra bbażata fuq l-ICT u, meta applikabbli, minn liema Stati Membri se jkun aċċessibbli s-sit web jew l-applikazzjoni l-oħra bbażata fuq l-ICT;

(ii)

l-isem ta’ kwalunkwe applikazzjoni bbażata fuq l-ICT disponibbli għall-klijenti biex jaċċessaw is-servizzi tal-kriptoassi, il-lingwi li bihom tkun disponibbli dik l-applikazzjoni bbażata fuq l-ICT u s-servizzi tal-kriptoassi li jistgħu jiġu aċċessati permezz ta’ dik l-applikazzjoni bbażata fuq l-ICT;

(i)

l-attivitajiet u l-arranġamenti ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjonali ppjanati għas-servizzi tal-kriptoassi, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

il-mezzi kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni li għandhom jintużaw għal kull wieħed mis-servizzi;

(ii)

il-mezz maħsub ta’ identifikazzjoni tal-entità notifikanti;

(iii)

l-informazzjoni dwar il-kategorija rilevanti tal-klijenti fil-mira;

(iv)

it-tipi ta’ kriptoassi;

(v)

il-lingwi li se jintużaw għall-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjonali;

(j)

deskrizzjoni dettaljata tar-riżorsi umani, finanzjarji u tal-ICT allokati għas-servizzi tal-kriptoassi maħsuba, u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

(k)

il-politika ta’ esternalizzazzjoni tal-entità notifikanti u kif ġiet adattata għas-servizzi tal-kriptoassi kif ukoll deskrizzjoni dettaljata tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ppjanati tal-entità notifikanti, inklużi arranġamenti intragrupp, u l-mod kif l-entità notifikanti se tikkonforma mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluża informazzjoni dwar il-funzjoni jew il-persuna responsabbli għall-esternalizzazzjoni, ir-riżorsi umani u tal-ICT allokati għall-kontroll tal-funzjonijiet, is-servizzi jew l-attivitajiet esternalizzati tal-arranġamenti relatati u dwar il-valutazzjoni tar-riskju relatata mal-esternalizzazzjoni;

(l)

il-lista ta’ entitajiet li se jipprovdu servizzi esternalizzati għall-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi, il-pożizzjoni ġeografika tagħhom u s-servizzi rilevanti esternalizzati;

(m)

pjan kontabilistiku previst li jinkludi xenarji ta’ kriżi f’livell individwali u, meta applikabbli, fil-livell ta’ grupp konsolidat u subkonsolidat f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, filwaqt li jitqies kwalunkwe self intragrupp mogħti jew li għandu jingħata mill-entità notifikanti u lilha stess;

(n)

kwalunkwe skambju ta’ kriptoassi għal fondi u attivitajiet oħra tal-kriptoassi li beħsiebha twettaq l-entità notifikanti, inkluż permezz ta’ kwalunkwe applikazzjoni għall-finanzi deċentralizzata li magħha l-entità notifikanti beħsiebha tinteraġixxi f’isimha stess.

2.   Meta l-entità notifikanti beħsiebha tipprovdi s-servizz ta’ riċeviment u trażmissjoni ta’ ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti kopja tal-proċeduri u deskrizzjoni tal-arranġamenti li jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

3.   Meta l-entità notifikanti beħsiebha tipprovdi s-servizz ta’ pjazzament tal-kriptoassi, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti kopja tal-proċeduri għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni tal-kunflitti ta’ interess u deskrizzjoni tal-arranġamenti fis-seħħ għall-konformità mal-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) 2023/1114 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-istandards tekniċi adottati skont l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 2

Pjan għall-kontinwità tal-operat

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (b) (iii), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti deskrizzjoni dettaljata tal-pjan għall-kontinwità tal-operat tagħha, inklużi l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġu żgurati l-kontinwità u r-regolarità fil-forniment tas-servizzi tagħha tal-kriptoassi.

2.   Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dettalji li juru li l-pjan għall-kontinwità tal-operat stabbilit huwa xieraq u li jiġu stabbiliti arranġamenti biex dak il-pjan jinżamm u jiġi ttestjat perjodikament;

(b)

fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti appoġġati minn fornituri terzi ta’ servizzi, dettalji dwar kif il-kontinwità tal-operat tiġi żgurata f’każ li l-kwalità tal-forniment ta’ tali funzjonijiet tiddeterjora għal livell inaċċettabbli jew tfalli;

(c)

informazzjoni dwar kif il-kontinwità tal-operat tiġi żgurata fil-każ tal-mewt ta’ persuna ewlenija u, meta rilevanti, ir-riskji politiċi fil-ġuriżdizzjonijiet tal-fornitur ta’ servizz.

Artikolu 3

Detezzjoni u prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (b)(i) u (ii), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern, il-politiki u l-proċeduri tagħha biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 u dwar il-qafas ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-ġestjoni tar-riskji relatati mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tal-entità notifikanti tar-riskji inerenti u residwi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-forniment tagħha ta’ servizzi tal-kriptoassi, inklużi r-riskji relatati ma’:

(i)

il-bażi ta’ klijenti tal-entità notifikanti;

(ii)

is-servizzi pprovduti;

(iii)

il-kanali ta’ distribuzzjoni użati;

(iv)

iż-żoni ġeografiċi tal-operazzjoni;

(b)

il-miżuri li l-entità notifikanti għandha jew li se tistabbilixxi biex tipprevjeni r-riskji identifikati u tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-entità notifikanti, il-politiki u l-proċeduri għall-konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, u l-politiki u l-proċeduri għad-detezzjoni u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi;

(c)

informazzjoni dettaljata dwar kif il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern, il-politiki u l-proċeduri huma adegwati u proporzjonati għall-iskala, in-natura, ir-riskju inerenti tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkluża l-firxa ta’ servizzi tal-kriptoassi pprovduti, il-kumplessità tal-mudell ta’ negozju u kif l-entità notifikanti tiżgura l-konformità tagħha mad-Direttiva (UE) 2015/849 u mar-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(d)

l-identità tal-persuna responsabbli li tiżgura l-konformità tal-entità notifikanti mar-rekwiżiti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkluża evidenza tal-ħiliet u l-għarfien espert ta’ dik il-persuna;

(e)

arranġamenti, riżorsi umani u finanzjarji ddedikati biex jiżguraw, abbażi ta’ indikazzjonijiet annwali, li l-persunal tal-entità notifikanti jkun imħarreġ b’mod xieraq fi kwistjonijiet tal-ġlieda kontra l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u dwar riskji speċifiċi relatati mal-kriptoassi;

(f)

kopja tal-politiki, tal-proċeduri u tas-sistemi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu tal-entità notifikanti;

(g)

dokument sommarju li jiddeskrivi l-bidliet li saru fil-proċeduri u fis-sistemi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu tal-entità notifikanti bħala konsegwenza tas-servizzi tal-kriptoassi ppjanati;

(h)

il-frekwenza tal-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern, is-sistemi u l-proċeduri, inkluża l-identità tal-persuna jew il-funzjoni responsabbli għal tali valutazzjoni.

Artikolu 4

Sistemi tal-ICT u arranġamenti ta’ sigurtà relatati

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dokumentazzjoni teknika tas-sistemi tal-ICT, l-infrastruttura tad-DLT li fuqha sserraħ, meta rilevanti, u l-arranġamenti ta’ sigurtà, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti u r-riżorsi umani u tal-ICT użati stabbiliti għall-konformità mar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) inklużi dawn li ġejjin:

(i)

deskrizzjoni ta’ kif l-entità notifikanti tiżgura qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-ICT sod, komprensiv u ddokumentat sew bħala parti mis-sistema ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju tagħha, inkluża deskrizzjoni dettaljata tas-sistemi, il-protokolli u l-għodod tal-ICT u ta’ kif il-proċeduri, il-politiki u s-sistemi tal-entità notifikanti se jissalvagwardjaw is-sigurtà, l-integrità, id-disponibbiltà, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2022/2554 u (UE) 2016/679;

(ii)

identifikazzjoni tas-servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti, żviluppati jew miżmuma mill-entità notifikanti, kif ukoll dawk ipprovduti minn fornituri terzi ta’ servizzi, deskrizzjoni ta’ tali arranġamenti kuntrattwali u kif dawk l-arranġamenti jikkonformaw mal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2023/1114 u l-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(iii)

deskrizzjoni tal-proċeduri, il-politiki, l-arranġamenti u s-sistemi tal-entità notifikanti għall-ġestjoni tas-sigurtà u tal-inċidenti;

(b)

jekk disponibbli, deskrizzjoni ta’ awditu taċ-ċibersigurtà mwettaq minn awditur taċ-ċibersigurtà terz li jkollu biżżejjed esperjenza f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi skont l-Artikolu 26(11), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/2554 li idealment ikopri l-awditi jew it-testijiet li ġejjin minn partijiet indipendenti esterni:

(i)

iċ-ċibersigurtà organizzazzjonali, is-sigurtà fiżika u l-arranġamenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp tas-software sigur;

(ii)

valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u valutazzjonijiet tas-sigurtà tan-network;

(iii)

rieżamijiet tal-konfigurazzjoni tal-assi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi u importanti kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (22) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(iv)

testijiet tal-penetrazzjoni fuq l-assi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi u importanti kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (17) tar-Regolament (UE) 2022/2554, f’konformità mal-approċċi kollha tal-ittestjar tal-awditjar li ġejjin:

(1)

kaxxa sewda: l-awditur ma jkollu l-ebda informazzjoni għajr l-indirizzi IP u l-URLs assoċjati mal-mira awditjata. Din il-fażi hija ġeneralment preċeduta mill-iskoperta ta’ informazzjoni u l-identifikazzjoni tal-mira billi titfittex is-servizzi tas-sistema tal-ismijiet tad-dominji (DNS, domain name system), jiġu skennjati l-portijiet miftuħa, u tiġi skoperta l-preżenza ta’ apparat ta’ filtrazzjoni;

(2)

il-fażi tal-kaxxa griża: l-awdituri għandhom l-għarfien ta’ utent standard tas-sistema ta’ informazzjoni (awtentikazzjoni leġittima, stazzjon tax-xogħol “standard”). L-identifikaturi jistgħu jappartjenu għal profili differenti tal-utenti sabiex jiġu ttestjati livelli differenti ta’ privileġġ;

(3)

il-fażi tal-kaxxa bajda: l-awdituri jkollhom kemm jista’ jkun informazzjoni teknika (arkitettura, kodiċi tas-sors, kuntatti telefoniċi, identifikaturi, eċċ.) qabel ma jibdew l-analiżi kif ukoll aċċess għal kuntatti tekniċi relatati mal-mira;

(v)

meta l-entità notifikanti tuża u/jew tiżviluppa kuntratti intelliġenti, rieżami tal-kodiċi tas-sors taċ-ċibersigurtà tagħhom;

(c)

deskrizzjoni tal-awditi mwettqa tas-sistemi tal-ICT, jekk ikun hemm, inklużi l-infrastruttura tad-DLT u l-arranġamenti tas-sigurtà użati;

(d)

deskrizzjoni tal-informazzjoni rilevanti msemmija fil-punti (a) u (b) b’lingwaġġ mhux tekniku.

Artikolu 5

Segregazzjoni u salvagwardja tal-kriptoassi u tal-fondi tal-klijenti

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha żżomm kriptoassi li jappartjenu lill-klijenti jew il-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, jew fondi tal-klijenti għajr tokens tal-flus elettroniċi, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti deskrizzjoni dettaljata tal-proċeduri tagħha għas-segregazzjoni tal-kriptoassi u tal-fondi tal-klijenti, inkluż dan li ġej:

(a)

kif l-entità notifikanti tiżgura dan li ġej:

(i)

li l-fondi tal-klijenti ma jintużawx f’isimha stess;

(ii)

li l-kriptoassi li jappartjenu lill-klijenti ma jintużawx f’isimha stess;

(iii)

li l-kartieri li jżommu l-kriptoassi tal-klijenti huma differenti mill-kartieri proprji tal-entità notifikanti;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta’ approvazzjoni għal kjavi kriptografiċi u s-salvagwardja ta’ kjavi kriptografiċi inklużi kartieri b’aktar minn firma waħda;

(c)

kif l-entità notifikanti tissegrega l-kriptoassi tal-klijenti, inkluż minn kriptoassi ta’ klijenti oħra meta kartieri li jkun fihom kriptoassi ta’ aktar minn klijent wieħed, jinżammu f’kontijiet omnibus;

(d)

deskrizzjoni tal-proċedura li tiżgura li l-fondi tal-klijenti għajr tokens tal-flus elettroniċi jiġu ddepożitati ma’ bank ċentrali jew ma’ istituzzjoni ta’ kreditu sa tmiem il-jum ta’ negozju wara l-jum li fih ikunu ġew riċevuti u jinżammu f’kont identifikabbli separatament minn kwalunkwe kont użat biex jinżammu fondi li jappartjenu għall-entità notifikanti;

(e)

meta l-entità notifikanti ma tkunx beħsiebha tiddepożita fondi mal-bank ċentrali rilevanti, liema fatturi l-entità notifikanti tqis biex tagħżel l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li magħhom tiddepożita l-fondi tal-klijenti, inkluża l-politika ta’ diversifikazzjoni tal-entità notifikanti, meta disponibbli, u l-frekwenza tar-rieżami tal-għażla tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li magħhom jiddepożitaw il-fondi tal-klijenti;

(f)

kif l-entità notifikanti tiżgura li l-klijenti jkunu informati b’lingwaġġ ċar, konċiż u mhux tekniku dwar l-aspetti ewlenin tas-sistemi, il-politiki u l-proċeduri tal-entità notifikanti biex jikkonformaw mal-Artikolu 70(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

2.   F’konformità mal-Artikolu 70(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li huma istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jew istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jipprovdu biss l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Politika ta’ kustodja u amministrazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-arranġamenti marbuta mat-tip ta’ kustodja offruta lill-klijenti, kopja tal-ftehim standard tal-entità notifikanti għall-kustodja u l-amministrazzjoni tal-kriptoassi f’isem il-klijenti skont l-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 u kopja tas-sommarju tal-politika ta’ kustodja magħmula disponibbli għall-klijenti f’konformità mal-Artikolu 75(3), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-politika ta’ kustodja u amministrazzjoni tal-entità notifikanti, inkluża deskrizzjoni tas-sorsi identifikati tar-riskji operazzjonali u tal-ICT għas-salvagwardja u l-kontroll tal-kriptoassi jew il-mezzi ta’ aċċess għall-kriptoassi tal-klijenti, flimkien ma’ dawn li ġejjin:

(i)

il-politiki u l-proċeduri, u deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-konformità mal-Artikolu 75(8) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(ii)

il-politiki u l-proċeduri, u deskrizzjoni tas-sistemi u l-kontrolli, għall-ġestjoni tar-riskji operazzjonali u tal-ICT, inkluż meta l-kustodja u l-amministrazzjoni tal-kriptoassi f’isem il-klijenti jiġu esternalizzati lil parti terza;

(iii)

il-politiki u l-proċeduri relatati mas-sistemi biex jiżguraw l-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-kriptoassi mill-klijenti, u deskrizzjoni tagħhom;

(iv)

il-politiki u l-proċeduri relatati mas-sistemi li jiżguraw ir-ritorn tal-kriptoassi jew il-mezzi ta’ aċċess għall-klijenti, u deskrizzjoni tagħhom;

(c)

informazzjoni dwar kif jiġu identifikati l-kriptoassi u l-mezzi ta’ aċċess għall-kriptoassi tal-klijenti;

(d)

informazzjoni dwar arranġamenti biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ telf ta’ kriptoassi jew mezzi ta’ aċċess għall-kriptoassi;

(e)

meta l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun iddelega l-forniment ta’ kustodja u amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti lil parti terza:

(i)

informazzjoni dwar l-identità ta’ kwalunkwe parti terza li tipprovdi s-servizz ta’ kustodja u amministrazzjoni tal-kriptoassi u l-istatus tagħha f’konformità mal-Artikolu 59 jew l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(ii)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjoni relatata mal-kustodja u l-amministrazzjoni tal-kriptoassi ddelegata mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, il-lista ta’ kwalunkwe delegat u subdelegat, kif applikabbli, u kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jista’ jirriżulta minn tali delega;

(iii)

deskrizzjoni ta’ kif l-entità notifikanti beħsiebha tissorvelja d-delegazzjonijiet jew is-subdelegazzjonijiet.

Artikolu 7

Regoli operattivi tal-pjattaforma ta’ negozjar u detezzjoni tal-abbuż tas-suq

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha topera pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-regoli dwar l-ammissjoni ta’ kriptoassi għan-negozjar;

(b)

il-proċess ta’ approvazzjoni għall-ammissjoni ta’ kriptoassi għan-negozjar, inkluża d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti mwettqa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849;

(c)

il-lista ta’ kwalunkwe kategorija ta’ kriptoassi li mhux se tiġi ammessa għan-negozjar u r-raġunijiet għal tali esklużjoni;

(d)

il-politiki, il-proċeduri u t-tariffi għall-ammissjoni għan-negozjar, flimkien ma’ deskrizzjoni, meta rilevanti, tas-sħubija, ir-ribassi u l-kundizzjonijiet relatati;

(e)

ir-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, inkluż kwalunkwe proċedura ta’ kanċellazzjoni għal ordnijiet eżegwiti u għad-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni lill-parteċipanti fis-suq;

(f)

il-metodi stabbiliti għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(g)

is-sistemi, il-proċeduri u l-arranġamenti stabbiliti għall-konformità mal-Artikolu 76(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(h)

il-mod kif issir pubblika kwalunkwe prezz ta’ offerta u dak mitlub, l-intensità tal-interessi ta’ negozjar b’dawk il-prezzijiet li huma reklamati għall-kriptoassi permezz tal-pjattaforma ta’ negozjar tagħhom u l-prezz, il-volum u l-ħin tat-tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward tal-kriptoassi nnegozjati fuq il-pjattaforma ta’ negozjar tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 76(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(i)

l-istrutturi tat-tariffi u ġustifikazzjoni dwar kif dawk l-istrutturi jikkonformaw mal-Artikolu 76(13) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(j)

is-sistemi, il-proċeduri u l-arranġamenti stabbiliti biex tinżamm data relatata mal-ordnijiet kollha għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti jew tal-mekkaniżmu biex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti jkollha aċċess għar-reġistru tal-ordnijiet u għal kwalunkwe sistema oħra ta’ negozjar;

(k)

fir-rigward tas-saldu tat-tranżazzjonijiet:

(i)

jekk is-saldu finali tat-tranżazzjonijiet jinbediex fir-reġistru distribwit jew barra r-reġistru distribwit;

(ii)

il-perjodu ta’ żmien li fih jinbeda s-saldu finali tat-tranżazzjonijiet tal-kriptoassi;

(iii)

il-mod kif tiġi vverifikata d-disponibbiltà tal-fondi u tal-kriptoassi;

(iv)

il-mod kif jiġu kkonfermati d-dettalji rilevanti tat-tranżazzjonijiet;

(v)

il-miżuri previsti biex jillimitaw il-fallimenti tas-saldu;

(vi)

il-mument li fih is-saldu jkun finali u l-mument li fih jinbeda s-saldu finali wara l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

(l)

il-proċeduri u s-sistemi stabbiliti għad-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq, inkluża informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet lill-awtorità kompetenti ta’ każijiet possibbli ta’ abbuż tas-suq.

2.   L-entitajiet notifikanti li beħsiebhom joperaw pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti kopja tar-regoli operattivi tal-pjattaforma ta’ negozjar u ta’ kwalunkwe proċedura biex jiġi identifikat u evitat l-abbuż tas-suq.

Artikolu 8

L-iskambju ta’ kriptoassi ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħra

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha tiskambja kriptoassi ma’ fondi jew kriptoassi oħra għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-politika kummerċjali stabbilita f’konformità mal-l-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(b)

il-metodu għad-determinazzjoni tal-prezz tal-kriptoassi li l-entità notifikanti tipproponi li tiskambja ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħra f’konformità mal-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluż kif il-volum u l-volatilità tas-suq tal-kriptoassi jkollhom impatt fuq il-mekkaniżmu tal-ipprezzar.

Artikolu 9

Politika ta’ eżekuzzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha teżegwixxi ordnijiet għal kriptoassi f’isem il-klijenti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-politika ta’ eżekuzzjoni tagħha, inkluża l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-arranġamenti li jiżguraw li l-klijent ikun ta l-kunsens dwar il-politika ta’ eżekuzzjoni qabel l-eżekuzzjoni tal-ordni;

(b)

lista tal-pjattaformi ta’ negozjar għall-kriptoassi li l-entità notifikanti se tiddependi fuqhom għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet u l-kriterji għall-valutazzjoni taċ-ċentri tal-eżekuzzjoni inklużi fil-politika ta’ eżekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 78(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(c)

liema pjattaformi ta’ negozjar l-entità notifikanti beħsiebha tuża għal kull tip ta’ kriptoassi u konferma li l-entità notifikanti mhux se tirċievi l-ebda forma ta’ remunerazzjoni, skont jew benefiċċju mhux monetarju talli jgħaddu l-ordnijiet riċevuti lil pjattaforma partikolari ta’ negozjar għall-kriptoassi;

(d)

kif l-eżekuzzjoni tqis il-prezz, il-kostijiet, il-veloċità, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u tas-saldu, id-daqs, in-natura, il-kundizzjonijiet ta’ kustodja tal-kriptoassi jew kwalunkwe fattur rilevanti ieħor li jitqies bħala parti mill-passi kollha meħtieġa biex jinkiseb l-aħjar riżultat possibbli għall-klijent;

(e)

meta applikabbli, l-arranġamenti biex il-klijenti jiġu informati li l-entità notifikanti se teżegwixxi ordnijiet barra minn pjattaforma ta’ negozjar u kif l-entità notifikanti se tikseb il-kunsens espliċitu minn qabel tal-klijent tagħha qabel ma teżegwixxi tali ordnijiet;

(f)

kif il-klijent qed jiġi mwissi li kwalunkwe struzzjoni speċifika minn klijent tista’ tipprevjeni lill-entità notifikanti milli tieħu l-passi meħtieġa, f’konformità mal-arranġamenti li l-entità notifikanti tkun stabbiliet u implimentat fil-politika ta’ eżekuzzjoni tagħha, biex tikseb l-aħjar riżultat possibbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawk l-ordnijiet fir-rigward tal-elementi koperti minn dawk l-istruzzjonijiet;

(g)

il-proċess tal-għażla għaċ-ċentri ta’ negozjar, l-istrateġiji ta’ eżekuzzjoni użati, l-arranġamenti użati biex tiġi analizzata l-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba u kif l-entità notifikanti timmonitorja u tivverifika li nkisbu l-aħjar riżultati possibbli għall-klijenti;

(h)

l-arranġamenti għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ kwalunkwe informazzjoni relatata mal-ordnijiet tal-klijenti mill-impjegati tal-entità notifikanti;

(i)

l-arranġamenti u l-proċeduri dwar kif l-entità notifikanti se tiddivulga lill-klijenti informazzjoni dwar il-politika tal-eżekuzzjoni tagħha tal-ordnijiet u tinnotifikahom bi kwalunkwe bidla materjali fil-politika ta’ eżekuzzjoni tagħhom tal-ordnijiet;

(j)

l-arranġamenti biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) 2023/1114 lill-awtorità kompetenti, fuq talba ta’ dik l-awtorità kompetenti.

Artikolu 10

Għoti ta’ pariri dwar il-kriptoassi jew il-ġestjoni tal-portafoll tal-kriptoassi

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha tipprovdi pariri dwar il-kriptoassi jew il-ġestjoni tal-portafoll tal-kriptoassi għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-arranġamenti stabbiliti mill-entità notifikanti biex tiżgura l-konformità mal-Artikolu 81(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

il-mekkaniżmi ta’ kontroll, il-valutazzjoni u ż-żamma b’mod effettiv tal-għarfien u tal-għarfien espert tal-persuni fiżiċi li jipprovdu pariri dwar il-kriptoassi jew il-ġestjoni tal-portafolli tal-kriptoassi;

(ii)

l-arranġamenti li jiżguraw li l-persuni fiżiċi involuti fl-għoti ta’ pariri jew fil-ġestjoni tal-portafoll ikunu konxji minn, jifhmu u japplikaw il-politiki u l-proċeduri interni tal-entità notifikanti stabbiliti għall-konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114, b’mod partikolari mal-Artikolu 81(1) ta’ dak ir-Regolament u mad-Direttiva (UE) 2015/849;

(iii)

l-ammont ta’ riżorsi umani u finanzjarji ppjanati li jiġu ddedikati fuq bażi annwali mill-entità notifikanti għall-iżvilupp u t-taħriġ professjonali tal-persunal li jipprovdi pariri dwar il-kriptoassi jew li jiġġestjona portafolli tal-kriptoassi;

(b)

il-mekkaniżmi għall-kontroll, għall-verifikazzjoni u għas-sostenn li l-persuni fiżiċi li jagħtu pariri f’isem l-entità notifikanti għandhom l-għarfien u l-għarfien espert meħtieġa, skont il-kriterji għal tali valutazzjoni użati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex jivvalutaw l-adegwatezza kif imsemmi fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 11

Servizzi ta’ trasferiment

Għall-finijiet tal-Artikolu 60(7), il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-entità notifikanti li beħsiebha tipprovdi servizzi ta’ trasferiment għall-kriptoassi f’isem il-klijenti għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji dwar it-tipi ta’ kriptoassi li għalihom l-entità notifikanti beħsiebha tipprovdi servizzi ta’ trasferiment;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-arranġamenti stabbiliti mill-entità notifikanti biex tikkonforma mal-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluża informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti tal-entità notifikanti u l-ICT u r-riżorsi umani użati biex jindirizzaw malajr ir-riskji, b’mod effiċjenti u bir-reqqa matul il-forniment ta’ servizzi ta’ trasferiment għall-kriptoassi f’isem il-klijenti, filwaqt li jitqiesu l-fallimenti operazzjonali potenzjali u r-riskji taċ-ċibersigurtà;

(c)

meta disponibbli, deskrizzjoni tal-polza tal-assigurazzjoni tal-entità notifikanti, inkluż dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni ta’ detriment għall-kriptoassi tal-klijenti li jista’ jirriżulta minn riskji taċ-ċibersigurtà;

(d)

arranġamenti biex jiġi żgurat li l-klijenti jkunu informati b’mod adegwat dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (b).

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(6)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1113/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/303/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)