European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1048

23.5.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1048

tat-28 ta’ Marzu 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent billi jistabbilixxi l-elementi tat-tabella ta’ valutazzjoni għall-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/1449 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-Faċilità”) huwa li: (i) tippromwovi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli; (ii) tappoġġa l-investimenti pubbliċi u r-riformi strutturali; (iii) issaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali tal-Balkani tal-Punent; u (iv) tappoġġa lill-benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn sħubija sħiħa fl-UE billi jsaħħu r-reżiljenza tagħhom, jaċċelleraw il-konverġenza soċjoekonomika, u jsaħħu l-impenji ta’ riforma tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1449, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta l-kisba tal-objettivi tal-Faċilità. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni jrid ikun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Faċilità.

(3)

Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1449, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità, li għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma tal-benefiċjarji. It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online u aġġornata mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena.

(4)

Skont l-Artikolu 4(9) tar-Regolament (UE) 2024/1449, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-appoġġ disponibbli għall-pubbliku permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni.

(5)

L-elementi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni abbażi ta’: (i) l-informazzjoni inkluża fl-Aġendi ta’ Riforma vvalutati u approvati f’konformità mal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2024/1449; (ii) il-valutazzjoni tal-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament; u (iii) l-iżborżi sussegwenti awtorizzati skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2024/1449.

(6)

Sabiex jingħata lok għall-applikazzjoni immedjata tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kontenut tat-Tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità

1.   It-tabella ta’ valutazzjoni tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għandha turi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma li għandhom jitkejlu b’mod partikolari billi:

(a)

it-twettiq tal-passi, li jirriflettu l-implimentazzjoni tar-riformi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 7375 dwar l-approvazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma (2), billi jiġu elenkati u jingħaddu l-passi li jkunu ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti u dan jintwera bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ passi stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 7375;

(b)

il-progress fl-iżborż tal-appoġġ finanzjarju u s-self mhux ripagabbli, abbażi tal-issodisfar sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament.

2.   It-tabella ta’ valutazzjoni għandha turi wkoll:

(a)

l-Aġendi ta’ Riforma u l-valutazzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni ta’ dawn l-Aġendi ta’ Riforma tagħhom;

(b)

il-lista tal-investimenti tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent li ġew approvati;

(c)

links għall-paġni web tal-benefiċjarji fejn tiġi ppubblikata data aġġornata dwar ir-riċevituri finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 50 000 b’mod kumulattiv matul il-perjodu ta’ erba’ snin għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti taħt din il-Faċilità.

3.   It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli online għall-pubbliku u għandha tiġi aġġornata mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena. It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli mill-inqas sa tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità, li tkopri d-durata kollha tagħha, inkluż il-perjodu ta’ grazzja.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1449, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1449/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 7375 tat-23 ta’ Ottubru 2024 approvat l-Aġendi ta’ Riforma għall-Albanija, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja. It-tabella ta’ valutazzjoni stabbilita minn dan l-Att Delegat għandha tintuża wkoll biex turi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina ladarba tkun ġiet approvata.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1048/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)