SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva (UE) 2015/2436 – Artikolu 10 – Drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata sabiex jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal jew li jixbah lil din it-trade mark – Azzjoni għal ksur– Limitazzjonijiet tad-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark – Artikolu 9 u Artikolu 18(1) – Dekadenza minħabba tolleranza – Natura eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom din id-dekadenza tista’ sseħħ – Inapplikabbiltà ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali li jipprevedi d-dekadenza tad-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk previsti f’dawn l-artikoli”

Fil-Kawża C‑452/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

Lunapark Scandinavia Oy Ltd

vs

Hardeco Finland Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Lunapark Scandinavia Oy Ltd, minn J. Hatanmaa, asianajaja,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková, J. Samnadda u T. Sevón, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Lunapark Scandinavia Oy Ltd (iktar ’il quddiem “Lunapark”) u Hardeco Finland Oy (iktar ’il quddiem “Hardeco”), dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn din il-kumpannija tal-aħħar tal-prodotti tal-ħelu li jikser it-trade mark li tagħha hija proprjetarja Lunapark.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessa 10 tad-Direttiva 2015/2436 tistabbilixxi li:

“Huwa essenzjali li jiġi żgurat li t-trade marks reġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali tal-Istati Membri kollha. […]”

4

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Preklużjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba tolleranza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn, fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) jew fl-Artikolu 5(3)(a) ikun ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti reġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, dak il-proprjetarju ma għandux ikun aktar intitolat, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-oġġetti jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma kinitx saret in mala fede.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika għall-proprjetarju ta’ kwalunkwe dritt ieħor preċedenti msemmi fl-Artikolu 5(4)(a) jew (b).

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti reġistrata ma għandux ikun intitolat jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anki jekk dak id-dritt ma jistax jiġi aktar invokat kontra t-trade mark sussegwenti.”

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprevedi:

“1.   Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklużivi b’rabta magħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tad-domanda jew id-data ta’ prijorità tat-trade mark reġistrata, il-proprjetarju dik it-trade mark reġistrata għandu jkun intitolat li jimpedixxi li kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)

is-sinjal ikun identiku għat-trade mark u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark;

(b)

is-sinjal ikun identiku, jew simili, għat-trade mark u jintuża relattivament għal oġġetti jew servizzi li huma identiċi jew simili għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, jekk teżisti l-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(c)

is-sinjal ikun identiku, jew simili, għat-trade mark irrispettivament minn jekk jintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark, fejn din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jikkostitwixxi vantaġġ inġust min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trade mark jew huwa ta’ detriment għalihom.

[…]”

6

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ intervent tal-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata sussegwenti bħala difiża fi proċedimenti ta’ ksur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-proċedimenti ta’ ksur, il-proprjetarju ta’ trade mark ma għandux ikun intitolat li jipprojbixxi l-użu ta’ marka reġistrata sussegwenti meta dik it-trade mark sussegwenti ma tiġix iddikjarata invalida skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1) jew (2) jew l-Artikolu 46(3).”

Id-dritt Finlandiż

7

Id-Direttiva 2015/2436 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Finlandiż permezz tat-tavaramerkkilaki (544/2019) (il-Liġi dwar it-Trade Marks (544/2019)), tas‑26 ta’ April 2019, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2019.

8

Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, huwa pprojbit l-użu fil-kummerċ, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi, minn naħa, ta’ sinjal identiku għal trade mark irreġistrata jew akkwistata permezz tal-użu għal prodotti jew servizzi identiċi u, min-naħa l-oħra, ta’ sinjal li jista’ joħloq konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, peress li huwa identiku jew simili għal trade mark miksuba permezz tar-reġistrazzjoni jew permezz tal-użu għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili.

9

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, il-proprjetarju ta’ trade mark għandu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, b’mod partikolari billi jagħmel użu minn dan is-sinjal għal prodotti jew għal servizzi, billi jpoġġih fuq l-imballaġġ ta’ prodotti jew billi joffrih, iqiegħed fis-suq jew jimporta prodotti taħt l-imsemmi sinjal.

10

Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi, dwar l-effett tal-inattività tal-proprjetarju tat-trade mark, id-dritt esklużiv mogħti minn trade mark għandu jinżamm, b’mod parallel ma’ trade mark preċedenti, jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti tkun intalbet f’bona fide jew jekk it-trade mark sussegwenti miksuba permezz tal-użu tkun intużat f’bona fide u jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma jkunx ħa miżuri sabiex jipprekludi l-użu tat-trade mark sussegwenti fi żmien ħames snin mill-mument li fih ikun sar jaf b’dan l-użu.

11

L-Artikolu 62 tal-istess liġi jipprevedi li, meta persuna tikser dritt esklużiv fuq trade mark, il-qorti tista’, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, tipprojbixxiha milli tkompli jew tirrepeti l-att li wassal għal dan il-ksur.

12

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 63(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, il-qorti ma tistax tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark sussegwenti jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kkonċernata jkun baqa’ inattiv, fis-sens tal-Artikolu 15 ta’ din il-liġi.

13

L-Artikolu 70 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens u għad-danni għal ksur tad-dritt ta’ trade mark u jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kumpens u danni jistgħu jintalbu biss għall-perijodu ta’ ħames snin qabel il-preżentata tal-azzjoni mressqa għal dan l-għan.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Lunapark hija l-proprjetarja tat-trade mark DRACULA ppreżentata fid‑29 ta’ Awwissu 2003 u rreġistrata fl‑14 ta’ Awwissu 2009 taħt in-numru 246144 għal prodotti tal-ħelu. Hija timporta u tqiegħed fis-suq Finlandiż tali prodotti li fuq l-imballaġġi tagħhom jidhru t-trade mark verbali DRACULA u sinjali figurattivi li jirrappreżentaw il-karattru ta’ Dracula.

15

Qabel ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark minn Lunapark, Karkkimies Oy – Candyman Ltd (iktar ’il quddiem “Karkkimies”) kienet timporta u tqiegħed fis-suq prodotti tal-ħelu bis-sinjal Dracula. Karkkimies ma kellhiex, fuq is-sinjali li hija kienet tuża, ebda dritt esklużiv miksub permezz tar-reġistrazzjoni jew tal-użu u ebda ftehim dwar id-dritt ta’ użu tat-trade mark DRACULA ma kien jeżisti bejnha u Lunapark.

16

Fil‑31 ta’ Ottubru 2019, Hardeco xtrat lil Karkkimies, li hija kompliet topera din tal-aħħar. B’hekk, minn Novembru 2019, Hardeco bdiet timporta u tqiegħed fuq l-imsemmi suq prodotti tal-ħelu li fuq l-imballaġġ tagħhom kien hemm il-kelma “Dracula” kif ukoll sinjali figurattivi li jirrappreżentaw il-karattru korrispondenti.

17

Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, Lunapark ippreżentat rikors quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), li permezz tiegħu talbet lil din il-qorti tikkonstata li l-aġir ta’ Hardeco kien jikser id-dritt esklużiv tagħha fuq it-trade mark DRACULA, li tipprojbixxi dan il-ksur u li tiġi kkumpensata għad-dannu li jirriżulta minnu.

18

Hardeco talbet li dan ir-rikors jiġi miċħud għar-raġuni, b’mod partikolari, li Lunapark kienet tilfet id-dritt tagħha li tressaq proċedimenti ta’ ksur tat-trade mark DRACULA, minħabba n-nuqqas ta’ attività tagħha. Hardeco allegat li hija llimitat ruħha li ssegwi prattika li ilha teżisti ta’ Karkkimies, li Lunapark qatt ma opponiet għaliha.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2022, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ikkonstatat li s-sinjal u t-trade mark kunfliġġenti kienu identiċi u użati għall-istess prodotti u li l-użu ta’ dan is-sinjal minn Hardeco kien joħloq f’moħħ il-pubbliku rilevanti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark DRACULA. Din il-qorti qieset li l-użu parallel għal perijodu twil tal-istess sinjali minn Lunapark u Karkkimies ma kienx elimina dan ir-riskju, peress li dan l-użu ma kienx wassal lil dan il-pubbliku sabiex jiddistingwi l-ħelu importati minn waħda minn dawn il-kumpanniji minn dawk importati mill-oħra.

20

Madankollu, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Lunapark. Fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Trade Marks dwar il-konsegwenzi tal-inattività tal-proprjetarju ta’ trade mark ma kinux applikabbli f’dan il-każ, peress li Hardeco ma kellhiex dritt esklużiv fuq is-sinjali li hija kienet tuża. Madankollu, skont prinċipju stabbilit fil-parti l-kbira tiegħu fid-dritt privat Finlandiż, rikorrent għandu jressaq l-azzjoni tiegħu jew jinvoka d-dritt tiegħu fi żmien raġonevoli wara li jkun sar jaf jew kellu jkun jaf bil-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħu. F’dan il-każ, l-inattività ta’ Lunapark damet tant żmien li wasslet għar-revoka tad-dritt tagħha li tressaq azzjoni għal ksur kontra Hardeco billi tinvoka d-drittijiet mogħtija mit-trade mark DRACULA. Il-fatt li s-sinjal inkwistjoni issa jintuża minn Hardeco minflok Karkkimies huwa irrilevanti, peress li l-attività ta’ Hardeco kienet tikkonċerna l-istess prodotti tal-ħelu bħal dawk imqiegħda fis-suq minn Karkkimies, li fir-rigward tagħhom Lunapark baqgħet inattiva.

21

Lunapark appellat mis-sentenza tal-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.

22

Insostenn tal-appell tagħha, Lunapark issostni li l-prinċipju ġenerali tad-dritt privat, invokat mill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi), ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ, għaliex dan iwassal sabiex jirrestrinġi d-dritt esklużiv mogħti minn trade mark lill-proprjetarju tagħha, bi ksur tad-Direttiva 2015/2436. Barra minn hekk, Lunapark issostni li hija, fi kwalunkwe każ, aġixxiet f’terminu raġonevoli kontra l-aġir ta’ Hardeco, peress li l-inattività tagħha fil-konfront ta’ Karkkimies fl-ebda każ ma setgħet tibbenefika lil Hardeco. Min-naħa l-oħra, Hardeco tallega li ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprekludi li l-imsemmi prinċipju ġenerali tad-dritt privat japplika f’dan il-każ u li l-inattività tal-proprjetarju ta’ trade mark ikollha l-konsegwenzi previsti fuq id-dritt ta’ dan il-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu ta’ din it-trade mark.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 10(2) u (3) tad-Direttiva 2015/2436 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali prinċipju għadha ma ġietx indirizzata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Din hija r-raġuni li għaliha din il-qorti tistaqsi jekk il-proprjetarju ta’ trade mark jistax, minħabba l-inattività tiegħu, jitlef id-dritt tiegħu li jipprojbixxi lil terz milli juża sinjal b’mod li jippreġudika jew li jista’ jippreġudika waħda mill-funzjonijiet ta’ din it-trade mark f’sitwazzjoni differenti minn dik tad-dekadenza minħabba tolleranza prevista mid-Direttiva 2015/2436.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 10 tad-Direttiva [2015/2436] jipprekludi l-applikazzjoni, f’tilwima dwar il-ksur ta’ trade mark, ta’ prinċipju nazzjonali li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark jista’, anki f’sitwazzjoni oħra għajr dik koperta mill-Artikolu 18(1) u mill-Artikolu 9(1) jew (2) tad-Direttiva 2015/2436, jitlef id-dritt tiegħu taħt l-Artikolu 10(2) u (3) tal-imsemmija direttiva li jipprojbixxi lil terz milli juża sinjal li l-użu tiegħu jaffettwa jew x’aktarx li jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark minħabba li wara li kien jaf bl-użu tat-trade mark, huwa ma talabx, fi żmien raġonevoli, li jipprojbixxi dan l-użu?”

Fuq id‑domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikabbiltà ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali li jipprevedi d-dekadenza tad-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata li jipprojbixxi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal prodotti identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata, f’sitwazzjoni differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) jew (2) tagħha.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2015/2436, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv fuqha. Konformement mal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-proprjetarju jista’ jipprojbixxi lil kull terz, fl-assenza tal-kunsens tiegħu, milli juża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal jew li jixbah lil din it-trade mark, meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu 2 ikunu ssodisfatti.

28

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436 iwettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar id-drittijiet mogħtija mit-trade mark u jiddefinixxi l-kontenut materjali tad-drittijiet li jgawdu l-proprjetarji ta’ trade marks fl-Unjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Soda-Club (CO2) u SodaStream International, C‑197/21, EU:C:2022:834, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2436 jillimita d-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark irreġistrata sussegwentement, waqt proċedimenti ta’ ksur, meta din it-trade mark sussegwenti ma tkunx ġiet iddikjarata invalida, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 9(1) jew (2) ta’ din id-direttiva, dwar id-dekadenza tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba tolleranza.

30

B’mod konformi ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, huwa ma għandux ikollu iktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti saret f’mala fide.

31

Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dekadenza minħabba tolleranza matul proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 33 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605), li l-Artikolu 9 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal 21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) li sar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2015/2436, iwettaq armonizzazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata jista’ jżomm id-dritt tiegħu fuq din it-trade mark meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jitlob dikjarazzjoni tal-l-invalidità ta’ din it-trade mark sussegwenti.

32

Fid-dawl tal-fatt li kemm l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2436 kif ukoll l-Artikolu 9(1) jew (2) tagħha, li għalih tirreferi l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jirrigwardaw kunflitt potenzjali bejn żewġ trade marks irreġistrati, din il-ġurisprudenza dwar id-dekadenza minħabba tolleranza matul proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tista’ tiġi trasposta għad-dekadenza minħabba tolleranza invokata fil-kuntest ta’ azzjoni għal ksur imressqa kontra trade mark irreġistrata sussegwentement.

33

Konsegwentement, l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jwettaq armonizzazzjoni kompleta tal-kundizzjonijiet li fihom id-drittijiet esklużivi mogħtija minn trade mark jistgħu jiġu limitati fil-każ ta’ inattività tal-proprjetarju tagħha, u jipprevedi biss, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tolleranza ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata, iżda mhux dik ta’ sinjal mhux protett li ma jagħti ebda dritt esklużiv.

34

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minkejja l-fatt li l-użu tas-sinjal Dracula minn Karkkimies beda f’data preċedenti għal dik tar-reġistrazzjoni tat-trade mark DRACULA minn Lunapark, la Karkkimies u lanqas Hardeco ma kisbu dritt esklużiv fuq dan is-sinjal, la permezz ta’ reġistrazzjoni u lanqas minħabba dan l-użu, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

35

Huwa f’dan il-kuntest li, mingħajr ma tiġi kkontestata l-inapplikabbiltà fil-kuntest tal-azzjoni għal ksur fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2436, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) jew (2) ta’ din id-direttiva, din il-qorti tistaqsi madankollu jekk limitazzjoni tad-dritt mogħti lill-proprjetarju tat-trade mark DRACULA li jopponi l-użu tas-sinjal Dracula setgħetx tkun ibbażata fuq prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali li jipprevedi li l-inattività tal-proprjetarju ta’ trade mark f’terminu raġonevoli twassal għad-dekadenza tad-dritt tiegħu.

36

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-motivi preċedenti u kif barra minn hekk isostni l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt esklużiv mogħti minn trade mark, tillimita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2436, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) jew (2) tagħha.

37

Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 10 tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2436 tippreġudika l-għan li għadu jiġi segwit minn din id-direttiva li jikkonsisti b’mod partikolari, kif iddikjarat fil-premessa 10 tagħha, f’li jiġi żgurat li t-trade marks irreġistrati jkollhom protezzjoni uniformi fis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha.

38

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikabbiltà ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali li jipprevedi d-dekadenza tad-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata li jipprojbixxi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal prodotti identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata, f’sitwazzjoni differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) jew (2) tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-applikabbiltà ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali li jipprevedi d-dekadenza tad-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata li jipprojbixxi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew simili għal din it-trade mark għal prodotti identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata, f’sitwazzjoni differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) jew (2) tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.