IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 267 final
2023/0162(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju dwar it-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).
Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.
Il-Polonja qiegħda tfittex awtorizzazzjoni biex tapplika tnaqqis temporanju fir-rati tat-taxxa nazzjonali għaż-żejt kombustibbli, għall-gass naturali, għall-faħam u għall-kokk użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva u fit-Tabella C tal-Anness I tad-Direttiva.
Il-perjodu ta’ validità mitlub huwa limitat għal 6 xhur, u huwa fi ħdan il-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Jannar 2023, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw dik il-miżura temporanja mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023. L-awtoritajiet Pollakki pprovdew informazzjoni addizzjonali fil-15 ta’ Frar 2023.
It-talba għal deroga tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ rati ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq żejt kombustibbli, gass naturali, faħam, u kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika kkawżata minn inflazzjoni għolja kif ukoll miż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija jirrappreżentaw problema serja għas-soċjetà Pollakka. Fl-istess ħin, ir-regoli tad-Direttiva 2003/96/KE dwar ir-reviżjoni annwali tar-rati tat-taxxa nazzjonali espressi f’muniti nazzjonali għajr l-euro jkunu jirrikjedu li l-Polonja żżid ir-rati tat-taxxa nazzjonali tagħha għall-prodotti inkwistjoni.
L-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-aġġornament annwali tar-rati minimi espressi f’muniti nazzjonali għall-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro, meħtieġ abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva, flimkien mar-rata tal-kambju temporanjament għolja – u mhux favorevoli – euro-zloty (EUR/PLN) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru 2022, ikun jeħtieġ żieda fil-livelli ta’ tassazzjoni applikabbli għall-prodotti kkonċernati.
Għalkemm ir-rata tal-kambju taż-zloty minn dak iż-żmien reġgħet lura għal livell aktar favorevoli, il-proċedura tal-Artikolu 13 ma tqisx dan, u għalhekk l-uniku mod biex il-Polonja żżomm livelli kostanti ta’ tassazzjoni għall-prodotti tal-enerġija kkonċernati jkun permezz ta’ talba għal deroga. Mingħajr din id-deroga, ikun meħtieġ li jiżdiedu l-livelli ta’ tassazzjoni applikabbli għal dawk il-prodotti.
L-objettiv tat-talba Pollakka huwa li jittaffa l-impatt negattiv li potenzjalment jirriżulta minn din iż-żieda billi jinżammu r-rati tat-taxxa nazzjonali rilevanti fil-livelli kurrenti tagħhom, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva. Dan jikkorrispondi għal tnaqqis fir-rati tat-taxxa nazzjonali espressi f’euro meta mqabbla mar-rati minimi, li jirriżulta mid-differenza fir-rata tal-kambju wara l-aġġustament annwali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva. Dan in-nuqqas ta’ indiċjar tar-rati nazzjonali jiġi applikat ukoll għal prodotti oħrajn tal-enerġija maħsuba għal finijiet ta’ tisħin skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tal-istess Direttiva.
Il-Polonja enfasizzat l-importanza ta’ din id-deroga minħabba l-impatt negattiv taż-żieda qawwija fil-prezz tal-enerġija, li hija waħda mill-konsegwenzi tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Flimkien mal-inflazzjoni rampanti, l-awtoritajiet Pollakki ssottolinjaw li din is-sitwazzjoni taffettwa direttament kemm lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lill-kumpaniji. F’dak ir-rigward, il-Polonja speċifikat li tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa jkun disponibbli għall-konsumaturi kollha li jixtru fjuwils għat-tisħin koperti mit-talba għal deroga.
Skont l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċarts ta’ hawn taħt ipprovduti mill-awtoritajiet Pollakki, kien hemm żieda sostanzjali fl-2022 fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija koperti mit-talba għal deroga.
Ċart 1 – Il-prezz medju għall-gass naturali (2020-2023)
Ċart 2 – Prezz spot tal-faħam f’USD (2020-2022)
Skont l-awtoritajiet Pollakki, iċ-ċarts ta’ hawn fuq juru x-xejriet fil-prezzijiet storiċi tal-faħam u tal-gass fis-swieq bl-ingrossa rilevanti, inkluża ż-żieda fil-prezzijiet fl-2022 relatata mal-effetti tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Ċart 3 – Prezzijiet bl-ingrossa għaż-żejt kombustibbli
Minbarra d-data dwar il-prezzijiet tal-enerġija, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew ukoll it-tabella ta’ hawn taħt li tqabbel il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif applikabbli skont id-Direttiva għal kull prodott tal-enerġija kopert mit-talba tagħhom, flimkien mar-rati korrispondenti attwalment fis-seħħ fil-Polonja (Jannar 2023). Huma enfasizzaw li r-rati tad-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils għat-tisħin japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għall-unitajiet domestiċi individwali kif ukoll għall-klijenti kummerċjali.
|
Prodott tal-enerġija
|
Valuri minimi tal-UE (EUR)
|
EUR/PLN (2023)
|
Valuri minimi tal-UE fl-2023 (PLN)
|
Dazju tas-sisa fl-2022
(PLN)
|
Dazju tas-sisa fl-2023 mingħajr ma tinbidel ir-rata tad-dazju tas-sisa
(EUR)
|
Differenza bejn il-valuri minimi tal-UE u t-tassazzjoni attwali (PLN)
|
Differenza bejn il-valuri minimi tal-UE u t-tassazzjoni attwali (EUR)
|
Bidla tal-valuri minimi tal-UE fir-rigward tat-tassazzjoni attwali
(%)
|
|
Żejt kombustibbli (f’PLN għal kull 1 000 kg)
|
15
|
4,832
|
72,48
|
69
|
14,2798
|
3,48
|
0,72
|
5,04
|
|
Gass naturali
(f’PLN għal kull gigajoule tal-valur kalorifiku gross)
|
0,3
|
4,832
|
1,45
|
1,38
|
0,2856
|
0,07
|
0,01
|
5,04
|
|
Faħam u kokk (f’PLN għal kull gigajoule tal-valur kalorifiku gross)
|
0,3
|
4,832
|
1,45
|
1,38
|
0,2856
|
0,07
|
0,01
|
5,04
|
|
Il-prodotti tal-enerġija koperti mit-talba
|
Il-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-UE
(f’euro)
|
Rata tad-dazju tas-sisa
(fi zloty Pollakk)
|
Ir-rata tat-taxxa bbażata fuq ir-rata medja tal-kambju fix-xahar ta’ EUR/PLN f’Jannar 2022
|
Rata
2023
|
|
Faħam u kokk
(għal kull gigajoule tal-valur kalorifiku gross)
|
0,3
|
1,38
|
0,3 * 4,55 ≈ 1,37
|
Ma hemmx bżonn tibdil
|
|
Gass naturali
(għal kull gigajoule tal-valur kalorifiku gross)
|
0,3
|
1,38
|
0,3 * 4,55 ≈ 1,37
|
Ma hemmx bżonn tibdil
|
|
Żejt kombustibbli (għal kull 1 000 kg)
|
15
|
69
|
15 * 4,55 ≈ 68
|
Ma hemmx bżonn tibdil
|
L-awtoritajiet Pollakki qiesu li kien diffiċli li jiġi stmat l-effett fuq il-baġit tal-bidla fir-rati tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija koperti. Madankollu, huma kkonfermaw li peress li l-korrezzjoni tar-rati hija minuri, ma għandux ikollha impatt sinifikanti fuq id-dħul mill-baġit, speċjalment peress li l-prezzijiet għoljin tal-vetturi tal-enerġija jiġġeneraw dħul baġitarju ogħla mill-VAT.
L-implikazzjonijiet baġitarji għall-perjodu kopert mit-talba għal deroga huma stmati għal PLN 9,2 miljun. It-tabella ta’ hawn taħt, ipprovduta mill-awtoritajiet Pollakki, tippreżenta f’dan ir-rigward l-implikazzjonijiet baġitarji għal kull wieħed mill-prodotti tal-enerġija kkonċernati.
|
Prodott tal-enerġija
|
Implikazzjonijiet baġitarji għall-ewwel nofs tal-2023
(miljuni ta’ PLN)
|
|
Żejt kombustibbli u fjuwils oħrajn użati għat-tisħin
|
2,4
|
|
Gass naturali u fjuwils oħrajn tal-gass użati għat-tisħin
|
4,8
|
|
Faħam u kokk
|
2,0
|
Madankollu, id-deroga ma għandhiex timmina l-adozzjoni futura mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal emenda tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
It-tnaqqis temporanju tat-taxxa previst mill-awtoritajiet Pollakki jaqa’ taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni rilevanti kif stabbilit fid-Direttiva.
Din il-proposta ma taffettwa l-ebda valutazzjoni tal-miżura Pollakka skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Kull talba għal deroga skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija trid tiġi eżaminata mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu: (i) il-funzjonament xieraq tas-suq uniku; (ii) il-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta; u (iii) il-politiki tal-UE dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.
Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-objettiv ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa huwa li jittaffa parzjalment il-piż soċjali u ekonomiku li l-popolazzjoni Pollakka tiffaċċja fil-każ ta’ żieda fit-taxxa minħabba r-rata tal-kambju mhux favorevoli tal-euro-zloty, flimkien ma’ inflazzjoni rampanti li taffettwa kemm lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lin-negozji, parzjalment minħabba ż-żieda reċenti fil-prezz li tirriżulta mill-kunflitt fl-Ukrajna.
Bħala riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, it-tnaqqis temporanju x’aktarx li ma jaffettwax il-kummerċ intra-UE. Minħabba l-effetti u d-durata limitati tagħha, il-miżura ma għandhiex ixxekkel il-kompetizzjoni jew tfixkel il-funzjonament tas-suq uniku.
Kif issottolinjat fil-Komunikazzjoni RePowerEU, filwaqt li tiffoka fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji vulnerabbli, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jinċentivaw l-iffrankar tal-enerġija u jnaqqsu l-konsum tal-fjuwils fossili. Madankollu, minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kurrenti marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, id-deroga mitluba tidher xierqa u proporzjonata. Il-miżura tqis ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-objettivi ta’ politika speċifiċi elenkati fl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, u b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-UE, bl-imperattiva li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi.
F’dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba li l-miżura hija temporanja u limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni kif mitlub.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.
Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma huwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att ma huwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma għandux jintbagħat lill-parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal rieżami ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.
It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv inkwistjoni.
It-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli matul perjodu limitat ta’ żmien ta’ 6 xhur.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-miżura ma tirrikjedix l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Polonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni.
Din hija r-riżultat ta’ talba li għamlet il-Polonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.
•Drittijiet fundamentali
Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma timponi ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma hemm bżonn ta’ ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat ta’ 6 xhur.
Ir-rati tat-taxxa applikabbli se jkunu anqas mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija.
Il-miżura tista’ tiġi evalwata jekk ikun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jistabbilixxi li l-Polonja se titħalla tapplika rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni.
L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata sa 6 xhur, kif mitlub mill-Polonja, fi ħdan il-perjodu massimu ta’ 6 snin permess mid-Direttiva.
2023/0162 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Jannar 2023, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq żejt kombustibbli, gass naturali, faħam, u kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Aktar tagħrif u kjarifiki b’appoġġ għat-talba ġew ipprovduti mill-awtoritajiet Pollakki fil-15 ta’ Frar 2023. L-awtorizzazzjoni ntalbet għal perjodu ta’ 6 xhur mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023.
(2)Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li ttaffi l-impatt negattiv li kien ikun ikkawżat minn żieda fil-livell ta’ tassazzjoni minħabba rata tal-kambju tal-euro-zloty għolja u mhux favorevoli, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva. Dan it-tnaqqis jikkorrispondi għall-ammont li jirriżulta mid-differenza fir-rata tal-kambju wara l-aġġustament annwali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva. It-tnaqqis jagħmel ir-rata tat-taxxa applikabbli taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.
(3)L-awtorizzazzjoni mitluba x’aktarx li ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ma tfixkilx il-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, l-awtorizzazzjoni mitluba titqies xierqa u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni tibbilanċja l-konsiderazzjonijiet ta’ politika speċifiċi msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni, bil-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis fit-taxxa jikkumpensa parzjalment iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u ma huwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis fit-taxxa.
(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, kif mitlub.
(5)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stabbilit li, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.
(6)Sabiex jiġi żgurat indirizzar bla xkiel tal-effetti negattivi għall-konsumaturi tal-prodotti tal-enerġija, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Polonja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.
(7)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Polonja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023.
Madankollu, jekk il-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ssir applikabbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President