KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018 ( 1 )
Kawża C-312/17
Surjit Singh Bedi
vs
Bundesrepublik Deutschland
Bundesrepublik Deutschland in Prozessstandschaft für das Vereinigte Königreich von Großbritannien und Nordirland
(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Superjuri tax-Xogħol ta’ Hamm, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Ftehim kollettiv li jipprevedi ħlas tal-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja li jieqaf meta riċevitur jikseb id-dritt li jirċievi ħlas antiċipat ta’ pensjoni tal-irtirar għall-persuni b’diżabbiltà”
|
1. |
Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkunsidra l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-diskriminazzjoni ibbażata fuq id-diżabbiltà stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE ( 2 ) għal impjegat li, wara li kien ikkwalifika għall-ħlasijiet skont ftehim kollettiv, bil-għan li tiġi żgurata sussistenza raġonevoli għall-impjegati li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, kellu d-dritt tiegħu għal dawn il-ħlasijiet itterminat għaliex huwa kien kiseb id-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata, pagabbli (minkejja b’rata mnaqqsa) minħabba d-diżabbiltà tiegħu. L-impjegat imsemmi sofra telf finanzjarju materjali bħala riżultat. |
Il-Kuntest Ġuridiku
Id-dritt tal-UE
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
2. |
Skont l-Artikolu 157(2) TFUE: “Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.” |
Id-Direttiva 2000/78
|
3. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.” |
|
4. |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-Konklużjonijiet: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:
[…]” |
|
5. |
Taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-Konklużjonijiet: “1. Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda: […]
[…] 3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali. […]” |
|
6. |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:
|
Dispożizzjonijiet legali nazzjonali
|
7. |
Il-Tarifvertrag zur sozialen Sicherung der Arbeitnehmer bei den Stationierungsstreitkräften im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland (il-Ftehim Kollettiv dwar is-Sigurtà Soċjali għal Persuni Impjegati mill-Forzi Armati Stazzjonati fit-Territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja; iktar ’il quddiem “il-ftehim kollettiv”) ġie konkluż bejn dak l-Istat Membru u numru ta’ sindakati fil-31 ta’ Awwissu 1971. Huwa jelenka l-kundizzjonijiet tal-impjieg relattivi għall-impjegati ngaġġati mill-forzi armati ta’ Stati oħra stazzjonati fit-territorju tagħha. Dawn l-Istati jinkludu r-Renju Unit ( 4 ). |
|
8. |
Il-paragrafu 4 tal-ftehim kollettiv huwa intitolat “il-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja”. Huwa jipprevedi li dik l-għajnuna tiġi mħallsa flimkien ma’ kwalunkwe dħul riċevut minn impjieg ieħor barra l-forzi armati stazzjonati fuq it-territorju Ġermaniż. L-istess dispożizzjoni ssemmi formola għall-kalkolu tal-għajnuna, li għandu jkun bbażat fuq is-salarju mħallas lir-riċevitur fix-xahar fil-mument tat-tmiem tal-impjieg tiegħu mal-forzi armati. |
|
9. |
Bis-saħħa tal-paragrafu 8 ta’ dak il-ftehim, il-ħlasijiet tal-għajnuna għandhom jieqfu, fost l-oħrajn, meta l-impjegat inkwistjoni jikseb id-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtirar antiċipata taħt id-dritt nazzjonali tas-sigurtà soċjali. |
Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari
|
10. |
Surjit Singh Bedi twieled fit-3 ta’ Awwissu 1954 u huwa kklassifikat bħala persuna li tbati minn diżabbiltà severa, b’rata ta’ diżabbiltà ta’ 50%. Huwa beda jaħdem mal-forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati fil-Ġermanja fl-1978 bħala impjegat ċivili, u sussegwentement bħala gwardja tas-sigurtà fl-istazzjon f’Münster (il-Ġermanja). Bħala parti mill-arranġamenti biex tingħalaq dik l-istazzjon, huwa tkeċċa fil-31 ta’ Diċembru 2013. Fl-1 ta’ Marzu 2014, huwa ġie ngaġġat bħala gwardja tas-sigurtà minn kumpannija privata. Huwa għadu impjegat hemmhekk u, mill-1 ta’ April 2016, qiegħed jaħdem taħt kuntratt li jipprevedi li huwa jaħdem numru varjat ta’ sigħat kull xahar, b’salarju li huwa bħala konsegwenza varjabbli. |
|
11. |
Wara t-tkeċċija tiegħu, Bedi rċieva l-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja pagabbli taħt il-paragrafu 4 tal-ftehim kollettiv (‘l-għajnuna’) mill-1 ta’ Jannar 2014, u sussegwentement bir-rata ta’ EUR 1 604.20 kull xahar. Iżda, b’ittra tat-23 ta’ Marzu 2015 l-awtoritajiet Ġermaniżi informawh li, peress li b’effett mill-1 ta’ Mejju 2015 huwa kien jikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar antiċipata pagabbli lil persuni b’diżabbiltà severa, id-dritt tiegħu għall-għajnuna kien ser jieqaf mit-30 ta’ April 2015. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2015, Bedi kiseb id-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata, pagabbli bir-rata ta’ EUR 909.50 kull xahar. Dik ir-rata kienet ridotta b’10.8 % biex tirrifletti l-fatt li l-pagament tal-pensjoni ġie aċċelerat bil-perjodu ta’ 36 xahar. B’żieda ma’ dan, l-ammont pagabbli permezz tal-pensjoni kien marbut ma’ tnaqqis skont limiti stabbiliti kkalkolat b’referenza għal kwalunkwe dħul minn impjieg li r-reċipjent jista’ jkollu dritt għalih. Jidher li Bedi jaqa’, jew jista’ jaqa’, fil-limiti stabbiliti inkwistjoni u li għalhekk kull pensjoni li huwa jista’ jirċievi tkun għaldaqstant ristretta. Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi l-qagħda finanzjarja netta ta’ Bedi bħala riżultat tat-telf tad-dritt tiegħu għall-għajnuna, bħala li hija kunsiderevolment agħar, bl-affarijiet kollha meħuda inkunsiderazzjoni, minn dik li kellha tkun li kieku huwa baqa’ jirċievi l-għajnuna sakemm titħallas il-pensjoni tiegħu b’mod sħiħ. |
|
12. |
Li kieku Bedi ma kellux diżabbiltà serja, huwa ma kienx ikollu d-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtirar tal-Istat sakemm jagħlaq l-età ta’ 63. Il-ħlas tal-għajnuna kien, f’dak il-każ, jibqa’ jingħata sal-1 ta’ Settembru 2017. |
|
13. |
Bedi ressaq kawża biex jikkontesta d-deċiżjoni li jtemm il-ħlas tal-għajnuna quddiem il-Arbeitsgericht Münster (il-Qorti tax-Xogħol Münster) fil-Ġermanja kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ewwel nett, għan-nom tagħha stess bħala parti għall-ftehim kollettiv u, it-tieni nett, fil-kapaċità tagħha bħala rappreżentant għar-Renju Unit skont l-Artikolu 56(8) tal-Ftehim biex jissupplimenta l-Ftehim bejn il-Partijiet għat-Trattat Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-Istatus tal-Forzi tagħhom fir-rigward tal-Forzi Barranin stazzjonati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iffirmat fit-3 ta’ Awwissu 1959, kif emendat. B’sentenza notifikata fil-11 ta’ Frar 2016, il-kawża ġiet miċħuda. |
|
14. |
Sussegwentement, Bedi ppreżenta appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Superjuri tax-Xogħol ta’ Hamm, il-Ġermanja), intiż fl-istess ħin li tingħata ordni għall-ħlas tal-għajnuna għall-perjodu minn April sa Diċembru 2016, li jammonta għall-EUR 3 049.92. |
|
15. |
Peress li huwa inċert jekk id-deċiżjoni li jtemm il-ħlas tal-għajnuna tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, projbita taħt id-Direttiva 2000/78, dik il-qorti rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja: “L-Artikolu 2(2) tad-[Direttiva 2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli ta’ ftehim kollettiv li jipprevedu li l-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja mogħtija sabiex tiggarantixxi dħul deċenti lill-impjegati li tilfu l-impieg tagħhom, fuq il-bażi tar-remunerazzjoni bażika prevista mill-ftehim kollettiv u sakemm l-imsemmija impjegati jaċċedu għall-protezzjoni ekonomika mogħtija mid-dritt għal pensjoni fil-kuntest ta’ skema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni - jiġi fi tmiemu meta jingħata bidu għad-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata u li jieħdu bħala kriterju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom, il-possibbiltà li tinkiseb pensjoni tal-irtirar antiċipata minħabba diżabbiltà?” |
|
16. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kemm għan-nom tagħha stess u kif ukoll fil-kapaċità tagħha ta’ rappreżentant għar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma ntalbet u ma nżammet ebda seduta. |
L-Analiżi
|
17. |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-terminazzjoni tal-ħlasijiet tal-għajnuna lil Bedi, minħabba li jingħata bidu, għalkemm skontat, għad-dritt għal pagament antiċipat tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu minħabba d-diżabbiltà tiegħu, tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78. |
|
18. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa neċessarju li jitqies, l-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, it-tieni nett, jekk id-diskriminazzjoni — jekk ikun hemm — li kien suġġett għaliha Bedi titqiesx diskriminazzjoni diretta jew indiretta. It-tielet nett, u jekk id-diskriminazzjoni kkonċernata tammonta għal diskriminazzjoni indiretta, id-derogi elenkati fl-Artikolu 2(2)(b) tad-direttiva imbagħad isiru rilevanti. |
|
19. |
Ser nitkellem dwar dawn iż-żewġ punti wieħed wara l-ieħor. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78: din l-għajnuna tirrappreżenta “paga”?
|
20. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78 (intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”) huwa mfassal b’mod wiesa’. Il-paragrafu 1 jipprovdi li d-direttiva għandha tapplika “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi” f’dak li jirrigwarda, inter alia, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inkluż sensji u paga”. Iżda, il-paragrafu 3 jimponi restrizzjoni importanti, li permezz tiegħu d-direttiva ma għandhiex tapplika “għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.” |
|
21. |
Il-premessa 13 tad-direttiva tipprovdi xi gwida dwar kif għandha tkun interpretata din ir-restrizzjoni, li tgħid li skema ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali hija waħda li l-benefiċċji tagħha ma humiex ittrattati bħala qligħ għall-finijiet ta’ dak li huwa llum l-Artikolu 157 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni fil-ġurisprudenza tagħha ( 5 ). |
|
22. |
Tqum id-domanda jekk l-għajnuna mħallsa lil Bedi taħt il-paragrafu 4 tal-ftehim kollettiv taqax taħt ir-restrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. |
|
23. |
Jien ma naħsibx li taqa’. |
|
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, il-kunċett ta’ “paga” għandu jkun interpretat b’mod wiesa’. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, “kull remunerazzjoni fi flus jew in natura, kemm jekk immedjata jew fil-futur, sakemm il-ħaddiem jirċevieha, anke jekk indirettament, fuq il-bażi tal-impjieg tiegħu, mill-persuna li timpjegah u irrispettivament jekk jirċevihiex taħt kuntratt ta’ xogħol, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi jew fuq bażi volontarja” ( 6 ). Il-fatt li xi benefiċċji jingħataw wara li tispiċċa r-relazzjoni ta’ impjieg ma jeskludix li jistgħu jitqiesu bħala “paga” skont l-Artikolu 157 TFUE ( 7 ). Bl-istess mod, in-natura ta’ remunerazzjoni ta’ tali benefiċċji ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li huma jissodisfaw ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali ( 8 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-benefiċċji mogħtija taħt sistema ta’ pensjoni, li essenzjalment hija relatata mal-impjieg tal-persuna kkonċernata, jifformaw parti mir-remunerazzjoni li din il-persuna tirċievi u jaqgħu fil-kuntest tal-Artikolu 157(2) TFUE ( 9 ). |
|
25. |
Kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għajnuna tippermetti lill-ħaddiema mdaħħla fl-età li jkunu impjegati fuq bażi full-time u ddikjarati ssensjati jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja wara li tispiċċa r-relazzjoni ta’ impjieg. L-għan tagħha huwa li tiżgura l-għajxien tagħhom u tikkumpensa għad-diffikultajiet li jqumu mill-fatt li huma jistgħu jirċievu rata inqas ta’ paga fil-pożizzjoni ġdida tagħhom, jew li jistgħu jkunu mingħajr xogħol. Fl-istess ħin, hija tfittex li tinkoraġġixxi l-impjegati jibqgħu attivi billi jsibu pożizzjonijiet ġodda barra s-settur tal-forzi armati. |
|
26. |
Minn dan isegwi fil-fehma tiegħi li l-għajnuna tissodisfa l-kriterju għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet bħala li tikkostitwixxi “l-element materjali ta’ paga” ( 10 ) fil-ġurisprudenza elenkata f’punt 24 iktar ’il fuq. Iżda, kif il-Kummissjoni rrilevat tajjeb, huwa wkoll meħtieġ li jkun iddeterminat jekk l-għajnuna inkwistjoni ngħatatx lill-impjegat ikkonċernat minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Għandu jkun hemm, fi kliem ieħor, rabta ta’ kawżalità bejn it-tnejn biex benefiċċju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE ( 11 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika, jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew seta’ kellhom rwol fit-tfassil tal-iskema ma jistgħux joperaw b’mod li jneħħu skema mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE jekk il-modalitajiet inkwistjoni jikkonċernaw biss kategorija partikolari ta’ impjegati, jekk huma direttament relatati mal-perijodu tas-servizz kompletat u jekk l-ammont tagħhom huwa kkalkolat b’referenza għall-aħħar salarju imħallas lill-(eks) impjegat ( 12 ). |
|
27. |
Iż-żewġ kawżi ċċitati fil-punt preċedenti rispettivament jikkonċernaw id-dritt tas-sieħba ċivili ta’ uffiċjali pubbliċi federali ( 13 ) għal rimbors tal-ispejjeż mediċi u għal pensjoni tar-romol taħt skema ta’ sigurtà soċjali professjonali obbligatorja ( 14 ). Iżda l-ġurisprudenza ma hijiex limitata għal dawn l-eżempji. Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, applikat dawn il-prinċipji għall-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja imħallsa lill-impjegati li jkunu laħqu ċertu età fiż-żmien tat-tkeċċija tagħhom, fejn hija ddeċidiet li l-fatt li l-ammont tal-għajnuna kellu jkun ibbażat fuq is-salarju gross finali ta’ kull xahar jikkonferma li l-għajnuna tikkostitwixxi benefiċċju mogħti inkonnessjoni mar-relazzjoni ta’ impjieg tal-impjegat ikkonċernat ( 15 ). |
|
28. |
Jien ma nara l-ebda raġuni għaliex ma għandhomx ikunu applikati dawn il-prinċipji f’din il-kawża wkoll. L-għajnuna hija mħallsa taħt il-ftehim kollettiv fir-rigward tar-relazzjoni ta’ impjieg miftiehma bejn persuni bħal Bedi u l-forzi armati stazzjonati fit-territorju Ġermaniż. Dan il-ftehim jipprevedi modalitajiet, fil-forma ta’ għajnuna, li espressament jikkontemplaw it-terminazzjoni ta’ dik ir-relazzjoni. L-ammont pagabbli taħt l-għajnuna għandu jkun (bis-saħħa tal-paragrafu 4 tal-ftehim kollettiv) ikkalkolat b’referenza għar-remunerazzjoni pagabbli fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Id-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi li l-għajnuna hija pagabbli biss lill-persuni impjegati “għal tul ta’ żmien”. Għalhekk jidher ċar li l-kriterju li s-somom ikunu direttament relatati mal-perijodu tas-servizz komplut huwa sodisfatt ukoll. Il-fatt li l-għajnuna hija pagabbli mill-Ġermanja u ffinanzjata mid-dħul mit-taxxa nazzjonali, kif fl-opinjoni tiegħi osservat tajjeb il-Kummissjoni, ma għandha l-ebda effett fuq il-kwistjoni għaliex jidher li l-involviment tal-Ġermanja f’dan ir-rigward jifforma parti mill-arranġamenti interni stabbiliti bejnha u bejn l-Istati li qabel kellhom is-suldati tagħhom stazzjonati fit-territorju tagħha. Dan jinkludi r-Renju Unit, fil-kapaċità tiegħu bħala l-persuna li kienet tħaddem lil Bedi preċedentement. Li huwa determinanti huwa jekk l-Istat Membru ta’ dan tal-aħħar, bħala l-persuna li oriġinarjament kienet tħaddem lir-reċipjent, ħoloqx strutturi biex jiżgura li s-somom jitħallsu lill-ex impjegati “fir-rigward tal-impieg tagħhom”. |
|
29. |
Għar-raġunijiet kollha t’hawn fuq, jien nqis li s-somom pagabbli taħt l-għajnuna jistgħu jkunu kklassifikati bħala “paga” għall-finijiet tal-Artikolu 157 TFUE u li l-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78 ma tapplikax f’din il-kawża. |
In-natura tad-diskriminazzjoni allegata
|
30. |
L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli fuq xi waħda mill-bażijiet elenkati fl-Artikolu 1. Dawn jinkludu d-diżabbiltà. |
|
31. |
Fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, miżura li tkun tapplika bl-istess mod għal persuni b’diżabbiltà u persuni mingħajr diżabbiltà ma tistax tkun titqies li tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażat direttament fuq id-diżabbiltà ( 16 ). Fil-kawża preżenti ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-ftehim kollettiv japplika b’mod differenti għall-ħaddiema b’diżabbiltà u dawk mingħajr diżabbiltà. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-paragrafu 8 tal-ftehim kollettiv japplikaw għal diversi kategoriji ta’ ħaddiema, li minnhom il-ħaddiema li għandhom diżabbiltà huma biss sett wieħed. |
|
32. |
Fid-dawl ta’ dan, it-trattament tal-ħaddiema bħal Bedi ma jistax jammonta għal diskriminazzjoni diretta. Isegwi li huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk huwa jikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta. Skont il-kriterju stipulat fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom, fost l-oħrajn, diżabbiltà fi żvantaġġ partikolari kkomparat ma’ persuni oħra. |
|
33. |
Diġà indikajt li l-miżura inkwistjoni hija apparentement newtrali ( 17 ). Fir-rigward, sussegwentement, tad-domanda dwar jekk persuni b’diżabbiltà jkunux tqiegħdu fi żvantaġġ, ir-riżultat ta’ Bedi li jakkwista d-dritt għal pensjoni, iżda mnaqqsa, tal-irtirar antiċipata kien li l-pagament tal-għajnuna waqaf. Fil-każ ta’ ħaddiema mingħajr diżabbiltà ma jkun hemm l-ebda dritt awtomatiku għal pensjoni antiċipata. L-għajnuna tkun għalhekk tkompli tkun pagabbli sakemm il-persuna kkonċernata tilħaq l-età standard tal-irtirar ta’ 63, meta l-pensjoni tkun pagabbli b’mod sħiħ. Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li l-attività finanzjarja netta għall-kategorija ta’ din tal-aħħar hija aħjar minn dik li tapplika għal Bedi u tkompli tosserva li l-pożizzjoni tiegħu hija, b’paragun, sostanzjalment agħar bħala riżultat ( 18 ). Lanqas ma kellu xi għażla fil-kwistjoni: l-għajnuna kienet tieqaf anki jekk hu kien jagħżel li ma jieħux il-pensjoni tal-irtirar tiegħu qabel id-data tal-irtirar normali. Fid-dawl ta’ dan, inqis li l-miżura fil-fatt tqiegħed lill-ħaddiema b’diżabbiltà bħal Bedi fi żvantaġġ. |
|
34. |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tad-domanda jekk is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema hijiex komparabbli għal dik ta’ persuni mingħajr diżabbiltà, il-Ġermanja (fl-osservazzjonijiet ippreżentati għan-nom tagħha stess) targumenta li dak l-element huwa nieqes. Hija tissottometti, essenzjalment, li l-evalwazzjoni rilevanti tista’ ssir f’żewġ punti fiż-żmien. L-ewwel waħda hija d-data li fiha r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi fit-tmiem. F’dak il-punt, kemm il-ħaddiem b’diżabbiltà u kif ukoll l-ħaddiema mingħajr diżabbiltà huma, hija aċċettat, f’sitwazzjoni komparabbli. It-tieni waħda hija d-data li fiha l-persuna kkonċernata tikseb id-dritt li tieħu l-pensjoni. Hemmhekk, il-Ġermanja argumentat li ż-żewġ gruppi ma jistgħux jitqiesu li huma fl-istess pożizzjoni, għaliex il-bżonn tagħhom għall-għajnuna tranżitorja jkun differenti — dawk li għandhom diżabbiltà mhux ser ikollhom iktar bżonn waħda, filwaqt li dawk li huma mingħajr diżabbiltà xorta ser jibqgħu bżonnha. |
|
35. |
Insostenn tat-tieni waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet, il-Ġermanja tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tiċċita b’mod partikolari lil (i) Burton, ( 19 ) fejn is-suġġett tal-kawża kien skema ta’ sensja volontarja li taħtha l-impjegati rġiel kienu jiksbu d-dritt għall-pagamenti f’data iktar tard mill-impjegati nisa, għaliex l-età pensjonabbli normali għal dawn tal-aħħar kienet tiġi qabel ta’ dawk tal-ewwel, iżda bl-ammont pagabbli lil kull kategorija tkun kkalkolata fuq bażi identika; (ii) Roberts, ( 20 ) li kienet dwar il-pensjoni ta’ allowance addizzjonali temporanja pagabbli lill-impjegati li jieħdu rtirar antiċipat ibbażat fuq nuqqas ta’ saħħa b’pagamenti lin-nisa li jsiru b’rata iktar baxxa mill-irġiel wara l-età ta’ 60 biex ikun rifless l-fatt li huma jiksbu d-dritt li jieħdu pensjoni tal-Istat minn dik l-età, iżda bil-mekkaniżmu biex tiġi kkalkolata l- l-pensjoni ta’ allowance addizzjonali temporanja ikun newtrali; u (iii) Hlozek, ( 21 ) li kienet tikkonċerna l-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja pagabbli lill-ħaddiema li jkunu laħqu ċertu età fiż-żmien tat-tkeċċija tagħhom bħala parti mir-ristrutturazzjoni tal-impriża ta’ min iħaddimhom, fejn in-nisa jkollhom id-dritt għall-għajnuna ħames snin qabel l-irġiel għaliex l-età statutorja tagħhom tal-irtirar kienet ħames snin qabel dik li kienet tapplika għall-kollegi rġiel tagħhom. |
|
36. |
Ftit nieħu ispirazzjoni minn din il-ġurisprudenza. Il-fokus tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi ma kienx fuq il-punt li fih id-diskriminazzjoni allegata setgħat bdiet. Minflok, hija qieset l-iskemi fil-qosor, biex tikkonkludi f’kull kawża li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni. Għamlet hekk f’Burton billi rrikonoxxiet li l-unika differenza bejn il-benefiċċji għall-irġiel u n-nisa oriġinat mill-fatt li l-età minima tal-irtirar taħt id-dritt nazzjonali applikabbli ma kinitx l-istess għall-irġiel u n-nisa. L-għajnuna inkwistjoni, iżda, kienet ikkalkolata bl-istess mod irrispettivament mis-sess tal-ħaddiem. Minn dan kien isegwi li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni ( 22 ). Roberts għamel il-punt iktar ċar, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-mekkaniżmu biex tiġi kkalkolata l-pensjoni ta’ allowance addizzjonali temporanja kien newtrali, li fi kliemha “ġiet ikkonfermata l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni” (traduzzjoni mhux uffiċjali) ( 23 ). F’Hlozek, hija adottat raġunament simili ( 24 ). |
|
37. |
Jidhirli li l-punt kollu f’din il-kawża huwa li l-iskema inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ma hijiex newtrali. |
|
38. |
Fil-fatt, il-Ġermanja tidher li aċċettat li jista’ jkun hemm aspetti rilevanti oħra għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għal Odar, ( 25 ) li kienet tinvolvi allowance ta’ tkeċċija minn impjieg pagabbli lill-ħaddiema b’diżabbiltà severa taħt pjan soċjali li bis-saħħa tiegħu huwa rċieva somma iżgħar minn dik li kellu d-dritt għaliha li kieku kien mingħajr diżabbiltà. Ma kien hemm l-ebda dubju li l-eżiti taħt l-iskemi kkonċernati kienu newtrali bejn iż-żewġ kategoriji tal-ħaddiema. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-pożizzjoni b’referenza għall-“ħaddiema li jappartjenu f’kategorija ta’ età li toqrob lejn l-irtirar” u ddeċidiet li huma kienu f’sitwazzjoni komparabbli għal ħaddiema oħrajn ikkonċernati bil-pjan soċjali, għaliex ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom ma’ min iħaddimhom spiċċat għall-istess raġuni u fl-istess ċirkustanzi. Il-“vantaġġ” mogħti lill-ħaddiema b’diżabbiltà severa, li jikkonsisti fid-dritt tagħhom li jitolbu pensjoni tal-irtirar tliet snin qabel il-ħaddiema mingħajr diżabbiltà, ma kienx ipoġġihom f’sitwazzjoni differenti fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema ( 26 ). |
|
39. |
Jidhirli li din il-ġurisprudenza hija kunsiderevolment iktar rilevanti għall-kawża preżenti mis-sentenzi diskussi f’punti 35 u 36 iktar ’il fuq. Id-domanda tibqa’, iżda, jekk hijiex preċiżament trasposta. B’mod partikolari, hija ċ-ċirkustanza li (i) f’Odar il-fatti kienu jinvolvu il-kalkolazzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa, li kienet ridotta fil-każ ta’ ħaddiema b’diżabbiltà severa biex tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt antiċipat tagħhom għal pensjoni tal-irtirar, filwaqt li (ii) f’din il-kawża l-benefiċċji kienu jinkludu ħlasijiet kontinwi taħt il-ftehim kollettiv li kienu tterminati meta d-dritt għall-ħlas antiċipat tal-pensjoni tal-irtirar isir disponibbli, biżżejjed biex issir distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet? |
|
40. |
Ma naħsibx li dan huwa l-każ. |
|
41. |
Fiż-żewġ kawżi, l-applikant kien affaċċjat b’riduzzjoni effettiva fil-ħlas li rċieva minħabba t-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-akkwist antiċipat tad-dritt tiegħu għal pensjoni tal-irtirar. F’Odar, dik ir-riduzzjoni kienet saret fl-istadju meta kienet ġiet ikkalkolata s-somma sħiħa, filwaqt li fil-kawża ta’ Bedi, hija qamet fil-mument tat-tmiem tal-ħlasijiet taħt il-ftehim kollettiv. Ir-riżultat nett kien l-istess: kull reċipjent irċieva inqas flus għaliex kien b’diżabbiltà. L-għan ta’ kull waħda mill-iskemi kien li jibbenefikaw ħaddiema ta’ ċertu età li jaffaċċjaw tkeċċija minħabba raġunijiet operazzjonali. Il-fatt li l-għajnuna fil-kawża preżenti kienet pagabbli fuq bażi kontinwa bl-iskop li tinkoraġġixxi l-ħaddiema kkonċernati jibqgħu fis-suq tax-xogħol ma jirrappreżentax fl-opinjoni tiegħi differenza li hi materjali biżżejjed biex issir distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet. |
|
42. |
Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-isfond taż-żewġ kawżi, sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, huwa essenzjalment simili u l-prinċipji li għandhom jittieħdu minn Odar jistgħu jiġu applikati għas-sitwazzjoni ta’ Bedi. F’Odar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu qed joqorbu lejn l-irtirar kienu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ ħaddiema oħra kkonċernati bil-modalitajiet għall-ħlas ta’ ammont f’daqqa, minħabba li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom ma’ min iħaddimhom intemmet għall-istess raġuni u fl-istess ċirkustanzi ( 27 ). Hemm fl-opinjoni tiegħi ftit diffikultà biex dan ir-raġunament jiġi estiż b’analoġija għall-kawża preżenti. |
Diskriminazzjoni indiretta: id-derogazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78
|
43. |
Fid-dawl ta’ dan, il-kwistjonijiet li jmisshom ikunu indirizzati huma jekk il-miżura inkwistjoni tistax titqies li hi oġġettivament ġustifikata minn għan leġittimu u jekk il-mezzi li jilħqu dak l-għan humiex xierqa u neċessarji għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. |
|
44. |
Il-Ġermanja (kemm fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati għan-nom tagħha stess u f’dawk ippreżentati bħala rappreżentant tar-Renju Unit) targumenta li fil-fatt hemm għan leġittimu għall-miżura. Sa fejn huwa rilevanti, ( 28 ) hija tinnota b’mod partikolari l-fatt li l-għajnuna hija pagabbli mill-fondi tal-Istat u li dawn b’definizzjoni huma limitati. Ma hemm l-ebda raġuni tajba biex l-għajnuna tkompli tkun pagabbli meta r-riċevitur ikun provdut bil-mezzi ta’ sussistenza permezz ta’ rotta oħra. Hija tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-Istat tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu f’dawn iċ-ċirkustanzi. |
|
45. |
Jien ma kont insib xi ngħid xejn kontra dawn is-sottomissjonijiet. Huwa fil-fatt il-każ li l-fondi pubbliċi jintefqu b’mod għaqli ( 29 ). Jien għalhekk naqbel li dak l-għan huwa wieħed leġittimu. |
|
46. |
Jista’ jingħad ukoll li huwa xieraq u neċessarju? |
|
47. |
Dwar l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji, il-Ġermanja (kemm fil-kapaċità tagħha u bħala rappreżentant tar-Renju Unit) innotat b’mod partikolari li l-għan tal-ftehim huwa li jipprovdi dħul sodisfaċenti għall-impjegati meta dawn jistgħu jkunu xort’ oħra fi bżonn finanzjarju, li l-għan tiegħu “jista’, fil-każ tal-impjegati b’diżabbiltà, jingħad li jgħib” meta huma jakkwistaw id-dritt tagħhom għall-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipata. Hija qieset din il-kunsiderazzjoni bħala waħda xierqa. |
|
48. |
Jien hawnhekk m’iniex konvint lil hinn minn kull dubju bir-raġunament tal-Ġermanja. B’mod partikolari, l-approċċ tagħha huwa bbażat fuq il-premessa li l-għan li jibbenefikaw l-impjegati fi bżonn finanzjarju jista’ jingħad li jintilef meta r-riċevitur tal-benefiċċju inkwistjoni jakkwista d-dritt għal pensjoni. Dan jippreżupponi li l-pensjoni tkun ta’ valur suffiċjentement għoli li tikkumpensa għal dak il-bżonn finanzjarju. Filwaqt li l-livell tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-Istat jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, ma jistax ikun preżunt li, anki meta pagabbli bir-rata sħiħa, dawk il-pensjonijiet ikunu fil-każijiet kollha biżżejjed għar-riċevitur biex jgħix f’kull grad ta’ kumdità. Meta l-ammont inkwistjoni jkun ridott biex jittieħed kont ta’ pagament antiċipat, isir iktar probabbli li s-somma rċevuta ma tkunx tirrappreżenta dħul sodisfaċenti. F’dan il-każ, ma jistax jingħad li l-bżonnijiet finanzjarji tar-reċipjent “jista’ jingħad li jgħibu”. Jien għalhekk nikkonkludi li l-għan li jkun provdut dħul sodisfaċenti għall-impjegati f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ Bedi jista’ jingħad li jgħib — u għalhekk li l-miżura tista’ tingħad li tkun xierqa — biss meta d-differenza bejn l-ammont tal-pensjoni li jkollhom dritt għaliha u dak tal-għajnuna li ma tkomplietx ma tkunx tali li l-impjegati jmorru lura, jew ikunu f’riskju li jmorru lura, għas-sitwazzjoni ta’ bżonn finanzjarju li l-għajnuna kienet intiża li tipprovdi kontriha. Sew jekk dan ikun jew ma jkunx il-każ, hija kwistjoni li tkun għall-qorti nazzjonali li tivverifika. |
|
49. |
Fir-rigward tal-kriterju ta’ neċessità, l-istess Stat Membru jqiegħed enfasi miżjuda fuq il-grad ta’ diskrezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hija offruta lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-miżuri li jimplimentaw għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg. Dan huwa, fil-fehma tagħha, a fortiori il-każ meta l-miżura inkwistjoni tkun diġà ġiet deċiża bejn l-imsieħba soċjali fi ftehim kollettiv. Hija tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat li dawn l-imsieħba għandhom “diskrezzjoni wiesa” f’dak il-kuntest ( 30 ) u tagħmel dak li hija tipperċepixxi bħala distinzjoni fundamentali bejn dik is-sitwazzjoni u l-pjan soċjali li kien inkwistjoni f’Odar. Id-dritt nazzjonali jippermetti libertà diskrezzjonali kunsiderevolment iżgħar fil-kawża tal-aħħar, minħabba li l-partijiet għall-pjan huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jkunu japplikaw wara li ttemm ir-relazzjoni tal-impjieg. |
|
50. |
Jien naċċetta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterferixxi bil-mod mad-deċiżjonijiet meħuda mill-imsieħba soċjali fit-tfassil ta’ ftehimiet bħal dak li huwa inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ( 31 ). Iżda, il-marġni diskrezzjonali li dan jippreżupponi ma jneħħix il-ħtieġa li jkun rispettat il-prinċipju li l-miżuri għandhom ikunu kemm xierqa u kif ukoll neċessarji. F’dan ir-rigward, jien ninnota, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Hennigs u Mai, meta jkun ikkunsidrat il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-imsieħba soċjali fil-kuntest ta’ ftehimiet kollettivi, li “t-trattament differenti bbażat fuq l-età jkun xieraq u neċessarju għat-twettieq ta’ dan l-għan” ( 32 ). It-tieni nett, jien ninnota li l-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2000/78 jeħtieġ lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża, fost l-oħrajn, fi ftehimiet kollettivi għandha, jew tista’ tiġi, iddikjarata nulla u bla effett jew tiġi emendata. |
|
51. |
Biex niddeċiedi dwar din il-kwistjoni, huwa fl-opinjoni tiegħi importanti li nżommu f’moħħna is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà severa bħal Bedi, u, b’mod partikolari, id-diffikultajiet speċifiċi u r-riskji li huma jaffaċċjaw. L-għan kollu tad-Direttiva 2000/78 fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-ħaddiema b’diżabbiltà hu, wara kollox, li tipprevjeni d-diskriminazzjoni kontra dawn il-ħaddiema u għalhekk li ttejjeb il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Dan jinkludi li jiġi żgurat li huma jkunu mogħtija l-opportunitajiet kollha possibbli f’dak is-suq u li ma jkunux żvantaġġati finanzjarjament. Dawn il-ħaddiema, barra minn hekk, x’aktarx jaffaċċjaw diffikultajiet ikbar biex isibu impjieg mill-ħaddiema l-oħra mingħajr diżabbiltà u dawn id-diffikultajiet għandhom tendenza li jaggravaw hekk kif huma jersqu lejn l-età tal-irtirar ( 33 ). Huwa importanti li jitfakkar li d-dritt għax-xogħol ilu rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-1974, meta tat is-sentenza tagħha f’Nold vs Il-Kummissjoni, ( 34 ) u li issa ġie stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 35 ). |
|
52. |
Huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li l-għajnuna pagabbli lil persuni bħal Bedi tittermina awtomatikament kif huma jakkwistaw id-dritt li jirċievu l-pagament antiċipat tal-pensjoni tal-irtirar minkejja li huma ma jkunux jixtiequ li jiġbdu l-pensjoni f’dak iż-żmien. Huma jistgħu, pereżempju, ikunu jixtiequ li jibqgħu impjegati u jiddifferixxu li jieħdu l-pensjoni sal-età normali tal-irtirar meta jirċevuha b’mod sħiħ. |
|
53. |
Fil-fatt, jien jidhirli li dan il-punt huwa l-qofol tad-diffikultajiet li huma affaċċjati mill-modalitajiet nazzjonali kkontestati f’din il-kawża. Bla dubju, jista’ ikun hemm kull xorta ta’ raġunijiet perfettament ta’ min ifaħħarhom għaliex persuni b’diżabbiltà bħal Bedi għandhom jiksbu d-dritt għall-pagament antiċipat tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom, minkejja b’rata mnaqqsa, f’każ li jkunu jixtiequ li jieħdu vantaġġ minn dan il-benefiċċju. Huma jistgħu, kif irrilevat il-Ġermanja, isibu lilhom infushom f’pożizzjoni fejn huma għandhom inqas ċans li jsibu impjieg u jkunu grati għall-għajnuna finanzjarja offruta lilhom. Iżda dawn l-modalitajiet ma jippreżentawx lill-ħaddiema b’għażla reali jekk ikunu jixtiequ jkomplu jaħdmu u jkollhom l-opportunità li jagħmlu hekk. |
|
54. |
Minflok, kif il-ħaddiem b’diżabbiltà jilħaq l-età li fiha jikseb id-dritt li jieħu pensjoni antiċipata b’rata mnaqqsa, l-allowance tinqata’. Jekk huwa jibqa’ fix-xogħol, huwa ser isofri għaliex huwa jkun tilef l-allowance. Jekk huwa jiddeċiedi li jieħu l-pensjoni, huwa xorta x’aktarx li jitlef - sakemm, jiġifieri, l-ammont tal-pensjoni ma jkunx akbar minn dak tal-paga tiegħu fl-impjieg flimkien mal-allowance, riżultat li ma jidhirx li hu probabbli fil-prattika. Dak li ma huwiex disponibbli lilu hija t-tielet opzjoni, li taħtha huwa jista’ jagħżel li ma jieħux il-pensjoni tal-irtirar antiċipata iżda jiddeċiedi li jibqa’ fix-xogħol u jirċievi l-allowance. Iżda din it-tielet opzjoni hija preċiżament dik li ħaddiem mingħajr diżabbiltà awtomatikament jirċievi. |
|
55. |
Ikkunsidrata minn dan l-angolu, l-impatt tal-iskema, kif stabbilit taħt il-ftehim kollettiv, għandu fl-opinjoni tiegħi dak li l-Qorti tal-Ġustizzja sejħet f’Odar“effett li tipproduċi ħsara eċċessiva” għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema b’diżabbiltà bħal Bedi ( 36 ). |
|
56. |
Fid-dawl ta’ dik il-konklużjoni, jien għandi nżid li jien ma nemminx li l-argument tal-Ġermanja, li l-impatt ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni illegali huwa, essenzjalment, materja li għandu jkun trattat fil-livell tal-iskema ta’ pensjoni nazzjonali, jista’ jirnexxi. Biex huma jissodisfaw il-kriterji tad-Direttiva 2000/78, dawk responsabbli mill-amministrazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv għandhom jagħmlu hekk b’mod li ma jkunux jikkostitwixxu diskriminazzjoni illegali. L-ewwel pass ovvju f’kawża bħal din huwa li jintalab finanzjament addizzjonali sabiex tkun eliminata l-problema. Peress li sa issa jista’ relattivament ikun hemm ftit persuni fil-pożizzjoni ta’ Bedi, jista’ jkun il-każ li l-flus neċessarji jkunu disponibbli fil-qrib. Jekk dan ma jkunx il-każ, jew jekk ikun hemm il-fondi biex tkopri biss parti mit-telf, is-soluzzjoni alternattiva – għalkemm ovvjament inqas sodisfaċenti — tkun li jiġu riallokati l-benefiċċji taħt il-ftehim biex globalment l-iskema tkun konformi. |
|
57. |
Minn dan isegwi fil-fehma tiegħi li ma jistax jingħad li r-regoli nazzjonali inkwistjoni jissodisfaw il-kriterju ta’ neċessità u, għaldaqstant, li huma jonqsu li jissodisfaw il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. |
|
58. |
Mhux qed jiġi ssuġġerit li d-deroga addizzjonali elenkata fl-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-direttiva, li tapplika biss għall-persuni b’diżabbiltà u mhux għall-kategoriji ta’ persuni li d-direttiva tfittex li tipproteġi, hija rilevanti fil-kawża preżenti u għalhekk jien mhux ser nikkunsidraha ulterjorment. |
|
59. |
Jien għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li jipprevedi li l-irċevuta ta’ benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja li huwa kkalkolat b’riferiment għal remunerazzjoni bażika mniżżel fil-ftehim kollettiv u li jfittex li jipprovdi dħul diċenti lill-impjegati stabbiliti sew li tilfu l-impjieg tagħhom, fir-rigward ta’ impjegati b’diżabbiltà meta l-impjegat ikkonċernat jikseb id-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtirar antiċipata skontata fejn (i) il-membri mingħajr diżabbiltà fl-impjieg jistgħu jkomplu jirċievu l-għajnuna sakemm jiksbu id-dritt li jieħdu pensjoni tal-irtirar fl-età standard tal-irtirar, b’dik il-pensjoni tkun pagabbli b’mod sħiħ u (ii) l-impjegat b’diżabbiltà ma jiġix offrut l-għażla li jkompli jirċievi l-għajnuna sal-età standard tal-irtirar, li b’hekk tippermettilu jkompli jipparteċipa fis-suq tax-xogħol bl-istess mod bħal impjegati mingħajr diżabbiltà, iżda għandu minflok jeħel penali finanzjarja sinjifikattiv f’każ li huwa jkun jixtieq li jibqa’ disponibbli għall-impjieg sakemm jikseb id-dritt li jieħu l-pensjoni tal-irtirar tiegħu b’mod sħiħ. |
Konklużjoni
|
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb it-talba għal rinviju mil-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Superjuri tax-Xogħol ta’ Hamm, il-Ġermanja) kif ġej: L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li jipprevedi li l-irċevuta tal-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja li huwa kkalkolat b’riferiment għal remunerazzjoni bażika mniżżel fil-ftehim kollettiv u li jfittex li jipprovdi dħul diċenti lill-impjegati stabbiliti sew li tilfu l-impjieg tagħhom, fir-rigward ta’ impjegati b’diżabbiltà meta l-impjegat ikkonċernat jikseb id-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtirar antiċipata skontata, meta (i) il-membri mingħajr diżabbiltà fl-impjieg jistgħu jkomplu jirċievu l-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja sakemm jiksbu id-dritt li jieħdu pensjoni tal-irtirar fl-età standard tal-irtirar, b’dik il-pensjoni tkun pagabbli b’mod sħiħ, (ii) l-impjegat b’diżabbiltà ma jiġix offrut l-għażla li jkompli jirċievi l-għajnuna sal-eta’ standard tal-irtirar, li b’hekk tippermettilu jkompli jipparteċipa fis-suq tax-xogħol bl-istess mod bħal impjegati mingħajr diżabbiltà, iżda minflok għandu jeħel penali finanzjarja sinjifikattiv f’każ li huwa jkun jixtieq li jibqa’ disponibbli għall-impjieg sakemm jikseb id-dritt li jieħu l-pensjoni tal-irtirar tiegħu b’mod sħiħ. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79 - 85).
( 3 ) L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 huwa intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’diżabilità”. Huwa jobbliga lil dawk li jħaddmu jieħdu miżuri approprjati biex jipprovdu akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b’diżabbiltà f’ċerti ċirkustanzi.
( 4 ) Il-lista sħiħa tinkludi l-forzi armati tal-Belġju, tal-Kanada, ta’ Franza, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti.
( 5 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 6 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 7 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 44.
( 8 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, b’analoġija u a contrario, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 19 et seq., u l-Konklużjonijiet tiegħi f’Espadas Recio, C‑98/15, EU:C:2017:223, punt 33 et seq.
( 9 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 10 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 35.
( 11 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punti 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u 39.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 48.
( 13 ) Fil-kawża ta’ Dittrich et.
( 14 ) Fil-kawża ta’ Maruko.
( 15 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 38.
( 16 ) Is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punt 72.
( 17 ) Ara l-punt 31 iktar ’il fuq.
( 18 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.
( 19 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1982, 19/81, EU:C:1982:58.
( 20 ) Is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1993, C‑132/92, EU:C:1993:868.
( 21 ) Is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, C-19/02, EU:C:2004:779.
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 15 u 16 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 1982, 19/81, EU:C:1982:58.
( 23 ) Ara l-punt 23 tas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1993, C‑132/92, EU:C:1993:868.
( 24 ) Ara l-punt 49 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, C-19/02, EU:C:2004:779.
( 25 ) Is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, C‑152/11, EU:C:2012:772.
( 26 ) Ara l-paragrafi 61 u 62 tas-sentenza.
( 27 ) Ara l-paragrafu 61 tas-sentenza.
( 28 ) Il-Ġermanja invokat żewġ raġunijiet addizzjonali b’referenza għall-punti 29 u 44 tas-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600. Dawk il-punti jindirizzaw għanijiet leġittimi li ġew meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja li huma validi għall-finijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, li jelenka ċertu dispożizzjonijiet diskreti dwar differenzi ta’ trattament abbażi tal-età. Din il-kawża mhux ikkonċernata ma’ diskriminazzjoni fuq din il-bażi. Għal din ir-raġuni, jien mhux ser inqis ulterjorment dawn ir-raġunijiet addizzjonali.
( 29 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 43.
( 30 ) Il-Ġermanja tiċċita f’dan ir-rigward is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen, C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 46.
( 32 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 65.
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 67.
( 34 ) Is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1974, 4/73, EU:C:1974:51, punti 12 sa 14.
( 35 ) ĠU 2010, C 83, p. 389.
( 36 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 70.