|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6798 |
13.11.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta' Novembru 2024
li tistabbilixxi programm ta’ ħidma għad-Direttiva 2010/40/UE għall-perjodu 2024-2028
(C/2024/6798)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4a(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2023/2661 (2) emendat id-Direttiva 2010/40/UE u introduċiet b’mod partikolari Artikolu 4a ġdid li jitlob lill-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma għad-Direttiva 2010/40/UE sal-21 ta’ Diċembru 2024. Dan il-programm ta’ ħidma huwa stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jispeċifika l-objettivi u l-iskeda ta’ żmien tal-attivitajiet li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni possibbli ta’ speċifikazzjonijiet komuni fl-erba’ oqsma ta’ prijorità skont id-Direttiva 2010/40/UE u tal-emenda possibbli tal-Anness III tagħha. |
|
(2) |
L-Artikolu 4a(2) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma ġdid qabel kull estensjoni sussegwenti ta’ 5 snin tas-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12(2). Peress li l-estensjoni ta’ 5 snin li jmiss tas-setgħa li tadotta atti delegati għandha tingħata lill-Kummissjoni mill-20 ta’ Diċembru 2028, il-programm ta’ ħidma stabbilit f’din id-Deċiżjoni jkopri l-perjodu 2024-2028. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 9140 final (3) li taġġorna l-programm ta’ ħidma fir-rigward tal-azzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2010/40/UE stabbiliet programm ta’ ħidma għall-perjodu 2022-2027. Meta jitqiesu r-rekwiżiti l-ġodda għall-programm ta’ ħidma introdotti mill-Artikolu 4a(1) tad-Direttiva 2010/40/UE u l-fatt li l-bqija tal-attivitajiet ippjanati tal-programm ta’ ħidma għall-perjodu 2022-2027 se jiddaħħlu f’dan il-programm ta’ ħidma, id-Deċiżjoni C(2022) 9140 final għandha titħassar. |
|
(4) |
Meta twettaq l-attivitajiet tal-programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni se twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4). |
|
(5) |
Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-programm ta’ ħidma għall-perjodu 2024-2028 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE, kif stabbilit fl-Anness, huwa b’dan adottat.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 9140 final titħassar.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Novembru 2024
Għall-Kummissjoni
Wopke HOEKSTRA
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/40/oj.
(2) Id-Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L, 2023/2661, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2661/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 9140 final tat-13.12.2022 li taġġorna l-programm ta’ ħidma fir-rigward tal-azzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2010/40/UE għall-perjodu 2022-2027.
(4) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.
ANNESS
Werrej
|
1. |
Introduzzjoni | 3 |
|
2. |
Ambitu u skeda taż-żmien tal-programm ta’ ħidma | 3 |
|
3. |
Deskrizzjoni u skeda taż-żmien għall-attivitajiet proposti | 4 |
|
3.1. |
Kompiti tal-Kummissjoni marbuta mal-emenda tad-Direttiva 2010/40/UE | 4 |
|
3.2. |
Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet proposti | 4 |
|
3.2.1. |
Sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi (STI-K) | 4 |
|
3.2.2. |
eCall – estensjoni possibbli għal kategoriji oħra ta’ vetturi | 4 |
|
3.2.3. |
L-iżvilupp ta’ identifikaturi ta’ nodi ta’ aċċess multimodali | 5 |
|
3.2.4. |
Titjib fil-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti | 5 |
|
3.2.5. |
Reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq | 6 |
|
3.2.6. |
Ir-reviżjoni ta’ speċifikazzjonijiet attwali għal servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ sikuri u siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali | 7 |
|
3.2.7. |
Emenda tal-Anness III tad-Direttiva 2010/40/UE | 7 |
|
4. |
Emendar tal-programm ta’ ħidma | 8 |
1. INTRODUZZJONI
Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) f’Awwissu 2010, il-Kummissjoni implimentat l-ewwel programm ta’ ħidma (2), li kien jiffoka l-aktar fuq l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet ta’ prijorità skont id-Direttiva. Segwew żewġ aġġornamenti ta’ dan il-programm ta’ ħidma, għall-perjodi 2017-2022 (3) u 2022-2027 (4), li kienu jinkludu azzjonijiet ġodda skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.
L-Artikolu 4a tad-Direttiva 2010/40/UE, kif introdott bid-Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programm ta’ ħidma sal-21 ta’ Diċembru 2024.
2. AMBITU U SKEDA TAŻ-ŻMIEN TAL-PROGRAMM TA’ ĦIDMA
Dan il-programm ta’ ħidma jispeċifika l-attivitajiet li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq sabiex timplimenta d-Direttiva 2010/40/UE. Dawn jinkludu eżerċizzju ta’ mmappjar mal-esperti tal-Istati Membri biex tinkiseb kjarifika tal-ambitu tagħhom, filwaqt li jitqiesu regoli settorjali eżistenti kif ukoll leġiżlazzjoni u inizjattivi dwar id-data transsettorjali.
Dan il-programm ta’ ħidma jelenka l-attivitajiet li l-Kummissjoni se twettaq, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ speċifikazzjonijiet komuni fl-erba’ oqsma ta’ prijorità skont id-Direttiva 2010/40/UE u l-emendar possibbli tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Għal kull attività, jipprovdi deskrizzjoni u skeda taż-żmien mhux vinkolanti.
L-attivitajiet jistgħu jwasslu għal miżuri ta’ standardizzazzjoni, azzjonijiet ta’ appoġġ jew speċifikazzjonijiet komuni, skont il-ħtiġijiet, u jekk il-livell ta’ maturità jippermetti dan. L-ispeċifikazzjonijiet komuni jistgħu jieħdu l-forma ta’ att delegat ġdid jew emenda ta’ att delegat eżistenti. Barra minn hekk, diversi attivitajiet jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet skont att delegat komuni.
Dan il-programm ta’ ħidma japplika għall-perjodu 2024-2028.
3. DESKRIZZJONI U SKEDA TAŻ-ŻMIEN GĦALL-ATTIVITAJIET PROPOSTI
3.1. Kompiti tal-Kummissjoni marbuta mal-emenda tad-Direttiva 2010/40/UE
It-tabella li ġejja tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kompiti ewlenin tal-Kummissjoni matul il-perjodu 2024-2028 li jirriżultaw mill-emenda tad-Direttiva 2010/40/UE bid-Direttiva (UE) 2023/2661.
|
Kompiti |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
Adozzjoni tal-programm ta’ ħidma |
|
|
|
|
|
|
Adozzjoni tal-mudell komuni għar-rappurtar tal-Istati Membri u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni |
|
|
|
|
|
|
Tiġdid tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI (EIAG) |
|
|
|
|
|
|
Rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni (2026) u s-setgħat delegati (2028) |
|
|
|
|
|
|
Rieżami tad-Direttiva 2010/40/UE |
|
|
|
|
|
3.2. Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet proposti
3.2.1. Sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi (STI-K)
Deskrizzjoni:
L-iskop ta’ din l-attività huwa li jiġu adottati, fejn meħtieġ, speċifikazzjonijiet komuni tal-UE biex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operazzjonali ta’ servizzi ta’ STI kooperattivi fl-UE kollha bbażati fuq komunikazzjoni affidabbli u sigura.
Speċifikazzjonijiet previsti tal-UE:
|
— |
speċifikazzjonijiet għas-sistema ta’ ġestjoni tal-kredenzjali tas-sigurtà tal-STI-K tal-UE; |
|
— |
speċifikazzjonijiet għal servizzi armonizzati tal-STI-K; |
|
— |
speċifikazzjonijiet biex jitrawmu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-STI-K, b’mod partikolari biex tiġi appoġġata l-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata. |
Din l-attività tkopri t-tipi u l-utenti kollha ta’ vetturi u se tħares lejn il-maturità tas-servizzi għal, fost l-oħrajn, vetturi ta’ emerġenza, vetturi tat-trasport pubbliku, utenti vulnerabbli tat-triq bħal vetturi motorizzati b’żewġ roti u roti, ħaddiema tat-triq, vetturi tqal tal-merkanzija, vannijiet u karozzi. Se tinkludi wkoll elementi ta’ infrastruttura lokali u ċentrali (unitajiet ta’ maġenb it-triq u stazzjonijiet ċentrali tal-STI-K). L-attività se tibda b’eżerċizzju ta’ mmappjar, f’kooperazzjoni mal-esperti u l-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri, biex jiġi ċċarat aktar l-ambitu tagħha, eż. jiġu identifikati servizzi, inklużi sinerġiji mas-servizzi minimi universali ta’ informazzjoni dwar it-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq. Dan għandu jiġi segwit mit-tnedija ta’ studju ta’ appoġġ.
(qasam ta’ prijorità IV tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2024-2027
3.2.2. eCall – estensjoni possibbli għal kategoriji oħra ta’ vetturi
Deskrizzjoni:
Kif imħabbar fl-istrateġija ta’ mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tal-Kummissjoni (6) (l-azzjoni Nru 75), u wara l-adattament fl-2024 tal-qafas legali tal-eCall għal teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni elettronika packet-switched, din l-attività se tikkunsidra jekk il-punti li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika (PSAPs, public safety answering points) għandhomx bżonn jiġu aġġustati bħala riżultat tal-estensjoni possibbli tal-eCall għal kategoriji oħra ta’ vetturi (bħal vetturi tqal tal-merkanzija, xarabanks u kowċis, vetturi motorizzati b’żewġ roti u tratturi agrikoli).
Din l-attività hija relatata ma’, u tiddependi fuq, l-iżviluppi fil-qafas legali eżistenti għall-PSAPs tal-eCall u s-sistema eCall immuntata fil-vettura (7), li tinkludi leġiżlazzjoni lil hinn mid-Direttiva dwar l-STI. L-estensjoni possibbli tal-eCall għal kategoriji oħra ta’ vetturi għandha tkun sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt li tkopri l-aspetti kollha tal-eCall. B’mod partikolari, għandha tqis il-bidliet meħtieġa fl-ispeċifikazzjonijiet għall-PSAPs skont id-Direttiva 2010/40/UE.
(qasam ta’ prijorità III tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2025-2028
3.2.3. L-iżvilupp ta’ identifikaturi ta’ nodi ta’ aċċess multimodali
Deskrizzjoni:
Din l-attività għandha l-għan li tappoġġa l-ħolqien ta’ identifikaturi (IDs) uniċi tal-UE għan-nodi ta’ aċċess (għall-modi skedati u t-trasport fuq talba fejn rilevanti). L-iżvilupp ta’ identifikaturi uniċi tal-UE jappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi multimodali, inklużi servizzi ta’ ħruġ ta’ biljetti, u jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Regolament Delegat dwar is-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali (8) skont id-Direttiva 2010/40/UE.
Bħala l-ewwel pass, l-attività tinkludi mmappjar tal-għodod eżistenti fis-seħħ biex jiġu identifikati n-nodi ta’ aċċess u jiġi esplorat kif jistgħu jiġu żviluppati aktar identifikaturi uniċi tal-UE. B’mod aktar speċifiku, il-ħidma esploratorja se tirrieżamina d-disponibbiltà attwali tal-identifikaturi tan-nodi ta’ aċċess fl-Istati Membri u tipproponi mod kif jiġu definiti, bħala t-tieni pass, identifikaturi uniċi tal-UE għal dawn in-nodi ta’ aċċess.
Il-ħidma preparatorja għandha titwettaq bħala parti minn proġett ta’ assistenza teknika tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Azzjonijiet ta’ segwitu bħall-adozzjoni possibbli tal-ispeċifikazzjonijiet tal-UE skont id-Direttiva 2010/40/UE għandhom jiġu diskussi mal-esperti tal-Istati Membri abbażi tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-proġett.
(qasam ta’ prijorità I tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2025-2027
3.2.4. Titjib fil-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti
Deskrizzjoni:
Din l-attività se tikkunsidra l-ħtieġa għal aktar żviluppi fil-qasam ta’ prijorità II tad-Direttiva 2010/40/UE, b’mod partikolari għal servizzi mtejba tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti.
Diġà għaddejjin diversi inizjattivi f’dan il-qasam. Dawn jinkludu r-rakkomandazzjonijiet u l-ħidma tal-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali dwar l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tad-data fil-loġistika multimodali u fil-ktajjen tal-provvista, li jkopru t-trasport mingħajr karti, is-sistemi ta’ informazzjoni dwar il-kurituri tal-merkanzija u l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija. L-objettiv huwa li tiġi vvalutata l-ħtieġa għal azzjonijiet komplementari, b’mod partikolari dawk li jappoġġaw flussi ta’ informazzjoni standardizzati jew interfaċċi bejn ċentri ta’ informazzjoni/kontroll tat-traffiku u diversi partijiet ikkonċernati tal-STI. Dan jista’ jinkludi l-kondiviżjoni standardizzata (u transfruntiera) ta’ informazzjoni dwar il-postijiet u r-rotot ta’ merkanzija perikoluża, u l-kondiviżjoni standardizzata ta’ informazzjoni dwar soluzzjonijiet ta’ mikromobbiltà inkluż iċ-ċikliżmu (eż. volumi, xejriet, parkeġġ u infrastruttura).
B’ħarsa ’l quddiem fil-kuntest tal-STI-K u l-awtomatizzazzjoni, u wara r-rakkomandazzjonijiet mit-tieni fażi tal-Pjattaforma tal-STI-K, jistgħu jkunu meħtieġa diversi azzjonijiet dwar id-data, l-istandards u l-proċeduri.
Din l-attività se tibda bi studju tal-Kummissjoni mniedi fl-2024 biex jesplora, jidentifika, janalizza u jevalwa l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet dwar servizzi mtejba tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti. Servizzi mtejba ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti joffru l-opportunità għal bilanċ u ġestjoni aħjar tat-traffiku fuq in-network tat-toroq li jwassal għal użu ottimizzat tal-kapaċità tat-toroq. Dawn is-servizzi jinvolvu teknoloġiji sofistikati li jimmonitorjaw, jikkontrollaw u jirrispondu għall-kundizzjonijiet tat-traffiku u l-inċidenti f’ħin reali.
L-istudju se jikkunsidra l-ħidma li diġà saret f’diversi inizjattivi Ewropej bħall-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali, kif ukoll fi proġetti nazzjonali, b’mod partikolari dawk relatati mal-ġestjoni mtejba tat-traffiku, bħall-proġett ikkofinanzjat mill-FNE Socrates 2.0 (9).
Passi ulterjuri possibbli bħal miżuri ta’ standardizzazzjoni, azzjonijiet ta’ appoġġ jew speċifikazzjonijiet komuni se jiġu diskussi mal-esperti tal-Istati Membri abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju.
(qasam ta’ prijorità II tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2024-2026
3.2.5. Reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq
Deskrizzjoni:
Din l-attività se tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 (10) biex tkompli tappoġġa l-forniment ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas lill-utenti. Filwaqt li jitqiesu r-regoli settorjali eżistenti u l-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi transsettorjali dwar id-data, l-attività se tħares b’mod partikolari lejn:
|
— |
is-simplifikazzjoni u l-allinjament tal-obbligu ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 886/2013 mal-obbligi ta’ rapportar tad-Direttiva 2010/40/UE; |
|
— |
possibbilment l-integrazzjoni tal-eżitu tal-proġetti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, eż. dwar id-definizzjonijiet, il-konformità u l-proċeduri ta’ spezzjoni, il-metadata, l-istandards, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 886/2013; |
|
— |
possibbilment jiżdiedu tipi ta’ avvenimenti, bħal “tmiem il-kju” jew “vetturi ta’ emerġenza li jkunu qed joqorbu”; |
|
— |
possibbilment l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament (UE) Nru 886/2013; |
|
— |
l-eżami ta’ jekk ir-Regolament huwiex aġġornat, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi relatati bħal dawk mill-proġetti NAPCORE (11) u Data għas-Sikurezza fit-Toroq (12), mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UNECE jew li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali (13) u d-Direttiva RISM (14), kif ukoll l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-varar fil-qasam tal-STI-K. |
Għal dak l-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li tniedi studju fl-2025 maħsub biex iħejji din ir-reviżjoni.
(qasam ta’ prijorità III tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2024-2026
3.2.6. Ir-reviżjoni ta’ speċifikazzjonijiet attwali għal servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ sikuri u siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali
Deskrizzjoni:
Din l-attività se tikkunsidra li tirrevedi r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 (15) biex tkompli tappoġġa l-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għall-postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali. Filwaqt li jitqiesu r-regoli settorjali eżistenti u l-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi transsettorjali dwar id-data, l-attività se tħares b’mod partikolari lejn:
|
— |
is-simplifikazzjoni u l-allinjament tal-obbligu ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 885/2013 mal-obbligi ta’ rapportar tad-Direttiva 2010/40/UE; |
|
— |
possibbilment l-integrazzjoni tal-eżitu tal-proġetti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, eż. dwar id-definizzjonijiet tad-data, il-konformità u l-proċeduri ta’ spezzjoni, il-metadata, l-istandards, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 885/2013; |
|
— |
possibbilment l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tar-Regolament (UE) Nru 885/2013; |
|
— |
l-eżami ta’ jekk ir-Regolament huwiex aġġornat, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi relatati bħal dawk mill-proġett NAPCORE, u l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni bħar-Regolament Delegat (UE) 2022/1012 (16) u r-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar it-TEN-T. |
Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tniedi studju fl-2026 maħsub biex iħejji din ir-reviżjoni.
(qasam ta’ prijorità III tad-Direttiva 2010/40/UE)
Skeda taż-żmien:
2026-2027
3.2.7. Emenda tal-Anness III tad-Direttiva 2010/40/UE
Deskrizzjoni:
F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40/UE, l-iskop ta’ din l-attività huwa li tiddefinixxi d-dati applikabbli għat-tipi ta’ data li ġejjin elenkati fl-Anness III:
|
— |
ir-regolamenti dwar il-kunsinna tal-merkanzija; |
|
— |
id-direzzjoni tal-ivvjaġġar f’korsiji riversibbli; |
|
— |
ir-restrizzjonijiet ta' aċċess permanenti; |
|
— |
il-konfini tar-restrizzjonijiet, tal-projbizzjonijiet jew tal-obbligi mal-validità żonali, l-istatus ta’ aċċess attwali u l-kundizzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni f’żoni tat-traffiku regolati; |
|
— |
il-post tan-nodi ta’ aċċess identifikati għall-modi skedati kollha, inkluża informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tan-nodi ta’ aċċess u tal-mogħdijiet fi ħdan interkambju (bħall-eżistenza ta’ liftijiet, skali mobbli) (għal nodi urbani kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u elenkati f’dak ir-Regolament, inklużi dawk amministrati mill-bliet). |
Dawn id-dati għandhom jiġu definiti mill-atti delegati tal-Kummissjoni li jemendaw l-Anness III. Dan se jsegwi analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji u konsultazzjonijiet xierqa u se jqis l-iżvilupp tas-suq u teknoloġiku madwar l-UE.
Skeda taż-żmien:
2026-2027
4. EMENDAR TAL-PROGRAMM TA’ ĦIDMA
Skont il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, jistgħu jiġu proposti adattamenti meħtieġa għalih jekk ikun meħtieġ matul il-perjodu 2024-2028.
(1) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport, ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(2) C(2011) 289 finali.
(3) C(2018) 8264 final.
(4) C(2022) 9140 final.
(5) Id-Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L, 2023/2661, 30.11.2023, p. 1).
(6) COM(2020) 789 final.
(7) https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/intelligent-transport-systems/road/action-plan-and-directive/interoperable-eu-wide-ecall_en.
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1926 tal-31 ta' Mejju 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (ĠU L 272, 21.10.2017, p. 1).
(9) https://trimis.ec.europa.eu/project/socrates-20.
(10) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6).
(11) National Access Point Coordination Organisation for Europe – https://napcore.eu.
(12) Data For Road Safety - https://www.dataforroadsafety.eu.
(13) Ir-Regolament (EU) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).
(14) Id-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1).
(15) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1).
(16) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU L 170, 28.6.2022, p. 27).
(17) Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1153 u r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6798/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)