10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-kodiċi doganali tal-Unjoni

[COM(2018) 259 final — 2018/0123 (COD)]

(2018/C 367/08)

Relatur:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Kunsill, 29.5.2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fil-plenarja

12.7.2018

Sessjoni plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

147/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dejjem sostna li unjoni doganali effiċjenti hija “conditio sine qua non” tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, biex tiżgura moviment liberu effiċjenti, sigur u trasparenti tal-merkanzija; bl-ogħla livell ta’ ħarsien tal-konsumaturi u tal-ambjent, bl-aħjar impjiegi, u bi ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas regolatorju ċar, trasparenti u mhux ambigwu għall-operaturi u l-atturi pubbliċi u privati kollha, li jaġixxu fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jintużaw definizzjonijiet, proċeduri u skadenzi ċari applikabbli għall-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-UE jew toħroġ minnu, li jippermettu lill-unjoni doganali nfisha li taħdem b’mod effettiv u konsistenti mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

1.3.

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-qafas regolatorju propost, jiġifieri:

—

l-emendi tal-istandards u r-regoli tekniċi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU);

—

il-korrezzjonijiet tal-iżbalji tekniċi u tal-ommissjonijiet, bl-allinjament tal-Kodiċi mal-Ftehim Internazzjonali bejn l-UE u l-Kanada (CETA);

—

l-inklużjoni tal-enklav tal-muniċipalità ta’ Campione u tal-ilmijiet territorjali tal-Lag ta’ Lugano fit-territorju doganali tal-Unjoni, kif mitlub mill-Istat Membru kkonċernat.

1.4.

Il-Kumitat iqis li huwa essenzjali għall-Unjoni u għall-pajjiżi li magħhom ikkonkludiet ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, li jappoġġjaw dan l-impenn konġunt, immirat lejn il-promozzjoni ta’ kummerċ ħieles u ġust, f’soċjetà dinamika u li tħares ’il quddiem, bl-għan li tiġi stimulata l-attività ekonomika u li jiġu promossi l-valuri u l-ideat komuni li ġew espressi b’mod konkret fl-Att Uniku Ewropew tal-1986, fil-Kodiċi Doganali tal-1992, ipperfezzjonat fil-KDU tal-2013, u li ddaħħlu bħala proposta fil-baġit fit-tul għall-2021-2027, bħala appoġġ għal kooperazzjoni fiskali u doganali tal-UE aktar effiċjenti.

1.5.

F’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tal-“enklavi territorjali”, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari biex fl-istess ħin isiru l-emendi meħtieġa fid-Direttiva 2008/118/KE (id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa) u d-Direttiva 2006/112/KE (id-Direttiva dwar il-VAT).

1.6.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex fl-2021 tibgħatlu r-rapport ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas ġuridiku tal-KDU, bl-għan li jivvaluta l-adegwatezza tiegħu għall-emendi introdotti minn dan ir-regolament, u l-effiċjenza tas-sistemi diġitali komuni, li għandhom jibdew jitħaddmu sa dik id-data.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni Doganali (UD) hija l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) ippermetta:

—

l-armonizzazzjoni tad-diversi standards preċedenti;

—

l-applikazzjoni ta’ trattamenti ugwali;

—

l-impożizzjoni leġittima ta’ sanzjonijiet.

2.2.

Mill-1 ta’ Mejju 2016 daħlu fis-seħħ regoli doganali ġodda, bl-għan li tiġi ssimplifikata l-ħajja tal-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa u bl-għan ta’ protezzjoni akbar tal-konsumatur. Bil-Kodiċi Doganali l-ġdid tal-Unjoni l-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1992, ġiet imġedda.

2.3.

Bl-Att Uniku Ewropew tal-1986, li daħal fis-seħħ f’Lulju tal-1987, beda proċess li, permezz ta’ tliet fażijiet – fl-1990 għall-kapital, fl-1993 għall-oġġetti u fl-1999 bil-munita unika – wassal għal dak li hu stipulat fl-Artikolu 28 tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri: “l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti”.

2.4.

Wara l-Kodiċi tal-1992 u r-Regolament tal-2008, wasalna għall-KDU attwali tal-2013 – issupplimentat b’diversi regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni – li jirrappreżenta pass importanti fl-Unjoni Doganali Ewropea: il-KDU huwa l-qafas li jippermetti d-dħul u l-ħruġ mill-UE ta’ aktar minn EUR 3 000 biljun f’oġġetti kull sena.

2.5.

Wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet sostanzjali l-ġodda tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, li jistabbilixxi l-KDU, il-proċess ta’ konsultazzjoni regolari mal-Istati Membri u man-negozji wassal għall-identifikazzjoni ta’ żbalji u ta’ anomaliji tekniċi li jeħtieġ li jiġu kkoreġuti sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-dritt u l-konsistenza.

2.6.

Fil-fatt, it-territorju doganali tal-UE ma jikkoinċidix eżattament mat-territorji kollha li jagħmlu parti mit-territorju ġeofiżiku tal-UE. Fil-fatt, xi żoni li jaqgħu fit-territorji nazzjonali huma esklużi mit-territorju doganali tal-Komunità, filwaqt li territorji oħrajn li ma jagħmlux parti mit-territorju ġeofiżiku tal-Unjoni huma kkunsidrati li jagħmlu parti mit-territorju doganali.

2.7.

Filwaqt li t-territorji Awstrijaċi ta’ Jungholz u Mittelberg, tal-Prinċipat ta’ Monaco, tar-Repubblika ta’ San Marino, tad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM – Martinique, Guadeloupe, il-Guyana Franċiża u Réunion), tal-Isle of Man u tal-Gżejjer Kanarji jagħmlu parti mit-territorju doganali tal-UE, xi territorji li jagħmlu parti mit-territorju ġeofiżiku tal-UE, bħall-Gżejjer ta’ Faeroe, il-Gżira ta’ Helgoland u t-territorju ta’ Busingen, Ceuta u Melilla, it-Territorji extra-Ewropej Franċiżi (TOM – il-Polineżja Franċiża, Wallis u Futuna, New Caledonia, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u l-Kollettività Franċiża ’l barra minn Franza ta’ Mayotte, ta’ St. Pierre u Miquelon), Livigno, huma esklużi minnu. L-Italja talbet l-inklużjoni ta’ Campione d’Italia u tal-ilmijiet nazzjonali Taljani tal-Lag ta’ Lugano, bejn Ponte Tresa u Porto Ceresio, li sa issa kienu esklużi wkoll.

2.8.

In-negozjati għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) ġew konklużi f’Settembru 2014, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016. Il-Ftehim, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Settembru 2017, abolixxa 99 % tad-dazji doganali u bosta ostakli oħrajn li, sal-lum, kienu ta’ piż fuq il-kummerċjanti.

2.9.

Il-Ftehim tal-CETA – li dwaru l-KESE kkumenta f’diversi okkażjonijiet (1) – fih għadd ta’ aspetti ta’ interess doganali kbir, minħabba l-fatt li, kif previst fl-Artikolu 1.4 tiegħu, jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu XXIV tal-GATT (1994) (2) u l-Artikolu V tal-GATS (3). Fi kwalunkwe każ, il-ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi addizzjonali li diġà jeżistu bejn il-partijiet kontraenti skont il-Ftehim tad-WTO, u lanqas fuq il-ftehimiet l-oħrajn li huma parti għalihom rispettivament (4).

2.10.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, iż-żona ta’ kummerċ ħieles tinkludi (5):

—

fir-rigward tal-Kanada: it-territorju tal-art tagħha, l-ispazju tal-ajru, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali, iż-żona ekonomika esklużiva tagħha, kif determinata mil-liġi nazzjonali Kanadiża, konsistenti mal-Parti V tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, li saret f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (“il-Konvenzjoni UNCLOS (6)”); il-blata kontinentali tagħha, kif determinat mil-liġi nazzjonali Kanadiża, konsistenti mal-Parti VI tal-UNCLOS;

—

fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, it-territorji li fihom jiġu applikati t-TUE u t-TFUE u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati u, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament tariffarju tal-prodotti, il-Ftehim jinkludi wkoll dawk iż-żoni tat-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea li mhumiex koperti mill-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu.

2.10.1.

Minbarra l-CETA, l-UE u l-Kanada ffirmaw ukoll strument interpretattiv konġunt (7) li se jkollu validità legali u li jiddeskrivi b’mod ċar il-kontenut ta’ dak miftiehem bejn il-Kanada u l-UE f’sensiela ta’ Artikoli tal-CETA, bħal dawk li jikkonċernaw is-sistema ġudizzjarja l-ġdida għall-protezzjoni tal-investimenti, id-dritt tar-regolamentazzjoni, is-servizzi pubbliċi u l-ħarsien tal-ambjent u tal-impjiegi.

2.10.2.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni regolari mal-Istati Membri u man-negozji wassal għall-identifikazzjoni ta’ żbalji u ta’ anomaliji tekniċi li jeħtieġ li jiġu kkoreġuti sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-dritt u l-konsistenza. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ħejjiet proposti, inkluż l-allinjament tal-KDU ma’ ftehim internazzjonali li ma kienx fis-seħħ meta ġie adottat il-KDU, u t-talba mill-Italja biex tiġi inkluża parti mit-territorju tagħha.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda l-Kodiċi Doganali tal-UE sabiex:

—

tikkoreġi l-iżbalji tekniċi u l-ommissjonijiet, inkluża l-armonizzazzjoni tal-KDU mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet internazzjonali li ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ meta ġie adottat il-Kodiċi, bħall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada;

—

tiġi emendata d-definizzjoni tat-territorju doganali tal-Unjoni, sabiex ikun jinkludi l-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano;

—

jiġu pprovduti speċifikazzjonijiet u estensjonijiet għad-deċiżjonijiet u għall-iskadenzi proċedurali dwar l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (BTI), dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjonijiet għall-kustodja temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor jew ta’ notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid, eżenzjonijiet mid-dazji tal-importazzjoni, skont il-proċedura ta’ proċessar passiv.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE japprova bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li tagħmel emendi tekniċi fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) biex tiżgura li l-Kodiċi jissodisfa l-għanijiet tiegħu li jtejjeb il-kompetittività tan-negozji Ewropej filwaqt li jipproteġi aħjar l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni, itejjeb l-impjiegi u s-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE.

4.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-CETA jagħti lill-kummerċ u lill-iżvilupp sostenibbli, u l-impenji rilevanti li ħadu l-partijiet kontraenti, bħala parti mill-istrument interpretattiv konġunt, sabiex isaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu, kif ukoll l-approċċ pożittiv tal-mudell il-ġdid li ġie adottat għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investimenti.

4.3.

Għaldaqstant il-Kumitat jaqbel li d-dispożizzjonijiet regolatorji tal-UE jiġu allinjati mal-ftehimiet iffirmati mal-Kanada, f’termini ta’:

—

Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi;

—

ħażna temporanja;

—

dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u indikazzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f’każ li ma tiġix ippreżentata informazzjoni qabel il-wasla ta’ oġġetti mhux tal-UE;

—

invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ ħażna temporanja;

—

eżenzjoni sħiħa mid-dazji fuq l-importazzjoni f’ċerti każijiet;

—

termini eżatti ta’ invalidazzjoni f’każijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor ta’ ħruġ jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid.

4.4.

Il-Kumitat jappoġġja t-traspożizzjoni tat-talba tal-Gvern Taljan li mill-1 ta’ Jannar 2019, il-muniċipalità ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet nazzjonali Taljani tal-Lag ta’ Lugano jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-UE.

4.5.

Il-Kumitat jirrakkomanda li fl-istess waqt ta’ dan il-proċess ta’ inklużjoni, isiru l-emendi meħtieġa fid-Direttiva 2008/118/KE (id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa) u fid-Direttiva 2006/112/KE (id-Direttiva dwar il-VAT) biex jibdew japplikaw fl-istess data tal-1 ta’ Jannar 2019.

4.6.

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex fl-2021 tippreżentalu r-rapport ta’ rieżami previst dwar l-effettività, il-konsistenza u l-korrettezza tal-qafas ġuridiku l-ġdid tal-KDU, kif emendat mill-proposti leġislattivi attwali.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 87; ĠU C 332, 8.10.2015, p. 45; ĠU C 227, 28.6.2018, p. 27.

(2)  Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ.

(3)  Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi.

(4)  Ara l-Artikolu 1.5 CETA.

(5)  Ara l-Artikolu 1.3 CETA.

(6)  United Nations Convention on the Law of the Sea.

(7)  Approvat mill-Kunsill fl-iffirmar tiegħu fit-28 ta’ Ottubru 2016, li jipprovdi interpretazzjoni vinkolanti tas-CETA skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13541-2016-INIT/mt/pdf