Brussell, 15.10.2019

COM(2019) 465 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħat skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007


1.INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza relatata mal-avjazzjoni ċivili tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata. L-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti.

L-Artikolu 7(6) ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta l-atti delegati b’konformità mal-Artikolu 18 sabiex tiddefinixxi l-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (ERCS).

Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament jgħid li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta l-atti delegati b’konformità mal-Artikolu 18 sabiex:

(a) taġġorna l-lista ta’ oqsma ta’ data obbligatorji fir-rapporti dwar l-okkorrenzi stipulati fl-Anness I fejn, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-bidliet jirriżultaw neċessarji sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni;

(b) taġġorna t-talba għall-formula tal-informazzjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew 1 ipprovduta fl-Anness III, sabiex titqies l-esperjenza miksuba u l-iżviluppi ġodda;

(c) tallinja kwalunkwe wieħed mill-Annessi mas-softwer ECCAIRS 2 u mat-tassonomija ADREP 3 , kif ukoll ma’ atti legali adottati mill-Unjoni u ma’ ftehimiet internazzjonali.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tfassal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tad-delega tas-setgħat mogħtija lilha.

2.GĦOTI TA’ SETGĦAT GĦALL-ADOZZJONI TA’ ATTI DELEGATI

L-Iskema Ewropea għall-Klassifikazzjoni tar-Riskji (ERCS)

Għalkemm l-Artikolu 7(6) tar-Regolament huwa l-bażi ġuridika għall-att delegat li jiddefinixxi l-ECRS, huwa importanti wkoll li jitqiesu l-paragrafi 5 u 7 ta’ dan l-Artikolu.

Qabel ma jiġi adottat l-att delegat “li jiddefinixxi” l-ERCS skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 7, l-ERCS jeħtieġ li tiġi “żviluppata” f’konformità mal-paragrafu 5 tal-istess Artikolu. Barra minn hekk, l-ERCS, kif definit f’att delegat, trid tiġi implimentata f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 7(7). Fi kliem ieħor, l-implimentazzjoni eventwali tal-ERCS issir f’sensiela ta’ passi suċċessivi, li huma relatati mill-qrib.

L-iżvilupp tal-ERCS ġie konkluż fil-15 ta’ Mejju 2017 f’konformità mad-data fil-mira stabbilita fl-Artikolu 7(5).

Ix-xogħlijiet għall-adozzjoni sussegwenti tal-att delegat, li jiddefinixxi l-ERCS, bdew iżda sa issa għadhom ma ġewx konklużi. Sabiex jinkiseb sett konsistenti ta’ regoli, fl-interess tal-implimentazzjoni tal-iskema b’suċċess, il-Kummissjoni dehrilha li jkun aħjar li tħejji l-att delegat skont il-paragrafu 6 b’mod parallel mal-att(i) ta’ implimentazzjoni previst(i) fil-paragrafu 7, u li dawn jiġu adottati fl-istess ħin.

B’konsegwenza ta’ dan, id-delega kkonferita fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 sa issa għadha ma ġietx eżerċitata.

Emendar tal-Annessi 

L-Artikolu 17 tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati, kif ikun xieraq, sabiex temenda l-Annessi tar-Regolament. Filwaqt li huwa mistenni li tali emendi jkunu meħtieġa meta jasal iż-żmien fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ta’ żviluppi ġodda assoċjati mal-implimentazzjoni tar-Regolament, ġie stabbilit li sa issa l-kontenut tal-Annessi, kif inhuma llum, għadu tajjeb għall-fini tiegħu.

B’konsegwenza ta’ dan, sa issa l-għoti tas-setgħat biex jiġu adottati l-atti delegati, għall-finijiet tal-emendar tal-Annessi, għadu ma ġiex eżerċitat.

3.KONKLUŻJONIJIET

Għar-raġunijiet imsemmija fit-taqsima preċedenti, sa issa l-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħat tagħha biex tadotta l-atti delegati kif previst fl-artikoli msemmija hawn fuq. L-adozzjoni ta’ tali atti tibqa’ neċessarja fir-rigward tal-Artikolu 7(6) u tista’ ssir neċessarja fir-rigward tal-Artikolu 17.

(1)

Ir-Repożitorju Ċentrali Ewropew: ir-repożitorju fejn jinħażnu r-rapporti kollha dwar l-okkorrenzi miġbura fl-Unjoni; ġestit mill-Kummissjoni

(2)

ECCAIRS: iċ-Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni.

(3)

ADREP: ir-Rappurtar ta’ Data dwar l-Aċċidenti/Inċidenti. Din is-sistema titħaddem u ssirilha l-manutenzjoni mill-ICAO. Is-sistema ADREP titħaddem bl-użu tal-pjattaforma tas-softwer ECCAIRS. ICAO tfisser l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Hija aġenzija speċjalizzata tan-NU, stabbilita mill-Istati fl-1944 biex tiġġestixxi l-amministrazzjoni u l-governanza tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago).