Official Journal L 289 , 12/11/1996 P. 0002 - 0002
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2154/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 rigward ċerti miżuri tranżitorji meħtieġa sabiex jimplimentaw il-Ftehim dwar il-Biedja tar-Round ta’ l-Urugwaj IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fiċ-ċereali [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 923/96 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu, u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, Billi t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 20(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta’ Novembru 1987 li jistabbilixxi r-regoli komuni dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1384/95 [4], jistabbilixxi illi, fil-każ ta’ rifużjonijiet iddifferenzjati, jekk id-destinazzjoni indikata fil-liċenzja ma tkunx ġiet imħarsa u r-rata tar-rifużjoni korrispondenti tkun inqas mir-rata tar-rifużjoni indikata fil-liċenzja, ir-rifużjoni trid titnaqqas b’20 % tad-differenza bejn din ir-rifużjoni u r-rifużjoni indikata fil-liċenzja; billi t-tnaqqis ġie introdott sabiex jiżgura illi jitħarsu r-restrizzjonijiet fuq il-kwantitajiet u l-valur skond il-Ftehimijiet dwar il-Biedja tar-Round ta’ l-Urugwaj; Billi, sabiex jiġi evitat it-taqlib fil-kummerċ u sabiex tiġi ¿gurata transizzjoni bla xkiel għar-regoli l-ġodda tal-GATT mir-regoli li kienu japplikaw qabel l-1 ta’ Lulju 1995, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 974/95 [5] jipprovdi għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-esportazzjoni li jistgħu jintużaw wara din id-data; billi dawn il-liċenzji m’għandhomx jiġu pprenotati akkont skond ir-regoli l-ġodda tal-GATT; billi dawn il-liċenzji għandhom għalhekk jiġu espessament esklużi mill-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-20 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 1995; Billi l-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni interessat, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L- Artikolu 1 Ma’ l-applikazzjoni mill-parti interessata sottomessa mhux iktar tard minn sena wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-tnaqqis ta’ 20 % stabbilit fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 20(3)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87 m’għandux japplika għall-esportazzjonijiet effettwati taħt il-liċenzji ta’ l-esportazzjoni maħruġa skond ir-Regolament (KE) Nru 974/95. L- Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 1995. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-11ta’ Novembru 1996. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 181, ta’ l-1.7.1992, p. 21. [2] ĠU L 126, ta’ l-24.5.1996, p. 37. [3] ĠU L 351, ta’ l-14.12.1987, p. 1. [4] ĠU L 134, tal-20.6.1995, p. 14. [5] ĠU L 97, tad-29.4.1995, p. 66. --------------------------------------------------