|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1823 |
24.3.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/1823)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 hija disponibbli fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
DOKUMENT UNIKU
“Kırkağaç Kavunu”
Nru tal-UE: PDO-TR-02829 — 15.2.2022
DOP (x) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Kırkağaç Kavunu”
2. Stat Membru jew Pajjiż terz
It-Turkija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott (bħal fl-Anness XI)
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
0807 Bettieħ (inkluż id-dulliegħ) u pawpaw (papaja), friski: – Bettieħ (inkluż id-dulliegħ)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Kırkağaç Kavunu”: huwa bettieħ li jikber fid-Distrett ta’ Kırkağaç fil-provinċja ta’ Manisa u għandu żewġ tipi differenti, Kırkağaç-589 u Kırkağaç-637. Fil-kultivars kollha, il-qoxra tal-frotta hija ħoxna (1-1,5 cm), ħarxa, irrakkmata, u mtebbgħa fl-aħdar fuq sfond isfar.
Fost dawn it-tipi, it-tip Kırkağaç-589 għandu forma twila u ċilindrika, iz-zokk tiegħu huwa ppuntat u ħiereġ ’il barra, il-ponta tal-fjura hija tonda, u jista’ jinħażen fl-istaġun tax-xitwa. It-tip Kırkağaç-637 ġeneralment jagħmel frott tond. L-istruttura u l-kulur tal-qoxra tal-frotta huma l-istess bħal tal-Kırkağaç-589. F’xi reġjuni, dan jissejjaħ ukoll “Altınbaş”.
Tabella 1
Karatteristiċi ġenerali tal-“Kırkağaç Kavunu”
|
Kriterji |
Kırkağaç-589 |
Kırkağaç-637 (Altınbaş) |
|
Piż tal-frotta (kg) |
3 -6 |
3 -5 |
|
Dijametru tal-frotta (cm) |
15 -25 |
16 -26 |
|
Daqs tal-frotta (cm) |
20 -28 |
18 -20 |
|
Ħxuna tal-qoxra tal-frotta (cm) |
1,0 – 1,5 |
|
|
Ħxuna tal-frotta (cm) |
7,0 - 8,5 |
|
|
Kontenut tal-ħofra taż-żerriegħa (g) |
250 - 350 |
|
|
Dijametru tal-ħofra taż-żerriegħa (cm) |
Ivarja bejn 3,7 -4,5 cm |
|
|
Brix (%) |
10,8 -13,0 |
11,4 -13,2 |
|
Aroma tal-laħam tal-frotta |
Aroma dominanti tal-fjuri tat-tilju L-aroma sekondarja hija kkaratterizzata mill-aroma tal-faqqiegħ u tal-isquash |
|
|
Meraq tal-polpa tal-frotta |
Milwiema |
|
|
Fibra tal-polpa tal-frotta |
% 0,3 -0,9 |
|
|
Għamla tal-frotta |
Twila, b’disinn tal-arzella, u mtebbgħa fl-aħdar fuq sfond isfar |
Tonda ovali, bil-wiċċ tal-frotta kemxejn imrammel (imkemmex), u mtebbgħa fl-aħdar fuq sfond isfar |
|
Jum is-sajran (jum) |
90 -110 |
|
|
Kontenut totali ta’ zokkor (g 100 g-1) |
6,14 -6,19 |
|
|
Kontenut ta’ sukrożju (g 100 g-1) |
3,55 -4,06 |
|
|
Kontenut ta’ fruttożju (g 100 g-1) |
1,33 -1,35 |
|
|
Aċidu ċitriku (mg g-1) |
2,44 -2,84 |
|
|
Qoxra tal-frotta |
Iebsa |
|
|
Żmien taż-żrigħ |
April – Mejju |
|
|
Ħajja tal-ħżin |
6 xhur |
|
|
Ġewwa tal-frotta: |
Il-parti ta’ ġewwa tal-frotta, magħrufa bħala l-laħam, hija kkaratterizzata mit-tiswira mbaċċa tagħha. Il-partijiet eqreb tal-qoxra juru lewn ħadrani, filwaqt li l-porzjonijiet ta’ ġewwa juru kulur oranġjo ċar fl-abjad. |
|
|
Togħma |
Ħelwa b’togħma ta’ fjuri tat-tilju |
|
|
Aroma tal-laħam tal-frotta |
Aroma primarja ta’ fjuri tat-tilju. Aroma sekondarja ta’ faqqiegħ u squash |
|
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika speċifikata għall-produzzjoni tal-“Kırkağaç Kavunu” huma elenkati hawn taħt:
|
— |
Għażla u akkwist taż-żerriegħa |
|
— |
Preparazzjoni tal-ħamrija |
|
— |
Tħawwil |
|
— |
Irrigazzjoni u fertilizzazzjoni |
|
— |
Manutenzjoni tal-pjanti (minbarra l-ħsad) |
|
— |
Ħsad |
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
“Il-logo tal-UE” u l-isem “Kırkağaç Kavunu” jridu jiġu stampati fuq l-imballaġġ. Jekk ma jkunux jistgħu jintużaw fuq l-imballaġġ, “Il-logo tal-UE” u l-frażi “Kırkağaç Kavunu” jridu jkunu viżibbli fiż-żona tal-bejgħ.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika għall-produzzjoni tal-“Kırkağaç Kavunu” hija t-territorju kollu tad-Distrett ta’ Kırkağaç fil-provinċja ta’ Manisa, it-Turkija.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-pjanura ta’ Kırkağaç fil-fruntieri tad-distrett. Il-pjanura ta’ Kırkağaç tinsab fil-Baċir ta’ Bakırçay, waħda mill-erba’ żoni ta’ widien li jinsabu fid-direzzjoni tal-Lvant Punent tar-Reġjun tal-Eġew, u hija l-aktar waħda fit-Tramuntana. Il-bettieħ imkabbar fil-pjanura ta’ Kırkağaç huwa identifikat b’Kırkağaç. Għalhekk, il-bettieħ ikkultivat f’din il-pjanura jissejjaħ “Kırkağaç Melon”.
Iż-żona ġeografika għall-“Kırkağaç Kavunu” hija reġjun li ilu stabbilit għall-produzzjoni tal-bettieħ. Il-produtturi tal-bettieħ ġeneralment huma negozji żgħar tal-familja. It-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-bettieħ ilha għaddejja sekli sħaħ u għadha tiġi pprattikata sal-lum. Il-“Kırkağaç Kavunu” għandu l-għeruq tiegħu fi tradizzjoni agrikola li ilha teżisti fir-reġjun u huwa assoċjat mill-qrib mal-kultura lokali.
Sa mill-1970, il-Kırkağaç Melon Festival isir kull sena bejn it-8 u s-17 ta’ Settembru, fejn jiġi ċċelebrat il-wirt kulturali u t-tradizzjoni agrikola tal-belt. Il-festival ilaqqa’ flimkien il-komunità lokali, filwaqt li jrawwem l-unità u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet. Dan iservi bħala pjattaforma għall-promozzjoni tal-bettieħ ta’ Kırkağaç fuq skala usa’, li tattira t-turisti u tagħti spinta lill-ekonomija lokali. Iż-żieda fl-influss kbir hija ta’ benefiċċju għan-negozji u l-bejjiegħa lokali filwaqt li tipprovdi wkoll opportunitajiet għall-produtturi u l-fornituri lokali. Il-festival iħeġġeġ lin-nies jingħaqdu u jieħdu gost, filwaqt li jsaħħaħ ir-rabtiet soċjali u jrawwem sens ta’ solidarjetà fil-komunità.
F’Kırkağaç, il-produtturi jimmaniġġjaw b’mod metikoluż il-ħsad u l-preservazzjoni tal-bettieħ. Kmieni filgħodu, il-“Kırkağaç Kavunu” jinqata’ bir-reqqa minn mal-pjanta bl-użu ta’ sikkina. Biex tinżamm il-kwalità tal-bettieħ, jitpoġġew fi trejlers miksijin b’kutri u saqqijiet ħoxnin f’żewġ jew tliet ringieli. Dawn it-trejlers imbagħad jiġu ttrasportati għall-ħżin mingħajr ċaqliq eċċessiv. Il-prattika tal-użu tal-kutri tad-dota biex jipproteġu l-“Kırkağaç Kavunu” matul it-trasport mill-għalqa sal-maħżen hija affaxxinanti. Din tirrifletti l-abbiltà u s-sinifikat kulturali marbutin mal-produzzjoni tal-bettieħ fir-reġjun. Bl-użu tal-kutri tad-doti, oġġetti prezzjużi li huma għal qalbhom li jissimbolizzaw ir-rabtiet familjari u l-aspirazzjonijiet futuri, biex jissalvagwardjaw il-bettieħ, il-produtturi juru sens profond ta’ kura u dedikazzjoni għall-artiġjanat tagħhom. Din it-tradizzjoni mhux biss tiżgura t-trasport sikur tal-bettieħ iżda żżid ukoll ir-rikkezza kulturali fil-proċess tal-produzzjoni.
Il-frott, maħżun f’temperatura ta’ 15°C u f’umdità relattiva ta’ 80 %, jiddendel ma’ msiemer imdaħħlin f’arbli vertikali f’żoni ta’ ħżin b’ventilazzjoni tajba u friski. Tintrabat spaga mit-tul mal-erba’ naħat tal-bettieħ, li titgeżwer madwar iz-zokk biex tifforma ċirku, li mbagħad titwaħħal mal-musmar. Dawn it-tekniki ta’ preservazzjoni jestendu l-ħajja tal-ħżin tal-frotta sa Marzu. Fit-Turkija, il-bettieħ tas-sajf tipikament jinħażen f’temperatura ta’ bejn 4-6°C b’umdità relattiva ta’ bejn 85-90 % għal bejn 10-15-il jum. Il-varjetajiet tal-bettieħ tax-xitwa jistgħu jinħażnu għal bejn 40-60 jum. Madankollu, il-“Kırkağaç Kavunu” jista’ jinħażen sa 6 xhur.
Il-“Kırkağaç Kavunu” sab żona ta’ produzzjoni adattata ħafna fil-pjanura ta’ Kırkağaç, fejn jimmatura tard u jissodisfa r-rekwiżiti nutrizzjonali.
It-togħma, l-aroma, il-kulur, il-meraq, u l-kwalitajiet rifreskanti tal-“Kırkağaç Kavunu” huma assoċjati mal-istruttura tal-ħamrija. Il-kontenut minerali, il-kwantità tal-materja organika, u l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma għandhom impatt fuq l-assorbiment tan-nutrijenti u t-tkabbir tal-bettieħ. Huwa magħruf għall-ħlewwa tiegħu. Il-bettieħ li jinkiseb mill-ħamrija tad-distrett ta’ Kırkağaç huwa differenti mill-bettieħ imkabbar f’reġjuni oħra minħabba dawn il-karatteristiċi speċifiċi. Barra minn hekk, il-bettieħ juri valuri għoljin għal kwalitajiet u meraq rifreskanti, li jsaħħu l-attrazzjoni u l-uniċità tiegħu fis-suq. Dan isaħħaħ is-sinifikat tal-prodott mhux biss f’kuntesti storiċi u kulturali iżda wkoll f’termini ta’ kwalitajiet sensorjali li jiddistingwuh.
Fil-pjanura ta’ Kırkağaç, il-bettieħ jiġi kkultivat esklussivament f’ħamrija taflija u kalkarja. L-istruttura bbilanċjata u l-arjazzjoni tal-ħamrija taflija u kalkarja jippermettu li l-materja organika tikkonverti f’nutrijenti essenzjali għat-tkabbir b’saħħtu tal-pjanti u li tissodisfa r-rekwiżiti minerali tal-bettieħ. It-tisħin gradwali tal-ħamrija minħabba l-kontenut għoli tat-tafal tagħha u r-riżervi tal-ilma disponibbli akkumulati matul ix-xhur tax-xitwa jipprovdu l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għat-tkabbir xieraq tal-pjanti tal-“Kırkağaç Kavunu” mingħajr stress idriku u għall-kundizzjonijiet meħtieġa għal ħsad tardiv. Il-ħamrija fil-pjanura ta’ Kırkağaç għandha kapaċità ta’ żamma tal-ilma ta’ bejn 65-70 cm. Il-ħamrija, li kważi ma tirċievi l-ebda xita f’Lulju u f’Awwissu, hija kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ilma tal-pjanti. Għalkemm ix-xita mhijiex regolari, l-abbiltà tal-ħamrija li taħżen l-ilma tax-xita tpatti għal din l-irregolarità.
Il-ġebla tal-ġir attiva (li tinxtorob faċilment mill-pjanta) tinġema’ fit-tessuti ċellulari u ssaħħaħhom. Għaldaqstant, din tagħti lill-bettieħa ebusija u robustezza tajba, u tagħmilha reżistenti għad-daqqiet fuq il-qoxra u għall-vitrexxenza.
Il-pjanta tal-bettieħ ma tippreferix xita u umdità għolja. Fil-pjanura ta’ Kırkağaç, ftit li xejn tagħmel xita f’Lulju u f’Awwissu. Il-bettieħ jiffjorixxi minħabba li l-ħamrija kapaċi żżomm l-ilma.
Il-“Kırkağaç Kavunu” għandu kontenut ta’ solidi solubbli (brix) li jvarja bejn 10,8 u 13,2. Matul il-fażi tal-maturazzjoni tal-frott tal-bettieħ, l-irrigazzjoni tipikament tnaqqas il-ħlewwa tal-prodott finali. Fid-distrett ta’ Kırkağaç, normalment ma jkun hemm l-ebda preċipitazzjoni f’Lulju u f’Awwissu. Il-“Kırkağaç Kavunu” jissodisfa r-rekwiżiti ta’ idratazzjoni tiegħu mill-ħamrija, attribwibbli għall-proprjetajiet uniċi tal-istruttura tal-ħamrija. F’każijiet ta’ sħana estrema matul dawn ix-xhur, jista’ jkun hemm bżonn li jissaqqa darba jew darbtejn. Studji indikaw li l-irrigazzjoni matul dan il-perjodu ma tnaqqasx il-konċentrazzjoni taz-zokkor jew l-aroma tal-“Kırkağaç Kavunu”. Din il-karatteristika tiddistingwi l-“Kırkağaç Kavunu” minn varjetajiet oħra ta’ bettieħ.
Il-pjanura ta’ Kırkağaç turi karatteristiċi mikroklimatiċi influwenzati mill-klima Mediterranja. Ix-xtiewi huma moderati u bix-xita, minħabba li l-preċipitazzjoni sseħħ l-aktar matul ix-xhur tax-xitwa. Is-sjuf, min-naħa l-oħra, huma sħan u xotti minħabba l-influwenza tal-mases tal-arja tropikali. Dan iwassal għal skarsezza tal-ilma fis-sajf u ifajd fix-xitwa. It-temperaturi medji matul ix-xitwa jvarjaw bejn il-5 u l-15°C. Mal-wasla tar-rebbiegħa, it-temp jibda jisħon b’temperaturi li jvarjaw bejn il-15 u l-25°C. Matul ix-xhur tas-sajf, it-temperaturi jogħlew aktar u tipikament ivarjaw bejn il-25 u l-35°C. Il-“Kırkağaç Kavunu” adatta għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun. Id-differenza minima bejn it-temperaturi ta’ binhar u ta’ billejl ma tippermettix li l-prodott jiġi affettwat mill-istress tat-temperatura. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi jipprovdu ambjent xieraq għall-“Kırkağaç Kavunu”.
Il-ħlewwa tal-“Kırkağaç Kavunu” hija relatata direttament mal-ammont ta’ esponiment għad-dawl tax-xemx fil-pjanura ta’ Kırkağaç fejn jiġi kkultivat. Ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu, li matulhom jiżviluppa l-frott, għandhom l-ogħla għadd ta’ jiem xemxin. Dan il-livell għoli ta’ esponiment jiżgura l-ħlewwa tal-“Kırkağaç Kavunu”.
|
|
Xahar |
|||
|
Kriterji |
Mejju |
Ġunju |
Lulju |
Awwissu |
|
Għadd ta’ jiem xemxin |
14,8 |
22,2 |
24,3 |
24,1 |
|
Għadd ta’ jiem ta’ xita |
5,7 |
2,7 |
0,7 |
0,6 |
|
Ammont ta’ xita (mm) |
24,7 |
12,3 |
3,7 |
3,6 |
Il-mikroklima unika, ikkaratterizzata minn temperaturi medji konsistentement għoljin matul is-sena, flimkien mal-preżenza ta’ ħamrija taflija u tal-ġir, tippermetti l-produzzjoni ta’ bettieħ ta’ kwalità għolja. Dan il-bettieħ huwa magħruf għall-ħlewwa eċċezzjonali tiegħu, l-aroma qawwija tiegħu u l-kwalitajiet tat-togħma stabbiliti sew. Għandu konsistenza soda iżda huwa inkredibbilment immerraq u jinħall fil-ħalq.
Il-kundizzjonijiet tar-riħ fid-distrett ta’ Kırkağaç huma ġeneralment deskritti bħala ġentili u ħfief. Minħabba li jinsab aktar ’il ġewwa fuq l-art meta mqabbel maż-żoni kostali, huwa inqas affettwat mill-influwenza tal-baħar. B’riżultat ta’ dan, l-irjieħ f’Kırkağaç ġeneralment ikunu ħfief u ma jilħqux veloċitajiet għoljin. L-irjieħ Meltem normalment jinħassu matul ix-xhur tas-sajf, speċjalment waranofsinhar u filgħaxija. Dawn l-irjieħ għandhom effett ta’ tkessiħ u temperaturi kemxejn aktar baxxi. Dan il-profil tar-riħ jikkontribwixxi għaż-żieda fil-ħlewwa tal-frotta tal-“Kırkağaç Kavunu” filwaqt li jipprovdi protezzjoni kontra l-effetti ta’ ħsara kkawżati minn temperaturi għoljin u stress idriku. Għalhekk, il-frott ikompli jiżviluppa b’mod parallel mal-iżvilupp tat-togħma tal-“Kırkağaç Kavunu”. Pereżempju, il-wiċċ ta’ barra tal-bettieħ jista’ jinqasam f’temperaturi għoljin, iżda l-“Kırkağaç Kavunu” mkabbar fiż-żona tiegħu ma jinqasamx, u l-piż ta’ bettieħa waħda jista’ jilħaq bejn il-ħames u s-sitt kilogrammi.
Il-“Kırkağaç Kavunu” huwa bettieħ magħruf għall-aroma intensa tiegħu u għat-togħma ħelwa ħafna tiegħu. L-aroma dominanti tiegħu hija deskritta bħala riħa tal-fjuri tat-tilju, b’aromi sekondarji tal-faqqiegħ u tal-isquash. Il-kontenut totali taz-zokkor fil-“Kırkağaç Kavunu” jvarja minn 6,14 sa 6,19 (g 100 g-1). Il-kontenut tas-sukrożju huwa bejn 3,55 u 4,06 (g 100 g-1), filwaqt li l-kontenut tal-fruttożju fil-frotta huwa ta’ 1,33-1,35 (g 100 g-1). Il-kontenut tal-aċidu ċitriku fil-“Kırkağac Kavunu” huwa ta’ 2,44-2,84 mg g-1. L-aċidu ċitriku jagħti togħma kemxejn aċiduża lill-bettieħ. Meta mqabbel ma’ varjetajiet oħra ta’ bettieħ, il-“Kırkağac Kavunu” għandu ammont ogħla ta’ aċidu ċitriku. L-aċidu ċitriku jtejjeb it-togħma pjaċevoli u rifreskanti tal-bettieħ, u jżid togħma karatteristika lil frotta. Dan jirriżulta f’“Kırkağac Kavunu” mhux ħelu wisq meta jiġi kkunsmat minkejja l-kontenut għoli ta’ zokkor tiegħu. Barra minn hekk, il-kontenut għoli ta’ aċidu ċitriku jikkontribwixxi għad-durabbiltà tal-bettieħ.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Il-Bullettin elettroniku Uffiċjali tal-Uffiċċju Tork tal-Privattivi u t-Trademarks Nru: 107 tat-12 ta’ Jannar 2009, il-paġna -”. (https://ci.turkpatent.gov.tr/Files/GeographicalSigns/107.pdf)
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1823/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)